Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XX1229(01)

    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Rumanija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Protezzjoni Ewropea, u fuq l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Islovenja u tar-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali

    ĠU C 355, 29.12.2010, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 355/1


    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Rumanija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Protezzjoni Ewropea, u fuq l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Islovenja u tar-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali

    2010/C 355/01

    IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (1),

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu, (2),

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, (3),

    ADOTTA DIN L-OPINJONI:

    I.   DAĦLA

    1.

    Tul dawn l-aħħar snin saru sforzi dejjem akbar biex tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Dan is-suġġett, li issa għandu pożizzjoni ewlenija fil-Programm ta’ Stokkolma (4), huwa kkaratterizzat mis-sensitività partikolari tad-data personali involuta u mill-effetti li l-ipproċessar tad-data relatata jista’ jkollu fuq is-suġġetti tad-data.

    2.

    Minħabba dawn ir-raġunijiet il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ta attenzjoni partikolari lil dan is-suġġett (5) u permezz ta’ din l-opinjoni biħsiebu jenfasizza għal darba oħra l-ħtieġa li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tkun il-bażi taż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (AFSJ) kif jistipula l-Programm ta’ Stokkolma.

    3.

    Din l-opinjoni hija reazzjoni dwar żewġ inizjattivi għal Direttiva minn għadd ta’ Stati Membri, kif previst fl-Artikolu 76 TFUE, jiġifieri:

    (a)

    L-inizjattiva minn 12-il Stat Membru għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Protezzjoni Ewropea (“inizjattiva OPE”), imressqa f’Jannar tal-2010 (6), u

    (b)

    L-inizjattiva minn 7 Stati Membri għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali (“inizjattiva OIE”), imressqa f’April tal-2010 (7).

    4.

    Il-konsulenza dwar dawn l-inizjattivi taqa’ taħt il-mandat tal-kompitu fdat lill-KEPD fl-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 biex jagħti konsulenza lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE dwar il-materji kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ data personali. Għalhekk din l-opinjoni tikkummenta dwar l-inizjattivi safejn għandhom x’jaqsmu biss mal-ipproċessar ta’ data personali. Ġaladarba ma ntbagħtet l-ebda talba għal konsulenza lill-KEPD, din l-opinjoni qed titressaq bl-inizjattiva proprja tiegħu (8).

    5.

    Il-KEPD ifakkar li skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 il-Kummissjoni hija obbligata tikkonsulta lill-KEPD meta tadotta proposta leġiżlattiva relatata mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. F’każ ta’ inizjattiva mill-Istati Membri dan l-obbligu ma japplikax strictu sensu. Madankollu, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona l-proċedura leġiżlattiva ordinarja bdiet tapplika wkoll għall-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, b’eċċezzjoni speċifika waħda prevista fl-Artikolu 76 TFUE, jiġifieri li kwart tal-Istati Membri jistgħu jieħdu l-inizjattiva għal miżuri tal-UE. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, dawn l-inizjattivi għandhom ikunu kemm jista’ jkun konformi mal-proposti tal-Kummissjoni u meta jkun possibbli għandhom jintużaw garanziji proċedurali. Huwa proprju minħabba din ir-raġuni li l-inizjattivi preżenti huma akkompanjati b’valutazzjoni tal-impatt.

    6.

    F’dan l-isfond il-KEPD mhux biss jiddispjaċih li ma kienx ikkonsultat meta tressqu l-inizjattivi, iżda jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill jistabbilixxi proċedura li permezz tagħha ssir konsultazzjoni mal-KEPD meta inizjattiva introdotta minn xi Stat Membru tkun relatata mal-ipproċessar ta’ data personali.

    7.

    Għalkemm iż-żewġ inizjattivi għandhom objettivi differenti – jiġifieri it-titjib fil-protezzjoni tal-vittmi u l-kooperazzjoni transkonfinali f’materji kriminali permezz tal-ġbir ta’ evidenza transkonfinali – dawn għandhom ukoll similaritajiet importanti:

    (a)

    it-tnejn huma bbażati fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji (9);

    (b)

    huma bbażati fuq il-Programm ta’ Stokkolma (10), u

    (c)

    jipprovdu għal skambju ta’ data personali bejn Stati Membri (ara l-punti 10 u 13 u t-taqsima II.4).

    Minħabba dawn ir-raġunijiet, il-KEPD jidhirlu li dawn it-tnejn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

    8.

    F’dan il-qafas, għandu jingħad li l-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ukoll ittrattat il-kwistjoni tal-ġbir ta’ evidenza li jsir bil-ħsieb li din tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra (li huwa l-għan speċifiku tal-inizjattiva OIE). Fil-fatt fl-aħħar tal-2009 l-Kummissjoni ppubblikat Green Paper  (11) – li l-fażi ta’ konsultazzjoni tagħha issa għalqet (12) – bil-għan (inferit mill-“Pjan ta’ Azzjoni li Jimplementa l-Programm ta’ Stokkolma” (13)) li tippreżenta proposta leġiżlattiva rigward il-ksib ta’ sistema komprensiva dwar evidenza f’materji kriminali li tkun bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u li tkopri kull tip ta’ evidenza fl-2011 (14).

    II.   KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI KRIMINALI U PPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI FIL-QAFAS TAL-INIZJATTIVI OPE U OIE

    II.1.   Kuntest tal-inizjattivi

    9.

    L-inizjattivi msemmija qabel jikkorrispondu max-xejra tal-azzjonijiet tal-UE fl-AFSJ f’dawn l-aħħar snin. Minn Settembru tal-2001 ’il hawn kien hemm eskalazzjoni sinifikanti fil-ġbir u fl-iskambju ta’ informazzjoni fl-Unjoni Ewropea (u ma’ pajjiżi terzi), bis-saħħa tal-iżviluppi fl-ICT u ffaċilitata wkoll minn għadd ta’ strumenti legali tal-UE. Barra dan, l-inizjattivi OPE u OIE għandhom l-għan li jtejbu l-iskambju ta’ informazzjoni relatata ma’ persuni fiżiċi fl-AFSJ.

    II.2.   Inizjattiva OPE

    10.

    L-inizjattiva OPE – li hija bbażata fuq l-Artikolu 82(1)(d) tat-TFUE – tiffoka fuq il-protezzjoni tal-vittmi ta’ atti kriminali, b’mod partikolari n-nisa, u għandha l-għan li tiggarantilhom protezzjoni effikaċi fl-Unjoni Ewropea. Sabiex tikseb dan l-għan, l-inizjattiva OPE tippermetti l-estensjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni mniżżla fl-Artikolu 2(2) tagħha u adottati skont il-liġi ta’ Stat Membru wieħed (“l-Istat emittenti”) fi Stat Membru ieħor li tmur fih il-persuna protetta (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”) mingħajr il-bżonn li l-vittma tibda proċedimenti ġodda jew li terġa’ tipproduċi kwalunkwe evidenza fl-Istat li jeżegwixxi.

    11.

    Għalhekk il-miżuri ta’ protezzjoni imponuti (wara talba mill-vittma) fuq il-persuna li tikkawża periklu għandhom l-għan li jipproteġu l-ħajja, l-integrità fiżika u psikoloġika, il-libertà jew l-integrità sesswali tal-vittma fl-UE, ikunu xi jkunu l-fruntieri nazzjonali, u tipprova tevita li jsiru reati ġodda kontra l-istess vittma.

    12.

    L-OPE għandha tinħareġ, wara talba mill-vittma fl-“istat (membru) emittenti”, minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja (jew ekwivalenti). Dan il-proċess jikkonsisti fl-istadji li ġejjin:

    (a)

    l-“istat emittenti” jagħmel talba għal OPE;

    (b)

    malli jirċievi l-OPE, l-“istat ta’ eżekuzzjoni” jadotta deċiżjoni skont il-liġi nazzjonali tiegħu biex ikompli jipproteġi lill-persuna involuta.

    13.

    Sabiex jinkiseb dan l-objettiv għandhom jidħlu fis-seħħ miżuri amministrattivi. Dawn għandhom ikopru b’mod parzjali l-iskambju ta’ data personali bejn l-Istati Membri “emittenti” u “ta’ eżekuzzjoni” li tkun relatata mal-persuna involuta (il-“vittma”) u mal-persuna li tikkawża periklu. L-iskambju ta’ data personali huwa previst fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-Artikolu 6 jistipula li l-OPE nnifisha għandha ħafna elementi ta’ informazzjoni personali, kif speċifikat taħt (a), (e), (f), (g) u (h) u l-Anness I;

    (b)

    l-obbligi tal-awtorità kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi fl-Artikolu 8(1) jeħtieġu l-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari l-obbligu li jiġi nnotifikat kwalunkwe ksur tal-miżura ta’ protezzjoni (Artikolu 8(1)(d) u Anness II);

    (c)

    l-obbligi tal-awtorità kompetenti tal-Istati Membru ta’ eżekuzzjoni u tal-Istati Membru emittenti f’każ ta’ modifika, skadenza jew revoka tal-ordni ta’ protezzjoni u/jew tal-miżuri ta’ protezzjoni (Artikolu 14).

    14.

    L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti taqa’ biċ-ċar fl-ambitu ta’ data personali, li hija definita b’mod wiesa’ f’legiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data bħala “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli” (15) u spjegata ulterjorment mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29. L-inizjattiva OPE tittratta informazzjoni dwar individwu (il-vittma jew il-persuna li tikkawża periklu) jew informazzjoni li tintuża jew li aktarx tintuża biex tevalwa, tittratta b’ċertu mod jew taffettwa l-istatus ta’ individwu (b’mod partikolari, il-persuna li tikkawża periklu) (16).

    II.3.   Inizjattiva OIE

    15.

    L-inizjattiva OIE – li hija bbażata fuq l-Artikolu 82(1)(a) tat-TFUE – tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru, jaħżnu u jittrażmettu evidenza, anki jekk din tkun għadha mhux disponibbli fil-ġurisdizzjoni nazzjonali. Għalhekk l-inizjattiva tmur lil hinn mill-prinċipju ta’ disponibbilità li kien tressaq fil-Programm tal-Aja tal-2004 bħala approċċ innovattiv għall-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi (17). Din tmur lil hinn ukoll mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-mandat ta’ evidenza Ewropew li huwa applikabbli biss għal evidenza (mogħtija) li diġà tkun teżisti (18).

    16.

    Il-ħruġ ta’ OIE għandu jsir bil-għan li jkun hemm miżura investigattiva speċifika waħda jew aktar imdaħħla fl-Istat li jeżegwixxi bil-ħsieb li tinġabar evidenza (potenzjalment mhux eżistenti meta tinħareġ l-ordni) u li tiġi ttrasferita (Artikolu 12). Din tapplika għal kważi kull miżura investigattiva (ara l-Premessi 6 u 7 tal-inizjattiva).

    17.

    L-objettiv tal-inizjattiva OIE huwa l-ħolqien ta’ strument wieħed, effiċjenti u flessibbli biex tinkiseb evidenza li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali, sabiex jieħu post l-istrument legali aktar ikkumplikat li qed jużaw bħalissa l-awtoritajiet ġudizzjarji (ibbażat fuq assistenza legali reċiproka fuq naħa u fuq rikonoxximent reċiproku fuq l-oħra) (19).

    18.

    B’mod ċar, evidenza miġbura permezz ta’ OIE (ara wkoll l-Anness A tal-inizjattiva) tista’ tinkludi data personali, bħal fil-każ ta’ informazzjoni dwar kontijiet tal-bank (Artikolu 23), informazzjoni dwar tranżazzjonijiet bankarji (Artikolu 24) u monitoraġġ ta’ tranżazzjonijiet bankarji (Artikolu 25) jew tista’ tkopri l-komunikazzjoni ta’ data personali (bħal fil-każ ta’ vidjokonferenza jew konferenza telefonika, stipulati fl-Artikoli 21 u 22).

    19.

    Minħabba dawn ir-raġunijiet l-inizjattiva OIE għandha impatt sinifikanti fuq id-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali. Waqt li jqis ukoll li d-data għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠAI għadha ma skadietx (u għalhekk huwa diffiċli li tiġi evalwata l-effikaċja tal-istrument u l-ħtieġa ta’ miżuri legali addizzjonali) (20), il-KEPD ifakkar fil-ħtieġa li ssir verifika perjodika, fid-dawl tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, tal-effettività u tal-proporzjonalità tal-miżuri legali adottati fl-AFSJ (21). Għalhekk il-KEPD jirrakkomanda li tiżdied klawżola ta’ evalwazzjoni fl-inizjattiva OIE, li titlob li l-Istati Membri jirrappurtaw fuq bażi regolari dwar l-applikazzjoni tal-istrument u li l-Kummissjoni tissintetizza dawn ir-rapporti u, fejn ikun relevanti, tressaq proposti xierqa biex isiru emendi.

    II.4.   Ipproċessar ta’ data personali previst mill-inizjattivi OPE u OIE

    20.

    Kif spjegat hawn fuq fil-punti 13, 14 u 18, jidher ċar li skont id-Direttivi proposti, id-data personali se tkun ipproċessata u skambjata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti. F’dawk iċ-ċirkostanzi, is-suġġett tad-data huwa protett mid-dritt fundamentali għal protezzjoni tad-data, kif jirrikonoxxi l-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    21.

    Minkejja dan, l-“Istqarrija dettaljata” li takkumpanja l-inizjattiva OPE tgħid li r-“Riskju li jsir indħil fid-drittijiet fundamentali” huwa “0” (żero) (22), u fl-analiżi tal-impatt li tinsab fl-“Istqarrija dettaljata” li takkumpanja l-inizjattiva OIE ma tidħolx fil-mertu tal-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data (23).

    22.

    Il-KEPD jiddispjaċih minn dawn il-konklużjonijiet u jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest partikolari li fih tiġi pproċessata d-data personali, jiġifieri:

    (a)

    il-qasam wiesa’ ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali;

    (b)

    id-data ħafna drabi jkollha natura sensittiva u normalment tinkiseb mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji matul jew wara investigazzjoni;

    (c)

    il-kuntest possibbli tad-data, b’mod partikolari fir-rigward tal-inizjattiva OIE, li kieku testendi għal kull tip ta’ evidenza, u

    (d)

    il-komunikazzjoni possibbli ta’ evidenza barra mill-UE, skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI dwar il-protezzjoni ta’ data personali proċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (24).

    23.

    Dan il-kuntest jagħti impatt partikolari lill-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data u jista’ jaffettwa b’mod sinifikanti d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data, inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

    24.

    Minħabba l-konsiderazzjonijiet preċedenti, il-KEPD jistaqsi għalfejn dawn l-inizjattivi la jittrattaw il-protezzjoni ta’ data personali (għajr referenza għad-dmirijiet ta’ kunfidenzjalità imposti fuq l-atturi involuti f’investigazzjoni skont l-Artikolu 18 tal-inizjattiva OIE), u lanqas jagħmlu referenza espliċita għad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI li kienet tkun applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti fiż-żewġ inizjattivi (ara l-Artikolu 1(2)(a)).

    25.

    Minħabba din ir-raġuni, il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li waqt il-ħidma ta’ tħejjija li saret fil-Kunsill fir-rigward tal-inizjattiva OPE, iddaħħlet referenza għad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI (25) u għaldaqstant għandu fiduċja li l-Parlament Ewropew se jikkonferma din il-bidla għall-inizjattivi oriġinali (26).

    26.

    Il-KEPD jiddispjaċih dwar il-fatt li għadha ma ġietx introdotta premessa simili fl-inizjattiva OIE, minkejja li din tinvolvi skambju ta’ data personali ħafna aktar intensiv. F’dan il-kuntest il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li meta kkummentat dwar l-inizjattiva OIE l-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet li għandha tiddaħħal referenza (kemm fil-premessa u kemm fil-korp tal-proposta) għall-applikabilità tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI (27).

    27.

    Għalhekk, u mingħajr preġudizzju għat-taqsima III ta’ hawn taħt, iż-żewġ inizjattivi għandhom jinkludu dispożizzjoni speċifika li tikkjarifika li d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tapplika għall-ipproċessar tad-data previst fl-inizjattivi.

    III.   REGOLI SPEĊIFIĊI MEĦTIEĠA FLIMKIEN MAL-QAFAS LEGALI EŻISTENTI TA’ PROTEZZJONI TAD-DATA GĦALL-KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI KRIMINALI

    28.

    Iż-żewġ inizjattivi għal darba oħra jqajmu l-kwistjoni fundamentali tal-applikazzjoni mhux kompluta u mhux konsistenti ta’ prinċipji tal-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (28).

    29.

    Il-KEPD huwa konxju mill-importanza li titjieb l-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, anki fl-oqsma li huma koperti mill-inizjattivi OPE u OIE (29). Barra dan, il-KEPD jirrikonoxxi l-vantaġġi u l-ħtieġa tal-iskambju ta’ informazzjoni, iżda jixtieq jenfasizza li l-ipproċessar ta’ tali data għandu jsir b’konformità – inter alia  (30) – mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Dan huwa saħansitra aktar evidenti fid-dawl tat-Trattat ta’ Lisbona li jintroduċi l-Artikolu 16 TFUE u li jagħti saħħa vinkolanti lill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    30.

    Sitwazzjonijiet li jinvolvu skambju transkonfinali ta’ informazzjoni fl-UE jixirqilhom jingħataw attenzjoni speċjali peress li l-ipproċessar ta’ data personali f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda jkabbar ir-riskji għad-drittijiet u għall-interessi tal-persuni fiżiċi involuti. Id-data personali tiġi pproċessata f’bosta ġurisdizzjonijiet fejn ir-rekwiżiti legali kif ukoll il-qafas tekniku ma jkunux neċessarjament l-istess.

    31.

    Dan jikkaġuna wkoll aktar inċertezza legali għas-suġġetti tad-data: partijiet minn Stati Membri oħra jistgħu jkunu involuti, il-liġijiet nazzjonali ta’ diversi Stati Membri jistgħu jkunu applikabbli u jistgħu jkunu differenti mil-liġijiet li s-suġġetti tad-data jkunu mdorrijin bihom, jew japplikaw f’sistema legali li ma tkunx familjari mas-suġġett tad-data. Dan jirrikjedi sforzi akbar sabiex ikun żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. (31)

    32.

    Fl-opinjoni tal-KEPD il-kjarifika tal-applikabilità tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, kif qed jiġi propost fil-punt 27, hija biss l-ewwel pass.

    33.

    L-isfidi speċifiċi għal protezzjoni effikaċi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, flimkien mad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI (ara l-punti 52-56) li mhijiex kompletament sodisfaċenti, jistgħu jagħtu lok għal dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data, meta strumenti legali speċifiċi tal-UE jkunu jirrikjedu l-iskambju ta’ data personali.

    IV.   SFIDI GĦALL-PROTEZZJONI EFFIKAĊI TAD-DATA GĦALL-KOOPERAZZJONI KRIMINALI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR L-INIZJATTIVI OPE U OIE

    IV.1.   Rimarki introduttorji

    34.

    Il-protezzjoni effikaċi tad-data personali (kif enfasizzat fil-punt 29) mhix biss importanti għas-suġġetti tad-data iżda tagħti kontribut ukoll għas-suċċess tal-kooperazzjoni ġudizzjarja nnifisha. Fil-fatt ir-rieda li din id-data tiġi skambjata ma’ awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra tkompli tiżdied kemm-il darba l-awtorità involuta jkollha moħħha mistrieħ mill-livell ta’ protezzjoni, eżattezza u affidabilità tad-data personali fl-Istat Membru l-ieħor (32). Fil-qosor, jekk nistabbilixxu standard komuni (għoli) għall-protezzjoni tad-data f’dan il-qasam sensittiv inkunu qed nippromovu l-kunfidenza u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u nsaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, u b’hekk intejbu l-kwalità tad-data fl-iskambju ta’ informazzjoni.

    35.

    F’dan il-kuntest speċifiku, il-KEPD jirrakkomanda li jiġu inklużi salvagwardji speċifiċi għall-protezzjoni tad-data fl-inizjattivi OPE u OIE, minbarra r-referenza ġenerali għad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI (kif propost fil-paragrafu 27).

    36.

    Xi wħud minn dawn is-salvagwardji għandhom natura aktar ġenerali u huma maħsuba biex ikunu inklużi fiż-żewġ inizjattivi, b’mod partikolari dawk li huma mfassla biex itejbu l-eżattezza, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data. Hemm ukoll salvagwardji oħrajn li jirrigwardaw dispożizzjonijiet speċifiċi fl-inizjattivi OPE jew OIE.

    IV.2.   Salvagwardji ta’ natura aktar ġenerali

    Eżattezza

    37.

    F’dawk is-sitwazzjonijiet previsti mill-inizjattivi li fihom tiġi skambjata data bejn Stati Membri, għandha ssir enfasi speċifika sabiex tiġi żgurata l-eżattezza tal-informazzjoni. F’dan ir-rigward il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fl-Artikolu 14 l-inizjattiva OPE tobbliga biċ-ċar lill-awtorità kompetenti tal-istat emittenti biex tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi bi kwanunkwe modifika jew bl-iskadenza jew bir-revoka tal-ordni ta’ protezzjoni.

    38.

    Il-KEPD jinnota wkoll li l-ħtieġa li ssir tranżizzjoni tista’ taffettwa l-eżattezza tal-informazzjoni, speċjalment billi l-inizjattivi huma relatati ma’ strumenti legali speċifiċi li jista’ jkollhom tifsira differenti f’lingwi differenti u f’sistemi legali differenti. F’dan il-kuntest, waqt li jilqa’ l-fatt li l-inizjattiva OPE tittratta l-kwistjoni tat-traduzzjonijiet (Artikolu 16), il-KEPD jissuġġerixxi wkoll li tiġi inkluża dispożizzjoni simili fl-inizjattiva OIE.

    Sigurtà, għarfien u kontabilità

    39.

    Jenħtieġ li ż-żieda fil-kooperazzjoni transkonfinali li jista’ tirrizulta mill-adozzjoni taż-żewġ inizjattivi tqis bir-reqqa l-aspetti ta’ sigurtà tat-trażmissjoni transkonfinali ta’ data personali li tkun relatata mal-eżekuzzjoni tal-inizjattivi OPE jew OIE (33). Dan huwa neċessarju mhux biss sabiex jintlaħqu l-istandards tas-sigurtà fl-ipproċessar ta’ data personali li jitlob l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, iżda wkoll sabiex tiġi żgurata s-segretezza tal-investigazzjonijiet u l-kunfidenzjalità tal-proċedimenti kriminali inkwistjoni hija rregolata mill-Artikolu 18 tal-inizjattiva OIE u, bħala regola ġenerali fir-rigward ta’ data personali li tirriżulta minn skambju transkonfinali, mill-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

    40.

    Il-KEPD jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm sistemi ta’ telekomunikazzjoni siguri fil-proċeduri ta’ trażmissjoni. Għalhekk huwa jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjoni dwar l-użu tan-Network Ġudizzjarju Ewropew (34) bħala għodda li tiżgura li l-OPE u l-OIE jkunu indirizzati b’mod korrett lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u b’dan il-mod jiġi evitat jew imnaqqas ir-riskju li jkunu involuti awtoritajiet mhux adattati fl-iskambju ta’ data personali (ara l-Artikolu 7(2) u (3) tal-inizjattiva OPE u l-Artikolu 6(3) u (4) tal-inizjattiva OIE).

    41.

    Għalhekk l-inizjattivi għandhom jinkludu dispożizzjoni li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li:

    (a)

    l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi adegwati biex japplikaw id-direttivi proposti;

    (b)

    l-uffiċjali kompetenti josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għal proċeduri interni adegwati li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, il-korrettezza fil-proċeduri u l-ħarsien xieraq tad-dispożizzjonijiet tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali (kif stabbilit fl-Artikolu 18 tal-inizjattiva OIE).

    42.

    Barra dan, il-KEPD jirrakkomanda li jiddaħħlu dispożizzjonijiet li jiżguraw li prinċipji sostantivi tal-protezzjoni tad-data jkunu mħarsa meta tkun ipproċessata data personali, u li jkun hemm fis-seħħ il-mekkaniżmi interni meħtieġa sabiex tintwera l-konformità lil partijiet interessati esterni. Dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom iservu ta’ strumenti li jgħoddu lill-kontrolluri tad-data b’responsabbli (skont il-“prinċipju tal-kontabilità” li huwa diskuss fil-kuntest tal-analiżi attwali tal-qafas tal-protezzjoni tad-data (35)). Dan kollu jirrikjedi minnhom li jwettqu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu:

    (a)

    sistemi ta’ awtentikazzjoni li jippermettu aċċess lil individwi awtorizzati biss kemm għal bażijiet tad-data li jkollhom data personali u kemm għal postijiet fejn ikun hemm evidenza;

    (b)

    rintraċċar ta’ aċċessi għal data personali u operazzjonijiet magħmula fuqhom;

    (c)

    implimentazzjoni ta’ kontroll tal-verifika.

    IV.3.   Salvagwardji fl-inizjattiva OIE

    43.

    Meta jqis il-karatteristiċi partikolarment intrużivi ta’ ċerti miżuri investigattivi, il-KEPD isejjaħ biex issir riflessjoni fil-fond dwar l-ammissibilità ta’ evidenza miġbura għal finijiet oħra minbarra l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reat jew l-infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ difiża. B’mod partikolari, l-użu ta’ evidenza miksuba skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandu jitqies bir-reqqa. (36)

    44.

    Għalhekk fl-inizjattiva OIE għandha tiġi inkluża eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11(1)(d), li tgħid illi evidenza miġbura taħt l-OIE ma tistax tintuża għal finijiet oħra minbarra l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reat jew l-infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ difiża.

    IV.4.   Salvagwardji fl-inizjattiva OPE

    45.

    Fir-rigward tal-inizjattiva OPE, il-KEPD jirrikonoxxi li d-data personali skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti u mniżżla fl-Anness I tal-inizjattiva (relatata kemm mal-vittma u kemm mal-persuna li tikkawża periklu) huma adegwati, relevanti u mhux eċċessivi fir-rigward tal-finijiet li jiġu miġbura u pproċessati għalihom.

    46.

    Madankollu mill-inizjattiva mhuwiex ċar biżżejjed – b’mod speċjali fl-Artikolu 8 (1)(b) – liema data personali relatata mal-vittma se tkun ikkomunikata lill-persuna li tikkawża periklu mill-awtorità kompetenti tal-Istat li jeżegwixxi.

    47.

    Il-KEPD jemmen li huwa xieraq li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u l-kontenut tal-miżuri ta’ protezzjoni maħruġa mill-awtorità ġudizjarja fl-Istat Membru emittenti qabel ma jkun infurmat l-individwu jikkawża periklu. Għalhekk dan tal-aħħar għandu jingħata biss dik id-data personali tal-vittma (li f’xi każi tista’ tinkludi wkoll data ta’ kuntatt personali) li tkun strettament relevanti għall-eżekuzzjoni sħiħa tal-miżura ta’ protezzjoni.

    48.

    Il-KEPD huwa konxju mill-fatt li l-għoti ta’ informazzjoni ta’ kuntatt personali (eż. numri tat-telefown, indirizz tal-vittma kif ukoll postijiet oħra li normalment tiffrekwenta, bħall-post tax-xogħol jew l-iskola li jattendu wliedu) jista’ effettivament jipperikola l-benessri fiżiku u psikoloġiku tal-vittma, u jista’ jaffettwa wkoll id-dritt tagħha għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali. Min-naħa l-oħra, f’ċerti każi l-indikazzjoni tal-indirizzi relevanti tista’ tkun meħtieġa sabiex twissi lill-persuna li tikkawża periklu dwar il-postijiet fejn ma jkollhiex permess tmur. Dan isir biex tippermetti li jkun hemm konformità mal-ordni u biex ikunu evitati kwalunkwe pieni potenzjali għall-ksur tiegħu. Barra dan, u dan jiddependi miċ-ċirkustanzi, l-identifikazzjoni tal-post(ijiet) fejn il-persuna li tikkawża periklu ma jkollhiex permess tmur tista’ tintalab sabiex ma jkunx hemm limiti bla bżonn fuq il-moviment ħieles tagħha.

    49.

    Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-KEPD jenfasizza l-importanza ta’ dan is-suġġett u jirrakkomanda li l-inizjattiva OPE tiddikjara b’mod ċar li, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-persuna li tikkawża periklu għanda tingħata biss dik id-data personali tal-vittma (li f’xi każi tista’ tinkludi wkoll data ta’ kuntatt) li tkun strettament relevanti għall-eżekuzzjoni sħiħa tal-miżura ta’ protezzjoni (37).

    50.

    Fl-aħħar nett, il-KEPD jitlob li jingħata kjarifika tal-espressjoni “mezzi elettroniċi” li tinsab fil-Premessa 10 tal-inizjattiva OPE. B’mod partikolari, għandu jiġi spjegat jekk id-data personali tkunx ipproċessata permezz ta’ “mezzi elettroniċi” u, jekk iva, liema garanziji qed jiġu pprovduti.

    V.   REGOLI DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA U L-KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA F’MATERJI KRIMINALI: TĦASSIB RIGWARD L-INIZJATTIVI OPE U OIE

    51.

    Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tapplika għall-iskambju kollu ta’ data personali li jsir taħt l-inizjattivi OPE u OIE.

    52.

    Għalkemm il-KEPD irrikonoxxa li d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI – meta implimentata mill-Istati Membri – hija pass importanti ’l quddiem fil-protezzjoni tad-data f’kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja (38), id-Deċiżjoni Qafas fiha nnifisha mhijiex sodisfaċenti għal kollox (39). It-tħassib ewlieni li għadu ma ssolviex għandu x’jaqsam mal-ambitu limitat tagħha. Id-Deċiżjoni Qafas hija ristretta għal skambji ta’ data personali li jsir fil-qasam tal-pulizija u l-ġustizzja bejn awtoritajiet u sistemi fi Stati Membri differenti fuq il-livell tal-UE (40).

    53.

    Anki jekk dan it-tħassib ma jistax jissolva fil-kuntest tal-inizjattivi OPE u OIE, il-KEPD jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir enfasi li nuqqas ta’ standard komuni (għoli) ta’ protezzjoni tad-data f’kooperazzjoni ġudizzjarja jista’ jimplika illi awtorità ġudizzjarja fuq il-livell nazzjonali jew tal-UE, meta tittratta ma’ fajl kriminali li jkun fih informazzjoni li tkun ġiet minn Stati Membri oħra (inkluż, eż. evidenza miġbura abbażi ta’ OIE) ikollha tapplika regoli tal-ipproċessar tad-data li jkunu differenti: regoli nazzjonali awtonomi (li jridu jkunu konformi mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 108) għal data li tkun ġiet mill-Istat Membru nnifsu u r-regoli li jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għal data li tkun ġiet minn Stati Membri oħra. Għalhekk “biċċiet ta’ informazzjoni” differenti jkunu jistgħu jaqgħu f’sistemi legali differenti.

    54.

    Il-konsegwenzi li jista’ jkollha l-applikazzjoni ta’ standard ta’ protezzjoni tad-data “doppju” għal kull fajl kriminali b’elementi transkonfinali huma relevanti fil-prattika ta’ kuljum (pereżempju, iż-żamma tal-informazzjoni stabbilita b’liġijiet applikabbli minn kull waħda mill-entitajiet ta’ trażmissjoni; aktar restrizzjonijiet ta’ pproċessar mitluba minn kull waħda mill-entitajiet ta’ trażmissjoni; fil-każ ta’ talba minn pajjiż terz, kull entità ta’ trażmissjoni tagħti l-kunsens tagħha skont il-valutazzjoni tagħha tal-adegwatezza u/jew tal-impenji internazzjonali; u differenzi fir-regolamentazzjoni tad-dritt għal aċċess mis-suġġett tad-data). Barra dan, id-drittijiet u l-protezzjoni taċ-ċittadini jistgħu jvarjaw u jkunu suġġetti għal diversi derogi wesgħin skont l-Istat Membru li fih isir l-ipproċessar (41).

    55.

    Għalhekk il-KEPD jieħu l-okkażjoni biex itenni l-opinjoni tiegħu rigward il-ħtieġa li jkollna qafas legali komprensiv tal-protezzjoni tad-data li jkopri l-oqsma kollha ta’ kompetenza tal-UE, inklużi l-pulizija u l-ġustizzja, biex ikun applikat kemm għal data personali trażmessa jew magħmula disponibbli minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u kemm għal proċedimenti domestiċi fl-AFSJ (42).

    56.

    Fl-aħħar nett, il-KEPD josserva li r-regoli tal-protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għall-oqsma kollha u għall-użu ta’ data għall-finijet kollha (43). Ovvjament, eċċezzjonijiet li jkunu ġġustifikati bis-sħiħ u abbozzati b’mod ċar għandhom ikunu possibbli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ data personali li tkun ipproċessata għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (44). Nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-data personali jmorru kontra l-qafas legali (rinovat) attwali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE – eskluż mill-ambitu tal-applikazzjoni tad-direttiva tal-qasam tal-pulizija u l-ġustizzja – ma jissodisfax il-filosofija li tinsab fl-Artikolu 16 tat-TFUE. Barra dan, dawn in-nuqqasijiet mhumiex koperti biżżejjed mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 (45), li huma marbuta biha l-Istati Membri kollha.

    VI.   KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

    57.

    Il-KEPD jirrakkomanda fir-rigward taż-żewġ inizjattivi OPE u OIE:

    li jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi li jistipulaw li l-istrumenti japplikaw mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali,

    li jiġu inklużi dispożizzjonijiet illi jitolbu lill-Istati Membri jiżguraw li:

    l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi neċessarji biex japplikaw id-direttivi proposti,

    l-uffiċjali kompetenti josservaw standards professjonali u jkunu suġġetti għal proċeduri interni adegwati li jiżguraw, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, il-korrettezza fil-proċeduri u l-ħarsien xieraq tad-dispożizzjonijiet tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali,

    s-sistemi ta’ awtentikazzjoni jippermettu biss li l-individwi awtorizzati jkollhom aċċess għal żewġ bażijiet tad-data li jaħżnu personali jew għal postijiet fejn tkun tinsab evidenza,

    jsiru l-intraċċar ta’ aċċessi u l-operazzjonijiet,

    jiġu implementati kontrolli ta’ verifika.

    58.

    Fir-rigward tal-inizjattiva OPE, il-KEPD jirrakkomanda:

    li jiġi ddikjarat b’mod ċar li, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-persuna li tikkawża periklu għandha tingħata biss dik id-data personali tal-vittma (li f’xi każi tista’ tinkludi wkoll data ta’ kuntatt personali) li tkun strettament relevanti għall-eżekuzzjoni sħiħa tal-miżura ta’ protezzjoni,

    li tiġi ċċarata l-espressjoni “mezzi elettroniċi” li tinsab fil-Premessa 10 tal-inizjattiva OPE.

    59.

    Fir-rigward tal-inizjattiva OIE, il-KEPD jirrakkomanda:

    li tiġi inkluża dispożizzjoni dwar it-traduzzjonijiet li tkun simili għall-Artikolu 16 tal-inizjattiva OIE;

    li tiġi inkluża dispożizzjoni li tevita l-użu ta’ evidenza għal finijiet oħra minbarra l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reat jew l-infurzar ta’ sanzjonijiet kriminali u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ difiża, bħala eċċezzjoni għall-Artikolu 11(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI,

    li tiġi miżjuda klawżola ta’ valutazzjoni fl-inizjattiva OIE, li titlob lill-Istati Membri jirrappurtaw regolarment dwar l-applikazzjoni tal-istrument u li titlob lill-Kummissjoni tiġbor fil-qosor dawn ir-rapporti u, fejn ikun relevanti, tressaq proposti xierqa biex isiru emendi.

    60.

    Barra dan, u b’mod aktar ġenerali, il-KEPD:

    jirrakkomanda lill-Kunsill jistabbilixxi proċedura li permezz tagħha tkun tista’ ssir konsultazzjoni mal-KEPD, fil-każ li inizjattiva li tiġi introdotta minn Stati Membri tkun relatata mal-ipproċessar ta’ data personali,

    itenni l-ħtieġa li jkun hemm qafas legali komprensiv ta’ protezzjoni tad-data li jkopri l-oqsma kollha tal-kompetenza tal-UE, inklużi l-pulizija u l-ġustizzja, biex ikun applikat kemm għal data personali trażmessa jew disponibbli minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u kemm għal proċedimenti domestiċi fl-AFSJ.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2010.

    Peter HUSTINX

    Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


    (1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (3)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

    (4)  Il-Kunsill Ewropew, Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (2010/C 115/01), Kapitolu 3, “Faċilitar ta’ ħajjet in-nies: Ewropa ta’ liġi u ġustizzja”, ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1; ara wkoll l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini, ĠU C 276, 17.11.2009, p. 8.

    (5)  Fis-snin reċenti l-KEPD adotta għadd kbir ta’ opinjonijiet u kummenti dwar inizjattivi fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li lkoll jinsabu fuq il-websajt tal-KEPD.

    (6)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 5.

    (7)  ĠU C 165, 24.6.2010, p. 22.

    (8)  Fl-imgħoddi l-KEPD adotta wkoll opinjonijiet dwar inizjattivi ta’ Stati Membri: ara eż. Opinjoni tal-KEPD tal-4 ta’ April 2007 dwar l-inizjattiva minn 15-il Stat Membru bil-ħsieb li jadottaw Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU C 169, 21.7.2007, p. 2) u l-Opinjoni tal-KEPD tal-25 ta’ April 2008 dwar l-inizjattiva minn 14-il Stat Membru bil-ħsieb li jadottaw Deċiżjoni tal-Kunsill rigward it-tisħiħ tal-Eurojust u li jemendaw id-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI (ĠU C 310, 5.12.2008, p. 1).

    (9)  Dan il-prinċipju, introdott fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Vjenna (Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Aħjar Mod ta’ Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Amsterdam dwar Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Test adottat mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-3 ta’ Diċembru 1998, ĠU C 19, 23.1.1999, p. 1, punt 45(f)), ġie fformulat b’mod ċar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, fil-punti 33, 35-37.

    (10)  Minkejja li t-tielet inizjattiva (għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għal interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, 22 ta’ Jannar 2010, 2010/0801) għandha l-istess oriġini,, din mhux qiegħda titqies hawnhekk għaliex l-inizjattiva ma tinvolvix kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni ta’ data personali. Dwar l-istess suġġett ara wkoll il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għal interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, 9.3.2010, COM(2010) 82 finali.

    (11)  Green Paper dwar il-ksib ta’ provi mingħand Stat Membru fi kwistjonijiet kriminali u l-iżgurar tal-ammissibilità tagħha, COM(2009) 624 finali, 11.11.2009.

    (12)  Ir-risposti varji u ġieli kuntrastanti qiegħdin jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni Ewropea u jistgħu jinqraw fuq: http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_0004_en.htm

    (13)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa. Pjan ta’ Azzjoni li Jimplementa l-Programm ta’ Stokkolma, Brussell, 20.4.2010, COM(2010) 171 finali, p. 18.

    (14)  Għalissa għadu mhux ċar kif strument ġejjieni possibbli ser jirrelata b’mod reċiproku mal-inizjattiva OIE.

    (15)  Ara Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI dwar il-protezzjoni ta’ data personali proċessata fil-qafas ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u kif ukoll Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE u Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    (16)  Ara l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, Opinjoni 4/2007 dwar il-kunċett ta’ data personali, WP 136, adottata fl-20 ta’ Ġunju 2007, p. 10.

    (17)  Il-prinċipju stabbilit f’Il-Programm tal-Aja. It-Tisħiħ tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, punt 2.1, ifisser li “madwar l-Unjoni, uffiċjal tal-infurzar tal-liġi fi Stat Membru wieħed li għandu bżonn informazzjoni sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu jista' jiksibha minn Stat Membru ieħor u li l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi fl-Istat Membru l-ieħor li għandha din l-informazzjoni għandha tagħmilha aċċessibbli għall-iskop imsemmi, waqt li jitqies ir-rekwiżit tal-investigazzjonijiet li jkunu qed jitwettqu f’dak l-Istat”. Dwar din il-kwistjoni ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni skont il-prinċipju tad-disponibbiltà (COM(2005) 490 finali), ĠU C 116, 17.5.2006, p. 8.

    (18)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-mandat Ewropew għall-provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali, ĠU L 350, 30.12.2008, p. 72.

    (19)  Bħalissa jeżistu żewġ strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku applikabbli għall-ksib ta’ evidenza: Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet fl-Unjoni Ewropea li jiffriżaw proprjetà jew evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45) u d-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠAI, ikkwotata fin-nota 18 ta’ qiegħ il-paġna.

    (20)  L-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠAI jipprovdi li “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sad-19 ta’ Jannar 2011”.

    (21)  Barra dan, il-paragrafu 1.2.3 tal-Programm ta’ Stokkolma jitlob li inizjattivi leġiżlattivi ġodda għandhom jitressqu wara li tkun saret verifika tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    (22)  Stqarrija Dettaljata li tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2) tat-Trattat ta’ Lisbona tas-6 ta’ Jannar 2010.

    (23)  L-Istqarrija Dettaljata tat-23 ta’ Ġunju 2010, Fajl Interistituzzjonali: 2010/0817 (COD) tirreferi b’mod espliċitu biss għad-dritt ta’ libertà u sigurtà u għad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba (ara p. 25 u p. 41).

    (24)  Aktar: Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

    (25)  Ara l-Premessa 27 tal-aktar abbozz reċenti tal-inizjattiva OPE (28 ta’ Mejju, dokument tal-Kunsill Nru 10384/2010): “Id-data personali pproċessata waqt l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun protetta skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠUI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u skont il-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fit-28 ta’ Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni tal-Individwi rigward l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali, li l-Istati Membri kollha rratifikaw”.

    (26)  F’dan is-sens ara l-Emenda 21 inkluża fl-Abbozz ta’ Rapport dwar l-inizjattiva għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Protezzjoni Ewropea (00002/2010 – C7-0006/2010 – 2010/0802(COD)), 20.5.2010, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern – Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Rapporteur: Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Carmen Romero López, fuq http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2009_2014/documents/femm/pr/817/817530/817530mt.pdf

    (27)  Ara l-kummenti tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali, 24.8.2010, JUST/B/1/AA-et D(2010) 6815, pp. 9 u 38, fuq. http://ec.europa.eu/justice/news/intro/doc/comment_2010_08_24_en.pdf

    (28)  Ara wkoll it-Taqsima V tal-opinjoni.

    (29)  Ara, inter alia, l-approvazzjoni tal-bżonn li jittejbu l-aċċess għall-ġustizzja, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali Ewropej u l-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja nnifisha fl-Opinjoni tal-KEPD dwar l-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika, ĠU C 128, 6.6.2009, p. 13, punti 9 u 21.

    (30)  Fir-rigward tal-aspett relatat mar-rispett tar-regoli proċedurali kriminali fl-Istati Membri, l-iżjed fil-qasam tal-Proposta OIE, tista’ ssir referenza għall-konsiderazzjonijiet u t-tħassib li jinsabu fit-tweġibiet mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper (ara n-noti 11 u 12 ta’ qiegħ il-paġna).

    (31)  Ara wkoll Kunsill, Il-Programm tal-Aja. It-Tisħiħ tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (2005/C 53/01), ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1, 7 et seq.

    (32)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (COM(2005) 475 finali), ĠU C 47, 25.2.2006, p. 27, punti 5-7.

    (33)  B’mod aktar ġenerali, ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika, Brussell, 30.5.2008, COM(2008)329 finali, p. 8: “L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali f’kunfidenza sħiħa”.

    (34)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130).

    (35)  Ara l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja, Il-Futur tal-Privatezza, p. 20 et seq.

    (36)  Din id-dispożizzjoni tippermetti l-użu ta’ evidenza anki għal “kwalunkwe għan ieħor biss bil-kunsens minn qabel tal-Istat Membru li jitrażmetti jew bil-kunsens tas-suġġett tad-data, mogħti f’konformità mad-dritt nazzjonali”.

    (37)  Jidher li dan huwa s-sens tal-Emendi 13 u 55 tal-Abbozz tar-Rapport dwar l-inizjattiva għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Protezzjoni Ewropea (00002/2010 – C7-0006/2010 – 2010/0802(COD)), 20.5.2010, Kumitat għad-Drittijiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern – Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

    (38)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lejn Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika (2009/C 128/02), ĠU C 128, 6.6.2009, p. 13, punt 17.

    (39)  Ara t-tliet Opinjonijiet tal-KEPD dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (COM(2005) 475 finali), ĠU C 47, 25.2.2006, p. 27, ĠU C 91, 26.4.2007, p. 9, ĠU C 139, 23.6.2007, p. 1. Ara wkoll l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin, ĠU C 276, 17.11.2009, p. 8, punti 19, 29 u 30.

    (40)  Ara l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

    (41)  Ara t-tielet Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali ĠU C 139, 23.6.2007, p. 41. ,imsemmija fin-nota 39 ta’ qiegħ il-paġna, punt 46.

    (42)  Din il-pożizzjoni tal-KEPD hija appoġġata b’mod ċar mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data u mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja, Il-Futur tal-Privatezza. Kontribuzzjoni konġunta għall-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas legali għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni ta’ data personali, WP 168, adottata fl-1 ta’ Diċembru 2009, pp. 4, 7 et seq. u 24 et seq.

    (43)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin, Brussell, 10.6.2009, COM(2009) 262 finali, p. 30: “l-Unjoni għandha tistabbilixxi skema sħiħa dwar il-protezzjoni tad-data personali li tkopri l-kompetenzi kollha tal-Unjoni”.

    (44)  Approċċ bħal dan ikun konformi wkoll mal-għan tad-Dikjarazzjoni 21 mehmuża mat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-protezzjoni ta’ data personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija.

    (45)  Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali, 28 ta’ Jannar 1981, Nru 108.


    Top