Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0119

    Kawża C-119/21 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2021 minn PlasticsEurope mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-207/18, PlasticsEurope v ECHA

    ĠU C 163, 3.5.2021, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 163/18


    Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2021 minn PlasticsEurope mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-207/18, PlasticsEurope v ECHA

    (Kawża C-119/21 P)

    (2021/C 163/24)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: PlasticsEurope (rappreżentanti: R. Cana, avukat, E. Mullier, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ClientEarth

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-207/18;

    tannulla l-att kontenzjuż;

    sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti;

    tordna lill-partijiet l-oħra fil-proċedura għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura, flimkien mal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk tal-partijiet intervenjenti.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    Il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fl-evalwazzjoni ta’ sustanzi għal identifikazzjoni bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna taħt l-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) 1907/2006 (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) ma tistax tiġi interpretata f’sens li tagħti lill-ECHA jedd komplet u inkontestabbli fit-twettiq ta’ żbalji manifesti fis-selezzjoni u l-evalwazzjoni ta’ “provi xjentifiċi” taħt dan l-Artikolu 57(f). Madankollu l-Qorti Ġenerali aċċettat dan billi ddeċidiet li jista’ jkun hemm biss konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-każ fejn l-ECHA teskludi kompletament u żbaljatament studju xjentifiku affidabbli u jekk l-inklużjoni ta’ dan l-istudju kienet tbiddel l-evalwazzjoni komplessiva tal-provi b’tali mod li d-deċiżjoni finali ma kinitx tkun plawżibbli. Il-Qorti Ġenerali aċċettat ulterjorment li r-riżultati ta’ studji xjentifiċi mhux affidabbli setgħu jintużaw mill-ECHA u li l-affidabbiltà minima tagħha ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom. Il-Qorti Ġenerali għamlet pass ulterjuri billi aċċettat li wieħed jibbaża ruħu fuq studji xjentifiċi mhux affidabbli u mhux konklussivi fejn dawn ir-riżultati jissostanzjaw l-ipoteżi mmirata tal-ECHA dwar l-allegati proprjetajiet dannużi tas-sustanza. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipju ta’ eċċellenza xjentifika.

    2.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 57(f) tar-Regolament REACH kif ukoll kisret id-dritt tal-appellanti li tinstema’ billi wettqet interpretazzjoni żbaljata tas-sottomissjonijiet tal-appellanti fir-rigward tar-rekwiżit li jiġi stabbilit li s-sustanza hija ta’ livell ta tħassib ekwivalenti għall-effetti ta’ sustanzi identifikati fuq il-bażi tal-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH.

    3.

    Il-Qorti Ġeneral wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi relatati mas-sottomissjonijiet tal-appellanti fir-rigward tal-affidabbiltà ta’ studji xjentifiċi u żnaturat il-provi quddiemha.

    4.

    Billi qieset li l-evalwazzjoni tal-ECHA ta’ provi xjentifiċi tkun sostnuta mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-prinċipju u għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi.

    5.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu ddeċidiet li intermedji ma humiex eżentati mill-identifikazzjoni konformement mal-Artikoli 57 u 59 tar-Regolament REACH fuq il-bażi li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw biss il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza u mhux l-użu tagħha (li jkun jinkludi jekk is-sustanza hijiex intermedju jew le) u li ma kienx sproporzjonat għall-ECHA li twettaq dil-proċedura ta’ identifikazzjoni.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1 u r-rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3; 2008, L 141, p. 22, u 2009, L 36, p. 84).


    Top