EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0100

L-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat- 13 ta' Marzu 2008 dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq (2007/2181(INI))

ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 75–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 66/75


L-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq

P6_TA(2008)0100

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq (2007/2181(INI))

(2009/C 66 E/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Ana Maria Gomes f'isem il-Grupp PSE dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq (B6-0328/2007),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, l-iktar waħda riċenti tal-25 ta' Ottubru 2007 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati Iraqini (2),

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tal-15 ta' Novembru u tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-kompożizzjoni u l-mandat ta' “delegazzjoni ad hoc għar-relazzjonijiet ma' l-Iraq”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni dwar l-involviment ta' l-UE fl-Iraq tat-23-24 ta' April, tal-15-16 ta' Ottubru u tad-19-20 ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2006 intitolata “Rakkomandazzjonijiet għal impenn imġedded ta' l-Unjoni Ewropea favur l-Iraq” (COM(2006)0283),

wara li kkunsidra l-Ftehim Internazzjonali ma' l-Iraq, imniedi f'Sharm el-Sheik, l-Eġittu, fit-3 ta' Mejju 2007,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1546 (2004) tat-8 ta' Ġunju 2004, 1770 (2007) ta' l-10 ta' Awwissu 2007 u 1790 (2007), partikolarment l-Annessi I u II tagħhom, tat-18 ta' Diċembru 2007 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC),

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/190/CFSP tas-7 ta' Marzu 2005 dwar il-Missjoni Integrata ta'l-Istat tad-Dritt ta' l-Unjoni Ewropea għall-Iraq, EUJUST LEX (3), stabbilita skond il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP), u wara li kkunsidra l-Azzjonijiet Konġunti sussegwenti li jemendawha u li jestendu l-mandat għall-missjoni,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà dwar “Ewropa sikura f'dinja aħjar” tat-12 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp tat-22 ta' Novembru 2005,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar in-nisa f'kunflitti armati u dwar l-irwol tagħhom fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitt (4),

wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-ħarsien ta' persuni ċivili f'każ ta' kunflitti armati tat-12 ta' Awwissu 1949, flimkien mal-Protokolli Adizzjonali I u II mehmuża magħha, u mħasseb b'mod partikolari bil-vjolenza li tagħha huwa vittma il-persunal umanitarju, tas-saħħa u reliġjuż fit-twettieq tal-funzjonijiet tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq (A6-0052/2008),

A.

billi mill-2005 r-Repubblika ta' l-Iraq kellha żewġ elezzjonijiet li fihom ħadu sehem ħafna partiti, adottat kostituzzjoni permezz ta' referendum, ħolqot il-bażi għal stat federali u bdiet il-proċess diffiċli sabiex tibni l-istituzzjonijiet demokratiċi,

B.

billi kemm is-soċjetà Iraqina u t-tmexxija politika tagħha huma mifrudin u billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà f'xi partijiet tal-pajjiż għadha perikoluża immens,

C.

billi fl-Iraq hemm kunflitt settarju u ribelljoni, u huwa affettwat ukoll minn nuqqas ġenerali ta' stat tad-dritt,

D.

billi kien hemm titjib fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika ta' l-Iraq, iżda billi l-forzi Iraqini għadhom qed jiffaċċjaw l-isfida li jappoġġjaw u jikkonsolidaw dan it-titjib, bl-għajnuna internazzjonali, u billi sforzi serji biex ikunu żgurati r-ristrutturar u l-iżvilupp sostenibbli, u l-abiltà ta' l-UE li tgħin lill-poplu ta' l-Iraq, jiddependu mit-titjib kontinwu tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà,

E.

billi matul deċennji ta' tmexxija dittatorjali l-amministrazzjoni pubblika ta' l-Iraq tmexxiet lejn kontroll tal-popolazzjoni u mhux lejn is-servizz pubbliku, u billi s-snin ta' amministarzzjoni ċentralizzata b'mod strett mill-Partit Ba'ath wassal għal nuqqasijiet kbar fil-ħila ta' l-Iraqini li jimmaniġġjaw il-baġit u r-riżorsi finanzjarji b'mod xieraq, u li minħabba f'hekk illum il-qasam pubbliku huwa dgħajjef, u m'għandux kultura żviluppata sew li tagħti prijorità lill-forniment ta' servizzi pubbliċi lill-poplu ta' l-Iraq,

F.

billi l-pajjiżi tal-viċinat għandhom iżommu lura milli jindaħlu fl-affarijiet interni ta' l-Iraq u għandhom jirrispettaw l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tiegħu kif ukoll ix-xewqa tal-poplu Iraqin li jibni s-sistema kostituzzjonali u politika tal-pajjiż bis-saħħa tiegħu stess,

G.

billi l-kunflitt s'issa kkawża l-ispustjar ta' 2,4 miljun persuna fl-Iraq u 2,28 miljun refuġjat fil-pajjiż tal-viċinat, l-aktar is-Sirja u l-Ġordan,

H.

billi r-reġjun Kurd huwa reġjun ta' l-Iraq fejn hemm garanzija ta' ambjent ta' paċi u stabilità u fejn il-koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp u l-investiment privat qed jikbru,

I.

billi l-UE bħala parteċipant globali għandha tassumi r-responsabilitajiet tagħha fil-bini tad-demokrazija ġdida fl-Iraq, u billi l-politika ta' l-UE lejn l-Iraq għandha tidher fil-kuntest aktar wiesa' ta' sħubija strateġika ta' l-UE mal-Mediterran u l-Lvant Nofsani,

J.

billi jeħtieġ li l-UE tkun aktar strateġika fl-appoġġ ta' l-Iraq fil-progress tiegħu biex isir stat federali demokratiku; billi l-UE tirrikonoxxi li, sabiex tkun tista' tagħti għajnuna effettiva, irid ikun hemm sħubija b'saħħitha mal-poplu ta' l-Iraq, impenn kontinwu min-naħa tal-Gvern ta' l-Iraq biex tkun iggarantita s-sigurtà, ir-rikonċiljazzjoni, rieda ta' koperazzjoni, sforzi biex tinkiseb il-kapaċità - u l-bini tad-demokrazija, u sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex ikunu ggarantiti t-trasparenza u l-effikaċja bħala prekundizzjonijiet fundamentali għal rwol akbar ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq; billi l-isfidi ewlenin ta' rikostruzzjoni jinsabu fuq il-front istituzzjonali u soċjali, l-aktar il-bini tal-kapaċitajiet ta' l-istituzzjonijiet u ta' l-amministrazzjoni, il-konsolidament ta' l-istat tad-dritt, ta' l-infurzar tal-liġi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem,

K.

billi l-UE identifikat il-ħtieġa ta' ppjanar plurijennali għall-operazzjonijiet, lil hinn mill-ippjanar attwali li jsir kull sena bbażat fuq miżuri speċjali, sabiex ittejjeb l-effikaċja ta' l-għajnuna tagħha,

L.

billi jeħtieġ li l-UE tadatta l-użu tar-riżorsi tagħha skond l-isfidi speċifiċi interni, reġjonali u umanitarji li qed jiffaċċja l-Iraq; billi l-effikaċja, it-trasparenza u l-viżibilità huma prekundizzjonijiet fundamentali għal rwol akbar ta' l-Unjoni Ewropea fl-Iraq,

M.

billi l-Iraq mar lura mis-snin sebgħin 'l hawn meta kien pajjiż ta' dħul medju, u billi jeħtieġ li l-UE tadatta l-użu tar-riżorsi tagħha kif xieraq,

N.

billi l-Kummissjoni għandha delegazzjoni żgħira f'Bagdad minn Diċembru 2005, u t-taqsima operattiva tagħha hija bbażata f'Amman, u ssibha diffiċli ħafna li topera f'uħud miz-zoni, speċjalment f'Bagdad, minħabba l-arranġamenti militari u s-sitwazzjoni tas-sigurtà,

O.

billi l-Kummissjoni sa mill-2003 pprovdiet aktar minn EUR 800 miljun sabiex tassisti lill-Iraq (l-aktar permezz tal-Fond Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni (IRFFI)), u billi l-UE kienet involuta direttament fit-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt fil-pajjiż mill-2005 permezz tal-missjoni tagħha ESDP EUJUST LEX; billi l-mandat ESDP EUJUST LEX ġie estiż għall-aħħar darba,

P.

billi l-Gvern ta' l-Iraq, flimkien mal-Bank Dinji u n-Nazzjonijiet Uniti, qabel dwar il-Ftehim Internazzjonali ma' l-Iraq fit-3 ta' Mejju 2007 bħala l-viżjoni tal-gvern Iraqi għall-ħames snin li ġejjin u bħala r-referenza ewlenija għall-involviment tal-komunità internazzjonali fil-pajjiż, bl-approvazzjoni sħiħa ta' l-Unjoni Ewropea bħala wieħed mid-donaturi ewlenin,

Q.

billi r-Riżoluzzjoni 1770 (2007) tal-UNSC imsemmija hawn fuq riċentement kabbret il-mandat tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Iraq b'mod sinifikanti,

R.

billi s-snin tar-reġim ta' Ba'ath u deċennji ta' gwerra ħallew soċjetà trawmatizzata minħabba l-gwerra, ir-ripressjoni, it-tindif etniku (anke bl-attakk kimiku, bħalma ġara f'Halabja) u l-indifferenza internazzjonali dwar dawn ir-reati; billi l-komunità internazzjonali, u b'mod partikulari dawk l-istati li appoġġjaw l-intervent, għandhom dmir morali u legali, kif ukoll interess ta' sigurtà li tappoġġja l-poplu ta' l-Iraq, u billi l-Unjoni Ewropea, f'koordinazzjoni ma' donaturi internazzjonali oħra, trid timmobilizza malajr u b'mod kollettiv l-istrumenti rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tagħti sehemha,

S.

billi l-Parlament Ewropew hu determinat li jiżviluppa aktar ir-relazzjoni tiegħu mal-Kunsill tar-Rappreżentanti ta' l-Iraq, anke permezz ta' rabtiet formali,

1.

Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

(a)

li jadotta, flimkien mal-Kummissjoni, strateġija ġdida li żżid, kemm b'mod kwantitattiv u speċjalment - b'mod kwalitattiv, l-appoġġ ta' l-UE għall-isforzi tan-NU bħala għajnuna għall-bini ta' Iraq sikur, stabbli, magħqud, prosperu, federali u demokratiku li jħares id-drittijiet tal-bniedem, jipproteġi l-minoranzi tiegħu u jippromwovi t-tolleranza interetnika sabiex iwitti t-triq għall-istabilità u s-sigurtà reġjonali; u biex jirreaġixxi għar-Riżoluzzjoni 1770 (2007) tal-UNSC, li żżid l-irwol tan-NU fl-Iraq b'mod sinifikanti;

(b)

li l-appoġġ ta' l-UE għal tmexxija demokratika jingħata partikolarment għal tliet għanijiet: it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-Gvern u l-Kunsill tar-Rappreżentanti ta' l-Iraq sabiex jiġu minimizzati l-intoppi fil-proċess leġiżlattiv; it-tisħiħ tal-proċeduri elettorali fil-livell lokali sabiex jiġi żgurat li l-kunsilli provinċjali jirrappreżentaw b'mod sħiħ il-popolazzjoni lokali kollha; u t-tisħiħ tad-demokrazija lokali b'mekkaniżmi ta' konsultazzjoni sabiex jinvolvu lill-popolazzjoni lokali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi regolari u frekwenti;

(c)

li l-għajnuna ta' l-UE fl-Iraq tiġi ffukata fuq assistenza teknika relevanti u l-bini tal-kapaċità fl-oqsma ta' l-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, l-immaniġġjar finanzjarju u tal-baġit, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saħħa u l-edukazzjoni, u fuq it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet tal-gvern federali, reġjonali u lokali;

(d)

li jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura t-trasparenza u l-effiċjenza ta' l-għajnuna ta' l-UE għall-Iraq, billi:

tieħu azzjoni dwar il-preokkupazzjonijiet li diġà tfissru fl-2005 fl-opinjoni dwar il-baġit Ġenerali 2006 mressqa mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament, billi tipprovdi informazzjoni regolari u trasparenti dwar in-nefqa attwali u l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna ta' l-UE, speċjalment il-fondi mgħoddija permezz ta' l-IRFI;

topera direttament fil-post jekk u meta tippermetti s-sitwazzjoni tas-sigurtà, l-iktar fil-Bwar tan-Nofsinhar, b'mod partikulari mal-popolazzjoni abbandunata, u fir-reġjun Kurd;

tinkuraġġixxi lill-aġenziji tan-NU u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra biex jagħmlu l-istess;

tiżgura l-appoġġ sħiħ tal-partijiet interessati lokali — inklużi s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet tal-gvern — fit-tfassil, l-implimentazzjoni u s-sostenibilità tal-proġetti u tal-programmi;

tiżgura li l-proġetti ffinanzjati mill-UE ma jidħlux fuq ix-xogħol ta' donaturi oħra internazzjonali imma jikkumplimentawhom;

iżżid il-proporzjon ta' finanzjament ta' l-UE għall-għajnuna teknika bilaterali u l-bini tal-kapaċità, u ttejjeb il-kontroll dirett tal-KE fuq il-finanzjament;

l-enfasi ewlenija ta' l-appoġġ tal-UE tibda ssir fuq proġetti bilaterali li jagħtu importanza lill-għajnuna teknika u lill-bini ta' kapaċitajiet fl-oqsma ta' l-istat tad-dritt, ta' l-immaniġġjar finanzjarju, tal-governanza demokratika u tad-drittijiet tal-bniedem;

tiżgura li għajnuna sostantiva ta' l-UE tingħata għat-titjib ta' l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u l-kontroll tal-baġit bil-għan li jiġi żgurat li l-Gvern Iraqin ikun f'pożizzjoni aħjar li juża l-ammont sostanzjali u li qed jiżdied tal-fondi pubbliċi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu;

tuża l-esperjenza ta' għajnuna tagħha miksuba minn programmi ma' l-imsieħba tagħha ta' l-ENP sabiex jinstabu modi kif ikun iggarantit involviment iktar effettiv fl-Iraq;

(e)

li jikkunsidra l-possibilità li l-Kummissjoni tadotta d-Dokument Strateġiku plurijennali għall-Iraq;

(f)

li jinkoraġġixxi t-tiġdid ta' relazzjonijiet u l-iskambji politiċi, diplomatiċi, kulturali u ekonomiċi bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Iraq;

(g)

li jinkludi l-elementi li ġejjin fi strateġija ġdida għal involviment proattiv min-naħa ta' l-UE u ta' l-Istati Membri tagħha fl-Iraq, elementi li għandhom jiġu implimentati skond kif jippermettu ċ-ċirkustanzi — l-iktar is-sitwazzjoni tas-sigurtà — u b'konsultazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet Iraqini u ma' msieħba oħra, bħall-aġenziji tan-NU u l-organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs):

jiżdiedu d-daqs, ir-responsabiltajiet u r-riżorsi tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f'Bagdad, jinxtara l-bini ġdid għalija u jiġi żgurat li l-impjegati jkunu jistgħu jgħixu u jaħdmu fis-sikurezza; l-Istati Membri ta' l-UE li m'għandhomx rappreżentanza f'Bagdad jiġu mħeġġa sabiex jerġgħu lura u jużaw dak il-bini u jaqsmu l-ispejjeż marbuta mas-sigurtà;

tiġi żgurata l-viżibilità ta' l-UE/KE f'Erbil, f'Nasiriyah, f'Basra u f'zoni oħra ta' l-Iraq fejn is-sitwazzjoni tas-sigurtà tippermetti;

jissaħħaħ l-appoġġ għall-istat tad-dritt u l-ġustizzja billi tibqa' tingħata importanza speċjalment lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji u entitajiet mhux governattivi fl-oqsma li ġejjin: it-tisħiħ ta' l-Istitut għat-Taħriġ Ġudizzjarju, l-appoġġ għat-twaqqif ta' uffiċċji li jinvestigaw reati kbar, it-tisħiħ tal-Kunsill Ġudizzjarju Għoli, l-appoġġ għat-twaqqif ta' qorti pilota f'Basra, it-tisħiħ tal-Kamra ta' l-Avukati Iraqina u l-appoġġ għat-twaqqif taċ-Ċentri għall-Għajnuna Legali;

isir progress wara l-esperjenza pożittiva tal-EUJUST LEX u jitħejja s-segwitu għall-missjoni, fuq il-bażi ta' l-esperjenza u fuq il-bażi ta' evalwazzjoni esterna fil-fond, bil-għan li jissaħħu aktar il-pulizija Iraqina u s-sistema tal-ġustizzja kriminali billi jintużaw kemm l-ESDP kif ukoll l-istrumenti Komunitarji;

jingħata appoġġ għar-riforma ta' l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u jingħata kontribut lir-responsabilizzazzjoni;

tibqa' tingħata għajnuna teknika għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

jingħata appoġġ għall-proċess ta' rikonċiljazzjoni, l-iktar f'Kirkuk u f'territorji oħra li m'hemmx qbil intern dwarhom, inklużi z-zoni ta' l-Assirja magħrufa bħala l-Pjanuri ta' Nineveh bil-minoranzi Kristjani tagħhom; jiġu appoġġjati inizjattivi tan-NU biex ikun iffaċilitat id-djalogu reġjonali l-aktar billi jinstabu modi u metodi li jtejbu l-kapaċità operattiva, inkluż it-trasport bl-ajru;

tiġi sfruttata n-natura speċifika ta' l-Istrument ta' Stabiltà (6) biex tingħata għajnuna sostanzjali, kruċjali għall-iżvilupp f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' kriżi li titfaċċa bħal dik li qed tiddomina fl-Iraq; jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet demokratiċi, mhux settarji, pluralistiċi, federali, reġjonali u lokali b'enfasi partikulari fuq il-Kunsill tar-Rappreżentanti u l-ħila tiegħu li jimmaniġġja l-proċess leġiżlattiv, li jikkontrolla l-fergħa eżekuttiva u li jiżgura rwol aktar b'saħħtu għan-nisa fis-soċjetà Iraqina; jiġi promoss ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, filwaqt li ssir enfasi partikulari fuq id-drittijiet tan-nisa, tal-minoranzi u tat-tfal; jiġu appoġġjati miżuri li jsaħħu l-iżvilupp u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess politiku, u tiġi promossa midja indipendenti, pluralista u professjonali; jiġu appoġġjati attivitajiet ta' tneħħija ta' l-isplussivi ta' l-art; jingħataw pariri u appoġġ lir-reġjun Kurd u lill-gvern tiegħu fl-isforzi li jsiru għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga;

ir-riżorsi ta' l-Istrument għall-Koperazzjoni dwar l-Iżvilupp (7) li jingħataw lill-Iraq, ikomplu jintużaw l-aktar għall-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (DCI), sabiex ikun garantit bħala kwistjoni ta' l-ogħla prijorità l-aċċess universali għall-kura vitali pubblika tas-saħħa fejn il-bini ta' l-istituzzjoni - u tal-kapaċità - huma meħtieġa b'mod urġenti sabiex jikkoreġu d-defiċit strutturali kbir, tittieħed azzjoni prijoritarja sabiex ikun evitat li s-sistema ta' l-edukazzjoni tibqa' sejra lura, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' miżuri prattiċi li jiżguraw li l-bniet ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fl-edukazzjoni fil-livelli kollha u sabiex jappoġġjaw ir-rivalitizzazzjoni tas-sistema ekoloġika u soċjali tal-bwar (marshlands) u tal-protezzjoni tal-wirt kulturali uniku ta' l-Għarab tal-Bwar (“Marsh Arabs”); jintuża d-DCI sabiex jiġi pprovduti għarfien tekniku prattiku u l-iżvilupp tal-ħiliet li jappoġġjaw l-inizjattivi Iraqini sabiex tiġi identifikata u mrażżna l-ħsara ekoloġika u l-effetti tal-bidla fil-klima;

l-NGOs Ewropej jiġu inkoraġġiti jinvolvu ruħhom mal-kontraenti Iraqini tagħhom — li diġà huma partikolarment attivi fir-Reġjun tal-Kurdi — isir użu estensiv mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (8) meta tingħata għajnuna teknika u finanzjarja lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet li ġejjin: il-parteċipazzjoni ugwali ta' l-irġiel u tan-nisa fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali; il-vjolenza kontra n-nisa, l-aktar iż-żwiġijiet sfurzati, ir-reati ta' l-“unur”, it-traffikar u l-mutilazzjoni ġenitali; id-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-persuni li jappartjenu għal minornzi u gruppi etniċi, inklużi l-Assirjani (il-Kaldej, is-Sirjaki u komunitajiet Kristjani oħra), il-Yazidi u t-Turkmen; id-drittijiet tat-tfal, speċjalment fil-kuntest tal-ġlieda kontra x-xogħol tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u t-traffikar tat-tfal; il-ġlieda kontra d-detenzjoni arbitrarja u t-tortura; u t-tneħħija tal-piena kapitali;

jiġi nkoraġġit u megħjun il-Gvern ta' l-Iraq bħala kwistjoni ta' urġenza eċċezzjonali sabiex idaħħal leġiżlazzjoni ta' emerġenza ħalli jipprovdi għajnuna finanzjarja lil aktar minn miljun mara kapijiet ta' familji u tad-dipendenti tagħhom nieqsa li huma nieqsa minn kollox;

jiġi mkabbar il-pakkett finanzjarju tal-programm Erasmus Mundus għall-Iraq; jingħata appoġġ kemm lill-attivitajiet li għaddejjin kif ukoll lil dawk ġodda sabiex jinħolqu networks bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet akkademiċi Iraqini u barranin, akkademiċi individwali, intellettwali u organizzazzjonijiet ta' l-istudenti, sabiex l-ambjent akkademiku jerġa' jingħata l-ħajja;

tiġi msaħħa l-kapaċità ta' l-awtoritajiet Iraqini sabiex jeżerċitaw kontrolli tal-fruntiera effettivi, li għandhom, fost l-oħrajn, inaqqsu d-dħul ta' armi u armamenti fil-pajjiż; tingħata għajnuna biex jitwaqqaf il-fluss illegali ta' armi żgħar u ta' armamenti ħfief lejn l-Iraq, anke billi l-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi jsir jorbot legalment, billi jitjieb il-kontroll tal-Forza ta' l-Unjoni Ewropea (EUFOR) Althea dwar il-ħażna ta' armi fil-Bosnja-Ħerzegovina, billi tiġi aċċellerata l-qerda tal-ħażna ta' l-armi fil-Balkani, u billi tingħata għajnuna lill-awtoritajiet Iraqini sabiex 'ineħħu' l-fdal ta' armi żgħar u ħfief permezz ta' programm għad-diżarm fuq skala kbira, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid, waqt li jsir użu kemm mill-istrumenti ta' l-ESDP kif ukoll mill-istrumenti Komunitarji;

jitkomplew in-negozjati ferm milqugħa u produttivi dwar il-Ftehim ġdid dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq, waqt li tkun enfasizzata l-importanza tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħala element li jaffettwa r-relazzjonijiet kuntrattwali ta' l-UE ma' kwalunkwe pajjiż terz, anke fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

tiġi pprovduta għajnuna amministrattiva u teknika, u jiġi promoss il-bini tal-kapaċità lokali, sabiex jiġi megħjun il-Gvern Iraqi ħalli jimplimenta l-programm reċenti ta' mikro-self (micro-loan) u jaqsam l-aħjar prattiki dwar l-irwol pożittiv li l-mikro-kreditu (micro-credit) għandu fl-emanċipazzjoni tan-nisa fil-komunitajiet tagħhom, speċjalment lil aktar minn miljun mara armla li huma nieqsa minn kollox;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex ittaffi l-kundizzjoni tar-refuġjati Iraqini fil-Ġordan u fis-Sirja u fil-pajjiżi l-oħra fir-reġjun effettwati mill-kriżi tar-refuġjati Iraqini, u sabiex iżżid sew it-trasparenza u l-effiċjenza ta' l-għajnuna ta' l-UE lir-refuġjati Iraqini f'dawk il-pajjiżi;

jiżdied l-appoġġ ta' l-UE – permezz tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja (DG ECHO) – lill-NGOs, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-isforzi tagħhom biex tittaffa l-kundizzjoni tar-refuġjati Iraqini fil-pajjiżi viċin, kif wkoll ta' l-Iraqini spustati internament (IDPs), inklużi l-4 000 familja ta' l-Assiri li fittxew rifuġju prinċipalment fil- Pjanuri ta' Nineveh; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqini sabiex jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom ħalli jipprovdu għajnuna finanzjarja u għajnuna mod ieħor għall-integrazzjoni mill-ġdid tar-refuġjati u ta' l-IDPs;

jiżdiedu l-possibilitajiet għar-refuġjati Iraqini li jsibu kenn fl-Istati Membri ta' l-UE permezz ta' programmi ta' rilokazzjoni miftehma mal-UNHCR (25 000 każ) jew permezz ta' talbiet individwali għall-ażil, jintemm il-kriterju arbitrarju attwali sabiex tingħata l-protezzjoni u jiġi eveitat kull ritorn bi sforz lejn kwalunkwe parti ta' l-Iraq; tiġi indirizzata b'mod urġenti l-kundizzjoni tar-refuġjati Palestinjani li jinsabu fir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Iraq u s-Sirja;

jistieden lill-gvern Iraqi u lill-awtoritajiet internazzjonali sabiex jirkupraw l-antikitajiet li ttieħdu mill-Mużew Nazzjonali ta' l-Iraq f'Bagdad u minn postijiet f'partijiet oħra fl-Iraq wara l-intervenzjoni ta' l-2003, sabiex tiġi ppreservata l-istorja u l-kultura Iraqina għall-ġenerazzjonijiet futuri;

(h)

li jibni fuq l-esperjenza siewja li l-UE u l-Istati Membri tagħha akkwistaw permezz ta' l-operazzjonijiet tal-Grupp ta' Rikostruzzjoni Provinċjali (PRT) fl-Afganistan, u li jikkonsidra li jieħu sehem fl-isforzi li qed isiru fl-Iraq mill-PRT, primarjament fid-dispożizzjoni tas-servizzi essenzjali u fl-infrastruttura;

(i)

li jħeġġeġ kumpaniji Ewropej jinvestu fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq fil-kuntest ta' offerti ffinanzjati kemm mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri kif ukoll mill-gvern ta' Iraq u/jew fuq il-bażi ta' koperazzjoni mill-qrib bejniethom;

(j)

li jinkoraġġixxi u jgħin kumpaniji Ewropej ħalli jitfgħu l-offerti għall-kuntratti sabiex jinbena mill-ġdid l-Iraq, sabiex ikun hemm preżenza fil-post, u tintuża l-esperjenza akkwistata fl-Iraq, kemm fil-perjodu ta' qabel il-gwerra kif ukoll fil-perjodu ta' rikostruzzjoni;

(k)

li jilqa' bi pjaċir l-istatus ta' osservatur ta' l-Iraq fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bħala pass ewlieni lejn l-integrazzjoni mill-ġdid ta' l-Iraq fl-ekonomija internazzjonali, integrazzjoni li tgħin biex tikkumplementa pożittivament in-negozjati bejn l-UE u l-Iraq dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni; li jħares 'il quddiem għas-sħubija sħiħa tiegħu fid-WTO fil-waqt xieraq fil-futur;

(l)

li jitwettqu negozjati rigward il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq b'mod li jiffaċilita u jħeġġeġ ir-riformi interni fl-Iraq u li jressaq is-sistema tan-negozju ta' l-Iraq aktar viċin ir-regoli u d-dixxiplini ta' sistemi multilaterali; li jinforma lill-Parlament b'mod regolari dwar l-istadju li jkun intlaħaq fin-negozjati bejn l-UE u l-Iraq dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni;

(m)

li jħeġġeġ lill-gvern Iraqi sabiex jiżgura li d-dħul mill-bejgħ taż-żejt jerġa' jiġi investit fl-Iraq u li dan id-dħul ikun immexxi minn entitajiet għall-kuntratti pubbliċi bl-awtorizzazzjoni finali tal-gvern Iraqin; jirrakkomanda li dan l-approċċ għandu jkun prekundizzjoni essenzjali għall-UE biex tappoġġja r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp ta' l-ekonomija ta' l-Iraq;

(n)

li tistieden lill-Forza Multi-Nazzjonali-Iraq (MNF-1) sabiex timpenja ruħha mal-Gvern Iraqi u jingħata kont tas-sitwazzjoni ta' aktar minn 24 000 persuni arrestati u miżmuma fil-kustodja ta' l-MNF-1, sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta' proċess xieraq u ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem;

(o)

li jinbeda djalogu ma' l-Istati Uniti u tinkiseb multilateralizzazzjoni mtejba ta' l-irwol li għandha l-komunità internazzjonali fil-pajjiż, taħt il-patroċinju tan-NU; li jkunu appoġġjati l-isforzi ta' l-Iraq sabiex iżid il-frekwenza u l-intensità tad-diskussjonijiet mal-ġirien tiegħu, speċjalment ma' l-Iran, mas-Sirja, mas-Sawdi Għarabja u mat-Turkija, dwar il-ġejjieni ta' l-Iraq, bla ħsara għal kwalunkwe kwistjoni preokkupanti oħra; li jħeġġeġ lit-Turkija sabiex tirrispetta l-integrità territorjali ta' l-Iraq u ma tirrispondix għal azzjonijiet terroristiċi permezz ta' azzjonijiet militari f'territorju Iraqi; li jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqini biex ma jippermettux li t-territorju Iraqi jintuża bħala bażi għal azzjonijiet terroristiċi kontra t-Turkija;

(p)

li tiġi żvelata informazzjoni dwar liema kumpaniji militari privati (PMCs) u kumpaniji tas-sigurtà privati (PSCs) qed jipprovdu s-sigurtà lill-persunal ta' l-UE fl-Iraq; li jiġi adottat kunċett dwar l-impjegar ta' PMCs/PSCs waqt operazzjonijiet ta' l-ESDP, u jiġu żviluppati linji gwida ċari għall-użu minn PMCs/PSCs mill-istituzzonijiet ta' l-UE;

2.

Jenfasizza l-impenn tal-Parlament għall-prinċipji u l-prattika tad-demokrazija parlamentari; għalhekk ifakkar fl-inizjattiva tiegħu fil-Baġit 2008 sabiex jappoġġja l-bini tad-demokrazija ma' parlamenti ta' pajjiżi terzi, l-impenn tiegħu biex b'mod attiv jappoġġja lill-Kunsill tar-Rappreżentanti ta' l-Iraq billi joffri għajnuna għall-bini tal-kapaċità, u li jaħdem permezz ta' delegazzjoni ad hoc għall-Iraq sabiex jippromovi relazzjonijiet bilaterali; għalhekk, jiddeċiedi li jgħin l-iżvilupp ulterjuri tal-Kunsill Iraqi tar-Rappreżentanti billi:

(a)

jiġu żviluppati inizjattivi li jsaħħu l-kapaċità tar-rapprezentanti eletti Iraqini sabiex iwettqu l-irwol kostituzzjonali tagħhom fis-soċjetà permezz ta' prattika parlamentari tajba, ta' relazzjonijiet effettivi ma' l-eżekuttiv u permezz ta' servizzi li jfittxu li jgħinu lill-kostitwenza;

(b)

jiġi mħeġġeġ it-trasferiment ta' l-esperjenza f'amministrazzjoni effettiva, f'taħriġ ta' persunal professjonali, fl-iżvilupp ta' struttura ta' kumitat li tiffunzjona kompletament, f'regoli ta' proċedura komprensivi, u fi trasparenza u responsabilità istituzzjonali;

(c)

tiġi pprovduta opinjoni esperta fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni li hi essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva ta' struttura ta' stat federali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika ta' l-Iraq biex inkunu infurmati.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2007)0481.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2007)0357.

(3)  ĠU L 62, 9.3.2005, p. 37.

(4)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 287.

(5)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 171.

(6)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabiltà (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1).

(7)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(8)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1).


Top