Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 62017TN0049

    Kawża T-49/17: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2017 – Spanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 95, 27.3.2017, p. 19—20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 95/19


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2017 – Spanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-49/17)

    (2017/C 095/29)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: V. Ester Casas, aġent)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Prinċipalment tannulla d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2016 (2016/2018/UE), li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab minn diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju ta’ Spanja, fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn:

    1.

    F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía teskludi mill-finanzjament Komunitarju EUR 1 356 144,90 fir-rigward tal-FAEG (sena finanzjarja 2012).

    2.

    F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña teskludi mill-finanzjament Komunitarju EUR 2 191 585 fir-rigward tal-FAEG (snin finanzjarji 2009 sa 2012).

    3.

    F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León teskludi mill-finanzjament Komunitarju EUR 9 638 473,73 fir-rigward tal-FAEG, u EUR 433 138,10 fir-rigward tal-FAEŻR (snin finanzjarji 2012 sa 2013).

    4.

    L-ammont totali li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors għal annullament huwa ta’ EUR 13 619 341,73.

    Tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka il-motivi li ġejjin.

    1.

    Motivi għall-annullament li jirrigwardaw il-korrezzjoni finanzjarja imposta fuq il-Komunità Awtonoma ta’ Andalucía.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega ksur tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 29), sa fejn il-Kummissjoni ddikjarat li l-entitajiet ACRES u Unión Rural ma humiex produtturi.

    2.

    Motivi għall-annullament li jirrigwardaw il-korrezzjoni finanzjarja imposta fuq il-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña. F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li:

    L-unika korrezzjoni finanzjarja minħabba nuqqasijiet fl-eliġibbiltà tal-infiq li tammonta għal EUR 122 112,95 (kontrolli relatati mal-programmi operazzjonali: investimenti fl-OP “A”) hija kontra l-liġi, sa fejn il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 105 u 106 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU 2007, L 350, p. 1), flimkien mal-Artikolu 55(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1182/2007, tas-26 ta’ Settembru 2007, li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (ĠU 2007, L 273, p. 1), u l-Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549), peress li l-awtoritajiet nazzjonali wettqu b’mod xieraq il-kontrolli indikati fl-imsemmija regoli, peress li ġew osservati r-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni applikabbli u, f’kull każ, paress li ma kienx hemm riskju għall-fond.

    Il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, li tammonta għal-EUR 2 191 585 (punt: “Nuqqasijiet fl-approvazzjoni tal-programmi/fl-awtorizzazzjoni tal-infiq, Komunità Awtonoma ta’ Cataluña”), hija kontra l-liġi, sa fejn il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament Nru 1306/2013, flimkien mal-Artikoli 103, 105(2)(d), 106, 107(1)(ċ) sa (e), 108(1)(b) u 109(1)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 1580/2007, peress li l-awtoritajiet Spanjoli ipprovaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni invokata u, f’kull każ, paress li ma kienx hemm riskju għall-fond.

    Sussidjarjament qiegħed jiġi allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba ksur tal-Artikolu 52(2) u (3) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mad-Dokument VI/5330/97, li permezz tiegħu ġew adottati l-Linji gwida li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija.

    3.

    Motivi għall-annullament li jirrigwardaw il-korrezzjoni finanzjarja imposta fuq il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León. F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li:

    Il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, li tammonta għal-EUR 10 071 661,83, u l-metodu ta’ kalkolu użati jmorru kontra l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1) u kontra l-linji gwida tad-Dokument tal-Kummissjoni VI/5530/97 u AGHRI-2005-64043.

    Sussidjarjament, il-korrezzjoni b’rata fissa imposta mill-Kummissjoni hija sproporzjonata, peress li tikser l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, moqri flimkien mad-Dokument VI/5330/97.


    Início