Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0096

    Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Marzu 2008 dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (2007/2188(INI))

    ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 35–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 66/35


    Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli

    P6_TA(2008)0096

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (2007/2188(INI))

    (2009/C 66 E/06)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata l-mobilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u privati lejn l-aċċess globali għal servizzi ta' enerġija li jkollhom teknoloġiji aktar kompatibbli mal-klima, prezz raġonevoli u siguri: il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (COM(2006)0583),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2007 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-effiċjenza fl-enerġija jew nagħmlu aktar b'anqas - “Green Paper” (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Diċembru 2006 dwar strateġija għall-bijomassa u l-bijofjuwils (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar il-parti ta' l-enerġija rinnovabbli fl-UE u l-proposti għal azzjonijiet konkreti (4),

    wara li kkonsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0006/2008),

    A.

    billi, fil-kuntest tat-trażżin taż-żieda fil-medja tat-temperaturi dinjin sa massimu ta' 2 °C, l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika jridu jingħataw spinta sabiex wara li jilħqu l-quċċata fl-2015, l-emissjonijiet globali mbagħad jibdew jonqsu,

    B.

    billi l-Evalwazzjoni Stern dwar l-Ekonomija tal-Bidla fil-Klima (Ottubru 2006) u r-rapporti tal-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima juru li se jkunu l-pajjiżi u l-popli l-iżjed foqra li sejrin jintlaqtu l-ewwel u l-iżjed mill-effetti tal-bidla fil-klima,

    C.

    billi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-iffrankar ta' l-enerġija huma elementi essenzjali fl-aċċess sostenibbli għas-servizzi enerġetiċi, u jikkontribwixxu għal:

    (a)

    inqas emissjonijiet tas-CO2 u ta' gassijiet b'effett ta' serra oħrajn;

    (b)

    iżjed indipendenza fil-provvista ta' l-enerġija;

    (c)

    l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi ġodda;

    (d)

    opportunitajiet ta' impjiegi u ta' żvilupp reġjonali;

    (e)

    tnaqqis fl-iżbilanċi tal-bilanċ tal-pagamenti;

    (f)

    opportunitajiet ta' negozju għall-SMEs;

    (g)

    ffrankar mill-ispejjeż,

    D.

    billi fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002 il-mexxejja dinjin qablu li jnaqqsu bin-nofs in-numru ta' nies li fil-preżent m'għandhomx servizzi enerġetiċi bażiċi, li bħalissa jlaħħqu l-1,6 biljun ruħ; billi, jekk it-tendenzi attwali jippersistu, dan l-objettiv m'hu se jintlaħaq qatt,

    E.

    billi s-soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi enerġetiċi li qegħdin jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jinkisbu permezz ta' żieda fl-użu minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u permezz ta' iżjed titjib fl-effiċjenza enerġetika u fl-iffrankar ta' l-enerġija,

    F.

    billi t-trasparenza u r-responsabilità lejn l-investituri pubbliċi u privati se tkun ta' importanza ewlenija fl-evalwazzjoni, u possibilment anke fiż-żieda, ta' l-appoġġ offrut mill-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli, u billi l-iskrutinju se jkun intens, b'mod speċjali fl-ewwel sentejn ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-fond,

    1.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Fond Globali ta' l-Effiċjenza fl-Enerġija u ta' l-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF);

    2.

    Jemmen li l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikulari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-ekonomiji emerġenti, li jkollu livell baxx ta' gassijiet b'effett ta' serra, arja nadifa u provvista ta' enerġija sostenibbli, jista' jinkiseb biss billi jkun żgurat l-iżvilupp ta' teknoloġiji rinnovabbli li jkunu kompatibbli mar-riżorsi ta' enerġija lokali u billi jittejjeb l-aċċess għall-enerġija billi tingħata preferenza lill-investiment fil-provvista remota u deċentralizzata;

    3.

    Jemmen li l-objettivi ewlenin tal-fond għandhom ikunu l-promozzjoni ta' l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar ta' l-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'effett ta' serra u ta' riskji oħrajn, it-titjib fl-aċċess għas-servizzi enerġetiċi fil-pajjiżi l-iżjed foqra u d-diversifikazzjoni ta' sorsi enerġetiċi fid-dinja li qiegħda tiżviluppa;

    4.

    Jilqa' b'sodisfazzjoni, partikularment, l-attenzjoni tal-fond biex jissaħħaħ l-investiment privat permezz tal-provvediment ta' kapital ta' riskju, għax fuq il-medda twila taż-żmien, dan se jkun kruċjali għas-suċċess ta' l-iżvilupp ta' proġetti ta' enerġija sostenibbli fid-dinja li qed tiżviluppa;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-appoġġ kollu għall-proġetti u għall-għażla tat-teknoloġija jkun kundizzjonali fuq it-twettiq ta' kriterji komprensivi ta' sostenibiltà u mill-obbligu li jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u mill-karatterisitċi ġeografiċi u r-riżorsi reġjonali disponibbli;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta timplimenta l-fond, tiffoka fuq proġetti ta' skala żgħira fejn huwa l-iżjed diffiċli li jiġi attirat investiment mis-settur privat; jemmen li l-Kummissjoni għandha tivverifika b'mod regolari l-għola limitu tagħha fuq investimenti ta' EUR 10 miljun għal proġetti individwali, filwaqt li talloka mill-inqas terz tal-fondi disponibbli għall-proġetti ta' skala żgħira li jeħtieġu inqas minn EUR 1 miljun;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-appoġġ għal proġetti kollha ta' bijomassa, inklużi proġetti li jinvolvu it-trattament ta' l-ilma u għad-drenaġġ, f'pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun soġġett għall-issodisfar ta' kriterji riġidi ta' sostenibilità li jaċċertaw li jkunu appoġġjati biss l-iżjed teknoloġiji sostenibbli, billi j ittieħed kont ta'l-effetti kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bijomassa fuq l-emissjonijiet b'effett ta' serra, il-kwalità ta' l-arja, l-immaniġġjar rurali, il-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u l-bijodiversità, inkluża l-preżervazzjoni tal-foresti naturali u l-iżgurar tal-provvista ta' l-ikel għal kulħadd billi jittejbu l-aqwa prattiki agrikoli lokali;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-GEEREF jappoġġja l-proġetti fotovoltajki u jitlobha biex tappoġġja l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' grilja intelliġenti; jinkuraġġixxi, b'mod partikulari, investiment xieraq għall-foqra li jgħixu f'zoni rurali, bħall-elettrifikazzjoni permezz ta' enerġija rinnovabbli (inkluża l-enerġija mill-ilma, mix-xemx u mir-riħ u l-bijomassa), ħeaters, pasturizzaturi u cookers li jaħdmu bix-xemx, pompi tar-riħ u stufi tat-tisjir imtejbin, kif ukoll l-appoġġ għall-iskemi ta' mikro-kreditu biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni lokali fil-proġetti ta' l-enerġija;

    9.

    Jinsisti li l-GEEREF m'għandux jappoġġja proġetti kbar li jeħtieġu iżjed minn EUR 1 miljun rigward sorsi ta' enerġija konvenzjonali u rigward il-kombustjoni simultanja tal-bijomassa jew impjanti ta' enerġija ġodda li jaħdmu bil-faħam, l-użu fuq skala żgħira ta' fjuwils fossili (pereżempju fil-ġeneraturi tad-diżil) jew il-produzzjoni kbira ta' l-agrofjuwil; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-investimenti mis-sotto-fondi sostnuti mill-GEEREF ma jappoġġjawx dawn it-tipi ta' teknoloġiji; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kuntratti rilevanti ta' mmaniġġjar u l-kriterji għall-għażla tal-proġetti jeskludu l-għażla ta' dawn it-teknoloġiji;

    10.

    Jemmen li, meta jkun possibbli, l-appoġġ għandu jkun iffukat fuq proġetti li jikkumbinaw teknoloġiji ta' enerġiji rinnovabbli ma' titjib fl-effiċjenza enerġetika, pereżempju, proġetti li jtejbu l-istokk tal-bini eżistenti, it-tidwil u l-katina tat-tkessiħ;

    11.

    Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa bejn il-GEEREF u l-ħidma futura taħt il-pjattaforma għall-Koperazzjoni Internazzjonali għall-Effiċjenza fil-qasam ta' l-Enerġija proposta mill-Kummissjuoni, sabiex titjieb il-kollaborazzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u l-kriterji ta' riferiment (“benchmarking”);

    12.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond jappoġġja l-iżvilupp tas-swieq, tal-manifattura u tal-kapaċità lokali fid-dinja li qed tiżviluppa, pereżempju, billi jappoġġja l-SMEs lokali sabiex ikunu jistgħu jieħdu r-responsabilità tal-kummerċ ta' dawn it-teknoloġiji l-ġodda f'reġjun partikulari;

    13.

    Jemmen li l-fond għandu jintuża wkoll biex jinħolqu opportunitajiet għall-kumpaniji, b'mod partikulari għall-SMEs ta' l-Istati Membri, biex bil-kompetenzi tekniċi tagħhom jikkontribbwixxu għall-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji enerġetiċi sostenibbli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond ikun kumplimentari u koerenti mal-politiki ta' żvilupp u l-inizjattivi fis-settur ta' l-enerġija ta' Stati Membri oħrajn u ta' l-UE li huma maħsubin għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond jikkumplimenta u jaħdem b'mod effettiv ma' bosta inizjattivi u fondi internazzjonali oħrajn li fil-mument qegħdin jappoġġjaw proġetti enerġetiċi sostenibbli fid-dinja li qiegħda tiżviluppa, inklużi dawk immexxija mill-Bank Dinji u mill-Banek għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll dawk imnedija waqt is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2002;

    16.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fond jikkontribbwixxi biex jitnaqqsu l-ostakoli għall-użu tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif (CDM) f'ċerti pajjiżi, partikularment l-inqas pajjiżi żviluppati, u biex tinkuraġġixxi iżjed il-proġetti CDM li jkollhom valur miżjud reali u impatt pożittiv ta' żvilupp sostenibbli u li jkunu jissodisfaw il-kriterji Gold Standard;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora modi kif tista' tkabbar il-fond fil-kuntest futur ta' reġim ta' wara l-2012 taħt il-Qafas ta' Konvenzjoni dwar il-Bidliet Klimatiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, waqt li tieħu kont tal-fatt li l-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se tkun kruċjali biex jinkiseb l-objettiv ta' din il-Konvenzjoni;

    18.

    Jiddispjaċih għall-fatt li sfortunatament is-suġġeriment ta' mira ta' finanzjament minimu ta' EUR 100 miljun — flimkien ma' kontribuzzjoni annwali ta' EUR 15 miljun biss għas-snin 2007 u 2008 — m'huwiex biżżejjed bħala kontribuzzjoni għall-GEEREF ladarba l-għanijiet huma li “tingħata spinta lis-sehem tal-proġetti ta' effiċjenza enerġetika u ta' enerġija rinnovabbli u li jingħata kontribut għall-iżvilupp sostenibbli”, u għall-fatt li s'issa kienu ftit pajjiżi biss li għażlu li jieħdu sehem b'mod finanzjarju fil-fond; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-kontribuzzjoni tagħha u biex fl-istess ħin tinkuraġġixxi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali biex jingħaqdu flimkien sabiex iżidu b'mod sinifikanti l-ammont tal-fond; jistieden iżjed Stati Membri biex joffru appoġġ finanzjarju;

    19.

    Jikkunsidra li wieħed mill-għanijiet ewlenin matul l-ewwel snin tal-GEEREF, li huwa fond miftuħ, għandu jkun l-iżvilupp ta' mudelli eżemplari li jistgħu jispiraw kontribuzzjonijiet ulterjuri, iżidu l-influss ta' investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'ekonomiji li jinsabu fi tranżitu, u jiskansaw il-faqar enerġetiku lil ferm iżjed nies mill-1 sa t-3 miljun ruħ imbassrin;

    20.

    Jenfasizza li l-GEEREF għandu jagħti prijorità lill-qadi tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u lill-interventi li wrew rabtiet sodi mat-tnaqqis tal-faqar; jinnota li l-iskop tal-GEEREF huwa li jappoġġja s-sotto-fondi reġjonali għall-Afrika Sub-Saħarjana, il-Karibew u l-Istati Insulari tal-Paċifiku, il-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew (inklużi l-Afrika ta' Fuq u l-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant li m'humiex fl-UE), l-Amerika Latina u l-Asja; jistieden, madankollu, biex issir enfasi speċjali fuq il-qadi tal-bżonnijiet tal-pajjiżi ta' l-ACP; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li meta jitqassmu l-approprazzjonijiet il-finanzjament ma jiġix allokat lil sotto-fond wieħed jew tnejn biss; jirrakkomanda bil-qawwi li kwalunkwe sotto-fond għaċ-Ċina u r-Russja, dejjem jekk ikunu inklużi fil-portafoll, ma jassorbix ir-riżorsi disponibbli kollha u li jrid ikun ta' interess partikulari bħala proġett pilota;

    21.

    Madankollu jirrikonoxxi li, kif inhu mfassal fil-preżent, il-GEEREF jista' jkollu diffikultà biex jikkonforma mal-kriterji ta' l-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali stabbiliti mill-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-OECD, għax l-investiment se jkun misjuq mill-prospetti tal-profitti finanzjarji iżjed mil l-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp; jirrikonoxxi r-riskju li t-tnaqqis tal-faqar, li hu msemmi bħala objettiv speċifiku tal-GEEREF, jista' jsir biss prijorità sekondarja tal-fond; għalhekk jenfasizza li, flimkien ma' l-iżvilupp ta' kriterji ċari għall-iżvilupp biex jiġu identifikati proġetti li jkunu eleġibbli għall-finanzjament tal-GEEREF, il-Kummissjoni trid iżżid b'mod sinifikanti wkoll l-għajnuna għall-iżvilupp li tkun ibbażata fuq l-għoti ta' kapital sabiex tipprovdi servizzi ta' enerġija sostenibbli għal dawk l-iżjed foqra;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-fond u fil-proġetti appoġġjati, u biex tressaq b'mod speċifiku lill-Parlament Ewropew rapport annwali dwar dan il-progress;

    23.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi metodi li bihom tiffaċilita l-komunikazzjoni intensa u l-iskambju ta' esperjenzi mal-proġetti varji, ir-riżultati speċifiċi tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli;

    24.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  Testi adottati, P6_TA(2007)0406.

    (2)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 273.

    (3)  ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 890.

    (4)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 599.


    Top