Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0782

    Kawża C-782/21 P: Appell ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2021 minn Aeris Invest Sàrl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-827/17, Aeris Invest vs BĊE

    ĠU C 128, 21.3.2022, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 128, 21.3.2022, p. 3–3 (GA)

    21.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 128/7


    Appell ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2021 minn Aeris Invest Sàrl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fis-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-827/17, Aeris Invest vs BĊE

    (Kawża C-782/21 P)

    (2022/C 128/10)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellant: Aeris Invest Sàrl (rappreżentanti: R. Vallina Hoset, E. Galán Burgos u M. Varela Suárez, abogados)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew, Il-Kummissjoni Ewropea u Banco Santander, S.A.

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-827/17, Aeris Invest vs BĊE, EU:T:2021:660;

    tilqa’ t-talbiet imressqa minn Aeris Invest fl-ewwel istanza u, b’mod partikolari, tiddikjara n-nullità tad-Deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Novembru 2017, LS/MD/17/405, LS/MD/17/419, LS/MD/17/406, li rrifjutaw l-aċċess għal numru ta’ dokumenti dwar il-falliment u r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español, S.A., il-bilanċ tad-depożitu u l-faċilità ELA awtorizzata lil Banco Popular Español, S.A.; u

    b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha mis-sentenza appellata.

    Permezz tal-ewwel aggravju, din il-parti ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”), sa fejn: (i) ma huwiex possibbli li jintalab l-aċċess għad-dokumenti mitluba fil-kuntest tal-Kawża T-628/17; u (ii) din tipprevjeni lil din il-parti milli teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju effettiv, kif ukoll iżżid in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn il-partijiet. Fi kwalunkwe każ, din ir-restrizzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta ma hijiex iġġustifikata taħt l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258/KE tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2004/258”) (1), moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. B’mod partikolari, din tikser l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Deċiżjoni 2004/258 billi twettaq interpretazzjoni tal-għan tad-Deċiżjoni 2004/258 li tirriżulta kuntrarja għad-drittijiet fundamentali.


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51.


    Top