Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 62018TN0540
Case T-540/18: Action brought on 11 September 2018 — ASL Aviation Holdings and ASL Airlines (Ireland)/Commission
Kawża T-540/18: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2018 – ASL Aviation Holdings and ASL Airlines (Ireland) vs Il-Kummissjoni
Kawża T-540/18: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2018 – ASL Aviation Holdings and ASL Airlines (Ireland) vs Il-Kummissjoni
ĠU C 399, 5.11.2018, pagg. 49–51
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 399/49 |
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2018 – ASL Aviation Holdings and ASL Airlines (Ireland) vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-540/18)
(2018/C 399/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ASL Aviation Holdings DAC (Swords, l-Irlanda) u ASL Airlines (l-Irlanda) Ltd (Swords) (rappreżentanti: N. Travers, Senior Counsel, H. Kelly, K. McKenna u R. Scanlan, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tiddikjara l-konvenuta responsabbli, skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti, f’ammont ta’ madwar EUR 263,6 miljun, jew kull ammont ieħor li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiffissa, minħabba l-illegalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 431 tat-30 ta’ Jannar 2013, Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express, li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni bejn UPS u TNT Express NV u, konsegwentement, il-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt ta’ ASL għal amministrazzjoni tajba; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-interessi moratorji mid-data tal-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi dwar dan ir-rikors sal-ħlas sħiħ, bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tagħha ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, fuq is-somma ta’ EUR 263,6 miljun jew fuq kull ammont ieħor li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiffissa; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjez. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu li huma allegatament ġarrbu minħabba d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 431, Każ COMP/M.6570 – UPS/TNT Express (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), annullata mis-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni (T-194/13, EU:T:2017:144).
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni hija vvizzjata b’istanzi serji ta’ ksur ta’ regoli tad-dritt intiżi li jipproteġu lill-individwi, b’mod partikolari lir-rikorrenti, li kellhom bħala konsegwenza diretta l-fatt li huma ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jiġu ġġenerati l-profitti mill-ftehimiet li huma kienu kkonkludew f’Novembru 2012. |
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li, minħabba n-nuqqasijiet serji tagħha fl-osservanza tal-proċeduri korretti ta’ evalwazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet fl-eżami tal-konċentrazzjoni nnotifikata, li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-aġir tal-konvenuta kien tant ’il bogħod minn approċċ li jħares id-drittijiet tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba u għal diliġenza xierqa min-naħa tal-konvenuta fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, kif iggarantiti mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 (1), mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li hija kisret ir-regoli tad-dritt intiżi li jagħtu protezzjoni lil kull persuna affettwata direttament mid-deċiżjoni inkwistjoni, b’mod partikolari r-rikorrenti. |
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni hija vvizzjata wkoll bi żbalji manifesti u serji li jaffetwaw l-evalwazzjoni tal-konvenuta dwar il-konċentrazzjoni nnotifikata, kif sostnut minn UPS fir-rikors tagħha għad-danni mhux kuntrattwali ppreżentat kontra l-Kummissjoni fil-Kawża T-834/17 – li fuqu r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sa fejn tali rikors isostni t-talba tagħhom għal kumpens – għal dak li jirrigwarda l-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezz, l-analiżi tal-effiċjenza, l-evalwazzjoni tal-kapaċità kompetittiva ta’ FedEx kif ukoll l-evalwazzjoni tal-intensità tal-kompetizzjoni, imwettqa mill-konvenuta fid-deċiżjoni inkwistjoni. |
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq dritt għal kumpens tar-rikorrenti għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuta, peress li minħabba l-illegalità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni u l-projbizzjoni tat-twettiq tal-konċentrazzjoni nnotifikata, hija kisret id-drittijiet tar-rikorrenti għal-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà tagħhom, protetti mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
5. |
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li dawn l-istanzi ta’ ksur ikkawżaw telf għar-rikorrenti, għaliex, fl-assenza ta’ dawn l-istanzi ta’ ksur, huwa kienu jkunu jistgħu jiġġeneraw il-profitti mill-ftehimiet li kienu kkonkludew f’Novembru 2012, bil-konsegwenza li l-kumpens għandu jpoggi lir-rikorrenti fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha fl-assenza tal-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni inkwistjoni u r-rikors tagħhom huwa l-uniku mezz sabiex huma jiksbu tali kumpens. |
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).