Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2005/043/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat- dwar il- Komunikazzjoni dwar is-Segwitu tal-White Paper dwar Impetu Ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej. Għanijiet komuni proposti għall-Attivitajiet volontarji minn żgħażagħ bħala tweġiba għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ Komunikazzjoni dwar is-Segwitu tal-White Paper dwar Impetu Ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej. Għanijiet komuni proposti għall-ftehim u għarfien aħjar taż-żgħażagħ bħala tweġiba għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

ĠU C 43, 18.2.2005, pp. 42–46 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

18.2.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 43/42


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat- dwar il- Komunikazzjoni dwar is-Segwitu tal- White Paper dwar Impetu Ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej. Għanijiet komuni proposti għall- Attivitajiet volontarji minn żgħażagħ bħala tweġiba għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ Komunikazzjoni dwar is-Segwitu tal- White Paper dwar Impetu Ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej. Għanijiet komuni proposti għall- ftehim u għarfien aħjar taż-żgħażagħ bħala tweġiba għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

(2005/C 43/11)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill – Segwitu għall-White Paper dwar Impetu Ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej: Għanijiet komuni proposti għal ftehim u għarfien aħjar taż-żgħażagħ, bħala tweġiba għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar il-qafas ta' ħidma ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (COM(2004) 336 finali);

Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill – Tkomplija għall-White Paper dwar Impetu Ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej: Għanijiet komuni proposti għal attivitajiet volontarji fost iż-żgħażagħ bħala risposta għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar il-qafas ta' koperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (COM (2004) 337 finali);

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' April 2004 biex tikkonsultah dwar dan is-suġġett, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 265 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-President tiegħu tal-5 ta' April 2004 li jgħarraf lill-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni biex tħejji Opinjoni dwar dan is-suġġett,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar id-Dokument ta' Xogħol tal-Kummissjoni “Linji gwida għal servizz volontarju Ewropew għaż-żgħażagħ” (CdR 191/96 fin) (1);

Wara li kkunsidra l-Opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar il-“Programm ta' azzjoni- Servizz volontarju Ewropew għaż-żgħażagħ” (CdR 86/97 fin) (2)

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 rigward il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (3)

Wara li kkunsidra l-Opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess rigward il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Impetu ġdid għaż-żgħażagħ Ewropej” (CdR 389/2001 fin) (4);

Wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kumissjoni lill-Kunsill “Is-segwitu tal-White Paper- ‘Impetu ġdid għaż-żgħażagħ Ewropej’- Proposta ta' għanijiet komuni fil-qasam tas-sehem u t-tagħrif li għandhom iż-żgħażagħ wara r-riżoluzzjoni tas-27 ta' Ġunju 2002 rigward il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ” (COM(2003) 184 fin)

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003 fil-qasam ta' l-għanijiet komuni dwar is-sehem u t-tagħrif li għandhom iż-żgħażagħ (5);

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Rapport dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Lulju 2001, dwar il-moviment, fil-Komunità, ta' studenti, persuni li qegħdin jitgħatallmu, persuni involuti fil-volontarjat, għalliema u persuni li jħarrġu” (COM(2004) 21 final);

Wara li kkunsidr l-opinjoni fuq inizzjattiva tiegħu stess dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, “Is-segwitu tal-White PaperImpetu ġdid għaż-żgħażagħ Ewropej’- Proposta ta' għanijiet komuni fil-qasam tas-sehem u t-tagħrif li għandhom iż-żgħażagħ wara r-riżoluzzjoni tas-27 ta' Ġunju 2002 rigward il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ” (CdR 309/2003 fin);

Wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Opinjoni (KtR 192/2004 rev.1 adottata fid-9 ta' Lulju 2004 mill-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni, (Rapporteur: Is-Sur Roberto Pella, President tal-Kunsill Provinċjali ta' Biella (IT/EPP);

Billi

1)

l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn dejjem laqgħu l-attenzjoni mogħtija għal kull politika dwar iż-żgħażagħ, fit-twemmin sod li ż-żgħażagħ mhux biss għandhom jiġi megħjuna biex ikunu ċittadini attivi fil-livell nazzjonali, imma wkoll li tingħatalhom il-ħila sabiex jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ħolqien ta' Ewropa bbażata fuq is-solidarjetà u taċ-ċittadini.

2)

fid-dawl tat-tkabbir riċenti ta' l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jħarsu lejn id-Dikjarazzjoni ta' Laeken, mehmuża mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2001, bħala essenzjali u topika ħafna, billi tiddeskrivi l-isfidi ewlenin li qed tiltaqa' magħhom l-Unjoni Ewropea ta' “kif iċ-ċittadini, u prinċipalment iż-żgħażagħ, jitqarrbu lejn it-tfassil tal-politika Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej”; Madankollu, ikun mixtieq li din il-proposta tkun impoġġija b'mod differenti, fis-sens li jkollha l-iskop li tqarreb il-proġett Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej lejn iċ-ċittadini, b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ, b'mod li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-istrutturi politiċi eżistenti.

3)

l-awtoritajiet lokali u reġjonali jqisu li hemm bżonn kbir li titwettaq l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet strateġiċi stabbiliti fil-Kunsilli Ewropej ta' Lisbona u Barċellona, li kienu maħsubin biex jagħmlu l-Ewropa “l-aktar ekonomija msejsa fuq it-tagħrif, kompetittività u dinamika fid-dinja”, u huma konvinti li l-mobilità taż-żgħażagħ fi ħdan l-Ewropa hija prerekwiżit sabiex jintlaħaq dan il-għan; madankollu hemm bżonn ta' politika Ewropea taż-żgħażagħ li tevita li tkun 'strumentali' żżejjed fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Hemm bżonn li l-politika għaż-żgħażagħ tkun ibbażata fuq il-kunċett li ż-żgħażagħ huma ċittadini Ewropej daqs l-oħrajn, u għandhom il-possibilità u s-saħħa li huma jiddeċiedu l-futur ta' l-Ewropa, li f'sens ġenerali jħalli konsegwenzi fuq il-kompetittività u l-iżvilupp ekonomiku ta' l-Ewropa;

adotta l-opinjoni segwenti waqt il-56 Sessjoni Plenarja tat-29-30 ta' Settembru 2004 (laqgħa tat-30 ta' Settembru 2004).

1.   Il-fehmiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.1

jaqbel mal-Kummissjoni fl-enfasi tal-bżonn li jiġi applikat il-metodu miftuħ ta' kooperazzjoni għal problemi taż-żgħażagħ u azzjoni għaż-żgħażagħ, kif imsejjaħ mill-Kunsill, minħabba s-sitwazzjoni dejjem tinbidel tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar fl-Ewropa;

1.2

jilqa' l-metodu użat mill-Kummissjoni, ummarkat b'konsultazzjoni mifruxa ħafna tal-parteċipanti rilevanti;

1.3

jikkonsidra li għandu jkun ikkonsultat b'mod regolari u li għandu jinżamm aġġornat bil-punti prinċipali fuq materji li jikkonċernaw l-erba' temi prinċipali ppreżentati bil-White Paper tal-Kummissjoni dwar Impetu Ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej, speċjalment peress li awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom, minn dejjem kienu involuti fit-tnedija ta' inizjattivi ġodda li jinkoraġixxu parteċipazzjoni attiva ta' żgħażagħ fil-komunitajiet li fihom jgħixu;

1.4

jaqbel ma' l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li hemm nuqqas ta' interess inkwetanti fil-politika fost iż-żgħażagħ, imma b'kuntrast huma involuti ta' spiss f'oqsma oħra ta' attività soċjali bħal xogħol volontarju, u li dan jirrappreżenta forma ta' ċittadinanza attiva. Għalhekk jemmen li l-politikanti għandhom jieħdu l-ewwel pass u jaraw kif jippreżentaw lilhom infushom maż-żgħażagħ, kif ukoll li joħolqu metodi ta' xogħol li jsaħħu l-leġittimità demokratika fil-konfront taż-żgħażagħ. Dan jikkonċerna b'mod partikolari lill-Kumitat tar-Reġjuni li jista' jiffavorixxi r-reklutaġġ aktar attiv ta' membri żgħażagħ, kemm irġiel u nisa, b'mod li ż-żgħażagħ, b'kunsiderazzjoni tar-rwol tagħhom fuq il-livell lokali u reġjonali jagħtu kontribut għat-titjib fix-xogħol tal-Komunità.

1.5

hu konvint, fuq il-bażi tad-dokument attwali, u kif diskuss fl-Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni fuq is-suġġett, li “il-politika taż-żgħażagħ fl-Ewropa għandha tkun viżibbli f'kull livell u f'kull pajjiż, u għandha tiġi kkomunikata permezz tal-kanali li jużaw iż-żgħażagħ ta' l-Ewropa” (CdR 309/2003 finali). Marbut ma' dan, il-Kumitat japprezza l-ħolqien ta' sit Ewropew għaż-żgħażagħ fuq http://www.europa.eu.int/youth/index_en.html.

2.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kumitat tar-Reġjuni rigward ftehim u għarfien aħjar taż-żgħażagħ

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

2.1

jikkonsidra li, biex il-politika titqarreb lejn iż-żgħażagħ, għandu l-ewwel nett jiġi identifikat l-aktar metodu xieraq u siex dan isir, kif il-Kummissjoni b'mod preċiż turi fl-ispjegazzjoni ta' l-għan ġenerali tal-komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, hu essenzjali li jiġi żviluppat qasam ta' għarfien kwalitattiv, koerenti u rilevanti fis-settur taż-żgħażagħ fl-Ewropa u jantiċipa ħtiġijiet futuri permezz ta' skambji, djalogi u networks għall-ħolqien ta' politika fil-ħin, effiċjenti u sostenibbli;

2.2

jaqbel ma' l-għanijiet sussidjarji stabbiliti mill-Kummissjoni taħt l-għan ġenerali, u jilqa' l-ftuħ tal-Kummissjoni f'oqsma ta' prijorità rilevanti għaż-żgħażagħ, flimkien ma' dawk inizjalment indikati mill-Istati Membri fir-risposti għall-kwestjonarju ppreżentat lilhom. Dan hu fattur essenzjali ta' metodu xieraq għal studju ta' qasam li jkun qed jesperjenza bidla kbira bħal ma hu s-settur taż-żgħażagħ;

2.3

jenfasizza li awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom rwoli kruċjali fis-sejbien ta' tagħrif eżistenti fl-oqsma li għandhom x'jaqsmu maż-żgħażagħ u jsejjaħ lill-Kunsill biex iżomm dan f'moħħu fir-rigward ta' linji ta' azzjoni identifikati fuq il-livell nazzjonali: il-bżonn li “jsiru aktar studji, jinġabar tagħrif statistiku u prattiku ta' NGOs, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ stess fuq it-temi identifikati biex jimtlew nuqqasijiet u jiġi aġġornat l-għarfien fuq tali temi identifikati b'mod konsistenti” hu indikat, imma ma hemm l-ebda referenza għal awtoritajiet lokali u reġjonali. Jekk dan it-tagħrif irid jkun sħiħ u aġġornat, għandu jsir ukoll tiftix fil-livell lokali, għalkemm b'koordinazzjoni nazzjonali, biex jintlaħaq l-għan ġenerali fil-qasam ta' tagħrif koerenti;

2.4

jikkonsidra li l-aktar mezz effiċjenti biex jintlaħaq il-bżonn ta' dan il-koordinament fil-livell nazzjonali ikun permezz ta' proġetti ta' ġbir ta' tagħrif li jinvolvu b'mod dirett lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, billi dawn ikunu jistgħu jiġu f'kuntatt ma' żgħażagħ fiż-żoni tagħhom b'mod aktar mgħaġġel, u sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan, ikunu jistgħu jagħmlu użu mir-riżorsi finanzjarji Ewropej;

2.5

jisħaq mal-Kummissjoni biex tagħti każ tar-rwol kruċjali ta' l-iskejjel meta jitfasslu dokumenti relatati ma' l-erba' temi prinċipali tal-White Paper dwar iż-żgħażagħ, billi dawn jistgħu jipprovdu kanal ideali għaż-żgħażagħ biex jitfasslu kwestjonarji fuq l-oqsma varji ta' riċerka. Organi ta' għajnuna soċjali ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jilħqu dawk iż-żgħażagħ li m'għadhomx jattendu aktar l-iskola minħabba żvantaġġi soċjali;

2.6

Is-sehem taż-żgħażagħ u l-lobby groups fuq livelli lokali, bħal pereżempju kunsilli taż-żgħażagħ, għandhom jingħataw poteri ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'ċertu oqsma, flimkien ma' riżorsi adegwati. Dan ifisser li ż-żgħażagħ stess ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar u jimplentaw proġetti li jinteressawhom u jikkonċernawhom. Jekk il-kunsilli taż-żgħażagħ ikollhom saħħa ta' vera li jieħdu deċiżjonijiet, dan jipproġetta stampa poż;ittiva tad-demokrazija fost iż-żgħażagħ u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni fost iż-żgħażagħ

2.7

jemmenli l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ifittxu kooperazzjoni attiva tal-ħafna organi konsultattivi taż-żgħażagħ jew kunsilli taż-żgħażagħ stabbiliti fiż-żona tagħhom. Dawn l-organi konsultattivi diġà taw prova tagħhom infushom bħala mezz eċċellenti għall-bini ta' tagħrif sod, u b'mod partikolari aġġornat fuq iż-żgħażagħ fil-livell lokali waqt li fl-istess ħin titrawwem fihom ċittadinanza attiva;

2.8

jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-Istati Membri ġodda b'mod dirett u biex tiffaċilita t-tixtrid ta' l-aħjar prattika fosthom, pereżempju b'eżerċizzji ta' ġemellaġġ bejn il-kunsilli taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa;

2.9

jenfasizza l-importanza għal tiftix ta' qasam ta' tagħrif kwalitattiv, koerenti u rileventi fis-settur taż-żgħażagħ li jirrifletti l-minoritajiet etniċi u lingwistiċi;

2.10

jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Network ta' l-Unjoni Ewropea ta' Għarfien dwar iż-Żgħażagħ li jintegra rappreżentanti tal-parteċipanti kollha fil-qasam biex jiġu diskussi metodi u temi futuri kif ukoll għal skambju fuq prattika tajba;

2.11

isejjaħ għall-aktar tħejjija bikrija possibli tal-passi prattiċi għat-twaqqif tan- Network ta' Għarfien dwar iż-Żgħażagħ, li l-Kummissjoni tirreferi għalih fid-diskussjoni ta' Objective 4 tal-komunikazzjoni rigward aktar fehim u għerf fuq żgħażagħ, u jitlob li ssir dispożizzjoni speċifika għal parteċipazzjoni ta' rappreżentanti fil-Kumitat tar-Reġjuni;

2.12

jinnota li fit-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kumissjoni, l-Istati Membri ma talbux għal strutturi ġodda biex jiġi ffaċilitat u mħeġġeġ l-iskambju, djalogu u networks biex tiġi żgurata t-turija tat-tagħrif fil-qasam taż-żgħażagħ u jiġu antiċipati l-bżonnijiet futuri, imma jixtiequ jibnu fuq networks u relazzjonijiet eżistenti, jużawhom u jamministrawhom b'aktar effiċjenza. Il-punti ta' kuntatt taż-żgħażagħ fl-awtorità lokali għandhom għalhekk jiġu msaħħa u jistgħu jservu bħala kanal ideali għal tagħrif li jkun ġej miż-żgħażagħ infushom;

2.13

jaqbel ma' l-enfasi tal-Komunità fuq l-importanza tal-mobilità fil-promozzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ għal riċerkaturi u esperti – speċjalment iż-żgħar – li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, kif ukoll ta' parteċipanti oħra li qed jiżviluppaw għarfien fil-qasam taż-żgħażagħ, u jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal strateġiji fuq il-livell Ewropew li jistgħu jkabbru l-għarfien fost il-korpi tar-riċerkaturi u l-esperti, u speċjalment fi skejjel u universitajiet, billi – kif il-Kummissjoni tisħaq fir-Rapport dwar is-segwitu tar-Rapport tagħha għar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobilità fi ħdan il-Komunità ta' studenti, persuni li qed jitħarrġu, voluntiera u għalliema u persuni li jħarrġu (COM(2001) 21 finali) – minkejja l-istrateġiji diġà implimentati, “in-numru ta' persuni fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u taħriġ li jipparteċipaw fil-mobilità għadu limitat ħafna”.

2.14

L-għalliema fl-iskejjel għandhom jingħataw tagħrif dwar il-kapaċitajiet u l-għarfien meħtieġ biex iqajjmu t-temi ta' parteċipazzjoni u involviment fil-komunità kemm fil-klassi kif ukoll waqt l-attivitajiet extra-kurrikulari ma' l-istudenti. Iktar minn hekk, il-parteċipazzjoni taż- żgħażagħ u l-lobby groups ibbażati fl-iskejjel għandhom jitħallew jieħdu sehem fid- deċiżjonijiet dwar l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet marbuta ma' l-iskola u pereżempju ma' faċilitajiet extra-kurrikulari.

3.   Rakkomandazzjonijiet speċfiċi tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar attivitajiet volontarji fost iż-żgħażagħ.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

3.1

jilqa' l-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni fuq kwistjoni li dejjem kienet importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali minħabba l-importanza kbira, l-aktar fil-livell lokali ta' assoċjazzjonijiet volontarji, li jirrapreżentaw il-ħajja, il-qalb attiva ta' kull soċjetà umana;

3.2

jilqa' l-aħbar li ħafna żgħażagħ jinsabu involuti f'attivitajiet volontarji u jinnota li dan jikkontradixxi l-preżunzzjoni li ż-żgħażagħ m'humiex interessati f'ċittadinanza attiva. Jikkonsidra li jkun aktar preċiż li ż-żgħażagħ jiġu deskritti bħala “depolitiċizzati” aktar milli disinteressati, billi l-attivitajiet volontarji – kif tiddikjara l-Kummissjoni stess - huma forma oħra ta' parteċipazzjoni, esperjenza edukattiva u fattur ta' impjieg u integrazzjoni;

3.3

jissuġerixxi li ż-żgħażagħ jevitaw il-politika minħabba li din tidher għalihom `il bogħod mill-problemi veri. Ifakkar l-Opinjoni riċenti dwar il-Komunikazzjoni lill-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni u tagħrif fuq iż-żgħażagħ, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol deċiżiv fil-politika taż-żgħażagħ Ewropej, billi dawn huma l-assoċjazzjonijiet li għandhom l-eqreb kuntatt ma' ġenerazzjonijiet iżgħar;

3.4

jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni fuq ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-passi sabiex jiġu mtejjba l-attivitajiet volontarji diġà eżistenti għaż-żgħażagħ, u jisħaq ir-relazzjoni speċjali li l-organi lokali u reġjonali jistgħu jistabbilixxu ma' żgħażagħ fiż-żoni tagħhom;

3.5

jaqbel mar-rikonoxximent tal-Kummissjoni li attivitajiet volontarji għaż-żgħażagħ ivarjaw b'mod sinifikanti minn pajjiż għal ieħor, u li s-sitwazzjoni żgur mhix identika fi Stati Membri differenti;

3.6

jittama li l-Istati Membri kollha jieħdu azzjoni għall-ħtieġa li jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ volontarju min-naħa taż-żgħażagħ billi jiġu mwarba ostakoli eżistenti. Aktar speċifiku minn hekk, huwa essenzjali li kull Stat Membru jagħti rikonoxximent legali għal stat ta' volontarjat billi meta jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għal impjieg, kif fil-fatt qed jiġri f'diversi Stati Membri, ta' spiss jinvolvi żvantaġġi konsiderevoli;

3.7

japprezza l-fatt li fil-komunikazzjoni, il-Kummissjoni terġa' tenfasizza l-bżonn li tiġi inkoraġġuta l-mobilità tal-voluntiera, kif ilha targumenta b'mod estensiv fir-Rapport tas-segwitu tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-mobilità fi ħdan il-Komunità ta' studenti, persuni li qed jitħarrġu, voluntiera u għalliema u persuni li jħarrġu (6);

3.8

jisħaq li biex jiġu żviluppati attivitajiet ta' volontarjat miż-żgħażagħ, sabiex ikun hemm titjib fit-trasparenza ta' possibiltajiet eżistenti, twessiegħ ta' l-iskop u titjib fil-kwalità, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti. Jistgħu, per eżempju, iwaqqfu “ċentri ta' servizz volontarju” biex jiggwidaw liż-żgħażagħ lejn il-forma ta' attività voluntiera li l-aktar taqbel ma' l-aspettattivi tagħhom;

3.9

jitlob lill-Kunsill biex iħejji linja speċifika ta' azzjoni li tħaddan it-twaqqif fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali ta' “reġistru ta' organizzazzjoni volontarja” fuq skala kbira f'dawk il-pajjiżi li għad m'għandhomx wieħed. Fejn jeżistu dawn ir-reġistri, instab li huma għodda tassew siewja, li jipprovdu ritratt aġġornat b'mod kostanti ta' assoċjazzjonijiet volontarji ġewwa territorju partikolari. L-aġġornament kostanti ta' dawn ir-reġistri jfisser li persuni żgħażagħ interessati jistgħu dejjem jiksbu tagħrif speċifiku dwar l-attivitajiet tagħhom f'dan il-qasam;

3.10

jirrimarka, madankollu, li fejn m'hemm l-ebda għarfien familjari, iż-żgħażagħ ta' spiss jiġu f'kuntatt mal-moviment volontarju b'kumbinazzjoni, u bħala konsegwenza għandhom jiġu inkoraġġiti linji ta' azzjoni biex jinġieb it-tagħrif rilevanti fl-iskejjel mill-aktar età bikrija. Dan jista' jseħħ, per eżempju, permezz ta' laqgħat, umfassla skond l-etajiet partikolari, ma' individwi li huma involuti b'mod sħiħ f'assoċjazzjonijiet volontarji. Dan jista' jkun eżempju tajjeb ħafna ta' edukazzjoni ċivika moderna maħluqa għall-eżerċizzju ta' ċittadinanza attiva minn persuni żgħażagħ. Għalhekk jenfasizza mal-Kummissjoni biex din tirrikonoxxi r-rwol ta' l-iskejjel u l-bżonn li jikber l-għarfien fost l-għalliema;

3.11

jaqsam l-enfasi mal-Kummissjoni, imfissra fil-Għan Numru 3 (inkoraġġiment ta' attivitajiet volontarji mill-lat li tiġi rinforzata s-solidarjetà u l-involviment bħala ċittadini), fil-ħolqien ta' kondizzjonijiet aħjar għal aktar parteċipazzjoni minn żgħażagħ b'inqas opportunitajiet f'attivitajiet volontarji; ix-xogħol volontarju jista' fil-fatt jipprovdi mezz li jiffaċilita l-integrazzoni taż-żgħażagħ;

3.12

minħabba li l-qofol tax-xogħol volontarju hu bla ħlas (ħlief ir-rimborż, xi drabi, ta' l-ispejjeż), dan jinvolvi l-investiment ta' ħin u enerġija konsiderevoli, u spiss jinvolvi mobilità u s-sostituzzjoni ta' xogħol bil-ħlas għal xogħol volontarju għandha tkun evitata, jemmen li l-ħarsien legali u soċjali tax-xogħol volontarju hu kruċjali. Ir-responsabiltà primarja ta' din il-ħarsien tinsab fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda fuq bażi ta' Artikoli 137 u 140, il-Kummissjoni tista' tħejji Karta Ewropea dwar ix-xogħol volontarju bħala strument ta' koperazzjoni u koordinazzjonil

3.13

hu kuntent li l-Kummissjoni saħqet il-bżonn li tiżgura rikonoxxenza ta' attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ bil-għan li jiġu rikonoxxuti l-ħiliet u l-involviment tagħhom fis-soċjetà. Jispera li l-aħjar prattika għandha tinfirex malajr f'kull livell biex kull rikonoxximent bħal dan jiġi minn awtoritajiet pubbliċi, negozji privati, imsieħba soċjali, soċjetà ċivili u żgħażagħ oħra nfushom, kif ġie diskuss korrettament mill-Kummissjoni fil-linji ta' azzjoni għal Obejctive 4;

3.14

jaqbel ma' l-appoġġ tal-Kummissjoniabiex jiġi żgurat rikonoxximent aħjar, fuq livell Ewropew, ta' l-esperjenza volontarja ta' żgħażagħ fil-qafas ta' ħidma ta' proċessi għaddejjin u b'mezzi eżistenti f'oqsma ta' politika oħra, speċjalment miżuri bħal Europass, diġà implimentat fil-qasam ta' l-edukazzjoni. Jistgħu jiġu applikati wkoll l-istess forom ta' inċentivi għall-mobilità ta' studenti sabiex jiffaċilitaw esperjenzi volontarji għal żgħażagħ fl-Istati Membri għajr dawk ta' l-oriġini tagħhom;

3.15

jitlob lill-Kummissjoni biex minnufih tfassal proposti biex testendi s-Servizz Volontarju Ewropew (EVS) għal firxa aktar wiesa' ta' attivitajiet, u fl-istess ħin jiġi inkoraġġit il-preparament mill-Istati Membri ta' proġetti bħal dawn fuq livell nazzjonali biex inizjattivi tal-Komunità jiġu inkorporati u msaħħa;

3.16

jilqa' l-proposta magħmula fl-Artikolu III-223(5) ta' l-abbozz ta' Trattat ta' Kostituzzjoni Ewropea biex joħloq “Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja” u l-liġi Ewropea għandha tistipula r-regoli u l-operat ta' dan il-Korp; jikkunsidra li korpi volontarji jistgħu jipprovdu qafas għall-kontribuzzjoni konġunta minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet umanitarji ta' l-Unjoni Ewropea

3.17

jisħaq, kif għamel ukoll f'opinjonijiet riċenti dwar l-inkoraġġiment ta' attività volontarja, il-bżonn ta' involvement ugwali ta' żgħażagħ irġiel u nisa u ta' gruppi ta' żgħażagħ li jkollhom diffikultajiet partikolari fit-twettiq ta' ċittadinanza attiva minħabba fatturi etniċi jew soċjali jew disabbiltajiet fiżiċi jew mentali.

4.   Rakkomandazzjonijiet ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

4.1

jieħu stampa pożittiva taż-żewġ komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni diskussi f'din l-opinjoni;

4.2

jinkoraġġixxi b'mod speċifiku lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Kumitat tar-Reġjuni infurmat regolarment bil-progress ta' programm ta' azzjoni implimentat mill-Istati Membri, li jifrex kemm jista' jkun tagħrif, kemm jista' jkun malajr fuq prattika tajba. Minħabba l-mod rapidu li bih jinbidlu l-affarijiet fil-qasam taż-żgħażagħ, għandu jiġi mfakkar li prattiċi tajbin qed jinbidlu malajr ukoll;

4.3

jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, biex jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ġara f'oqsma oħra, li jinkludu l-erba' prijoritajiet fil-White Paper, meta jitfasslu r-rapporti nazzjonali dwar il-progress ta' l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet rigward “ftehim aħjar u tagħrif dwar iż- żgħażagħ” u “attivitajiet volontarji fost iż-żgħażagħ” skedati għall-aħħar ta' l-2005.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

4.4

iħoss li hemm bżonn li tkun introdotta aktar flessibilità fl-attivitajiet politiċi konkreti u; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsidra jekk hux rakkomandabbli u possibli li jiġu mnedija inizjattivi li jiġbdu l-attenzjoni tal-politikanti għall-bżonn li jissawru kuntatti aktar mill-qrib maż-żgħażagħ kollha b'mod ġenerali fil-kumplessità diversa kollha tagħhom, biex ikun hemm tagħrif aħjar tagħhom u tiġi mobilizzata l-kontribuzzjoni essenzjali li huma jistgħu jagħtu biex joħolqu Unjoni aktar b'saħħitha u bbażata fuq is-solidarjetà, u jemmen li l-Kumitat tar-Reġjuni jista' jgħin biex iqajjem kuxjenza fost il-politiċi billi joħloq skema ta' ġemellaġġ bejn rappreżentanti żgħażagħ eletti bejn l-awtoritajiet rapprżentati fi ħdanu.

4.5

jirrepeti l-appoġġ qawwi tal-Kumitat, mogħti fl-opinjoni riċenti tiegħu dwar il-parteċipazzjoni u t-tagħrif ta' żgħażagħ, għall-konvinzjoni li l-Artiklolu III-182 ta' l-abbbozz tat-Trattat għal kostituzzjoni ta' l-Ewropa għandu jipproponi biex jissuplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattati attwalment fis-seħħ fis-settur taż-żgħażagħ biex jiġi misħuq li l-Unjoni timmira biex tinkoraġġixxi s-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.

Brussel, 30 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Peter STRAUB


(1)  ĠU C 42 ta' l-10.2.1997, p.1

(2)  ĠU C 244 tal-11.8.1997, p.47

(3)  ĠU C 168 /2002

(4)  ĠU C 287 tat- 22.11.2002, p. 6

(5)  ĠU C 295 2003

(6)  COM(2004) 21 finali.


Top