Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XX0401(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prekursuri għall-isplussivi

ĠU C 101, 1.4.2011, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 101/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prekursuri għall-isplussivi

2011/C 101/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2),

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-20 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Regolament dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prekursuri għall-isplussivi (3) (“il-Proposta”). Fil-11 ta’ Novembru 2010, il-Proposta kif adottata mill-Kummissjoni ntbagħtet lill-KEPD għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li huwa kkonsultat mill-Kummissjoni u li saret referenza għal din il-konsultazzjoni fil-premessi tal-Proposta.

2.

L-għan ewlieni tal-miżuri proposti huwa li jitnaqqas ir-riskju tal-attakki minn terroristi jew kriminali oħrajn bl-użu ta’ apparat splussiv magħmul id-dar. Għal dan il-għan, ir-Regolament jillimita l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal ċerti sustanzi kimiċi, li jistgħu jintużaw ħażin bħala prekursuri għall-isplussivi magħmula d-dar. Minbarra dan, il-Proposta tpoġġi l-bejgħ ta’ tali sustanzi kimiċi taħt kontroll aktar strett permezz tar-rappurtar ta’ serq u tranżazzjonijiet suspettużi.

3.

F’din l-opinjoni l-KEPD qed jiġbed l-attenzjoni tal-leġiżlaturi dwar għadd ta’ kwistjonijiet relevanti għall-protezzjoni tad-data u jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex jiżgura d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali.

II.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA U L-KWISTJONIJIET RELEVANTI TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA

1.   Miżuri proposti mill-Kummissjoni

4.

Il-Proposta tindirizza l-problemi tal-użu ħażin ta’ ċerti sustanzi perikolużi, li huma disponibbli b’mod wiesa’ għall-pubbliku ġenerali fis-suq, bħala prekursuri għall-isplussivi magħmula d-dar. L-Artikoli 4 u 5 tal-Proposta jittrattaw il-projbizzjoni tal-bejgħ lill-pubbliku ġenerali, li hija kkombinata ma’ skema ta’ liċenzjar u ħtieġa li jiġu rreġistrati t-tranżazzjonijiet kollha liċenzjati. L-Artikolu 6 jitlob lill-operaturi ekonomiċi jirrapportaw is-serq u t-tranżazzjonijiet suspettużi. Finalment l-Artikolu 7 jittratta l-ħtieġa tal-protezzjoni tad-data.

Artikoli 4 u 5:   Projbizzjoni tal-bejgħ, il-liċenzjar u r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet

5.

Il-bejgħ ta’ ċerti sustanzi kimiċi, il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifikati fuq, lill-membri tal-pubbliku ġenerali ser jiġi pprojbit. Il-bejgħ ta’ konċentrazzjonijiet ogħla jkun permess biss għal utenti li jkunu jistgħu jiddokumentaw ħtieġa leġittima li jużaw is-sustanza kimika.

6.

L-ambitu tal-projbizzjoni huwa limitat għal lista qasira ta’ sustanzi kimiċi u t-taħlitiet tagħhom (ara l-Anness I għall-Proposta), u l-bejgħ ta’ dawn is-sustanzi lill-pubbliku ġenerali. Ir-restrizzjonijiet ma japplikawx għall-utenti professjonali jew fl-operazzjonijiet minn negozju għal negozju. Barra minn hekk, id-disponibbiltà għall-pubbliku ġenerali tas-sustanzi magħżula f’lista qasira hija limitata biss jekk dawn ikunu ogħla minn ċerti livelli ta’ konċentrazzjoni. Barra minn hekk, is-sustanzi xorta waħda jistgħu jinkisbu mal-preżentazzjoni ta’ liċenzja minn awtorità pubblika (użu leġittimu tad-dokumentazzjoni). Finalment, hemm eċċezzjoni li tapplika għal dawk il-bdiewa li jkollhom il-permess jixtru nitrat tal-ammonju sabiex jintuża bħala fertilizzant mingħajr liċenzja, irrispettivament mil-limiti ta’ konċentrazzjoni.

7.

Il-liċenzji jkunu meħtieġa wkoll jekk membru tal-pubbliku ġenerali jkun biħsiebu jimporta s-sustanzi magħżula f’lista qasira lejn l-Unjoni Ewropea.

8.

Operatur ekonomiku li jagħmel sustanza jew taħlita disponibbli għal membru liċenzjat tal-pubbliku ġenerali għandu jivverifika l-liċenzja ppreżentata u jżomm rekord tat-tranżazzjoni.

9.

Kull Stat Membru huwa mitlub jistabbilixxi r-regoli għall-għoti tal-liċenzja. L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru għandha tirrifjuta li tagħti l-liċenzja lill-applikant jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex tiddubita l-leġittimità tal-intenzjoni tal-użu. Il-liċenzji mogħtija għandhom ikunu validi fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni tista’ tfassal linji gwida dwar id-dettalji tekniċi tal-liċenzji sabiex jassistu r-rikonoxximent reċiproku tagħhom.

Artikolu 6:   Ir-rappurtar ta’ serq u tranżazzjonijiet suspettużi

10.

Il-bejgħ ta’ firxa usa’ ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib (dawk elenkati fl-Anness II, minbarra dawk kollha elenkati fl-Anness I, li huma diġà soġġetti għar-rekwiżit tal-liċenzjar) ser ikun soġġett għar-rappurtar ta’ serq u tranżazzjonijiet suspettużi.

11.

Il-Proposta titlob lil kull Stat Membru jaħtar punt ta’ kuntatt nazzjonali (b’numru tat-telefon u indirizz tal-e-mail identifikati b’mod ċar) għar-rappurtar ta’ serq u tranżazzjonijiet suspettużi. L-operaturi ekonomiċi huma mitluba jirrapportaw kwalunkwe serq u tranżazzjoni suspettuża mingħajr dewmien, billi jsemmu, jekk possibbli, l-identità tal-klijent.

12.

Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna linji gwida sabiex jassistu lill-operaturi ekonomiċi ħalli jirrikonoxxu u jinnotifikaw tranżazzjonijiet suspettużi. Il-linji gwida ser jinkludu wkoll aġġornamenti regolari għal lista ta’ sustanzi addizzjonali mhux inklużi fl-Anness I jew II, li għalihom huwa mħeġġeġ li jsir rappurtar volontarju ta’ serq u tranżazzjonijiet suspettużi.

Artikolu 7:   Il-protezzjoni tad-data

13.

Il-Premessa 11 u l-Artikolu 7 jirrikjedu li l-ipproċessar tad-data personali skont ir-Regolament għandu dejjem isir b’konformità mal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, id-Direttiva 95/46/KE (4) u l-liġijiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data li jimplimentaw din id-Direttiva. Il-Proposta ma fiha l-ebda dispożizzjoni ulterjuri dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   Ħtieġa ta’ aktar dispożizzjonijiet speċifiċi li jipproteġu d-data personali b’mod xieraq

14.

Ir-rappurtar ta’ serq u tranżazzjonijiet suspettużi u l-iskema tal-għoti tal-liċenzji u r-reġistrazzjoni previsti fir-Regolament jirrikjedu l-ipproċessar tad-data personali. Dawn it-tnejn jimplikaw – fi kwalunkwe każ sa ċertu punt – interferenza mal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, u għalhekk jirrikjedu salvagwardji adegwati.

15.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Proposta fiha dispożizzjoni separata (Artikolu 7) dwar il-protezzjoni tad-data. Fid-dawl ta’ dan, din id-dispożizzjoni unika – u ġenerali ħafna – prevista fil-Proposta mhijiex biżżejjed biex jiġi ttrattat b’mod adegwat it-tħassib relatat mal-protezzjoni tad-data mqajjem mill-miżuri proposti. Minbarra dan, l-Artikoli relevanti tal-Proposta (Artikoli 4, 5 u 6) jonqsu wkoll milli jiddeskrivu f’dettall suffiċjenti l-ispeċifiċitajiet tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data previsti.

16.

Biex nispjegaw, fir-rigward tal-għoti tal-liċenzji, ir-Regolament jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jżommu rekord tat-tranżazzjonijiet liċenzjati, madankollu, mingħajr ma jispeċifikaw x’tip ta’ data personali għandu jkun fihom dawk ir-reġistri, għal kemm żmien għandha tinżamm din id-data, lil min tista’ tiġi żvelata u b’liema kundizzjonijiet. Lanqas ma huwa speċifikat x’data ser tinġabar meta jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal-liċenzji.

17.

Fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu rrapportati s-serq u t-tranżazzjonijiet suspettużi, il-Proposta tistabbilixxi ħtieġa ta’ rappurtar, madankollu, mingħajr ma tispeċifika x’jikkostitwixxi tranżazzjoni suspettuża, x’data personali għandha tiġi rrapportata, għal kemm żmien għandha tinżamm l-informazzjoni rrapportata, lil min tista’ tiġi żvelata u b’liema kundizzjonijiet. Il-Proposta lanqas ma tipprovdi aktar dettalji dwar il-“punti ta’ kuntatt nazzjonali” li għandhom jinħatru, jew xi bażi tad-data li tista’ tistabbilixxu dawn il-punti ta’ kuntatt għall-Istati Membri tagħhom, jew xi bażi tad-data eventwali li tista’ tiġi stabbilita fil-livell tal-UE.

18.

Mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data, il-ġbir tad-data dwar tranżazzjonijiet suspettużi huwa l-aktar suġġett sensittiv fil-Proposta. Id-dispożizzjonijiet relevanti għandhom jiġu kkjarifikati sabiex ikun żgurat li l-ipproċessar tad-data jibqa’ proporzjonat u jiġu evitati l-abbużi. Għal dan il-għan, il-kundizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data għandhom jiġu speċifikati b’mod ċar u għandhom jiġu applikati salvagwardji adegwati.

19.

Huwa importanti li d-data ma tintużax għal xi skop ieħor għajr il-ġlieda kontra t-terroriżmu (u reat ieħor li jinvolvi l-użu ħażin tas-sustanzi kimiċi għal apparat splussiv magħmul id-dar). Barra minn hekk, id-data ma għandhiex tinżamm għal perjodi twal ta’ żmien, speċjalment jekk in-numri ta’ riċevituri potenzjali jew attwali kellhom ikunu kbar, u/jew jekk id-data kellha tintuża għall-estrazzjoni tad-data. Dan huwa saħansitra aktar importanti f’dawk il-każi fejn jista’ jintwera li s-suspett inizjali kien bla bażi. F’dawk il-każi, jenħtieġ li jkun hemm ġustifikazzjoni speċifika għal żamma aktar fit-tul. Permezz ta’ eżempju, il-KEPD isemmi f’dan il-kuntest id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża ta’ S u Marper vs ir-Renju Unit (2008) (5), li tgħid li ż-żamma fit-tul tad-DNA tal-persuni mhux misjuba ħatja ta’ reat kriminali kienet qiegħda tikser id-dritt tagħhom għall-privatezza skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

20.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikoli 5, 6 u 7 tal-Proposta għandu jkun fihom dispożizzjonijiet ulterjuri u aktar speċifiċi għall-ittrattar adegwat ta’ dan it-tħassib. Hawn taħt ser isiru xi rakkomandazzjonijiet speċifiċi.

21.

Barra minn hekk, għandu jitqies jekk jistgħux jitfasslu dispożizzjonijiet speċifiċi u aktar dettaljati f’deċiżjoni implimentattiva tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 10, 11 u 12 tal-Proposta għall-indirizzar tal-kwistjonijiet addizzjonali relatati mal-protezzjoni tad-data fil-livell prattiku.

22.

Finalment, il-KEPD jirrakkomanda wkoll li l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar it-tranżazzjonijiet suspettużi u dwar id-dettalji tekniċi tal-liċenzji għandhom jinkludu aktar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni tad-data. Iż-żewġ linji gwida kif ukoll kull deċiżjoni implimentattiva possibbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data għandhom jiġu adottati wara li ssir konsultazzjoni mal-KEPD u – fejn l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tkun f’riskju – mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 29. Ir-Regolament innifsu għandu jipprevedi dan b’mod ċar u għandu wkoll jelenka b’mod speċifiku l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu ttrattati fil-linji gwida fid-deċiżjoni implimentattiva.

3.   Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-għoti tal-liċenzji u r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet

3.1.    Rakkomandazzjonijiet għall-Artikolu 5 tal-Proposta

Perjodu massimu ta’ żamma u kategoriji tad-data miġbura

23.

Il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jispeċifika perjodu massimu ta’ żamma (prima facie, mhux aktar minn sentejn) kif ukoll il-kategoriji tad-data personali li għandha tiġi rreġistrata (mhux aktar mill-isem, in-numru tal-liċenzja u l-oġġetti mixtrija). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġejjin mill-prinċipju tal-ħtieġa u l-proporzjonalità: il-ġbir u l-konservazzjoni tad-data personali għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-għanijiet segwiti (ara l-Artikolu 6(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46/KE). Jekk dawn l-ispeċifikazzjonijiet jitħallew għal-liġi jew prattika nazzjonali, dan probabbilment iwassal għal inċertezzi bla bżonn u għal trattament mhux ugwali ta’ sitwazzjonijiet simili fil-prattika.

Projbizzjoni tal-ġbir ta’ “kategoriji speċjali ta’ data”

24.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jipprojbixxi wkoll espressament – b’konnessjoni mal-proċedura tal-għoti tal-liċenzji – il-ġbir u l-ipproċessar ta’ “kategoriji speċjali ta’ data” (kif definit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE) bħal, fost l-oħrajn, data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku.

25.

Dan għandu jgħin biex ikun żgurat li l-applikanti ma jiġux ittrattati b’mod diskriminatorju, pereżempju, fuq il-bażi tar-razza, in-nazzjonalità jew l-affiljazzjoni politika jew reliġjuża tagħhom. F’dan il-kuntest, il-KEPD jenfasizza li l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-data huwa wkoll mezz li jikkontribwixxi favur il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, li, min-naħa tagħha, tista’ tikkontribwixxi favur il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ fit-terroriżmu.

3.2.    Rakkomandazzjonijiet għal-linji gwida/deċiżjoni implimentattiva

Data miġbura matul il-proċess tal-għoti tal-liċenzji

26.

Ir-Regolament jistabbilixxi li l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom jiġu rrifjutati jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex titpoġġa f’dubju l-leġittimità tal-intenzjoni tal-użu. F’dan ir-rigward ikun utli jekk il-linji gwida jew id-deċiżjoni implimentattiva jispeċifikaw id-data li tista’ tinġabar mill-awtoritajiet tal-liċenzjar b’konnessjoni mal-applikazzjoni għal-liċenzja.

Limitazzjoni tal-iskop

27.

Il-linji gwida jew id-deċiżjoni implimentattiva għandhom jistabbilixxu li r-reġistri għandhom jiġu żvelati biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi li jkunu qegħdin jinvestigaw attivitajiet ta’ terroriżmu jew kwalunkwe suspett ieħor ta’ abbuż kriminali ta’ prekursuri għall-isplussivi. L-informazzjoni ma għandhiex tintuża għal xi skop ieħor (ara l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 95/46/KE).

Informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet (u dwar ir-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi)

28.

Il-KEPD ikompli jirrakkomanda li l-linji gwida jew id-deċiżjoni implimentattiva għandhom jispeċifikaw li l-awtorità tal-liċenzjar – li hija fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi tali avviż direttament lis-suġġetti tad-data – għandha tinforma lid-detenturi tal-liċenzji dwar il-fatt li x-xiri tagħhom ser ikun irreġistrat u jista’ jkun soġġett għal rappurtar jekk jinstab li huwa “suspettuż” ara l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE).

4.   Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tar-rappurtar ta’ serq u tranżazzjonijiet suspettużi

4.1.    Rakkomandazzjonijiet għall-Artikolu 6 tal-Proposta

29.

Il-KEPD jirrakkomanda li r-rwol u n-natura tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom jiġu kkjarifikati fil-Proposta. Il-Valutazzjoni tal-Impatt, fil-paragrafu 6.33 tirreferi għall-possibbiltà li dawn il-punti ta’ kuntatt jistgħu ma jkunux biss “awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi” iżda wkoll “assoċjazzjonijiet”. Id-dokumenti leġiżlattivi ma jipprovdux aktar informazzjoni f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, dan għandu jiġi kkjarifikat fl-Artikolu 6.2 tal-Proposta. Fil-prinċipju, id-data għandha tinżamm mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi – jekk dan ma jkunx il-każ, ir-raġunijiet għal dan għandhom jiġu ġustifikati b’mod ċar ħafna.

30.

Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament għandu jispeċifika d-data personali li għandha tiġi rreġistrata (mhux aktar mill-isem, in-numru tal-liċenzja, l-oġġetti mixtrija, u r-raġunijiet li jagħtu lok għal suspett). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġejjin mill-prinċipju tal-ħtieġa u l-proporzjonalità: il-ġbir tad-data personali għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-għanijiet segwiti (ara l-Artikolu 6(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE). F’dan il-kuntest, hemm kunsiderazzjonijiet simili li japplikaw kif espress fil-punt 23.

31.

L-Artikolu 6 tar-Regolament għandu jipprojbixxi b’mod espliċitu – b’konnessjoni mal-proċedura ta’ rappurtar – il-ġbir u l-ipproċessar ta’ “kategoriji speċjali ta’ data” (kif definit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE) bħal, fost l-oħrajn, data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi u twemmin reliġjuż jew filosofiku (ara wkoll il-punti 24-25).

32.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 għandu jistabbilixxi perjodu massimu ta’ żamma, billi jqis l-għanijiet tal-ħżin tad-data. Il-KEPD jirrakkomanda li – sakemm is-serq jew tranżazzjoni suspettuża ma tkunx wasslet għal investigazzjoni speċifika u l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja – is-serq u t-tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati kollha għandhom jitħassru mill-bażi tad-data wara l-iskadenza ta’ perjodu speċifikat (prima facie, mhux aktar tard minn sentejn wara d-data tar-rapport). Dan għandu jgħin biex jiġi żgurat li f’każi fejn is-suspett ma jkunx ġie kkonfermat (jew saħansitra investigat aktar), l-individwi innoċenti ma jinżammux fuq il-“lista s-sewda” u “taħt suspett” għal perjodu ta’ żmien indebitament twil (ara l-Artikolu 6(e) tad-Direttiva 95/46/KE). Għandhom jiġu evitati diverġenzi wiesgħa żżejjed fuq dan il-punt fil-livell nazzjonali.

33.

Din il-limitazzjoni hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi żgurat il-prinċipju tal-kwalità tad-data (ara l-Artikolu 6(d) tad-Direttiva 95/46/KE) kif ukoll prinċipji legali importanti oħrajn bħall-preżunzjoni tal-innoċenza. Dan jista’ jirriżulta mhux biss f’livell aktar adegwat ta’ protezzjoni għall-individwi, iżda fl-istess ħin, għandu jippermetti wkoll li l-infurzar tal-liġi jiffoka b’mod aktar effettiv fuq dawk il-każi aktar serji fejn fl-aħħar mill-aħħar is-suspett aktarx ser jiġi kkonfermat.

4.2.    Rakkomandazzjonijiet għal-linji gwida/deċiżjoni implimentattiva

Għandhom jiġu definiti l-kriterji għal tranżazzjonijiet suspettużi

34.

Liema tranżazzjoni tista’ tkun “suspettuża” mhuwiex definit fil-Proposta. Madankollu l-Artikolu 6(6)(a) tal-Proposta jipprevedi li l-Kummissjoni “għandha tfassal u taġġorna l-linji gwida” u għandha tipprovdi informazzjoni fuq “kif tirrikonoxxi u tinnotifika tranżazzjonijiet suspettużi“.

35.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Proposta tirrikjedi li l-Kummissjoni tfassal il-linji gwida. Dawn għandhom ikunu ċari u konkreti biżżejjed u jipprevjenu interpretazzjoni wiesgħa żżejjed sabiex jitnaqqsu t-trażmissjonijiet ta’ data personali lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u jipprevjenu kull prattika arbitrarja jew diskriminatorja, pereżempju, fuq il-bażi tar-razza, in-nazzjonalità jew l-affiljazzjoni politika jew reliġjuża.

Limitazzjoni tal-iskop, kunfidenzjalità, sigurtà u aċċess

36.

Il-linji gwida/regoli implimentattivi għandhom ikomplu jistabbilixxu li l-informazzjoni tinżamm sikura u kunfidenzjali u għandha tiġi żvelata biss lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti li jinvestigaw attivitajiet terroristiċi jew kwalunkwe suspett ieħor ta’ abbuż kriminali minn prekursuri għall-isplussivi. L-informazzjoni ma għandhiex tintuża għal skopijiet oħra, pereżempju, għall-investigazzjoni ta’ kwistjonijiet mhux relatati mill-awtoritajiet tat-taxxa jew tal-immigrazzjoni.

37.

Il-linji gwida/deċiżjoni implimentattiva għandhom jispeċifikaw ukoll min għandu jkollu aċċess għad-data li tasal għand (jew tinħażen) għand il-punti ta’ kuntatt nazzjonali. L-aċċess jew l-iżvelar għandu jkun limitat fuq bażi stretta għal min ikun jeħtieġ xi tagħrif. Għandha titqies ukoll il-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ dawk li possibblment jistgħu jirċivuha.

Id-drittijiet tal-aċċess għas-suġġetti tad-data

38.

Il-linji gwida/deċiżjoni implimentattiva għandhom jipprovdu d-drittijiet tal-aċċess għas-suġġetti tad-data, inkluż, fejn xieraq, il-korrezzjoni jew it-tħassir tad-data tagħhom (ara l-Artikoli 12-14 tad-Direttiva 95/46/KE). L-eżistenza ta’ dan id-dritt – jew kwalunkwe eċċezzjoni potenzjali skont l-Artikolu 13 – jista’ jkollha implikazzjonijiet importanti. Pereżempju, skont ir-regoli ġenerali, is-suġġett tad-data għandu wkoll id-dritt li jkun jaf jekk it-tranżazzjoni tiegħu ġietx irrapportata bħala suspettuża. Madankollu, l-użu (potenzjali) ta’ dan id-dritt jista’ jipprevjeni lill-bejjiegħ tal-prekursuri għall-isplussivi milli jikkomunika t-tranżazzjonijiet suspettużi tax-xerrej. Għalhekk kwalunkwe eċċezzjoni għandha tkun iġġustifikata b’mod ċar u stabbilita b’mod speċifiku, preferibbilment fir-Regolament, jew fi kwalunkwe każ, fil-linji gwida jew fid-deċiżjoni implimentattiva. Għandu jiġi previst ukoll mekkaniżmu ta’ rimedju, li jinvolvi wkoll lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali.

5.   Kummenti addizzjonali

Reviżjoni perjodika tal-effettività

39.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Artikolu 16 tal-Proposta jipprovdi għal reviżjoni tar-Regolament (ħames snin wara l-adozzjoni). Tabilħaqq, il-KEPD huwa tal-Opinjoni li kull strument ġdid għandu juri bil-provi f’reviżjonijiet perjodiċi li ser ikompli jikkostitwixxi mezzi effettivi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (u kwalunkwe attività kriminali oħra). Il-KEPD jirrakkomanda li r-Regolament għandu jistabbilixxi speċifikament li matul reviżjoni bħal din għandhom jitqiesu wkoll l-effettività tar-Regolament u l-effetti tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni tad-data.

III.   KONKLUŻJONIJIET

40.

Il-KEPD jirrakkomanda li mal-Proposta jiżdiedu wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi li jittrattaw b’mod xieraq it-tħassib relatat mal-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar it-tranżazzjonijiet suspettużi u dwar id-dettalji tekniċi tal-liċenzji – u deċiżjoni implimentattiva eventwali dwar il-protezzjoni tad-data – għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn dwar l-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni tad-data. Il-linji gwida (u d-deċiżjoni implimentattiva, jekk ikun hemm) għandhom jiġu adottati wara li ssir konsultazzjoni mal-KEPD u – fejn xieraq – l-Artikolu 29 tal-Grupp ta’ Ħidma ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri.

41.

L-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jispeċifika perjodu massimu ta’ żamma (prima facie, mhux aktar minn sentejn) għat-tranżazzjonijiet irreġistrati, kif ukoll għall-kategoriji ta’ data personali li għandha tiġi rreġistrata (mhux aktar mill-isem, in-numru tal-liċenzja u l-oġġetti mixtrija). L-ipproċessar ta’ kategoriji ta’ data speċjali għandu jiġi pprojbit b’mod espliċitu.

42.

Ir-rwol u n-natura tal-punti ta’ kuntatt għandhom jiġu kkjarifikati fl-Artikolu 6 tal-Proposta. Din id-dispożizzjoni għandha tispeċifika wkoll perjodu massimu ta’ żamma għad-data rrapportata fuq tranżazzjonijiet suspettużi (prima facie, mhux aktar minn sentejn) kif ukoll għad-data personali li għandha tiġi rreġistrata (mhux aktar mill-isem, in-numru tal-liċenzja, l-oġġetti mixtrija u r-raġunijiet li jagħtu lok għas-suspett). L-ipproċessar ta’ kategoriji ta’ data speċjali għandu jiġi pprojbit b’mod espliċitu.

43.

Barra minn hekk, il-linji gwida/deċiżjoni implimentattiva għandhom jispeċifikaw id-data li tista’ tinġabar mill-awtoritajiet tal-ħruġ tal-liċenzji b’konnessjoni mal-applikazzjoni tal-liċenzja. Huma għandhom ukoll jillimitaw b’mod ċar l-għanijiet li għalihom tista’ tintuża d-data. Għandhom japplikaw ukoll dispożizzjonijiet simili għar-reġistri tat-tranżazzjonijiet suspettużi. Il-linji gwida/deċiżjoni implimentattiva għandhom jispeċifikaw li l-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji għandha tinforma lid-detenturi tal-liċenzji dwar il-fatt li x-xirjiet tagħhom ser jiġu rreġistrati u jistgħu jkunu soġġetti għal rappurtar jekk jinstab li huma “suspettużi”. Il-linji gwida/deċiżjoni implimentattiva għandhom jispeċifikaw ukoll min għandu jkollu aċċess għad-data li tasal għand (u tinħażen) mill-punti ta’ kuntatt nazzjonali. L-aċċess jew l-iżvelar għandu jkun limitat fuq bażi stretta għal min ikun jeħtieġ xi tagħrif. Huma għandhom jipprovdu wkoll drittijiet xierqa ta’ aċċess għas-suġġetti tad-data u jistabbilixxu u jiġġustifikaw b’mod ċar kwalunkwe eċċezzjoni.

44.

L-effettività tal-miżuri previsti għandha tiġi riveduta perjodikament, filwaqt li fl-istess ħin għandu jitqies l-impatt tagħhom fuq il-privatezza.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2010.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2010) 473.

(4)  Iċċitata fin-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(5)  S. u Marper vs ir-Renju Unit (l-4 ta’ Diċembru 2008) (Applikazzjonijiet nri. 30562/04 u 30566/04).


Top