EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0093

Il-Kontroll tas-Saħħa fuq il-CAP
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Marzu 2008 dwar il-Kontroll tas-Saħħa fuq il-PAK (2007/2195(INI))

ĠU C 66E, 20.3.2009, p. 9–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 66/9


Il-Kontroll tas-Saħħa fuq il-CAP

P6_TA(2008)0093

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2008 dwar il-Kontroll tas-Saħħa fuq il-PAK (2007/2195(INI))

(2009/C 66 E/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 2007 dwar “it-Tħejjija għall-” Kontroll tas-Saħħa “tar-riforma tal-PAK” (COM(2007)0722),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1) tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar prezzijiet ta' l-għalf u ta' l-ikel li qed jogħlew (3),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar il-proposta b'deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 dwar l-art imwarrba għall-2008 (4),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli applikabbli għall-modulazzjoni fakultattiva tal-ħlasijiet diretti previsti mir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 (5),

wara li kkunsidra r-resoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005 dwar Sfidi ta' Politika u l-Mezzi tal-Baġit ta' Unjoni imkabbra 2007-2013 (6),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod (7), u b'mod partikolari l-Annessi I u III tagħhom u d-Dikjarazzjonijiet Nru 3 u 9 tagħha,

wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovejna u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (8),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004 li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, wara r-riforma tal-politika agrikola komuni (9),

wara li kkunsidra l-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea għal negozjati fil-qasam ta' l-agrikoltura fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fi tħejjija għat-Tielet Konferenza Ministerjali tal-WTO tas-26 ta' Ottubru 1999,

wara li kkunsidra l-Artikolu 33(2) tat-Trattat tal-KE, li ddaħħal bla emendi fit-Trattat ta' Liżbona,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0047/2008),

A.

billi l-agrikoltura, flimkien ma' l-industrija ta' l-ikel li joħorġu minnu, hija waħda mill-ikbar setturi setturi ekonomiċi ta' attività ta' l-Unjoni Ewropea, għandha rwol deċiżiv fis-sigurtà ta' provvista ta' l-ikel ta' l-UE u għandha rwol dejjem aktar importanti biex tibni is-sigurtà ta' l-enerġija ta' l-UE,

B.

billi politika agrikola komuni ta' l-UE (PAK), ibbażata fuq mudell ekonomiku, ekoloġiku u soċjali ta' l-agrikultura Ewropea li jiggarantixxi s-sostenibilità u s-sigurtà fl-ikel, se tkun indispensabbli ukoll fil-futur; billi, madankollu, l-introduzzjoni b'suċċess tar-riformi għandha titkompla, flimkien ma tisħiħ akbar ta' l-iżvilupp rurali,

C.

billi fil-futur il-PAK teħtieġ tneħħi l-ostakli preżenti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fl-agrikoltura billi tistabbilixxi trasferiment minn ġenerazzjoni għall-oħra bħala waħda mill-prijoritajiet,

D.

billi t-tnaqqis tal-burokrazija fis-settur agrikolu permezz ta' l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet trasparenti, aktar sempliċi u inqas kumplikati tista' twassal biex jitnaqqsu kemm l-ispejjeż għall-impriżi agrikoli u l-prodotturi kif ukoll l-ispiża amministrattiva,

E.

billi l-Politika Agrikola Komuni trid, tiffaċċja strutturi agrikoli u reġjonali differenti ħafna waqt li fl-istess ħin issib tweġibiet għal sfidi ġodda, bħall-bidla fil-klima, il-protezzjoni tal-ħamrija u ta' l-ilma, il-ftuħ akbar għas-suq dinji jew il-provvista ta' bijomassa, ta' materja prima u ta' enerġija rinnovabbli; billi teħtieġ li jkollha riżorsi biżżejjed u li żżomm l-objettivi oriġinali tal-PAK, kif affermat reċentement fit-Trattat ta' Liżbona, li jistgħu jiġu miġbura fil-qosor bħala l-produzzjoni ta' prodotti ta' ikel tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità għolja li jiggarantixxi provvisti għall-Ewropej kollha bi prezzijiet raġjonevoli u jippermetti lill-bdiewa li jżommu l-livelli tad-dħul tagħhom,

F

billi kwalunkwe bidla futura fil-CAP għandha tqis il-qagħda speċifika tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari l-pajjiżi l-inqas żviluppati, u tevita li tpoġġi fil-periklu l-produzzjoni u l-kummerċjalizzar tal-prodotti tal-biedja f'pajjiżi ta' dan it-tip,

G.

billi saru riformi fundamentali b'suċċess fis-sistema ta' ħlasijiet diretti f'tliet okkażjonijiet mill-1992 'l hawn u l-organizzazzjonijiet prinċipali tas-suq kollha, minbarra dawk tas-settur tal-ħalib, għamlu dan mill-2004,

H.

billi l-pajjiżi żviluppati kollha għandhom politika agrikola; billi ċirkustanzi ġodda, bħaż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, il-bidla fil-klima, iż-żieda fit-talba għall-enerġija, it-tneħħija progressiva tas-sistema ta' sostenn tal-prezzijiet u l-ftuħ akbar għas-suq dinji se jwasslu minn banda għal żieda fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli fis-suq Ewropew u, mill-banda l-oħra għal varjazzjonijiet ħafna ikbar tal-qligħ u għal prezzijiet ħafna anqas stabbli, u għalhekk hu meħtieġ ferm aktar minn qabel li jkun hemm kontinwazzjonui tal-politika agrikola komuni,

I.

billi s-sigurtà ta' provvista ta' l-ikel (kemm f'sens kwantitattiv kif ukoll f'dak kwalitattiv) se tibqa' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-PAK, flimkien mal-preservazzjoni ta' l-ekosistemi, li mingħajrha ma jistax ikun hemm produzzjoni sensibbli u sostenibbli u l-aħjar użu ta' l-art fl-UE,

J.

billi l-UE għamlet sforz konsiderevoli sabiex tnaqqas l-ispiża agrikola f'relazzjoni mal-baġit totali, u li bħala proporzjon niżlet minn kważi 80 % fis-snin sebgħin għal 33 % sa tmiem il-perspettiva finanzjarja attwali, waqt li t-total ta' art mogħtija għall-biedja żdiedet b'37 % mill-2003, bħala riżultat ta' sħubija ta' Stati Membri ġodda,

K.

billi l-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern waqt is-Samit ta' Berlin taw garanzija dwar l-ammont totali ta' l-ispejjeż għall-ewwel pilastru tal-PAK sa l-2013,

L.

billi l-Att ta' Sħubija ta' l-2004 jipprovdi għal derogi mill-applikazzjoni ta' wħud mir-regoli tal-PAK għall-Istati Membri ġodda sabiex jikkumpensaw għal-livell aktar baxx tal-ħlasijiet diretti,

M.

billi f'xi reġjuni m'hemmx alternattiva għal uħud mill-modi tradizzjonali ta' produzzjoni agrikola, li ħafna drabi jiġbru attivatijiet agrikoli ewlenin għar-reġjuni kkonċernati u għandhom għalhekk jiġu ppreservati u appoġġjati akkost ta' kollox, fuq bażi ta' politika ambjentali u reġjonali imperattiva u sabiex tiġi salvagwardata l-istruttura ekonomika u soċjali, speċjalment minħabba l-irwol tal-PAK f'dik li hi msejħa bħala l-konverġenza tar-reġjuni, fejn l-agrikoltura u t-trobbija ta' l-annimali huma ta' importanza kbira bħala strument ta' żvilupp ekonomiku u ta' ħolqien ta' l-impjiegi,

N.

billi l-bdiewa fl-UE għandu jkollhom garanzija ta' stabbilità sabiex jiġi żgurat li l-aspettattivi jiġu milħuqa u l-investimenti tagħhom ma jiġux misruqa, waqt li f'xi setturi s-sistemi regolatorji jeħtieġ li jippermettu għal previżjonijiet fuq żmien medju u twil,

O.

billi l-leġiżlatur ta' l-UE għandu jevita li l-bdiewa ta' l-UE u dawk li jrabbu l-annimali ikunu żvantaġġati fil-konfront tal-kompetituri tagħhom kemm fl-UE stess kif ukoll f'pajjiżi terzi jew japplikaw strumenti xierqa biex jiggarantixxu kundizzjonijiet ugwali għall-bdiewa ta' l-UE u għal dawk li jrabbu l-annimali (level-playing field); billi, partikolarment, għandu jiġi żgurat li l-istandards tal-kwalità, tas-saħħa, ta' l-ambjent u tal-benesseri ta' l-annimal kif ukoll ta' standards oħra li huma obbligatorji għall-bdiewa ta' l-UE, għandhom jiġu rispettati wkoll minn kull min jesporta prodotti agrikolu lejn l-UE,

P.

billi l-objettivi tal-PAK huma fformulati fl-Artikolu 33 tat-Trattat KE u wara li jkun hemm ratifika sħiħa tat-Trattat ta' Liżbona, id-deċiżjonijiet ġuridiċi u baġitarji essenzjali kollha li jikkonċernaw il-PAK se jkollhom bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament,

Q.

billi l-garanzija tas-sigurtà ta 'provvista ta' l-ikel għaċ-ċittadini ta' l-UE hija prijorità, u billi dan jista' jinkiseb l-aħjar kemm permezz ta' l-appoġġ għall-produzzjoni ta' l-ikel fl-UE kif ukoll permezz ta' l-importazzjoni fil-qafas tar-regoli tad-WTO; din is-sigurtà ta' provvista ta' l-ikel tiddependi wkoll mill-kontribut ta' l-UE għall-bini ta' l-istokk dinji (li bħalissa jinsab baxx b'mod estrem), u dan jippermetti lill-UE sabiex mhux biss tħares lilha nnifisha kontra n-nuqqas, iżda wkoll tieħu responsabilità rigward is-sigurtà globali ta' provvista ta' l-ikel,

R.

billi tiħtieġ riflessjoni aktar dettaljata dwar l-evoluzzjoni tas-swieq u tar-riperkussjonijiet tagħhom fuq is-suq intern, minħabba l-kuntest internazzjonali marbut mal-produzzjoni tal-materja prima u tal-prezzijiet,

Introduzzjoni

1.

Jinsisti li jinżamm il-kunċett ta' biedja sostenibbli, kompetittiva u multifunzjonali, li żżomm il-karattru speċifiku ta' kull settur u qasam ta' produzzjoni u li l-objettiv bażiku tagħha jkun li tipprovdi lill-popolazzjoni bi prodotti ta' l-ikel tajbin għas-saħħa u sikuri, fi kwantitajiet suffiċjenti u bi prezzijiet raġjonevoli għall-konsumatur;

2.

Jemmen li r-riforma tal-PAK ta' l-2003, f'aspetti ewlenin, kienet suċċess kbir għaliex tejbet sew it-trasparenza u l-effiċjenza tal-PAK u r-responsabilità u l-orjentazzjoni lejn is-suq tal-bdiewa, u jemmen li dan il-proċess għandu jkompli sabiex jiġi rrispettat l-impenn tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern f'Diċembru 2002 li jibqgħu jinżammu bla mittifsa l-fondi agrikoli ta' l-ewwel pilastru sa l-2013; jinnota li, bħala kumpens, l-amministrazzjoni tal-PAK u l-għadd kbir ta' Direttivi u Regolamenti ta' l-UE għandhom jiġu semplifikati iżjed u b'mod sinifikanti, biex jitqiegħed anqas piż fuq il-bdiewa, għalkemm din is-simplifikazzjoni ma twassalx għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-PAK jew għal tnaqqis akbar fl-għajnuniet li jirċievu l-bdiewa mill-UE;

3.

Jidhirlu li l-abbandun ta' kull forma ta' regolamentazzjoni fi ħdan il-COM mhix mixtieqa mil-lat politiku għaliex, kif turi s-sitwazzjoni attwali, l-istokks Ewropej u dinjin jinsabu f'livelli baxxi b'mod drammtiku u jolqtu b'mod negattiv il-potenzjal għax-xiri tal-konsumaturi, kif ukoll id-dħul tal-bdiewa, u tiffavorixxu fl-istess ħin l-ispekulazzjoni. Jenfasizza barra minn hekk li jeħtieġu strumenti biex jilqgħu għal bidla eventwali fis-sitwazzjoni ekonomika jew biex jitfaċċjaw riskji ta' inċidenti rigward is-saħħa jew ta' katastrofi naturali li qed iseħħu aktar ta' spiss minħabba l-bidla fil-klima;

4.

Jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, it-tibdil tekniku li ħareġ mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq bil-għan li jiġi żgurat li r-riforma ta' l-2003 tiffunzjona, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-prinċipju ekonomiku bażiku ta' stabilità fi ħdan il-PAK;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' riformi futuri, li tagħmel studju dwar il-benefiċċju ta' l-infiq tal-PAK dwar is-sigurtà ta' provvista ta' l-ikel, l-awtosuffiċjenza ta' provvista u l-preservazzjoni tal-komunitajiet rurali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel analiżi ta' l-ispiża potenzjali għall-konsumatur ta' prezzijiet ogħla ta' l-ikel li jirriżultaw mid-domanda dinjija vis-à-vis l-ispiża rappreżentata mill-politika agrikola attwali għall-pubbliku;

6.

Jemmen li l-isfida għall-UE fir-rigward tan-negozjati tal-WTO hi li tilqa' għad-diffikultajiet futuri b'mod li timmassimizza l-benesseri domestiku tagħha; jenfasizza li hu l-kompitu ta' l-UE li tagħmel l-aħjar użu tal-flessibilità disponibbli, per eżempju fil-każ ta' “prodotti sensittivi”; jenfasizza, madankollu, li l-kundizzjoni għal kwalunkwe ftehima tal-WTO dwar l-agrikoltura hu li jintlaħaq ftehim dwar il-proprjetà intellettwali li jkopri l-indikazzjonijiet ġeografiċi u r-rikonoxximent ta' Interessi Mhux Kummerċjali bħala kriterji ta' importazzjoni;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati tad-WTO attwali, biex tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-produzzjoni agrikola bħala settur tal-produzzjoni ta' l-ikel u bħala element li jistruttura għall-bilanċ territorjali, il-preservazzjoni ta' l-ambjent u l-protezzjoni tal-livelli kwantitattivi u kwalitattivi adegwati tas-sikurezza ta' l-ikel;

8.

Iqis, madankollu, li l-UE għandu jkompli jkollha biżżejjed mezzi sabiex tkun tista' tevita l-kriżijiet li jaffettwaw is-suq u l-provvista fis-setturi tal-biedja u tas-saħħa fil-futur;

9.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla r-rikonoxximent, b'mod effettiv u permezz ta' mezzi adatti (finanzjarji jew mezzi oħra), tal-funzjonijiet produttivi, ambjentali u rurali ta' l-agrikoltura;

10.

Fil-prinċipju, hu favur l-integrazzjoni ta' objettivi ġenerali fil-PAK, bħal, b'mod partikulari, is-sigurtà ta' provvista ta' l-ikel, il-koerenza territorjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ħarsien ta' l-ambjent u tal-klima, il-benessri ta' l-annimali, l-enerġija rinnovabbli u l-bijodiversità; jinnota, madankollu, li dan għandu jkun parti minn politika ta' żvilupp sostenibbli li tgħaqqad flimkien il-prestazzjoni ekonomika, il-ħarsien ta' l-ambjenti u r-risorsi naturali, l-iżvilupp lokali u l-ġustizzja soċjali; jinnota li, madankollu, l-Kapijiet ta' Stat u l-Gvern ikkonfermaw l-għanijiet tal-PAK billi żammew is-sustanza ta' l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE fit-Trattat ta' Liżbona ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007;

11.

Jenfasizza li l-integrazzjoni ta' l-għanijiet ġenerali fil-PAK m'għandhiex tqajjem dubji dwar il-produzzjoni tal-prodotti agrikoli u tat-trobbija ta' l-annimali fir-reġjuni -muntanjużi, dawk żvantaġġjati, periferiċi u fil-gżejjer ta' l-UE, li huma bbażati fuq sistemi estensivi ta' produzzjoni, jipproduċu l-aktar għas-suq lokali imma wkoll ibiegħu prodotti agrikoli u ta' l-annimali fis-swieq nazzjonali ta' l-Istati Membri;

12.

Hu ta' l-opinjoni li, jekk l-UE tintroduċi rekwiżiti stretti għall-bdiewa ta' l-UE u għall-produtturi, għandha tassigura li dawk l-istess rekwiżiti jiġu osservati minn kull min jesporta prodotti agrikoli lejn l-UE u li l-UE għandha tinsisti biex l-għanijiet ġenerali msemmija hawn fuq jidħlu fin-negozjati tal-WTO;

13.

Hu kontra tnaqqis fil-baġit totali għall-ewwel pilastru sas-sena 2013 u jfakkar li, meta s-swieq agrikoli u tat-trobbija ta' l-annimali jkunu għaddejjin minn taqlib rapidu u f'nofs iż-żmien tar-riformi attwali, il-bdiewa għandhom bżonn kbir ta' fiduċja, sigurtà u partikolarment li d-deċiżjonijiet meħuda fl-2003 jiġu rrispettati;

14.

Jirrifjuta kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq id-daqs u l-forma ġuridika ta' l-impriżi fil-ħlasijiet diretti, imma jagħraf li fl-istess ħin kull tqassim mill-ġdid ta' għajnuna taħt l-ewwel pilastru għandha tkun ibbażata fuq analiżi sħiħa ta' l-effetti tagħha fuq il-koeżjoni soċjali u reġjonali, l-impjiegi, l-ambjent, il-kompetittività u l-innovazzjoni;

15.

Isejjaħ sabiex l-għajnuna tingħata biss lil dawk il-bdiewa li huma involuti b'mod attiv fl-agrikoltura;

16.

Jirrimarka li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tagħti biss ftit attenzjoni għall-problemi, ħtiġijiet u sfidi li s-settur agrikolu tat-tnax-il Stat Membru ġdid għandu, u jħeġġeġ sabiex dan jiġi kkunsidrat fir-riformi li ġejjin, u li jiġu kkunsidrati wkoll fondi addizzjonali għar-ristrutturar u l-immodernizzar;

Ħlasijiet diretti

17.

Iqis li l-ħlasijiet diretti jibqgħu assolutament indispensabbli, bħala garanzija tad-dħul fil-każ mhux biss ta' falliment tas-suq imma wkoll għall-provvista ta' oġġetti pubbliċi, u li jikkumpensaw għall-istandards Ewropej dwar l-ambjent, is-sikurezza u s-sigurtà fl-ikel, it-traċċabilità, standards soċjali u ta' benessri ta' l-annimali, li huma partikularment stretti meta mqabbla ma' dawk fis-seħħ fix-xena internazzjonali;

18.

Jinnota, madankollu, li l-livell ta' ħlasijiet mhux dejjem jidher li hu bbilanċjat ma' l-isforzi li jsiru mill-bdiewa kkonċernati biex jikkonformaw, għaliex il-ħlasijiet għadhom jiddependu f'ħafna każi fuq infiq storiku;

19.

Isejjaħ għalhekk biex isir rapport mill-Kummissjoni, li għandu jevalwa l-ispejjeż żejda li l-bdiewa jkollhom minħabba l-konformità ma' l-istandards komuni fil-qasam ta' l-ambjent, tal-benessri ta' l-annimali u tas-sikurezza fl-ikel meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tagħhom fis-suq dinji; ir-rapport għandu wkoll iqabbel dawn l-ispejjeż ma' l-ammont attwali ta' ħlasijiet diretti li l-bdiewa jirċievu; ir-rapport għandu jitratta b'mod dettaljat sew it-tipi differenti ta' bdiewa fl-Istati Membri differenti; ir-rapport għandu wkoll ikun ippubblikat qabel ma jibdew il-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-politika agrikola komuni wara l-2013;

20.

Jilqa' b'sodisfazzjoni il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti lill-Istati Membri, fuq bażi volontarja, aktar flessibilità biex jimxu lejn diżakkoppjament ta' ħlasijiet diretti bbażati fuq valuri ta' referenza storiċi għal sistema aktar sempliċi, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex, filwaqt li tippreżenta proposta leġiżlattiva, tispjega jekk, b'kunsiderazzjoni ta' l-esperjenzi pożittivi li kellhom l-Istati Membri, huwiex possibbli li jkun hemm tranżizzjoni mħaffa lejn ħlas uniku reġjonali jew nazzjonali skond il-medda ta' art bi ħlasijiet separati, u jekk dan ikunx fattibbli għall-Istati Membri fuq bażi volontarja sa l-2013; madankollu jinnota li dawk l-Istati Membri b'diżakkoppjament sħiħ (jew parzjali) bbażat fuq pagamenti storiċi jistgħu jagħżlu li jħallu din is-sistema sa l-2013; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel studju ta' l-impatt potenzjali ta' ħlas ibbażat fuq il-medda ta' l-art, partikolarment fir-rigward ta' rziezet b'densità għolja ta' annimali fuq medda ta' art użata għar-razzett komparattivament żgħira;

21.

Jenfasizza li, bl-għażla ta' tranżizzjoni għal mudell reġjonali, għandhom jiġu meqjusa d-diffikultajiet li jqumu min-natura partikolari tad-drittijiet speċifiċi fit-trobbija ta' l-annimali, jiġifieri l-fatt li xi bdiewa li jrabbu l-annimali m'għandhomx jew għandhom biss medda ta' art agrikola żgħira, u wkoll il-fatt li t-trobbija ta' l-annimali b'mod estensiv f'ħafna reġjuni fl-UE hi bbażata fuq l-użu kollettiv ta' art komuni għall-mergħa, li tkun tappartjeni lill-entitajiet muniċipali, komunitarji jew tal-gvern;

22.

Jemmen li, minħabba ż-żieda fin-numru ta' setturi koperti mis-sistema ta' ħlas uniku (SPS) u fid-dawl ta' l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta' dak ir-reġim, ċerta deċiżjonijiet u regoli ta' implimentazzjoni jidhru li huma riġidi u kumplikati mingħajr ħtieġa, u li għalhekk jeħtieġ li jerġgħu jiġu definiti r-regoli, l-iskop u l-iskemi ta' tmexxija adatti ta' l-implimentazzjoni tagħha f'dawk l-Istati Membri u f'dawk is-setturi li jixtiequ jagħmlu dan;

23.

Iqis li d-diżakkoppjament ta' ħlasijiet diretti, b'mod ġenerali, wassal sabiex l-agrikoltura ta' l-UE jirnexxilha ssir aktar orjentata lejn is-suq, minħabba l-effett akbar fuq id-dħul u l-awtonomija akbar lill-bdiewa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll is-simplifikazzjoni assoċjata tal-PAK; u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli b'mod attiv il-politika ta' diżakkoppjament, sakemm dan il-pass ma jirriżultax fi tfixkil konsiderevoli mil-lat soċjo-ekonomiku jew ambjentali f'reġjuni partikulari, partikolarment fir-reġjuni l-aktar żvantaġġjati; jinnota, madankollu, li jeħtieġu aktar evalwazzjonijiet ta' l-impatt sabiex jiġu determinati b'mod komprensiv l-effetti ta' diżakkoppjament fuq ir-reġjuni speċifiċi, għall-produzzjoni u s-suq ta' l-art;

24.

Jemmen li, b'mod ġenerali, id-diżakkoppjament ta' għajnuna diretta mill-produzzjoni agrikola jista', fit-tul, jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' l-impatt ambjentali negattiv ta' l-agrikoltura Ewropea, dejjem sakemm dan ikun akkumpanjat minn appoġġ imsaħħaħ tal-prattiki sostenibbli fl-iżvilupp rurali;

25.

Jinnota li aktar diżakkoppjament għandu jsir biss wara konsiderazzjoni sew ta' l-effetti potenzjali, kif ukoll, għalkemm mhux biss, tal-bilanċ bejn is-setturi agrikoli differenti, il-periklu li żdied tal-monokulturi, u t-theddida għas-setturi agrikoli li għandhom bżonn ħafna ħaddiema;

26.

Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni fir-rigward ta' ħlasijiet relatata ma' l-annimali, inklużi ħlasijiet għall-ħalib, mhix komparabbli, minħabba distorsjoni serja tas-suq ikkawżata, fost l-oħrajn, biż-żieda fil-prezzijiet ta' l-għalf, li għandhom effett ikbar fuq uħud mis-sistemi ta' produzzjoni tat-trobbija ta' l-annimali pprattikata fl-UE;

27.

Iqis li, ċerti reġjuni bħal pereżempju, ir-reġjuni tal-muntanji u reġjuni oħra b'diffikultajiet speċifiċi (gżejjer, zoni niexfa u umdi, reġjuni periferiċi eċċ.), fejn m'hemmx alternattiva oħra għal din l-attività li relattivament tinvolvi ħafna ħaddiema fit-trobbija ta' l-annimali, id-diżakkoppjament komplet tal-ħlasijiet relatati ma' l-annimali jirriskja li jkun akkumpanjat minn żvantaġġi soċjali, ekonomiċi u ambjentali wara bdil fil-prezzijiet ta' l-input, ħaġa li mhix konformi ma' l-objettivi tat-Trattat; isejjaħ għal dejta ta' referenza preċiża biex tintuża bħala bażi ħalli jingħataw id-drittijiet għal ħlas f'każ li jkun hemm diżakkoppjament (parzjali);

28.

Hu konxju ta' l-irwol ewlieni li għandha t-trobbija ta' l-annimali fil-biedja fl-Ewropa, speċjalment f'xi pajjiżi u reġjuni fejn it-trobbija ta' l-annimali hi fuq skala kbira, u b'hekk iqis li jkun raġonevoli li għalissa jinżamm b'mod parzjali l-akkoppjar tal-ħlasijiet relatati ma' l-annimali; jirrikonoxxi l-irwol importanti li għandhom dawn l-impriżi tal-biedja li rnexxew sew fl-ekonomija reġjonali; ifakkar li l-Artikoli 47 u 50 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 fihom soluzzjoni għal densità qawwija ta' trobbija ta' l-annimali li għandha tkompli tiġi eżaminata fil-perjodu wara l-2013;

29.

Iqis, madanakollu, li dawn il-miżuri mhux se jkunu biżżejjed; jilqa' għalhekk il-modifika mħabbra ta' l-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “l-Artikolu 69”) bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba; iżda jinnota li dan l-istrument m'għandux jintuża biex jostor id-dħul tal-modulazzjoni fakultattiva u t-tisħiħ akbar tat-tieni pilastru; barra minn hekk, dan l-istrument m'għandux jwassal għan-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-PAK u kemm hu possibbli għandhom jiġu rispettati kundizzjonijiet ugwali bejn l-Istati Membri;

30.

Jitlob li l-approprjazzjonijiet ta' l-Artikolu 69 jingħataw bħala prijorità għal miżuri ta' koerenza territorjali u ta' tisħiħ tas-setturi differenti, u b'mod partikulari għal miżuri li jkollhom l-għan li jevitaw l-abbandun tal-produzzjoni agrikola, u speċjalment tat-trobbija ta' l-annimali, fir-reġjuni li fihom dan l-abbandun ikollu konsegwenzi gravi ħafna fuq in-natura, il-pajsaġġ u l-iżvilupp reġjonali (b'mod partikulari ir-reġjuni tal-muntanji, artijiet mistagħdra u zoni affettwati minn skarsità ta' ilma jew dawk partikolarment żvantaġġjati u l-mergħat estremi), għal miżuri maħsuba biex jikkontribwixxu għar-ristrutturazzjoni jew għat-tisħiħ tas-setturi agrikoli prinċipali (pereżempju s-setturi tal-gniedes għall-ħalib u għall-qtil u tan-nagħaġ), għal miżuri ambjentali tat-territorju (pereżempju agrikoltura bijoloġika) li s'issa ma kinux jidhru fit-tieni pilastru, u għall-ġestjoni tar-riskji;

31.

Iqis li, il-baġit għall-Artikolu 69 revedut, wara r-riżultati ta' evalwazzjoni ta' l-impatt u fuq bażi volontarja, ikopri 12 % mill-għajnuniet diretti għal kull Stat Membru;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal regoli komuni skond l-applikazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-Artikolu 69 sabiex tevita ostakli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni kemm hu possibbli, waqt li dawn il-proposti jiġu inkorporati, fejn meħtieġ, fl-organizzazzjoni komuni tas-suq; isejjaħ ukoll biex il-miżuri li jirrikjedu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 69 jiġu notifikati lill-Kummissjoni; fl-aħħar, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel analiżi ta' l-impatt, li għandu jkun mehmuż mal-proposta leġiżlattiva tiegħu;

33.

Iqis li l-miżuri maħsuba biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-setturi differenti għandhom, fil-prinċipju, ikunu ffinanzjati fit-tul mill-ewwel pilastru; iqis ukoll, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tanalizza bir-reqqa kollha r-riżultati ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 69 revedut bi preparazzjoni tar-riforma ta' wara l-2013;

34.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport sat-30 ta' Ġunju 2010, li fih tispjega b'mod dettaljat kif il-produzzjoni Komunitarja ta' prodotti tar-raba' kif ukoll is-sigurtà ta' provvista ta' l-annimali tat-trobbija fl-Ewropa tista' tiġi protetta fit-tul fir-rigward tas-sistemi differenti tal-produzzjoni fl-UE, tal-multifunzjonalità u ta' aspetti reġjonali oħra (bħal zoni muntanjużi, dawk żvantaġġjati u gżejjer żgħar); iqis li r-rapport għandu wkoll jitratta l-kwistjoni dwar kemm jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK, anke waqt li qed jirreferu għal aspetti soċjali u ta' sostenibilità, b'mod aktar effiċjenti u mmirat permezz ta' għajnuna diżakkupjata u indiretta per eżempju ħlasijiet għal artijiet estensivi bil-ħaxix, mergħat, ħlasijiet speċjali għall-ħalib u għall-produzzjoni tal-laħam, ħlasijiet għal stalel li jinbnew u jintramaw b'konformità ma' standards tal-benessri komuni ta' l-annimali u ta' l-ambjent, jew strumenti speċifiċi għall-ġestjoni tal-kriżi; jenfasizza li r-rapport jeħtieġ li jirrispondi l-mistoqsija dwar jekk u sa kemm, fir-rigward tal-ħtieġa speċifika tar-reġjuni b'impriżi ta' l-annimali intensivi, ħlasijiet akkoppjati relatati ma' l-annimali jew soluzzjonijiet skond il-linji ta' dawk suġġeriti fl-Artikoli 47 sa 50 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, se jkun hemm il-ħtieġa tagħhom anke wara l-2013;

35.

Jirrakkomanda li dawk l-Istati Membri l-ġodda li jixtiequ dan għandhom jitħallew li japplikaw is-sistema ta' ħlas uniku skond it-territorju (SAPS) sa l-2013 u jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk l-applikazzjoni tas-SAPS tistax tiġi ssimplifikata aktar billi jiġu emendati r-regoli ta' l-eliġibilità għall-għajnuna;

36.

Jemmen li l-approprjazzjonijiet kollha tal-baġit maħsuba għall-implimentazzjoni tal-PAK li ma intużawx għandhom jintefqu fil-PAK;

37.

Iqis li l-ħlasijiet diretti jibqgħu neċessarji wara l-2013, imma li dawn jeħtieġ li jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi ġodda, u prinċipalment fuq impjiegi diretti ġġenerati mill-irziezet jew żviluppati b'mod aktar ċar fid-direzzjoni ta' ħlas għall-bdiewa għall-amministrazzjoni ta' l-art jew bħala kumpens għat-twettiq ta' ċerti servizzi ta' interess ġenerali jew għal standards partikulari, inklużi l-istandards ta' benessri ta' l-annimali, u kemm dawn id-disparitajiet kunsiderevoli osservati fil-ħlasijet skond it-territorju fl-Ewropa u l-fondi differenti tat-tieni pilastru huma xierqa, għandhom jiġu eżaminati; jistieden lill-kummissjoni sabiex tipproponi miżuri adatti maħsuba biex jassiguraw li r-rata sħiħa ta' ħlasijiet diretti tmur biss għand persuni u impriżi li huma attivament involuti fl-agrikoltura;

Simplifikazzjoni, konformità reċiproka u orjentazzjoni lejn is-suq

38.

Jagħti l-appoġġ tiegħu, wara perjodu xieraq ta' temma ftit ftit, biex l-iskemi ta' pagament ibbażati fuq il-produzzjoni li huma skemi iżgħar u għalhekk diffiċilment amministrati (għalf imnixxef, qanneb, kittien, il-lamtu tal-patata) jiġu integrati b'mod gradwali għal ġo l-iskema ta' pagament wieħed skond l-erja, sakemm dan il-pass ma jirriżultax fi tfixkil konsiderevoli mil-lat soċjo-ekonomiku jew mil-lat ambjentali f'reġjuni partikulari; jekk ikun meħtieġ, għal raġunijiet ta' politika reġjonali, għandu jsir provvediment skond l-Artikolu 69 għal miżuri ta' akkumpanjament; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi każ każ ta' l-impatt ekonomiku u reġjonali ta' din l-integrazzjoni, li tkun turi li din hija s-soluzzjoni xierqa u jidentifika l-limiti taż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha; jisħaq li d-diżakkoppjament m'għandux iqiegħed fil-periklu l-eżistenza nfisha tal-forom ta' produzzjoni kkonċernati;

39.

Jaqbel mat-tneħħija immedjata ta' l-obbligu tat-twarrib ta' art, strument ta' kontroll tal-volumi li m'għadx hemm raġuni li jibqa' fis-sistema ta' pagament dirett diżakkoppjat u li huwa tqil wisq biex jiġi amministrat, u mal-qlib tad-drittijiet għat-twarrib ta' art għal drittijiet normali;

40.

Jidhirlu li fil-kuntest ta' tnaqqis tat-twarrib ta' wċuħ ta' art wara żieda fid-domanda għal prodotti agrikoli, kwalunkwe vantaġġi ambjentali li li jinkisbu wara t-twarrib ta' wċuħ ta' l-art, bħad-dakkir ta' l-uċuħ tar-raba minn naħal, jistgħu jinkisbu aħjar u b'mod aktar dirett mill-Istati Membri permezz ta' miżuri taħt it-tieni pilastru u permezz ta' tibdil tad-definizzjoni taż-żamma ta' kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin (GAEC) sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-bijodiversità tal-ħajja salvaġġa u ta' l-abitati tagħha;

41.

Jitlob li matul il-fażi tat-tneħħija ftit ftit jiġi abolit gradwalment il-primjum għall-uċuħ enerġetiċi, għax il-primjums għall-uċuħ enerġetiċi huma tqal ħafna biex jiġu amministrati u ftit li xejn għandhom vantaġġi ta' politika enerġetika fl-ambjent tas-suq kurrenti;

42.

Jitlob l l-approprjazzjonijiet li ma jkunux ġew utilizzati bħala riżultat tat-tneħħija tal-primjum għall-uċuħ enerġetiċi jkunu disponibbli, inter alia, speċifikament għal miżuri ta' akkumpanjament f'rabta ma' l-organizzazzjoni tas-suq tal-ħalib, b'mod speċjali fiz-zoni tal-muntanji u f'zoni oħra b'diffikultajiet speċifiċi;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli l-approprjazzjonijiet li ma ġewx utilizzati skond il-baġit għall-agrikoltura li kienu maħsuba għal miżuri ta' mmaniġġjar tas-suq bħal m'huma interventi, is-sussidji fuq l-esportazzjoni jew il-ħażna, primarjament fuq il-bażi ta' l-Artikolu 69 għat-tisħiħ ta' l-ekonomija fiz-zoni rurali, b'mod partikulari oqsma ta' art agrikola, skond l-objettivi ta' l-iżvilupp rurali;

44.

Iqis li ħlasijiet diretti mingħajr konformità reċiproka ma jistgħux ikunu ġġustifikati aktar; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Istati Membri l-ġodda għandhom jiġu megħjuna mill-UE fl-applikazzjoni tar-regoli tal-konformità reċiproka matul il-perjodu tranżizzjonali;

45.

Jirrifjuta kull twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-konformità reċiproka, minħabba t-tnaqqis fil-ħlasijiet diretti, sakemm l-Istati Membri u l-Kummissjoni ma jakkwistaw l-ebda progress sostanzjali fis-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' monitoraġġ u sakemm il-Kummissjoni ma tippreżentax deskrizzjoni tad-dettalji prinċipali ta' l-ispejjeż marbuta mal-konformità reċiproka għall-bdiewa; u f'dan ir-rigward jirreferi għall-pożizzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2007;

46.

Jidhirlu li l-konformità reċiproka għandha tkun limita għall-kontrolli ta' l-istandards essenzjali tal-mudell Ewropew tal-produzzjoni u għal standards li jkunu jistgħu jiġu sottomessi għal kontrolli sistematiċi u armonizzati fl-Istati Membri differenti;

47.

Jitlob li jkun hemm effikaċja akbar tal-konformità reċiproka f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-objettivi tagħha u li jkun hemm implimentazzjoni omoġenja fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa linji gwida aktar ċari biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni;

48.

Jitlob li jitneħħew għal kollox il-piżijiet sproporzjonati li l-konformità reċiproka tpoġġi fuq it-trobbija ta' l-annimali; u jitlob b'mod partikulari li jsir eżami kritiku ta' ċerti standards ta' iġjene u ta' identifikazzjoni (pereżempju t-tikketti tal-widna);

49.

Jista' jara l-possibilità ta' adattament modest tar-rekwiżiti biex jibqgħu jinżammu GAEC u l-immaniġġjar sostenibbli ta' l-art fir-rigward tal-kondizzjonijiet ambjentali u ta' produzzjoni li nbidlu (il-bidla fil-klima, il-bijomassa), jekk kellu jkun iggarantit li r-rekwiżiti l-ġodda jkunu mdaħħla b'mod komparabbli fl-Ewropa kollha;

50.

Jidhirlu li l-Istati Membri li jkunu qed japplikaw l-iskema ta' pagament wieħed skond l-erja għandu jkollhom id-dritt li jimplimentaw il-prinċipju tal-konformità reċiproka b'mod progressiv, sabiex ikunu jistgħu jħejju kif jixraq għad-dħul tas-sistemi ta' kontroll meħtieġa u sabiex ikunu jistgħu jikkonvinċu lill-bdiewa dwar il-ħtieġa li jissodisfaw l-istandards stabbiliti;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tirsisti fis-simplifikazzjoni tal-PAK u, biex hi u tagħmel dan, regolarment tirrevedi punti tal-leġislazzjoni biex tiddetermina jekk ikunux meħtieġa u jekk id-dispożizzjonijiet li fil-fatt ikun fihom ikunux ta' fejda; jiddikjara li f'dak ir-rigward hija għandha tipproponi miżuri addizzjonali, bħal m'huma regoli ta' trasferiment simplifikati għad-drittijiet għall-ħlas fil-każ ta' nuqqas ta' attivazzjoni, ir-raggruppar tad-drittijiet għal ħlas ta' ammonti minimi, l-introduzzjoni ta' primjum uniku fil-każ tal-benefiċjarji ż-żgħar, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-riserva nazzjonali, it-tnaqqis jew it-tneħħija tagħhom, skond it-tranżizzjoni għall-ħlasijiet uniċi skond it-territorju reġjonali jew nazzjonali, ir-rinunzja għall-kanċellazzjoni tad-drittijiet għall-ħlas fil-każ li ma jkunux ġew utilizzati, it-tneħħija tar-reġistri miktuba bl-idejn għall-ifrat u annimali tat-trobbija oħra;

52.

Barra minn hekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħlasijiet isiru f'waqthom u jistieden lill-Kummissjoni biex tippermetti li lill-bdiewa jsirulhom ħlasijiet bil-quddiem;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq il-mekkaniżmi meħtieġa biex ikun żgurat li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jkunu jissodisfaw l-istess standards bħall-prodotti tal-Komunità f'dawk li huma kundizzjonalità, sikurezza ta' l-ikel, eċċ.;

Xibka ta' sikurezza

54.

Iqis li, fid-dawl taż-żjieda li mistennija jkun hemm fil-perikli ambjentali u klimatiċi u fir-riskju ta' epidemiji u ta' żjieda konsiderevoli fiċ-ċaqliq tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli, huwa ta' importanza vitali li jiġu implimentati miżuri addizzjonali ta' prevenzjoni tar-riskji biex iservu ta' xibka ta' sikurezza;

55.

Ifakkar li l-produzzjoni orjentata lejn is-suq, ir-rotazzjoni xierqa ta' l-uċuħ, id-diversifikazzjoni, l-istrumenti tas-suq finanzjarju, il-kuntratti u l-assigurazzjoni fuq il-katina ta' provvista, huma kollha modi importanti li bihom il-bdiewa jistgħu jħarsu lilhom infushom kontra r-riskji, u li, fil-prinċipju, ir-responsabilità għall-prevenzjoni xierqa tar-riskji taqa' fuq il-bdiewa;

56.

Jemmen li biex jiġi indirizzat il-falliment tas-suq, is-sistema ta' intervent għandha tinżamm kif inhi u għandha tiġi rriformata biex issir xibka ta' sikurezza stretta għal ċirkustanzi eċċezzjonali b'regoli bbażati fuq ix-xejriet tas-swieq dinjija;

57.

Jaqbel għalhekk mal-proposta tal-Kummissjoni li l-limiti massimi ta' l-interventi għall-uċuħ għas-suq jitniżżlu għal żero, u li ma jinżammux aktar limiti massimi għall-interventi ħlief għall-qamħ, u jekk hu possibbli dawn il-limiti massimi jitnaqqsu wkoll;

58.

Jidhirlu li l-iskemi ta' assigurazzjoni tas-settur privat jew imħallta, bħall-assigurazzjoni għal diversi tipi ta' perikli, għandhom jiġu żviluppati b'urġenza, minħabba li r-riskji qed jiżdiedu; jinsab konxju mill-fatt li din l-attività tista tirnexxi biss bil-kontribuzzjonijiet pubbliċi għall-finanzjament; jissottolinja l-fatt li d-dħul ta' dawn l-ikemi m'għandu taħt l-ebda ċirkustanza jipperikola l-kundizzjonijiet ugwali bejn l-Istati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex taħsibha dwar jekk fil-ġejjieni ddaħħalx jew tappoġġjax sistema ta' assigurazzjoni mill-ġdid li tkun mifruxa mal-Komunità kollha, bit-tama li tittratta problemi kkaġunati minn diżastri marbuta mal-klima jew diżastri ambjentali;

59.

Ifakkar li kważi l-pajjiżi terzi relevanti kollha jħaddmu dan it-tip ta' sistema mgħejuna mill-Istat;

60.

Jidhirlu li, bħala riżultat, pass tal-bidu għandu jkun il-ħolqien ta' għejun ta' finanzjament għall-iffinanzjar nazzjonali jew reġjonali ta' l-iskemi ta' assigurazzjoni kontra r-riskji li għandu jibda fl-2009, biex jitqiesu d-diversi riskji potenzjali fl-Ewropa; il-Kummissjoni għandha teżamina sa liema punt jistgħu jiġu integrati fl-iskemi l-gruppi tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet settorjali u interprofessjonali u l-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni privati;

61.

Jidhirlu li, meta titqies id-diversità estrema tal-kundizzjonijiet fis-setturi individwali, soluzzjonijiet settorjali differenti (komparabbli mas-soluzzjoni adottata fis-settur tal-frott u l-ħxejjex) huma probabilment aktar ippreferuti minn strateġiji orizzontali;

62.

Jidhirlu li dawn il-miżuri għandhom ikunu parzjalment iffinanzjati skond l-ewwel pilastru fuq il-bażi ta' l-Artikolu 69, peress li jaqgħu fl-ambitu tal-politika tas-suq;

63

Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-implimentazzjoni ta' strumenti għall-ġestjoni tal-kriżi fis-suq kif ukoll ta' kriżijiet klimatiċi għall-organizzazzjonijiet u koperattivi sabiex jgħinuhom jilqgħu għall-ispjejjeż marbutin ma' tnaqqis fil-kontribut ta' prodott mill-membri tagħhom;

64.

Iqis li l-miżuri għall-immaniġġjar tar-riskji u għall-prevenzjoni tar-riskji m'għandhomx jitħallew li jwasslu biex jerġgħu jiddaħħlu miżuri ta' appoġġ ibbażati fuq il-produzzjoni;

65.

Iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas komuni għall-finanzjament tas-sistemi ta' mmaniġġjar tar-riskji mill-Istati Membri, imsejjes fuq ir-rispett għas-sistemi li kurrentement qed jintużaw jew li kienu approvati mill-Kummissjoni fl-imgħoddi, sabiex jiġu eżklużi, kemm jista' jkun, l-effetti li jgħawġu l-kompetizzjoni u n-negozju billi jiġu stabbiliti, jekk ikun meħtieġ, regolamenti komuni fi ħdan l-organizzazzjonijiet tas-suq waħdieni;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, sat-30 ta' Ġunju 2010, tressaq analiżi ezawrjenti tas-sistemi eżistenti ta' mmaniġġjar tar-riskji u tal-possibiltajiet eżistenti ta' mmaniġġjar tar-riskji biex jiġu żviluppati aktar fil-livell Komunitarju wara l-2013;

Modulazzjoni/limiti massimi/tnaqqis gradwali/limiti minimi

67.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-impożizzjoni ta' limiti massimi li jkunu jonqsu gradwalment, il-modulazzjoni u d-dixxiplina baġitarja jistgħu, jekk ikunu implimentati l-proposti tal-Kummissjoni, jkollhom impatt sostanzjali ta' distribuzzjoni mill-ġdid f'ċerti reġjuni;

68.

Iqis li kwalunkwe tibdil fl-appropjazzjonijiet għall-iżvilupp rurali li mhux kompatibbli mal-limiti massimi (sekondarji) miftiehma ta' l-Anness III tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006, irid ikun miftiehem bejn il-tliet partijiet firmatarji kollha;

69.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s'issa ma hemm l-ebda valutazzjoni ta' l-impatt ta' l-effetti ta' aktar modulazzjoni, aktar tnaqqis gradwali u ta' aktar limiti minimi fuq is-suq tax-xogħol f'zoni rurali u fuq il-koeżjoni reġjonali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, għal dik ir-raġuni, trid issir valutazzjoni ta' l-ewwel pilastru;

70.

Jisħaq li l-limiti l-aktar baxxi proposti mill-Kummissjoni jistgħu jkollhom impatt li ma jkunx jista' jiġi injorat f'xi Stati Membri u jistgħu jolqtu tqassim tal-pagamenti tal-politika agrikola komuni bejn l-Istati Membri, filwaqt li l-ogħla limitu jimplika trasferiment ta' xi EUR 500 miljun mill-ewwel għat-tieni pilastru; ifakkar li għad fadal dubji serji rigward l-effettività fl-infiq preżenti tal-miżuri tat-tieni pilastru; jemmen, għalhekk, li l-iffrankar li jirriżulta mill-applikazzjoni possibbli ta' din il-miżura għandu jibqa' fi ħdan l-ewwel pilastru;

71.

Jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni dwar id-digressività (bi tnaqqis li jilħaq il-45 %) fis-sura preżenti tagħha, peress li ma hemm l-ebda rabta ċara bejn id-daqs u l-beni ta' farm u tonqos milli tinkludi n-numru ta' ħaddiema meħtieġa biex iżommu għaddejja art agrikola ta' skala kbira; il-proposta tal-Kummissjoni tkun tqiegħed lill-farms il-kbar jew lill-assoċjazzjonijiet kbar fi żvantaġġ inġustifikabbli u tkun twassal għal tnaqqis fin-numru ta' ħaddiema u l-qirda ta' strutturi li huma żviluppati tajjeb u kompetittivi u tkun tirriżulta fit-tifriq tal-farms purament għal raġunijiet marbuta ma' l-appoġġ, ħaġa li tkun tikkawża ksur strutturali f'xi reġjuni ta' l-Ewropa,

72.

Iqis li d-digressività u/jew l-istipular ta' limiti massimi nazzjonali tkun/ikunu aċċettabbli biss fuq il-bażi ta' valutazzjoni komprensiva tal-konsegwenzi fuq is-suq tax-xogħol u fuq il-politiki reġjonali, u biss jekk ikun sar possibbli li jingħata kas tan-numru ta' ħaddiema full-time koperti mis-sigurtà soċjali jew ċerti strutturi ta' farms (dawk immexxija minn diversi familji, organizzazzjonijiet ta' koperattivi, eċċ.) jew il-kosti totali tax-xogħol li jsir fuq il-farms, bit-tama li titnaqqas id-digressività; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm quddiem għajnejha li l-farms li huma iżgħar li jiffurmaw unjoni taħt personalità ġuridika waħdanija bil-għan li joħolqu ekonomiji ta' skala u jsiru aktar kompetittivi m'għandhomx ikunu żvantaġġjati;

73.

Jitlob li l-fondi kollha li eventwalment jirriżultaw mid-digressività jinżammu fir-reġjuni jew fl-Istati Membri kkonċernati fejn se jkunu utilizzati, pereżempju, biex jiffinanzjaw miżuri f'konformità ma' l-Artikolu 69 jew skond it-tieni pilastru; jitlob li dawn il-fondi jiġu ffukati direttament fuq il-bdiewa;

74.

Jappoġġja l-proposta li jiġu mgħollija l-limiti minimi, ukoll fid-dawl tar-rapport annwali ta' l-2006 tal-Qorti ta' l-Awdituri, li jistgħu jiġu stabbiliti għal ettaru wieħed jew għall-ammont korrispondenti ta' EUR 250, magħquda flimkien mad-dħul ta' primjum waħdieni jew ta' somma waħda f'daqqa minima għall-benefiċjarji żgħar; madanakollu, f'każijiet li jkunu ġġustifikati kif jixraq ta' differenzi maġġuri fl-istrutturi agrikoli, lill-Istati Membri għandha titħallielhom l-għażla li jistipulaw il-limiti minimi;

75.

Jappoġġja, madankollu, lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tiżgura finanzjament xieraq għal-politika sostenibbli għaz-zoni rurali fl-ambitu tat-tieni pilastru tal-PAK, għalkemm dak l-objettiv m'għandux jintlaħaq spejjeż ta' l-ewwel pilastru;

76.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba n-natura diġà drastika tat-tnaqqis individwali, tnaqqis ieħor ta' 8 % fil-ħlasijiet diretti, mingħajr ma ssir valutazzjoni ta' l-impatt, ma jistax jiġi aċċettat;

77.

Jidhirlu li, fid-dawl tat-talbiet li qed isiru minn kullimkien biex isir tnaqqis fil-pagamenti l-kbar, wieħed jista' jara l-possibilità ta' modulazzjoni progressiva, imsejsa fuq it-tagħrif disponibbli u msejsa fuq valutazzjoni ta' l-impatt li tkun tqis l-istruttura tal-farms (assoċjazzjonijiet eċċ), ix-xogħol li jsir fuq il-farms u/jew il-kost tax-xogħol li jsir u t-tipi ta' produzzjoni speċifiċi li jkun hemm fis-sistemi differenti tal-ħlas dirett (pereżempju: problemi speċifiċi ta' farms u reġjuni fejn il-popolazzjoni ta' l-annimali għat-trobbija tinsab f'densità għolja f'meded ta' art li huma komparattivament żgħar).

Il-fondi mill-modulazzjoni progressiva għandhom ikunu mqassma skond ir-regoli fis-seħħ li jkunu jirregolaw il-modulazzjoni tal-fondi u għandhom jibqgħu fi ħdan ir-reġjuni jew l-Istati Membri li fihom ikunu nġabru;

Il-Parlament Ewropew jista' jara l-possibilità ta' modulazzjoni progressiva fis-sura li ġejja:

Ħlasijiet diretti ta' EUR 10 000-100 000

- 1 % (għall-perjodu kollu mill-2009 sa l-2013)

Ħlasijiet diretti ta' EUR 100 000-200 000

- 2 % (għall-perjodu kollu mill-2009 sa l-2013)

Ħlasijiet diretti ta' EUR 200 000-300 000

- 3 % (għall-perjodu kollu mill-2009 sa l-2013)

Ħlasijiet diretti ta' 'l fuq minn EUR 300 000

- 4 % (għall-perjodu kollu mill-2009 sa l-2013)

78.

Jitlob li l-modulazzjoni volontarja titneħħa u minflokha jkun hemm il-modulazzjoni obbligatorja;

79.

Jidhirlu li l-fondi tal-modulazzjoni għandhom ikunu disponibbli primarjament billi jintuża l-metodu LEADER u għal miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità, l-assigurazzjoni kontra r-riskji, għall-adattament għall-bidla fil-klima, għal miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-bijomassa, għal miżuri ta' akkumpanjament għar-riforma strutturali (pereżempju l-organizzazzjoni tas-suq tal-ħalib), għall-ħarsien tal-produzzjoni fir-reġjuni muntanjużi jew fir-reġjuni ta' gżejjer żgħar u żoni oħra żvantaġġjati b'mod simili, għall-garanzija tal-kwalità, inklużi miżuri favur il-benessri ta' l-annimali, għall-biedja organika, għall-miżuri dwar ir-rimi kif ukoll għall-adattament għall-avvanzi tekniċi; jitlob li dawn il-miżuri kollha jkunu mmirati direttament lejn il-bdiewa;

L-organizzazzjoni tas-suq tal-ħalib

80.

Jinsab konxju mill-fatt li s-sistema attwali ta' kwoti tal-ħalib fis-sura preżenti tagħha mhux probabbli li tkompli wara l-2015, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq eżami komprensiv ta' kif jista' jkun organizzat is-suq tal-ħalib fis-snin li ġejjin; jistieden lill-Kummissjoni biex għall-perjodu ta' wara l-2015 tressaq pjan konvinċenti għas-settur tal-ħalib li jkun jiggarantixxi l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Ewropa, inkluż f'reġjuni muntanjużi, reġjuni li jinsabu 'l bogħod miċ-ċentri, u reġjuni oħra b'diffikultajiet speċifiċi;

81.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn id-deċiżjonijiet (10) tagħha marbuta mal-pakkett fiċ-ċokon dwar il-ħalib li jirrigwarda miżuri tas-suq u l-fond għall-ħalib;

82.

Jitlob lill-partijiet kollha involuti sabiex jużaw iż-żmien li baqa' sa l-2015 sabiex jistabilizzaw jew isaħħu l-pożizzjonijiet tas-swieq, sabiex jiżguraw li s-settur tal-ħalib Ewropew igawdi minn soluzzjoni favorevoli, preferibilment permezz ta' żjidiet strutturali fil-kwoti;

83.

Jitlob li l-kwoti tal-ħalib jiġu aġġustati għas-suq, b'reazzjoni għall-bidliet fid-domanda fis-swieq dinjija; jidhirlu, għalhekk, li l-kwoti għandhom jiġu miżjuda bi 2 % fis-sena tal-ħalib 2008/2009 fuq bażi volontarja għal kull Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni biex talloka ż-żjieda lir-riserva nazzjonali; jitlob reviżjoni annwali tal-kwoti;

84.

Jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm tnaqqis sostanzjali fis-soprataxxa għas-sena tal-ħalib 2009/2010 u tnaqqis aktar fis-snin ta' wara sabiex jagħmel tajjeb għal żjieda fil-prezzijiet tal-kwoti u isir ilqugħ ex-post tal-kwoti sabiex il-kwoti jkunu jistgħu jiġu utilizzati aħjar;

85.

Jitlob li jkun hemm miżuri speċifiċi ta' akkumpajnament bil-għan li l-industrija tal-ħalib fir-reġjuni muntanjużi u f'reġjuni oħra b'diffikultajiet partikulari, ma tiġix abbandunata f'każijiet fejn ma hemmx alternattivi għall-industrija tradizzjonali tal-ħalib jew fejn l-abbandun ta' l-attività agrikola jkun iwassal biex jintilfu spazji li għandhom sinjifikat naturali;

86.

Jidhirlu li jeħtieġ li jkun hemm fondi suffiċjenti disponibbli sabiex tinżamm għaddejja l-industrija tal-ħalib — speċjalment fiż-żoni muntanjużi, fir-reġjuni l-aktar imbiegħda (bħal ma huma l-Azores) u reġjuni oħra b'diffikultajiet komparabbli — primarjament permezz ta l-Artikolu 69, pereżempju billi jiġu jiżjuda l-pagamenti skond l-erja għal ammonti suffiċjenti (komparabbli mal-miżuri fis-settur taz-zokkor), fis-sura ta' prijmjums għall-baqar li jipproduċu l-ħalib, għall-mergħat bil-ħaxix jew mergħat estensivi, fis-sura ta' pagament speċifiku tal-ħalib jew programmi reġjonali speċjali biex is-settur ikunu rrinfurzat u strutturat mil-ġdid u biex ikunu promossi prodotti speċifiċi ta' kwalità għolja;

87.

Jidhirlu li t-tisħiħ ta' l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, ta' l-organizzazzjonijiet settorjali u interprofessjonali jistgħu jikkostitwixxu element ieħor ta' l-Artikolu 69 rivedut;

88.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-possibilità ta' żjieda mhux lineari fil-kwoti nazzjonali bit-tama li jiddaħħlu żjidiet addizzjonali għall-Istati Membri fejn il-kwoti ta' produzzjoni tradizzjonalment kienu minn taħt;

89.

Jidhirlu li sabiex dawn il-miżuri jiġu ffinanzjati jeħtieġ li jinħoloq fond speċifiku (Fond għall-Ħalib), li jista' jiġi ffinanzjat parzjalment mit-tfaddil li jqum mir-riforma tas-settur;

Kwistjonijiet oħra

90.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kapaċitajiet, u l-futur, ta' l-agrikoltura Ewropea għandhom jinstabu fil-prodotti reġjonali, tradizzjonali u prodotti oħra ta' kwalità għolja u fil-prodotti ta' valur miżjud;

91.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iddaħħal il-'marka Ewropea' biex tidentifika l-kwalità tal-produzzjoni agrikola u ta' l-ikel ta' l-UE fis-suq Ewropew kif ukoll fis-swieq internazzjonali, li tidentifika l-istandards stretti, f'rabta mas-sikurezza ta' l-ambjent, tal-benesseri ta' l-annimali u tas-sikurezza ta' l-ikel li f'konformità magħhom titwettaq il-produzzjoni;

92.

Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan komprensiv biex tittejjeb il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti Ewropej ta' kwalità għolja kemm lokalment kif ukoll barra milll-UE, pereżempju permezz ta' kampanji ta' tagħrif u ta' promozzjoni, appoġġ għall-formazzjoni u l-iżvilupp ta' l-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew suriet oħra ta' organizzazzjonijiet settorjali u billi ddaħħal tikkettar immirat li jkun jispjega, b'mod partikulari, l-oriġini tal-materja prima agrikola użata - u li - jkun aktar ċar u aktar trasparenti għall-konsumaturi;

93.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid, bħala parti minn proċess ta' aġġustament tal-baġit, l-approprjazzjonijiet maħsuba għall-kampanji ta' tagħrif u ta' promozzjoni fis-suq intern u fis-swieq esterni;

94.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ħtieġa li jkun hemm politika ġenwina tal-komunikazzjoni li tkun tittratta l-PAK li tkun iddisinjata biex tnaqqas il-vojt li hemm bejn id-dinja agrikola u s-soċjetà u li ma tkunx tiffunzjona biss bħala mekkaniżmu promozzjonali u ta' reklamar;

95.

Jidhirlu li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali jirrikjedu aktar tisħiħ u appoġġ, b'mod partikulari fi Stati Membri li fihom hemm biss numru żgħir ta' organizzazzjonijiet bħal dawn, sabiex il-bdiewa jingħataw pożizzjoni aħjar fis-suq fir-rigward tal-bejgħ bl-imnut u l-kummerċ u, fl-istess ħin, għandhom jiġu promossi sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità fil-katina tal-produzzjoni ta' l-ikel, inklużi alternattivi għall-prattiki eżistenti tal-manifattura;

96.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex issir prevenzjoni ta' l-attività spekulattiva, tal-qbid u l-kontroll tas-suq tal-prodotti ta' l-ikel u tal-formazzjoni ta' kartelli minn kumpaniji ta' l-ikel li jkunu qed jisfruttaw in-nuqqas preżenti ta' leġiżlazzjoni jew kontrolli, in-nuqqas ta' organizzazzjoni tal-produtturi u tal-konsumaturi, u n-nuqqas ta' infrastrutturi xierqa, miżuri li huma mmirati esklussivament biex jagħtu spinta lill-profitti, inaqqsu l-prezzijiet tal-produtturi u jimponu prezzijiet għolja fuq il-konsumaturi;

97.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni tilfet l-opportunità li tittratta b'mod aktar wiesa' il-problemi marbuta ma' l-importazzjoni akbar ta' ikel u għalf li ma jikkorrispondux ma' l-istandards ta' l-UE u għalhekk jirriskjaw li jdgħajfu l-kisbiet ta' l-UE fir-rigward tal-kundizzjonament ta' l-għajnuna pubblika fil-qasam ambjentali, tal-benesseri ta' l-annimali u dak soċjali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni kemm jista' jkun malajr u sabiex tiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent u s-saħħa;

98.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'urġenza pjan komprensiv biex timbotta kwistjonijiet Ewropej mhux kummerċjali biex jiġu aċċettati f'diskussjonijiet kummerċjali dinjija, b'mod partikulari l-kwistjoni ta' l-għarfien u tal-ħarsien ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-benessri ta'l-annimali, l-istat tas-saħħa ta' l-annimali importati u tal-prodotti tal-pjanti importati eċċ., sabiex ma titħalliex li ssir kompetizzjoni inġusta kontra l-produtturi Ewropej u biex tiġi evitata l-esportazzjoni tal-benesseri ta' l-annimali u tal-problemi ambjentali lejn pajjiżi terzi. jistieden lill-Kummissjoni biex fin-negozjati tad-WTO issostni b'mod attiv il-kunċett ta' l-aċċess għas-suq ikkwalifikat bit-tama li tippromwovi l-istandards ta' sostenibilità fl-agrikoltura;

99.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-punt li l-agrikoltura Ewropea mhix se tagħmel suċċess fil-ġejjieni mingħajr protezzjoni esterna xierqa; jitlob, għalhekk, li ssir applikazzjoni ta' l-istess standards ta' kwalità u sikurezza lill-prodotti minn pajjiżi terzi bħalma jsir għall-prodotti ta' l-UE;

100.

Hu tal-fehma li l-abolizzjoni tas-sussidji fuq l-esportazzjoni għandha tkun magħquda ma' l-attivitajiet promozzjonali mmexxija f'pajjiżi terzi;

101.

Ifakkar li fil-kuntest tal-bidla fil-klima, joħorġu żewġ sfidi prinċipali ta' politika għall-agrikoltura: il-mitigazzjoni ta' l-emissjoniet tal-gassijieit b'effett ta' serra li huma responsabbli għall-bidla fil-klima u l-adattament għall-impatti tal-bidla fil-klima; jisħaq li dan ifisser li l-agrikoltura qed tiffaċċja sfida doppja: it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tagħha stess filwaqt li tadatta għall-impatti mistennija tat-tisħin globali;

102.

Jisħaq li l-bidla fil-klima m'hijiex biss problema ambjentali iżda wkoll problema soċjo-ekonomika u, għalhekk il-kwistjonijiet u l-isforzi ambjentali fis-settur agrikolu, wieħed mis-setturi l-aktar vulnerabbli li jiddependu direttament minn fatturi klimatiċi, għandhom iqisu l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-vijabilità ekonomika u soċjali taz-zoni rurali;

103.

Ifakkar li l-kontribut ta' l-agrikoltura lejn l-effett ta' serra (bħala għajn ta' żewġ gassijiet b'effett ta' serra qawwijin: il-metanu u l-ossidu nitruż) huwa limitat u qed jonqos fl-UE minħabba l-implimentazzjoni ta' miżuri li diġà qiegħdin fis-seħħ fi ħdan il-qafas tal-PAK bħal m'huma l-konformità reċiproka, skemi agri-ambjentali u miżuri oħra ta' żvilupp rurali;

104.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina b'liema mod se jkun possibbli li jitjiebu iktar il-prestazzjonijiet tagħha biex tintegra l-agrikoltura fil-mekkaniżmi ta' Kyoto;

105.

Iqis li l-provvista mill-agrikoltura ta' enerġiji li jiġġeddu ma jistax jiġi segwit min-naħa waħda b'detriment għat-trobbija ta' l-annimali u għas-sikurezza ta' provvista ta' l-ikel tan-nies fl-Ewropa u fid-dinja kollha, tas-sostenibilità u tal-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħmel valutazzjoni ta' l-impatt tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġiji li jistgħu jiġġeddu fil-kuntest tas-sikurezza ta' provvista ta' l-ikel u l-ambjent; jitlob li jsir finanzjament xieraq għar-riċerka u li jiddaħħlu teknoloġiji riċenti u effiċjenti ta' l-enerġija li jkunu jisfruttaw il-bijomassa għal kollox (pereżempju, bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni); itenni bil-qawwa l-fatt li, fuq il-medda l-qasira ta' żmien, l-impjanti tal-bijogass ibbażati fuq residwi li joriġinaw mill-annimali għandhom l-akbar potenzjal u l-aktar sostenibbli għat-tkabbir f'dik li hi provvista ta' enerġija addizzjonali mill-bijomassa;

106.

Jissottolinja r-relazzjoni qawwija li teżisti bejn l-attività agrikola u l-kwalità u l-kwantità ta' l-ilma, u jisħaq li pressjonijiet mill-agrikultura fuq l-ambjent ta' l-ilma jeħtieġ li jiġu mmaniġġjati b'mod sostenibbli; jemmen li l-leġislazzjoni ambjentali flimkien mal-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas' għandu jkun il-prinċipju ta' gwida għall-ilħuq effettiv ta' l-objettivi ta' mmaniġġjar sostenibbli ta' l-ilma u ta' l-objettivi ambjentali;

107.

Jidhirlu li l-iżvilupp tas-sistema tal-pagamenti agrikoli għandha tkompli lil hinn mill-2013 u jistieden lill-Kummissjoni biex, sat-30 ta' Ġunju 2010, mhux l-inqas minħabba l-fatt li l-bdiewa Ewropej jeħtieġu sikurezza dwar l-ippjanar fit-tul, tippreżenta analiżi komprensiva tal-modi possibbli kif is-sistema tista' tiġi msawra mill-ġdid, b'mod partikulari billi jiġu stabbiliti objettivi strateġiċi li jkunu jirriflettu l-iżvilupp ta' l-agrikoltura Ewropea bħala mezz biex tiġi esplojtjata l-innovazzjoni, biex isir użu tajjeb ta' l-art, tkun iggarantita l-kwalità tal-produzzjoni, jinżamm bla mittiefes id-dħul tal-bdiewa u biex jiġu mħarsa l-ambjent u s-sikurezza ta' l-ikel; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza simplifikazzjoni amministrattiva ddettaljata u bir-reqqa, b'mod partikulari għall-pagamenti annwali ta' primjum ta' anqas minn EUR 20 000 kull benefiċjarju;

108.

Jirrimarka li l-bijodiveristà hija affettwata, maħluqa u mhedda mill-agrikultura; iqis li jinħtieġu sforzi globali, lokali u fuq livell ta' l-UE sabiex jitħarsu s-servizzi ekosistemiċi imprezzabbli li tipprovdi l-bijodiversità, jiġifieri l-arja u l-purifikazzjoni ta' l-ilma, il-pollinazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba' u l-ħarsien mill-erożjoni;

109.

Jirrimarka li fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali 2007-2013, l-iżvilupp rurali (u l-istrument ta' iffinanzjar tiegħu, l-EARDF) bħala t-tieni pilastru tal-PAK għandu impatt reġjonali importanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tisfrutta l-possibilitajiet għal implimentazzjoni aktar koerenti fir-rigward tal-programmi tal-politika reġjonali (fondi strutturali) sabiex tasal għal approċċ integrat fl-oqsma fejn tista' tinkiseb sinerġija;

110.

Jemmen li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp rurali mingħajr l-attività agrikola, u li l-objettiv għandu jkun li tiġi żgurata l-vijabilità ekonomika għall-abitanti taz-zoni rurali u li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom;

111.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta ġabra koerenti ta' proposti sabiex tmantni u tiżviluppa l-attività agrikola sostenibbli speċjalment f'zoni anqas favoriti u f'zoni bi żvantaġġi naturali, billi dawn huma ta' importanza kruċjali għall-ħarsien tal-bijodiversità u l-preservazzjoni ta' l-ekosistemi;

112.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-miżuri għat-trasferiment tar-riċerka u tat-teknoloġija sabiex, b'mod partikolari, tippromwovi metodi ta' produzzjoni li jkunu aktar favur l-ambjent u favur l-ekosistemi fl-interess ta' l-agrikultura sostenibbli;

113.

Jiġbed l-attenzjoni għal proġetti ta' suċċess madwar l-UE fejn il-koperazzjoni fuq livell lokali u reġjonali bejn il-bdiewa, gruppi ambjentali u l-awtoritajiet naqqsu b'suċċess l-impatt ta' l-agrikultura fuq l-ambjent;

114.

Iqis li b'mod partikolari s-sistema futura għandha tikkonċentra fuq l-aspetti ta' koeżjoni territorjali u fuq l-iżvilupp integrat ta' l-ispazji rurali u peri-urbani, fuq it-tisħiħ tas-setturi agrikoli l-iżjed importanti, fuq il-pagament għall-isforzi jew kumpens għal prezzijiet speċjali u fuq l-immaniġġjar tar-riskji; iqis li, għal dan il-għan, ir-relazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni pilastru għandha tiġi definita mill-ġdid;

115.

Huwa tal-fehma li l-agrikoltura Ewropea tista' tipprovdi soluzzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent għall-problemi l-aktar urġenti li qed tiffaċċja s-soċjetà urbanizzata tagħna f'reġjuni peri-urbani, u għalhekk tista' tagħti kontribut favur il-kisba ta' l-għanijiet ta' l-istrateġiji ta' Liżbona u ta' Göteborg;

116.

Jiġbed l-attenzjoni dwar l-irwol partikulari tal-bdiewa f'zoni peri-urbani; il-bdiewa u l-persuni inkarigati mill-immaniġġjar ta' l-art fiz-zoni peri-urbani jistgħu jippromwovu soluzzjonijiet li jilħqu kemm l-għanijiet ta' Liżbona (l-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni) u ta' Goteborg (is-sostenibilità);

*

**

117.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 146/2008 (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 1)

(2)  Testi adottati, P6_TA(2007)0598.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2007)0480.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2007)0411

(5)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 341.

(6)  ĠU C 124E, 25.5.2006, p. 373.

(7)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(9)  ĠU L 93, 30.3.2004, p. 1.

(10)  Testi Adottati tal-5.9.2007, P6_TA(2007)0371, P6_TA(2007)0372, P6_TA(2007)0373.


Top