Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52011AE1375

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Reviżjoni tal- ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” COM(2011) 78 finali

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/51


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”

    COM(2011) 78 finali

    2011/C 376/09

    Relatur: is-Sur LANNOO

    Nhar it-23 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa

    COM(2011) 78 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2011.

    Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'155 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jinsab sodisfatt li s-Small Business Act (SBA) rivedut jinkludi għadd kbir ta’ miżuri li ppropona hu. Huwa jirrikonoxxi l-fatt li l-SMEs (1) u l-mikrointrapriżi ilhom diversi snin jiġu kkunsidrati b'mod aktar wiesa' fit-tfassil tat-testijiet tal-UE. Jinsab ukoll konxju tal-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri sabiex il-ħtiġijiet ta’ dawn l-intrapriżi jiġu kkunsidrati b'mod aktar effikaċi. L-SBA jirrappreżenta bidla importanti fil-mentalitajiet Ewropej, billi jagħżel li tiġi żviluppata l-governanza bi sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi.

    1.2   L-SBA għall-Ewropa rivedut huwa stadju determinanti fir-rikonoxximent politiku tal-SMEs u l-aktar dak tal-mikrointrapriżi. L-ewwel nett, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill kif ukoll lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex iqiegħdu l-prinċipju fundamentali tiegħu “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” fil-qalba tad-deċiżjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Jirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jadottawh bħala l-bażi tal-politiki tagħhom favur l-SMEs kif ukoll tal-politiki ekonomiċi u industrijali tagħhom. Fl-aħħar nett, iqis li l-SBA għandu jieħu forma aktar vinkolanti, b'mod speċjali għall-istituzzjonijiet tal-UE.

    1.3   L-SBA rivedut jikkonferma l-importanza dejjem tikber li qed tingħata lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-SBA u tal-prinċipju tiegħu “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” hija varjabbli jew saħansitra ineżistenti f'ċerti Stati Membri. Dan jgħodd ukoll fil-qafas tal-proċess leġislattiv u deċiżjonali tal-UE.

    1.4   Il-KESE jqis li l-ħatra ta’ Rappreżentanti nazzjonali tal-SMEs (SME Envoys) għandha tgħin lill-Istati Membri japplikaw l-SBA. Il-KESE jirrakkomanda wkoll il-ħatra ta’ Rappreżentanti tal-SMEs fil-livell reġjonali.

    1.5   Il-KESE huwa kuntent bil-proposti tal-abbozz ta’ qafas finanzjarju multiannwali maħsub biex joħloq programm ta’ “Kompetittività għall-SMEs” kif ukoll miżuri favur l-SMEs fl-aktar programmi importanti ta’ wara l-2013. Madankollu, jinnota li l-Kummissjoni, b'mod partikolari d-DĠ Intrapriża, m'għandhiex biżżejjed riżorsi umani biex tiżgura li l-SBA jiġi applikat b'mod effikaċi. Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jadottaw programm ta’ “Kompetittività għall-SMEs” li jkun immirat b'mod partikolari lejn l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi u jistedinhom jallokaw ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa.

    1.6   L-istadju li jmiss imbagħad ikun “Aġixxi l-ewwel għaż-żgħir”. L-SBA ma jistax ikollu s-suċċess mixtieq mingħajr ma tiġi stabbilita “governanza bi sħubija ġenwina b'diversi atturi u f'diversi livelli”. Hemm bżonn li jiġi ggarantit li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali kif ukoll l-atturi pubbliċi u privati rappreżentattivi kollha jiġu involuti fid-diskussjonijiet politiċi u fil-proċess leġislattiv sa mill-bidu nett. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kategoriji differenti ta’ SMEs jieħdu sehem b'mod effettiv fil-proċess leġislattiv u deċiżjonali fil-livelli kollha.

    1.7   Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tniedi mingħajr dewmien kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw il-kategoriji differenti ta’ SMEs sabiex jiġu definiti l-miżuri operattivi li għandhom jittieħdu bi prijorità. Huwa neċessarju li l-KESE jistimola din il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali fl-Istati Membri u fir-reġjuni.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1   L-approċċ lejn ir-realtajiet tal-SMEs għadu ġenerali wisq

    2.1.1   L-islogan “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” jiġi dejjem interpretat bħala “Aħseb l-ewwel fl-SMEs”, meta 92 % tal-intrapriżi huma mikrointrapriżi li joperaw fi swieq diversi ħafna. Għalhekk, dawn huma impjegaturi importanti li għandhom ikunu l-mira privileġġjata tal-SBA u tal-politiki tal-UE. Madankollu, dawn il-mikrointrapriżi jiffaċċjaw aktar diffikultajiet biex japplikaw il-politiki u l-miżuri leġislattivi Ewropej u b'hekk jistħoqqilhom jingħataw aktar attenzjoni kif ukoll approċċ adattat u ssemplifikat.

    2.1.2   Il-miżuri li jirriżultaw mill-SBA għandhom jikkunsidraw ir-realtajiet tal-intrapriżi ż-żgħar, bħall-versatilità tad-diretturi fil-kompiti li jwettqu, it-trasferiment tal-ħiliet u l-fatt li dawn l-intrapriżi huma msejsa f'ambjent lokali. Għandu jitqies ukoll li biex jikkonformaw mal-ħafna dispożizzjonijiet Komunitarji l-SMEs jiddependu minn għadd ta’ persuni limitat ħafna, għall-kuntrarju tal-intrapriżi l-kbar li għandhom ħafna persuni speċjalizzati fis-servizzi tagħhom.

    2.1.3   Ir-reviżjoni tal-SBA tafferma li r-realtajiet tal-kategoriji differenti ta’ SMEs għandhom jiġu kkunsidrati, skont id-daqs tagħhom, il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u l-istruttura tagħhom (il-produzzjoni, il-kummerċ, il-professjonijiet liberali, eċċ) kif ukoll il-mod kif jaħdmu skont is-swieq. Il-KESE jaħseb li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-intrapriżi tal-familja u l-intrapriżi individwali kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali u reġjonali. Huwa jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri regolamentari, amministrattivi, fiskali u ta’ taħriġ immirati lejhom.

    2.1.4   Madankollu, peress li l-valutazzjonijiet ta’ impatt għalissa għadhom immirati lejn l-SMEs b'mod ġenerali, huwa diffiċli li jinkiseb tagħrif preċiż dwar l-effetti, ir-restrizzjonijiet u l-benefiċċji tal-politiki u l-programmi tal-UE speċifiċi għal kull waħda minn dawn il-kategoriji. Sabiex dawn in-nuqqasijiet jingħelbu, it-twettiq ta’ analiżijiet u ta’ studji mmirati dwar dawn il-kategoriji differenti għandu jsir prijorità fil-programmi kollha tal-UE.

    2.1.5   Il-politiki u l-programmi Ewropej, kif ukoll l-azzjonijiet tal-SBA, għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp tal-kompetittività tal-intrapriżi kollha, mhux biss ta’ dawk li għandhom potenzjal qawwi. Jeħtieġ ukoll li tingħata għajnuna lil dawk il-95 % ta’ intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi li joperaw fi swieq lokali u li, irrispettivament mid-daqs tagħhom, joffru huma wkoll opportunitajiet kbar ta’ żvilupp u ta’ impjiegi ġodda fil-livell tagħhom. Madankollu, il-metodi statistiċi attwali bbażati fuq il-livell tal-fatturat (turnover) jipperikolaw ir-rwol soċjali u kulturali li jaqdu dawn l-intrapriżi ż-żgħar, l-iżjed fil-livell reġjonali u lokali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkkunsidra dan fl-analiżijiet tagħha u toħloq l-indikaturi rilevanti meħtieġa.

    2.1.6   Il-KESE jinsab kuntent li l-SBA jsemmi d-dimensjoni internazzjonali tal-SMEs. Madankollu, jenfasizza li, għall-biċċa l-kbira tal-intrapriżi ż-żgħar, l-internazzjonalizzazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija konsegwenza tal-iżvilupp tagħhom u mhux għan fih innifsu. L-Unjoni Ewropea għandha takkumpanjahom fl-attivitajiet tagħhom b'mod aktar attiv, b'mod partikolari billi tappoġġja l-inizjattivi fl-Istati Membri u billi tniedi mill-ġdid il-programmi ta’ kooperazzjoni INTERPRISE.

    2.2   Il-politiki l-kbar tal-UE jikkunsidrawh tassew l-SBA?

    2.2.1   Minkejja xi referenzi f'xi testijiet speċifiċi, bħall-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin differenti tagħha, l-SBA u l-prinċipji tiegħu ma jiġux ikkunsidrati tassew fit-tfassil tal-politiki l-kbar tal-UE. L-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi donnu għadhom jiġu mwarrbin jew sottovalutati waqt il-proċess leġislattiv. L-eżempji li ġejjin jikkonfermaw din l-affermazzjoni.

    2.2.2   Fil-qafas tal-politika tal-innovazzjoni, il-prijorità tingħata lill-intrapriżi bi tkabbir qawwi. Din il-viżjoni ristretta ma tikkorrispondix mar-realtà tal-innovazzjoni fi ħdan l-intrapriżi ż-żgħar, li għandhom bżonn jiksbu servizzi ta’ akkumpanjament u għodod adattati għall-ispeċifiċitajiet tagħhom. Dan jgħodd ukoll għall-politika tal-enerġija. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-politika tal-enerġija, l-SMEs u l-mikrointrapriżi (2), il-KESE enfasizza li din il-politika, li hija essenzjali għall-ġejjieni tal-UE, qatt ma daħlet fil-kwistjoni tal-implimentazzjoni tagħha fl-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi. Fl-aħħar nett, il-valutazzjonijiet ta’ impatt li jikkonċernaw il-miżuri mmirati lejn it-twettiq tas-suq intern ma jikkunsidrawx biżżejjed ir-realtà tal-intrapriżi ż-żgħar u l-problemi li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom fil-kummerċ transkonfinali jew fl-attivitajiet lokali tagħhom u f'dawk ibbażati fuq il-qrubija.

    2.2.3   Il-KESE jitlob li l-proposti politiċi kollha marbuta mal-prijoritajiet tal-UE jieħdu l-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” bħala l-punt tat-tluq tagħhom. Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jikkunsidraw l-interessi tal-intrapriżi ż-żgħar u tal-mikrointrapriżi waqt l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija UE 2020 u dawk tal-Att dwar is-Suq Uniku.

    2.2.4   F'dan ir-rigward, il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnax-il xprun bħala stimolu għas-suq uniku titlob li, bħala l-ewwel inizjattiva ewlenija, jiddaħħlu dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-kapital ta’ riskju; b'hekk tiġi indirizzata l-iktar problema urġenti li qed jiffaċċjaw l-SMEs: il-finanzjament. Il-Kumitat jitlob li din l-inizjattiva ewlenija ma titfassalx b'mod iżolat, iżda li tiġi komplementata b'dispożizzjonijiet oħra inklużi fil-qafas tar-reviżjoni tas-Small Business Act.

    2.3   Elementi nieqsa mill-SBA: l-akkumpanjament tal-intrapriżi ż-żgħar u r-rwol tal-organizzazzjonijiet intermedji

    2.3.1   L-SBA jsemmi l-bżonn tal-akkumpanjament għall-intrapriżi ż-żgħar. Il-KESE spiss insista fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ konsulenza għall-intrapriżi ż-żgħar, permezz ta’ servizzi adattati, mogħtija f'forom differenti mill-organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati. Huwa jisħaq ukoll fuq ir-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, intermedjarji bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u l-intrapriżi, li jaqdu rwol ta’ konsulenza minn naħa lejn l-intrapriżi u min-naħa l-oħra lejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi.

    2.3.2   Il-KESE jqis li l-appoġġ għal dan l-akkumpanjament mill-forom differenti ta’ SMEs u t-titjib tad-djalogu bejn l-SMEs u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, fil-livelli kollha, huma tnejn mill-fatturi ewlenin tal-kompetittività tal-intrapriżi ż-żgħar. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn l-organizzazzjonijiet huma l-uniċi li jintervjenu direttament f'kull intrapriża, b'mod individwalizzat u adattat għall-ħtiġijiet partikolari. Huwa permezz tagħhom li l-miżuri leġislattivi jistgħu jiġu applikati mill-iżgħar intrapriżi, li l-intrapriżi jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjamenti, speċjalment dawk tal-UE, u li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi jistgħu jsiru jafu x'inhuma l-ħtiġijiet ġenwini tagħhom sabiex jadattaw il-politiki tagħhom.

    2.3.3   Għalhekk, il-KESE jitlob:

    li l-programmi tal-UE jkunu aċċessibbli aktar faċilment għal dawn l-organizzazzjonijiet ta’ SMEs sabiex ikunu jistgħu jwettqu azzjonijiet kollettivi;

    li l-leġislazzjoni Ewropea tipprevedi mezzi ta’ għajnuna teknika li jippermettulhom iwettqu azzjonijiet ta’ informazzjoni, ta’ akkumpanjament u ta’ taħriġ;

    li r-rwol tagħhom bħala punt ta’ waqfa waħda (one-stop shop) jiġi vvalutat u msaħħaħ, b'mod partikolari fil-qasam tal-informazzjoni, tal-proċess ta’ konformità u ta’ aċċess għall-programmi Ewropej.

    2.3.4   Fil-kuntest ta’ restrizzjonijiet baġitarji u minħabba l-ħtieġa li l-mezzi qed jiġu kkonċentrati fuq il-prijoritajiet, il-KESE jqis li l-appoġġ għall-konsulenza, għall-akkumpanjament, għall-informazzjoni u għat-taħriġ tal-SMEs, b'mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, huwa wieħed mill-prijoritajiet essenzjali. Huwa jitlob li l-programmi tal-UE jippromovu dan l-appoġġ u jagħtu l-appoġġ kollu neċessarju lill-organizzazzjonijiet intermedji li jirrappreżentaw il-kategoriji kollha ta’ SMEs.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1   L-aċċess għall-finanzi

    3.1.1   Minn mindu l-kriżi ekonomika ggravat, l-aċċess tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għall-finanzi qed isir dejjem iktar diffiċli. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-organizzazzjonijiet li jipprovdu lill-SMEs garanziji għall-overdrafts u l-kontrogaranzji saru kruċjali. Il-KESE jittama li l-Kummissjoni Ewropea ser tirrikonoxxi r-rwol importanti li jaqdu dawn l-organizzazzjonijiet bħala għodda fundamentali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-mikrointrapriżi u l-SMEs għall-finanzi.

    3.1.2   L-istrumenti finanzjarji tal-UE għandhom jindirizzaw lill-SMEs kollha, inklużi l-iżgħar fosthom. Il-KESE jitlob it-tisħiħ tal-mekkaniżmi “ta' garanzija” sabiex ikomplu jindirizzaw lill-attivitajiet kollha tal-SMEs. Dan jikkonċerna b'mod speċjali lill -“Garanzija għall-SMEs”, li diġà tat xhieda tas-siwi tagħha u li għandha ssir l-ewwel pilastru tal-programm ta’ azzjoni dwar l-SMEs wara l-2013. Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-organizzazzjonijiet finanzjarji mhux bankarji, bħall-organizzazzjonijiet ta’ garanzija mutwa, għal dawn l-istrumenti finanzjarji.

    3.1.3   Il-KESE jqis li l-miżuri tal-Kumitat ta’ Basel (Basel III) ser jippermettu l-konsolidazzjoni meħtieġa tal-prattiki bankarji. Madankollu, jinsab preokkupat dwar l-impatt tagħhom li għandu mnejn jostakola l-aċċess tal-intrapriżi ż-żgħar għall-finanzjament bankarju u b'hekk inaqqas bil-kbir ir-riżorsi finanzjarji tal-SMEs u tal-ekonomija reali b'mod ġenerali. Huwa jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari fil-qafas tar-regolamentazzjoni futura dwar l-adegwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta’ Kapital (CRD IV), sabiex jiżguraw li l-esiġenzi l-ġodda fir-rigward tal-banek ma jkollhom l-ebda konsegwenza fuq il-finanzjament tal-SMEs. Il-KESE jitlob li jiġu adottati miżuri li jippermettu lill-banek, speċjalment il-banek lokali u l-banek mutwi, kif ukoll l-istabbilimenti finanzjarji li joffru servizzi ta’ garanzija finanzjarja, li jkomplu jaqdu l-missjoni tagħhom ta’ finanzjament tal-ekonomija reali.

    3.1.4   Il-formuli differenti ta’ kapital ta’ riskju jistgħu jkunu interessanti għall-intrapriżi, u fost affarijiet oħrajn anke innovattivi, jekk ikunu adattati għall-ħtiġijiet u r-realtajiet speċifiċi tagħhom. L-Unjoni Ewropea għandha tiffaċilita suq ta’ kapital ta’ riskju li jiffunzjona mingħajr xkiel. Madankollu, dawn il-formuli ma jistgħux jieħdu post strumenti oħra bħall-garanzija. L-intrapriżi ż-żgħar għandu jkollhom l-għażla tal-aktar strumenti adatti.

    3.2   Lejn regolamentazzjoni intelliġenti

    3.2.1   Il-KESE jenfasizza l-iżvilupp partikolarment pożittiv li tirrappreżenta l-integrazzjoni tat-Testijiet tal-SMEs fil-valutazzjonijiet tal-impatt, li saru jinkludu l-effetti soċjali u ambjentali. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ dawn it-testijiet billi ġġegħilhom jinkludu dejjem aktar lill-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi. Apparti l-bżonn li jsiru analiżijiet u testijiet minn korpi totalment indipendenti, il-KESE jitlob li l-organizzazzjonijiet tal-SMEs jiġu kkonsultati fit-tħejjija tal-analiżijiet u li jibbenefikaw minn “dritt għal risposta” qabel ma tinħareġ il-pubblikazzjoni finali.

    3.2.2   Bit-tama li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-SMEs, il-KESE jipproponi li l-prinċipju “Darba biss” (“Only once”) jiġi integrat mal-prinċipju “One in one out”, li jistabbilixxi li l-introduzzjoni ta’ piżijiet amministrattivi ġodda tmur id f'id mat-tneħħija tal-piżijiet li diġà jeżistu. Dan il-prinċipju għandu jiġi applikat kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak lokali.

    3.2.3   Ir-rieda tal-SBA rivedut li japplika l-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u l-prinċipju “Darba biss” b'mod aktar effikaċi hija ta’ min ifaħħarha. Issa l-problema tinsab fl-applikazzjoni effettiva tiegħu fil-livell nazzjonali u fi ħdan id-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-KESE jagħti importanza partikolari:

    lit-twettiq ta’ valutazzjonijiet ta’ impatt ta’ kwalità li jikkunsidraw l-eteroġeneità tal-popolazzjoni tal-SMEs, u li jagħmlu dan b'mod indipendenti;

    lir-rwol tar-Rappreżentant tal-SMEs tal-Kummissjoni, interfaċċja bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-dinja tal-SMEs, li għandu jeżamina l-politiki kollha li jafu jolqtu lill-intrapriżi ż-żgħar, iwassal l-opinjoni tagħhom u, fejn ikun meħtieġ, imur kontra xi deċiżjonijiet li ma jkunux vantaġġużi għalihom.

    3.2.4   Għandha tingħata prijorità lill-proporzjonalità fl-implimentazzjoni tal-miżuri sabiex l-intrapriżi ż-żgħar ma jkollhomx għalfejn iwettqu formalitajiet li mhumiex assolutament neċessarji. Jekk dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni japplikaw b'mod rigoruż il-prinċipju fundamentali “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, li ħadu impenn lejh, ma jkollhomx għalfejn jiġu previsti eżenzjonijiet.

    3.2.5   Ir-rikonoxximent tad-differenzi bejn il-mikrointrapriżi mhux bilfors iwassal għall-ġeneralizzazzjoni tal-eżenzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar minn ċerti formalitajiet. Jekk dawn l-eżenzjonijiet jirriżultaw neċessarji, għandhom jiġu nnegozjati mar-rappreżentanti tal-intrapriżi kkonċernati. Fil-każ kuntrarju, ikun hemm riskju li tirriżulta klassifikazzjoni negattiva bejn intrapriżi li japplikaw il-leġislazzjoni u dawk li ma japplikawhiex.

    3.2.6   Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda:

    li l-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u l-prinċipju “Darba biss” jiġu applikati fl-aspetti kollha tal-Istrateġija UE 2020;

    li l-leġislazzjoni titfassal sa mill-bidu nett bi sħubija mar-rappreżentanti tal-intrapriżi ż-żgħar ikkonċernati;

    li waqt l-implimentazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni l-prinċipju tal-proporzjonalità jiġi applikat b'mod sistematiku;

    li waqt it-traspożizzjoni jew l-applikazzjoni tat-testijiet tiġi evitata r-regolamentazzjoni nazzjonali u reġjonali żejda;

    li r-Rappreżentant tal-SMEs tal-Kummissjoni jiġi involut fil-ħidma tal-Kumitat għall-Valutazzjonijiet tal-Impatt inkarigat sabiex jivverifika l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt.

    3.3   Aċċess għall-kuntratti pubbliċi

    3.3.1   L-SBA jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-kuntratti pubbliċi. Sabiex dawn jitħeġġu jieħdu sehem fil-kuntratti pubbliċi, mhuwiex biżżejjed li jiġu ssemplifikati l-proċeduri iżda jeħtieġ ukoll li jinħolqu politiki vantaġġużi għall-SMEs fl-Istati Membri, u għalissa dan huwa l-każ f'uħud mill-Istati Membri biss.

    3.3.2   Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn urġenti li l-“Kodiċi Ewropea ta’ prattiki tajbin” (3) dwar il-kuntratti pubbliċi tiġi stabbilita kompletament. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politiki vantaġġużi biex jiġi ffaċilitat aċċess aktar effikaċi tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi għall-kuntratti pubbliċi.

    3.4   L-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi

    3.4.1   L-intrapriżi ż-żgħar jippreżentaw mod partikolari ta’ relazzjoni soċjali fi ħdan l-intrapriża u għandhom bżonn partikolarment kbir ta’ ħaddiema kwalifikati. Barra minn hekk, il-KESE jirrikonoxxi li l-impjegati jaqdu rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-SMEs għax jistgħu jkunu sors ta’ innovazzjoni u jikkondividu l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-intrapriża. Ifakkar li l-intrapriżi ż-żgħar huma postijiet privileġġjati ta’ tagħlim u ta’ taħriġ vokazzjonali u li jaqdu rwol ċentrali għall-ksib tal-ħiliet u l-promozzjoni tal-għarfien.

    3.4.2   Il-KESE jiddispjaċih li l-SBA jibqa' kważi sieket għalkollox dwar il-problemi relatati mas-suq tax-xogħol u tal-impjieg kif ukoll il-kwistjoni tal-ħiliet tal-impjegati u d-diretturi tal-intrapriżi, meta dawn il-problemi jolqtu l-kapaċità ta’ żvilupp tagħhom u l-potenzjal tagħhom li joħolqu impjiegi ġodda.

    3.4.3   Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ l-intraprenditorija tan-nisa u jirrakkomanda li jinqasmu gwidi tal-prattiki tajbin li jinkludu l-inizjattivi adottati mill-Istati Membri kif ukoll dawk tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

    4.   X'jista' jsir biex jiġi żgurat li l-SBA u l-prijoritajiet tiegħu jiġu kkunsidrati?

    4.1   Tiġi żgurata l-governanza bi sħubija: ir-regola tal-governanza b'diversi atturi u f'diversi livelli

    4.1.1   Il-Komunikazzjoni ssostni li governanza b'saħħitha hija essenzjali u li l-miżuri prijoritarji l-kbar tal-SBA “jistgħu jħallu impatt biss jekk ikunu bbażati fuq tmexxija soda tal-SMEs”. Il-politiki, il-programmi u l-leġislazzjoni tal-UE jistgħu biss jkunu effikaċi jekk jitfasslu u jiġu implimentati flimkien mal-organizzazzjonijiet intermedji rappreżentattivi fil-livelli kollha. Waħda mill-prijoritajiet essenzjali tal-SBA rivedut għandha tkun li jiggarantixxi din is-sħubija fil-proċess leġislattiv u/jew deċiżjonali fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

    4.1.2   Il-KESE jqis li l-panels riveduti tal-SMEs fil-kuntest tal-Enterprise Europe Network jistgħu jkunu sorsi eċċellenti ta’ informazzjoni, iżda ma jiħdux post l-esperjenza u l-ħila tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs. Madankollu, il-proposta għal programm ta’ “Kompetittività għall-SMEs” tal-qafas finanzjarju multiannwali ma tipprevedix miżuri għal dawn l-organizzazzjonijiet u tenfasizza biss l-Enterprise Europe Network, meta b'xorti ħażina l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kategoriji differenti tal-SMEs mhumiex ilkoll assoċjati magħha f'diversi Stati Membri. In-netwerk għandu jkun soġġett għal valutazzjoni fil-fond u għandhom jittejbu l-metodoloġija u r-regoli ta’ funzjonament tiegħu sabiex dan jippermetti l-parteċipazzjoni aħjar tal-organizzazzjonijiet tal-kategoriji differenti ta’ SMEs li jeżistu fl-Istati Membri.

    4.2   Transizzjoni minn “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” għal “Aġixxi l-ewwel għaż-żgħir”

    4.2.1   Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex:

    jikkoordinaw bejniethom biex iġiegħlu lil xulxin jintegraw l-SBA u l-prinċipju tiegħu “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” fid-deċiżjonijiet tagħhom f'forma aktar vinkolanti, u b'hekk iħeġġu lill-awtoritajiet nazzjonali u dawk lokali u reġjonali jaġixxu bl-istess mod;

    jintroduċu prinċipju ta’ prekawzjoni, taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Ewropew tal-SMEs, fuq il-mudell tas-sistema ta’ “Office of advocacy” li jeżisti fl-SBA Amerikan;. din is-sistema tiggarantixxi li l-leġislazzjoni kollha li tolqot lill-intrapriżi ż-żgħar ma tmurx kontra l-interessi tagħhom.

    4.3   B'liema mezzi?

    4.3.1   Is-suċċess tal-SBA rivedut u l-effikaċja tiegħu ser jiddependu mir-riżorsi umani u finanzjarji li ser jiġu allokati għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-KESE jinsab sodisfatt bil-proposta għall-programm ta’ “Kompetittività għall-SMEs” il-ġdid, li għandu jkollu l-prijoritajiet li ġejjin:

    is-segwitu u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-SBA fil-programmi u l-leġislazzjoni kollha tal-UE kif ukoll f'dawk tal-Istati Membri;

    l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ “advocacy unit” sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-valutazzjonijiet ta’ impatt billi jiġu eżaminati l-effetti potenzjali tal-leġislazzjoni futura fuq l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi;

    il-ħolqien ta’ strumenti ta’ kompetittività, standardizzazzjoni, informazzjoni u kooperazzjoni, imfasslin skont il-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir”;

    l-aċċess għal strumenti finanzjarji ddedikati għall-iżvilupp tal-SMEs, b'mod partikolari l-“Garanzija għall-SMEs”;

    l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ akkumpanjament u konsulenza tal-organizzazzjonijiet ta’ SMEs u t-tisħiħ tal-governanza bbażata fuq is-sħubija mal-organizzazzjonijet rappreżentattivi;

    l-analiżi statistika u ekonomika tal-kategoriji differenti ta’ SMEs b'kunsiderazzjoni tal-eteroġeneità tagħhom, it-twettiq ta’ studji u riċerka mmirati lejn dawn l-intrapriżi kif ukoll it-tixrid tal-prattiki tajbin tal-Istati Membri u r-reġjuni favur l-SMEs.

    4.3.2   Il-KESE jinsab imħasseb dwar in-numru ristrett ta’ persuni li jaħdmu fuq l-SMEs u l-SBA bħalissa fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Għalhekk, għandhom jiġu allokati biżżejjed riżorsi umani li jikkorrispondu mal-ambizzjonijiet tal-SBA, speċjalment fid-DĠ Intrapriża, għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm għall-SMEs u b'mod partikolari għall-monitoraġġ tiegħu.

    4.3.3   Il-KESE jinsab kuntent bil-ħolqien ta’ Rappreżentanti tal-SMEs fil-livell nazzjonali li għandhom il-missjoni li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-SBA fl-Istati Membri u li jiżguraw li leħen l-SMEs u l-mikrointrapriżi jinstema' fil-politiki u l-leġislazzjoni nazzjonali. Madankollu, jemmen li l-effikaċja tal-mekkaniżmu ser tiddependi mill-kapaċità tar-Rappreżentant tal-SMEs li jinfluwenza l-għażliet politiċi u l-leġislazzjonijiet nazzjonali kif ukoll mill-kwalità tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet differenti tal-SMEs.

    4.3.4   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-grupp konsultattiv bħala ċentru ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ SMEs. Dan il-grupp konsultattiv jista' jservi bħala pjattaforma ta’ kooperazzjoni dwar il-proposti leġislattivi u l-programmi operattivi tad-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi. Jinsab kuntent bl-approċċ ta’ bosta reġjuni li ħatru Rappreżentanti reġjonali tal-SMEs u jitlob li jitħeġġu inizjattivi bħal dawn.

    5.   Miżuri politiċi

    5.1   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex kull sena tippreżentalu stampa ċara tas-sitwazzjoni li:

    tenfasizza l-implimentazzjoni tal-SBA fi ħdan is-servizzi tagħha, fl-Istati Membri u fir-reġjuni;

    tanalizza kemm il-prinċipji tal-SBA qed jiġu kkunsidrati fit-testijiet tal-UE adottati mill-Parlament u mill-Kunsill;

    tagħti wkoll ħarsa lejn is-sitwazzjoni u l-progress miksub quddiem il-grupp konsultattiv.

    Dan ir-rapport għandu wkoll jiġi ppreżentat lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    5.2   Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob lill-Kunsill biex kull sena jwaqqaf kunsill għall-Kompetittività speċjali għall-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-SBA.

    5.3   Abbażi tal-prinċipju tas-Summit Tripartitiku Soċjali għat-Tkabbir u x-Xogħol, li twaqqaf mill-Kunsill fis-6 ta’ Marzu 2003, il-KESE jipproponi li l-Kunsill jistabbilixxi djalogu ekonomiku li jsir darbtejn fis-sena matul il-Kunsill Kompetittività. Dan id-djalogu jista' jiġbor flimkien lir-rappreżentanti Ewropej, lill-SMEs, lill-ministri tal-industrija u lill-SMEs tat-Trojka, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-KESE bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili, bil-għan li r-Rappreżentanti tal-SMEs u l-isfera politika jiġu involuti fl-ogħla livell biex jgħinu lill-SMEs jimplimentaw l-Istrateġija Ewropa 2020.

    Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Rakkomandazzjoni 2003/361 tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ SME, ĠU L 124/36, 20.05.2003 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (2)  ĠU C 44, 11.02.2011, p. 118.

    (3)  http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/docs/sme_code_of_best_practices_en.pdf


    ANNESS

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    L-emenda li ġejja, li ġabret iktar minn kwart tal-voti, ġiet irrifjutata matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    Punt 1.7 (ġdid)

    Żid punt ġdid wara punt 1.6:

    1.7 Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jistabbilixxu prinċipju ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ ‘office of advocacy’ li tiggarantixxi li l-liġijiet Ewropej li jolqtu lill-SMEs ma jmorrux kontra l-interess tagħhom u li dawn il-liġijiet iqisu b'mod prattiku r-realtajiet tal-SMEs.”

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Voti favur

    :

    57

    Voti kontra

    :

    66

    Astensjonijiet

    :

    36


    Fuq