Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0254

    Kawża T-254/17: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2017 – Intermarché Casino Achats vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 231, 17.7.2017, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 231/29


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2017 – Intermarché Casino Achats vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-254/17)

    (2017/C 231/37)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Intermarché Casino Achats (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: Mes Y. Utzschneider u J. Jourdan, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 inapplikabbli fil-każ inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 1056, tad-9 ta’ Frar 2017, abbażi tal-Artikoli 263 u 277 TFUE;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-9 ta’ Frar 2017, li tordna lir-rikorrenti li jissottometti ruħu għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn hija fondata fuq dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) u kontra il- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”). F’dan ir-rigward, hija ssostni li:

    l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jikser id-dritt għal rimedu effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB, sa fejn dan ma jipprovdix għal rimedji effettivi kontra l-iżvolġiment ta’ operazzjoniijet ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni;

    l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jikser ukoll il-prinċipju opportunitajiet ugwali ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB, sa fejn dan ma jipprovdix għall-aċċess għad-dokumenti li jsejsu d-deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni u lanqas għall-komunikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li bih hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar hija insuffiċjentement immotivata bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata fl-ebda mument ma tispjega kif din tal-aħħar hija kkonċernata minn ksur eventwali u lanqas ma tindika bi preċiżjoni l-perijodu kkonċernat li matulu huwa ssuspettat li seħħew istanzi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar u iktar ta’ ħsara peress li li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix id-dokumenti li fuqhom hija msejsa.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ġiet adottata mill-Kummissjoni mingħajr ma din tal-aħħar għandha għad-dispożizzjoni tagħha indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u għalhekk li jiġġustifikaw spezzjoni fl-edifiċji tar-rikorrenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma irrispettax id-dritt fundamentali tal-invjolabbiltà tad-domiċilju previst fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB minħabba n-natura spropozjonata tal-miżura ta’ spezzjoni li hija tordna u l-assenza ta’ garanzija suffiċjenti kontra l-abbuż.


    Top