EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0511

Kawża C-511/21 P: Appell ippreżentat fid-19 ta’ Awissu 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-9 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-202/17, Calhau Correia de Paiva vs Il-Kummissjoni

ĠU C 2, 3.1.2022, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 2/16


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Awissu 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-9 ta’ Ġunju 2021 fil-Kawża T-202/17, Calhau Correia de Paiva vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-511/21 P)

(2022/C 2/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Schima, I. Melo Sampaio, L. Vernier, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Ana Calhau Correia de Paiva

Talbiet

tannulla s-sentenza li qed tiġi appellata;

tiċħad it-tieni, it-tielet u r-raba motivi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel u l-ħames motiv ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, u

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa ppreżentat kontra l-punti 54 sa 58 tas-sentenza appellata, jiġifieri l-parti tas-sentenza li tikkonċerna l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq l-illegalità imqajjem mir-rikorrenti kontra s-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni inkwistjoni.

Il-Kummissjoni tqajjem aggravju uniku, li skont dan il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li kienet teżisti rabta stretta bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u s-sistema lingwistika ddefinita fl-avviż ta’ kompetizzjoni u, għaldaqstant, billi għalhekk ammettiet li l-motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ din is-sistema lingwistika kien ammissibbli.

L-aggravju uniku huwa maqsum fi tliet partijiet:

(1)

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, billi ddeduċiet mill-marka miksuba mir-rikorrenti għall-kompetenza ġenerali “Komunikazzjoni” rabta stretta bejn is-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni inkwistjoni u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

(2)

It-tieni, fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti, billi ammettiet ir-rabta stretta fuq il-bażi tal-fatt li huwa iktar diffiċli għal kandidat li jipparteċipa f’eżamijiet fil-Lingwa 2 tiegħu milli fil-lingwa materna tiegħu. Minbarra dan il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ma kkunsidratx il-fatt li, f’dan il-każ, iż-żewġ lingwi l-oħra li r-rikorrenti kellha l-aħjar għarfien tagħhom kienu l-Ingliż u l-Franċiż. Il-limitazzjoni tal-għażla tal-Lingwa 2 għall-Ingliż, għall-Franċiż u għall-Ġermaniż għalhekk ma setgħetx tikkawżalha żvantaġġ.

(3)

It-tielet u, fl-aħħar nett, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkwalifikat il-fatti billi bbażat ir-rabta stretta wkoll fuq il-fatt li r-rikorrenti kellha tagħmel l-eżami bil-miktub b’konfigurazzjoni tat-tastiera differenti mill-QWERTY-PT li hija kienet normalment tuża. Fl-ewwel lok, dan ma għandux rabta mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fit-tieni lok, anki jekk l-EPSO għamel disponibbli biss għażla limitata ta’ konfigurazzjonijiet ta’ tastiera (AZERTY, QWERTY-EN, QWERTZ-DE), din hija kwistjoni differenti mis-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni.


Top