Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0509

    Kawża T-509/18: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2018 – Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 399, 5.11.2018, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 399/39


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2018 – Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-509/18)

    (2018/C 399/54)

    Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Pavliš, O. Serdula u J. Vláčil, aġenti)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) inkwantu din id-deċiżjoni teskludi l-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Ċeka li jammontaw għal total ta’ EUR 151 116,65, u

    tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 1306/2013”).

    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni illi l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat illi t-terminu li jgħaddi bejn verifika u oħra li ssir mill-awtoritajiet ta’ kontroll għand l-istess impriża agrikola ma jistax ikun iktar mit-terminu stabbilit mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 809/2014”).

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    Anki jekk fil-kawża preżenti jiġi stabbilit li kien hemm ksur tar-Regolament 809/204 (quod non), ir-Repubblika Ċeka setgħet leġittimament tikkunsidra illi s-sistemi tagħha ta’ kontroll huma konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom il-Kummissjoni fl-awditu preċedenti, u dan ġaladarba li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li l-verifiki fuq il-post fir-Repubblika Ċeka kienu seħħew b’mod li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

    Anki jekk fil-kawża preżenti jiġi stabbilit li r-Repubblika Ċeka kisret ir-Regolament 809/204 (quod non), il-Kummissjoni inkludiet ukoll fil-korrezzjoni finanzjarja għajnuna mogħtija lill-impriżi agrikoli li fir-rigward tagħhom il-verifiki fuq il-post ma stabbilixxewx ksur tar-Regolament 809/2014. Għalhekk il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni finanzjarja għal nfiq illi ma jistax jiġi kkwalifikat bħala wieħed li mhux ġustifikat u li ma ppreżenta l-ebda riskju għall-fondi tal-Unjoni.


    Top