Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0745

    Kawża T-745/18: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2018 – Covestro Deutschland vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 82, 4.3.2019, p. 57–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 82/57


    Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2018 – Covestro Deutschland vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-745/18)

    (2019/C 82/69)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Covestro Deutschland AG (Leverkusen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Küper, J. Otter, C. Anger u M. Goldberg, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/56 tat-28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tas-tar-Regolament StromNEV (iktar ’il quddiem is-StromNEV) (notifikata bid-dokument C(2018) 3166), b’mod partikolari l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-eżenzjoni kompleta tat-tariffi tan-netwerk għall-konsumaturi ta’ karga bażika għas-snin 2012 u 2013, il-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern u d-deċiżjoni ta’ rkupru immedjat mingħand il-benefiċjarji skont il-leġiżlazzjoni dwar it-tariffi minimi konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(2) tas-StromNEV fil-verżjoni tat-3 ta’ Settembru 2010, u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura

    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li t-tul tal-proċedura ta’ 62 xahar qabeż b’iktar minn darbtejn it-terminu indikattiv stabbilit fl-Artikolu 9(6) tar-Regolament dwar il-proċeduri fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat (1).

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-eżenzjoni tad-drittijiet ta’ netwerk ma tikkostitwixxix għajnuna konformement mal-Artikolu 107(1) TFUE.

    Fil-kuntest tat-tieni motiv, huwa allegat li ma jeżisti ebda trattament favorevoli, peress li, minħabba l-effett stabbilizzanti tan-netwerk tal-konsumaturi ta’ karga bażika, jeżisiti korrispettiv xieraq. Minbarra dan, l-eżenzjoni ma hijiex iffinanzjata minn riżorsi tal-Istat.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-kompatibbiltà mas-suq intern (ġustifikazzjoni, Artikolu 107(3) TFUE)

    Fil-kuntest tat-tielet motiv, huwa allegat li l-eżenzjoni kompleta tal-konsumaturi ta’ karga bażika tirrimedja perturbazzjoni serja tal-ħajja ekonomika fil-Ġermanja. B’mod partikolari, l-industriji li jikkonsmaw ħafna enerġija għandhom jibqgħu kompetittivi u għandha tiġi prekluża migrazzjoni barra mill-pajjiż.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-ordni ta’ rkupru

    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, qed jiġi kkritikat il-fatt li l-irkupru ta’ tariffa minima ugwali għal 20 % ta’ tariffi ta’ netwerks ippubblikati, b’riferiment għall-verżjoni tal-Artikolu 19(2) tas-StomNEV, fis-seħħ sat-3 ta’ Awwissu 2011, huwa arbitrarju u jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    Qed jiġi sostnut ukoll li hija biss id-determinazzjoni tat-tariffi tan-netwerk skont il-metodu ta’ linja fiżika li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipji ta’ kawżalità kif ukoll il-ħlas ta’ tariffi tan-netwerk raġonevoli u mhux diskriminatorji.

    L-ordni ta’ rkupru tikser ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment għas-sistema tranżitorja fl-Artikolu 32(3) tas-StromNEV.

    Fl-aħħar nett, huwa allegat li l-konsumaturi ta’ karga bażika u utenti ta’ netwerk mhux tipiċi fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(2) tas-StromNEV huma essenzjalment differenti. Il-fatt li ż-żewġ gruppi ta’ utenti tan-netwerk għandhom iħallsu tariffa minima ta’ 20 % minkejja d-differenzi, ma huwiex oġġettivament iġġustifikat.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p 9).


    Top