EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0095

Agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Marzu 2008 dwar l-Agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: il-ħtieġa għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE (2007/2107(INI))

ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 29–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 66/29


Agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE

P6_TA(2008)0095

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2008 dwar l-Agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: il-ħtieġa għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE (2007/2107(INI))

(2009/C 66 E/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2005 intitolata “Pjan ta' Azzjoni għall-Bijomassa” (COM(2005)0628),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Jannar 2007 intitolata “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli - l-enerġiji rinnovabbli fis-seklu 21: nibnu futur aktar sostenibbli” (COM(2006)0848),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 1997 intitolata “Enerġija għall-futur: sorsi ta' enerġija rinnovabbli — White Paper dwar Strateġija Komunitarja u Pjan ta' Azzjoni” (COM(1997)0599),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001 dwar il-promozzjoni ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq intern ta' l-elettriku (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2004 intitolata “Is-sehem ta' l-enerġija rinnovabbli fl-UE — Rapport tal-Kummissjoni b'konformità ma' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77/KE, evalwazzjoni ta' l-effett ta' l-istrumenti leġiżlattivi u politiki oħra tal-Komunità dwar l-iżvilupp tal-kontribuzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fl-UE u l-proposti għal azzjonijiet konkreti” (COM(2004)0366),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 li tadotta programm plurijennali għall-azzjoni fil-qasam ta' l-enerġija: “L-Enerġija Intelliġenti - Ewropa” (2003-2006) (2) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2006 intitolata “Strateġija ta' l-UE għall-Bijofjuwils” (COM(2006)0034),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2003 dwar il-promozzjoni ta' l-użu tal-bijofjuwils jew fjuwils oħra rinnovabbli għat-trasport (3),

wara l kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (4) tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li tikkonċerna mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta' l-emissjonijiet tal-Komunità ta' gass b'effett serra u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta' Kyoto (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' l-enerġija u l-elettriku (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar is-sehem ta' l-enerġija rinnovabbli fl-UE u l-proposti għal azzjonijiet konkreti (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-promozzjoni ta' prodotti tar-raba' għal skopijiet mhux ta' l-ikel (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0034/2008),

A.

billi l-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq tas-26 ta' Novembru 1997 tistabbilixxi l-mira ta' żieda fir-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli minn 6 % fl-1995 għal 12 % sa l-2010,

B.

billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tas-7 ta' Diċembru 2005 li sabiex tintlaħaq din il-mira, l-ammont ta' l-enerġija li jiġi prodott mill-bijomassa irid jikber aktar mid-doppju,

C.

billi l-agrikultura u l-forestrija fl-UE ikkontribwew sostanzjalment sabiex itaffu l-effetti tal-bidla fil-klima kif jidher mit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra mill-agrikultura li niżel b'10 % bejn l-1990 u l-2004 fl-UE ta' 15-il pajjiż u b'14 % fl-UE ta' 25 pajjiż; billi hu mistenni li sa l-2010 l-emissjonijiet mill-agrikultura ta' l-UE se jkunu 16 % anqas mil-livell ta' l-1990,

D.

billi hemm potenzjal qawwi għal żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-bijogass, partikolarment mill-kontribuzzjoni potenzjali tal-produzzjoni ta' l-annimali (demel ta' l-annimali), ħama (sludge), skart, u pjanti li mhumiex tajbin għall-produzzjoni ta' l-ikel jew ta' l-għalf bħala materjal preferut għall-bijogass; billi, madankollu, għandu jiġi meqjus l-impatt ta' l-użu ta' l-enerġija tad-demel tar-razzett fuq l-istruttura tal-ħamrija u l-ħajja tal-ħamrija,

E.

billi s'issa 50 PJ biss ta' bijogass huma magħmula annwalment mill-użu ta' demel ta' l-annimali, minn pjanti ta' l-enerġija, mill-ħama u mill-iskart organiku, waqt li l-potenzjal mid-demel biss hu ta' 827 PJ,

F.

billi l-produzzjoni tal-bijogass u l-istallazzjonijiet tal-bijogass huma mqassma b'mod irregolari fl-UE, u dan ikompli juri li mhux qed jintuża l-potenzjal possibbli tiegħu,

G.

billi l-bijogass jista' jiġi sfruttat f'ħafna modi utli, anke fil-produzzjoni ta' l-elettriku, fis-sistemi tas-sħana u tal-frisk u fil-fjuwil tal-karozzi, eċċ.,

H.

billi l-użu tal-bijomassa għall-elettriku jista' jikkontribwixxi sabiex inaqqas l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra u hu meqjus wieħed mill-aktar sorsi ta' enerġija irħisa biex issaħħan,

I.

billi l-iżvilupp ta' l-istallazzjonijiet tal-bijogass ibbażati fuq pjanti ta' l-enerġija naqas konsiderevolment, minħabba ż-żieda qawwija fil-prezz taċ-ċereali, il-provvista ta' l-ikel u t-tħassib ambjentali,

J.

billi t-tħassib fir-rigward tal-konnessjoni bejn il-produzzjoni tal-bijoenerġija (primarjament il-bijo-etanol u l-bijo-diesel) u ż-żieda fil-prezz taċ-ċereali u ta' l-ikel fis-suq dinji mhijiex relatata mal-produzzjoni tal-bijogass magħmul mid-demel ta' l-annimali, il-ħama, l-iskart organiku u prodotti sekondarji tar-raba' li mhumiex tajbin għall-produzzjoni ta' l-ikel jew ta' l-għalf, barra mill-fatt li hu f'kull każ meħtieġ l-ipproċessar sikur ta' dawn il-materjali,

K.

billi d-demel ta' l-annimali fl-Istati Membri ġodda hu prinċipalment taħlita ta' 20 % jew aktar ta' tiben u jista' jieħu żmien twil bejn il-produzzjoni u t-tneħħija ta' demel, u għalhekk ma' jkunx tajjeb għall-ebda tip ta' fermentazzjoni,

Il-Bijogass bħala risorsa vitali

1.

Jirrikonoxxi li l-bijogass hu risorsa ta' enerġija vitali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, agrikolu u rurali sostenibbli u għall-ħarsien ta' l-ambjent;

2.

Jisħaq dwar il-kontribuzzjoni li l-bijogass jista' jagħti sabiex tonqos id-dipendenza ta' l-enerġija ta' l-UE;

3.

Jenfasizza li l-produzzjoni tal-bijogass mid-demel ta' l-annimali, mill-ħama u mill-iskart muniċipali, skart ta' l-annimali u skart organiku tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni ta' l-enerġija u għalhekk tista' tagħti kontribut dejjem akbar mhux biss għas-sigurtà, il-kompetittività u s-sostenibilità tal-provvista ta' l-enerġija Ewropea iżda toffri wkoll lill-bdiewa opportunitajiet ġodda ta' dħul;

4.

Jemmen li l-użu tal-bijogass speċjalment għall-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku jista' jagħti kontribut sinifikanti biex tintlaħaq il-mira li torbot ta' 20 % ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum globali ta' l-enerġija ta' l-UE sa l-2020;

5.

Jenfasizza li, fl-aħħar mill-aħħar, sorsi ta' enerġija rinnovabbli bħall-bijogass u l-bijofjuwils, flimkien ma' l-enerġija mix-xemx u r-riħ u bl-għajnuna ta' sforzi akbar ta' riċerka, jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni ta' indipendenza aktar sostanzjali mis-sorsi ta' l-enerġija tal-fjuwils fossili;

6.

Jinkoraġġixxi kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri sabiex jisfruttaw il-potenzjal kbir li għandu l-bijogass bil-ħolqien ta' ambjent favorevoli kif ukoll biż-żamma u l-iżvilupp ta' skemi ta' appoġġ li jippromwovu investiment fl-istallazzjonijiet tal-bijogass u fis-sostenn tagħhom;

L-Ambjent, l-Effiċjenza fl-Enerġija u s-Sostenibilità

7.

Jenfasizza li l-bijogass mid-demel ta' l-annimali għandu ħafna vantaġġi ambjentali, bħalma huma t-tnaqqis tal-metanu u ta' l-emissjonijiet tas-CO2, tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' materja ta' partikoli u ta' l-ossidu nitrus, iħalli riħa li hi ħafna inqas offensiva, l-iġenizzazzjoni ta' ħama u l-kapaċità akbar ta' fertilizzazzjoni tan-nitroġenu fid-demel trattat, li jfisser li jeħtieġ anqas nitroġenu biex jilħaq l-istess effett fertilizzant;

8.

Jenfasizza li l-produzzjoni ta' agrofjuwils mill-iskart m'għandiex issir għan fiha nfisha; jinnota li t-tnaqqis ta' l-iskart għandu jibqa' prijorità fil-politika ambjentali ta' l-UE u f'dik ta' l-Istati Membri;

9.

Jistieden biex ikun hemm użu akbar tad-demel likwidu bħala sors ta' bijogass, peress li użu bħal dan għad għandu potenzjal enormi, filwaqt li jinkoraġġixxi d-deċentralizzazzjoni ta' l-istallazzjonijiet tal-bijogass li jipproduċu l-enerġija; jinnota li użu akbar tad-demel likwidu għal dan il-għan jista' jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-ħruġ tal-metanu waqt il-ħżin tad-demel likwidu;

10.

Jenfasizza li d-demel ta' l-annimali, id-drenaġġ muniċipali u l-iskart mill-agrikoltura u l-industrija jista' jkun fihom sustanzi (batterji, virusijiet, parassiti, ħadid tqil, sustanzi organiċi li jagħmlu l-ħsara) li jistgħu jkunu potenzjalment ta' theddida għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jittieħdu l-prekawzjonijiet adegwati ħalli tiġi evitata l-kontaminazzjoni u t-tixrid ta' dawn is-sustanzi u ta' kwalunkwe mard li jġibu magħhom;

11.

Jiddikjara li l-użu ta' ħama u ta' skart ta' l-annimali jew organiku jtejjeb l-effiċjenza ta' l-istallazzjonijiet tal-bijogass; jiddikjara li l-problemi iġeniċi fl-użu ta' skart ta' l-annimali, f'ħafna każi, jistgħu jkunu faċilment ikkontrollati;

12.

Jitlob ukoll biex isir użu ta' prodotti ta' pproċessar ta' l-ewwel stadju, bħal, per eżempju, il-qxur tal-patata jew il-laħma tal-frott bħala bijomassa għall-istallazzjonijiet tal-bijogass;

13.

Jisħaq li, fil-futur qarib, huma mistennija żviluppi tekniċi u amministrattivi li se jżidu l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa ta' l-istallazzjonijiet tal-bijogass meta jintużaw id-demel ta' l-annimali, id-demel likwidu u l-iskart organiku;

14.

Jemmen li, għall-istallazzjonijiet tal-bijogass l-istess bħall-azjendi ta' l-annimali, is-sostenibilità u d-daqs adattat għar-reġjun partikolari huma essenzjali biex il-benefiċċji ta' l-ambjent iwasslu biex jiġu aċċettati aktar l-azjendi ta' l-annimali, li qed jiltaqgħu ma' ħafna problemi minħabba numru dejjem jikber ta' ilmenti mill-ġirien u mill-pubbliku ġenerali;

15.

Jirrimarka li l-istallazzjonijiet tal-bijogass li jużaw id-demel, il-ħama jew l-iskart organiku jistgħu iwasslu għal rati għola ta' tnixxija ta' ammonja, imma jistqarr li dan l-effett sekondarju jista' jiġi kkontrollat b'mod relattivament faċli u għandhom jiġu inkorporati miżuri ta' prevenzjoni dwar l-istallazzjonijiet tal-bijogass fil-liġijiet nazzjonali kif ukoll għotjiet ta' għajnuna għall-tali istallazzjonijiet;

16.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-istallazzjonijiet tal-bijogass ma jnixxux metanu, għax dak jista' jikkomprometti l-effett pożittiv tagħhom fuq iż-żieda fit-temperatura dinjija;

Vijabilità ekonomika u skemi ta' appoġġ

17.

Itenni li kull għajnuna finanzjarja għall-istallazzjonijiet tal-bijogass għandha tkun ibbażata fuq l-effiċjenza, l-iżvilupp tekniku, il-bilanċ pożittiv ta' gass b'effett serra, il-ħolqien tal-valur miżjud fl-azjendi rurali u f'reġjuni rurali u vantaġġi oħra ekonomiċi u ambjentali ta' l-istallazzjonijiet; jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista ta' l-ikel għall-popolazzjoni m'għandhiex titqiegħed fil-periklu;

18.

Jinnota bi tħassib serju l-kompetizzjoni dejjem tiżdied f'ħafna Stati Membri, fl-użu ta' ċerti prodotti tal-biedja, bħal ma hu l-qamħirrum, kemm għall-enerġija kif ukoll fil-katina ta' l-ikel; jenfasizza l-fatt li din il-kompetizzjoni wasslet għal żieda konsiderevoli fil-prezzijiet ta' l-għalf għall-bhejjem;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-ġejjieni, meta jippreżentaw proposti dwar ir-regolazzjoni tas-settur tal-bijogass, jeżaminaw mhux biss l-aspetti ambjentali iżda wkoll l-impatt fuq il-produzzjoni sostenibbli u ta' kwalità għolja ta' l-ikel;

20.

Jenfasizza li l-produzzjoni tal-bijogass li jsir mid-demel ta' l-annimali, il-ħama u skart ta' l-annimali u organiku għandha tingħata prijorità minħabba li s-sostenibilità u l-benefiċċji ambjentali ta' dawk il-metodi huma bla ekwivoku;

21.

Jinnota li l-aħjar daqs ta' istallazzjoni tal-bijogass jiddependi minn diversi ċirkostanzi li jiddeterminaw l-ekonomiji ta' l-iskala, u li għandhom jiġu studjati sew; iqis li, flimkien ma' evalwazzjoni ekonomika u l-bilanċ tal-gass b'effett serra, hu fuq kollox meħtieġ li jiġi evalwat l-effett tad-daqs ta' l-istallazzjoni fuq l-ambjent ta' madwar fir-rigward ta' l-espansjoni tal-monokultura fejn għandhom x'jaqsmu uħud mill-prodotti tar-raba';

22.

Jenfasizza li tkun l-aħjar prattika għall-operaturi ta' l-istallazzjoni tal-bijogass li jikkumbinaw u jużaw kull materja organika disponibbli kemm mill-aspett ambjentali kif ukoll minn dak ekonomiku;

23.

Huwa tal-fehma li, filwaqt li s-settur ġdid u innovattiv tal-bijogass jeħtieġ appoġġ biex jingħata l-ispinta tal-bidu, skemi ta' appoġġ bħal dawn għandhom jibqgħu sejrin sakemm is-settur isir kummerċjalment vijabbli;

24.

Jistqarr li hemm bżonn jibqgħu jingħataw fondi għall-istallazzjonijiet tal-bijogass ibbażati biss fuq il-pjanti taħt sorveljar bir-reqqa u iffukar mill-ġdid fuq l-istallazzjoni l-aktar avvanzati u effiċjenti jew f'sistemi li jiżguraw il-vantaġġ ekonomiku u tekniku ta' l-UE fil-qasam u jiġu esplorati għażliet għall-futur;

25.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti rapport dwar kif il-kriterji ta' l-effiċjenza u s-sostenibilità ekonomika u ambjentali jistgħu jiġu introdotti għall-prodotti ta' l-enerġija li jwasslu biex din it-teknika relattivament ġdida tirrispetta iżjed l-ambjent, u tiżgura li t-tħassib fir-rigward tal-produzzjoni u l-forniment ta' l-ikel ikun indirizzat b'mod xieraq;

26.

Jitlob biex isiru sforzi akbar fil-qasam tar-riċerka u l-promozzjoni ta' teknoloġiji ġodda għall-bijogass, b'mod partikolari l-esplojtazzjoni tal-bijomassa (second-generation biogas), bħala bijofjuwil u biex tiżdied il-kapaċità ta' profitt ta' l-istallazzjoni tal-bijogass, li joffru l-aqwa benefiċċji ambjentali, għaliex huwa biss permezz ta' mezzi teknoloġiċi innovattivi, bħal, per eżempju, tekniki ta' rkupru tal-gass, li tista' tiżdied b'mod sinifikanti l-effikaċja ta' l-istallazzjonijiet tal-gass;

27.

Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li aktar żvilupp fil-bijogass mhux possibbli mingħajr fondi addizzjonali; ifakkar li hemm bżonn li jiġu pprovduti aktar fondi għar-riċerka u l-iżvilupp, għall-promozzjoni ta' riżultati minn proġetti speċifiċi, għall-istallazzjonijiet u biex jingħata appoġġ akbar għall-“green electriċity” u “green gas”;

28.

Ifakkar li dawk l-Istati Membri li qed jipprovdu aktar inċentivi għall-“green energy” permezz ta' sussidji adegwati fil-prezzijiet jew permezz ta' miżuri oħra għandhom ukoll l-akbar suċċess fil-promozzjoni tal-bijogass;

29.

Iqis li l-produzzjoni tal-“green gas” għandha tkun sussidjata l-istess bħall-“green electricity”;

30.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-fondi mill-programmi ta' l-UE u dawk nazzjonali imorru għall-istallazzjonijiet l-aktar effiċjenti u sostenibbli, speċjalment għal stallazzjonijiet li jipproduċu l-elettriċità u s-sħana jew l-istallazzjonijiet ta' faċilitajiet u sistemi li jtejbu u jgħaddu l-bijogass f'network ta' gass naturali;

31.

Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-provvista ta' l-elettriku, is-sħana u l-gass naturali fin-netwerks għandha ssir b'mod mhux diskriminatorju, u jitlob li l-bijogass jiġi trattat bl-istess mod bħall-gass naturali sabiex ikun jista' jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu ladarba jkun ġie introdott fin-netwerk tal-gass naturali;

32.

Jemmen li s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' kummerċ bis-CO2 tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-vijabilità u s-sostenibilità ekonomika ta' l-istallazzjonijiet tal-bijogass;

33.

Jenfasizza li l-istallazzjonijiet tal-bijogass jistgħu jgħinu lill-bdiewa li għad m'għandhomx biżżejjed post fejn jerfgħu d-demel biex isolvu din il-problema b'mod ekonomiku u vijabbli;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-twaqqif ta' istallazzjonijiet tal-bijogass kif ukoll l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' skart organiku u demel ta' l-annimali ma jkunux imfixkla minn proċeduri u regolamentazzjoni twal u amministrattivi bla bżonn;

35.

Jiġbed l-attenzjoni dwar id-differenzi kbar, rigward it-tul u l-kontenut, li jeżistu fil-proċeduri ta' approvazzjoni nazzjonali għall-istallazzjonijiet tal-bijogass, u jistieden lill-Istati Membri sabiex ma jħallux rekwiżiti nazzjonali fil-qasam ta' ppjanar reġjonali u l-għoti ta' liċenzji u approvazzjonijiet milli joħolqu xkiel bla bżonn;

36.

Jitlob li tiġi introdotta proċedura simplifikata tal-permessi għall-bini ta' stallazzjonijiet tal-bijogass;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi lista pożittiva komuni ta' prodotti li huma permessi għall-użu f'istallazzjonijiet tal-bijogass, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ugwali bejn il-bdiewa minn Stati Membri differenti;

38.

Jinkoraġġixxi lill-bdiewa sabiex jikkoperaw fit-twaqqif u fit-tħaddim ta' l-impjanti tal-bijogass;

Il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE

39.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw politika koerenti dwar il-bijogass; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport speċifiku dwar il-bijogass u l-promozzjoni tiegħu fl-UE bl-indikazzjoni tal-bidliet meħtieġa fil-liġijiet Komunitarji u nazzjonali sabiex tiġi ffaċilitata aktar l-espansjoni tas-settur tal-bijogass, waqt li r-rapport juri l-modi l-aktar effiċjenti fl-użu tal-fondi u tal-programmi ta' l-UE kif ukoll jagħti eżempji ta' l-aħjar prattiki; jitlob ukoll, f'dan ir-rigward, għal evalwazzjoni dwar l-impatt ta' diversi forom ta' produzzjoni tal-bijogass fuq il-klima, l-ekoloġija tal-ambjent, id-dħul rurali u s-sigurtà ta' l-ikel fid-dinja;

40.

Jipproponi li l-promozzjoni tal-bijogass tiġi inkluża b'mod sħiħ fil-qafas tad-Direttiva proposta dwar l-użu ta' l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu (COM(2008)0019) b'enfasi partikolari fuq il-punti li ġejjin:

a)

statistiċi annwali u rapporti dwar il-produzzjoni tal-bijogass agrikolu sabiex jista' jkun hemm segwitu għall-miri;

b)

miżuri għall-kostruzzjoni u l-promozzjoni ta' l-istallazzjonijiet tal-bijogass ibbażati fuq evalwazzjoni ta' l-impatt nazzjonali u reġjonali, waqt li jiġu promossi dawk l-istallazzjonijiet li għandhom l-akbar benefiċċji nazzjonali u/jew reġjonali għall-ambjent u huma ekonomikament sostenibbli; miżuri għat-tixrid u l-promozzjoni ta' riżultati akkwistati minn esperjenzi ta' qabel jew il-ħtieġa li jiġu inklużi fil-pjanijiet kollha l-proġetti dimostrattivi; jekk ir-regoli dwar żvilupp reġjonali u rurali ma jippermettux il-finanzjament ta' dawn il-miżuri, dawn għandhom jiġu emendati;

c)

dispożizzjonijiet li jħeġġu jew jirrikjedu li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom f'ippjanar nazzjonali u reġjonali sabiex inaqqsu l-ostakoli legali u amministrattivi, per eżempju il-gass naturali jew fjuwils fossili oħra m'għandhomx ikunu ppreferuti f'oqsma li huma fattibbli għall-bejgħ ta' sħana mill-bijogass lill-fornituri lokali tas-sħana;

41.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr kemm jista' jkun proposta għal direttiva dwar il-bijo-skart, li tinkludi standards ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tesplora l-possibilità ta' direttiva konġunta dwar il-bijogass u l-bijo-skart;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti għal leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' residwi mill-istallazzjonijiet tal-bijogass; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li fl-istallazzjonijiet tal-bijogass jista' jintuża biss materjal organiku li jippermetti l-użu ta' residwi mingħajr periklu għall-ambjent; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra projbizzjoni ta' sustanzi għat-tkabbir mgħaġġel (growth enhancers) fl-għalf ta' l-annimali li jkollu metall tqil jekk dan se joħloq problema fl-UE biex aktar tard jintużaw ir-residwi tal-bijogass fl-għelieqi;

43.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li d-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż (10), id-Direttiva dwar in-Nitrati (11), id-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ (12), id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (13), id-Direttiva dwar l-Għasafar (14), id-Direttiva Habitats (15) u l-leġiżlazzjoni dwar il-Metall Tqil ikunu infurzati b'mod effettiv mill-Istati Membri kollha u r-reġjuni, b'hekk l-istallazzjonijiet tal-bijogass li jużaw id-demel ta' l-annimali u l-ħama ssir aktar attraenti;

44.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, strateġija li tinkludi l-istallazzjonijiet tal-bijogass fil-Mekkaniżmi ta' Kyoto, per eżempju permezz ta' ċertifikati ħodor, premiums speċjali jew krediti tat-taxxi għall-elettriċità u s-sħana ġġenerata mill-istallazzjonijiet tal-bijogass jew permezz ta' miżuri oħra; ifakkar li dan jagħmel l-istallazzjonijiet tal-bijogass aktar effiċjenti ekonomikament u fl-istess ħin jagħmel l-isforzi ta' l-agrikultura fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima aktar trasparenti;

45.

Jitlob sabiex issir evalwazzjoni dwar jekk id-Direttiva dwar in-Nitrati tkunx superfluwa meta tkun implimentata kompletament id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma;

46.

Jerġa' jenfasizza li fil-leġiżlazzjoni ta' l-UE l-użu tal-fertilizzanti artifiċjali m'għandux jingħata preferenza fuq l-użu tad-demel ta' l-annimali u l-prodotti derivati ta' l-istallazzjonijiet tal-bijogass; jitlob b'mod urġenti, għalhekk, biex bħala l-ewwel pass issir reviżjoni tad-definizzjoni tad-demel ta' l-annimali taħt id-Direttiva tan-Nitrati;

47.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, permezz ta' rakkomandazzjonijiet jew ta' direttiva, tippromwovi li l-bijogass jiġi mgħoddi f'netwerks tal-gass naturali;

48.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, il-proposti tagħha għal aktar titjib fl-użu ta' prodotti sekondarji ta' l-annimali u tar-raba' għall-produzzjoni tal-bijogass kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq tas-7 ta' Diċembru 2005;

49.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri li ma inkludew l-ebda miżura jew ma għamlux miżuri biżżejjed fil-programmi attwali ta' żvilupp nazzjonali sabiex jinkludu l-bijogass fl-evalwazzjoni ta' nofs it-term tal-programmi ta' żvilupp rurali u reġjonali attwali u jipproponu azzjonijiet għall-futur;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, waqt li tinkludi dawk li bħalissa m'għandhomx istallazzjonijiet tal-bijogass jew għandhom biss numru żgħir, sabiex huma jsiru jafu dwar l-aħjar prattiki ta' xulxin rigward l-istallazzjonijiet tal-bijogass permezz ta' l-iskambju ta' l-għarfien u t-teknoloġija;

51.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport koerenti dwar il-produzzjoni tal-bijogass ta' l-UE, u dwar prospetti futuri f'dan il-qasam, flimkien ma' evalwazzjoni ta' l-impatt, lill-Parlament sal-15 ta' Diċembru 2008 l-aktar tard, li tqis il-proposti u l-progress li jkun sar;

52.

Jistieden lill-Presidenzi attwali u futuri tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea biex iħeġġu aktar diskussjonijiet dwar kif għandha tkun promossa l-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass; f'dan ir-rigward il-promozzjoni sostenibbli ta' faċilitajiet għall-bijogass għandha tinkludi wkoll il-koproduzzjoni ta' sħana u elettriku;

*

**

53.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.


(1)  ĠU L 283, 27.10.2001, p. 33. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/108/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 414).

(2)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 29. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12).

(3)  ĠU L 123, 17.5.2003, p. 42.

(4)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008 (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 1).

(5)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008.

(6)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

(8)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 599.

(9)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 140.

(10)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

(11)  Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1). Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta' Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent u b'mod partikolari tal-ħamrija, meta jintuża ħama tad-drenaġġ fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6). Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(13)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1). Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(14)  Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

(15)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7). Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/105/KE.


Top