EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0875

Kawża T-875/16: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2016 – Falcon Technologies International vs Il-Kummissjoni

ĠU C 46, 13.2.2017, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/23


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2016 – Falcon Technologies International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-875/16)

(2017/C 046/26)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Falcon Technologies International LLC (Ras Al Khaimah, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: R. Sciaudone u G. Arpea, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tordna lill-Kummissjoni tipproduċi r-rapport finali;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2016 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermattiva tar-rikorrenti sabiex tingħata aċċess għad-dokument “Final report of an assessment of ICIM (NB 0425), carried out in the framework of the joint assessment process for notified bodies (DG (SANTE) 2015-7552)”.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1).

Ir-rikorrenti tilmenta, l-ewwel nett, dwar l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “interessi kummerċjali” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Id-deċiżjoni li tirriżulta mir-rapport finali, adottat wara proċess amministrattiv komprensiv dwar l-osservanza minn ICIM tar-regoli – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 920/2013 (2) – applikabbli għall-organi nnotifikati, ma fiha l-ebda informazzjoni li tradizzjonalment titqies li hija kummerċjali. F’kull każ, l-allegat dannu għar-reputazzjoni li jirriżulta mill-iżvelar tar-rapport finali ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tad-deroga msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata ma turix b’mod ċar, analitiku u inekwivoku l-elementi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tqis li jkun ta’ ħsara għal ICIM jekk FTI tingħata aċċess għar-rapport finali, jew, saħansitra, tagħti informazzjoni dwar l-eżitu tal-ibbilanċjar tal-allegati interessi kummerċjali ta’ ICIM u tal-interess tal-imsieħba kummerċjali tagħha – inkluża r-rikorrenti – li jkunu jafu l-grad ta’ affidabbiltà u kredibbiltà tal-organu nnotifikat.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-esklużjoni żbaljata tal-interess pubbliku superjuri u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat, minn naħa, li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar u, min-naħa l-oħra, li ma kienx hemm interessi pubbliċi oħra li huma superjuri għall-interessi protetti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-ġurisprudenza fil-kawża Il-Kummissjoni vs EnBW (3), in-natura essenzjali tar-rapport finali għall-finijiet tal-protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali ma ġietx ikkunsidrata u ma ġietx meqjusa li hija interess pubbliku superjuri. F’kull każ, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata mill-fatt li l-Kummissjoni ma qisitx li l-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tas-saħħa pubblika huma interessi pubbliċi superjuri.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-possibbiltà li jingħata aċċess għar-rapport finali, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-informazzjoni sensittiva jew oġġettivament sigrieta fid-deċiżjoni ta’ natura amministrattiva meħuda mill-Kummissjoni setgħet tiġi mgħottija. Ma kien hemm xejn li jimpedixxi l-preparazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport finali li tippermetti li wieħed jifhem suffiċjentement l-evalwazzjoni ta’ ICIM mingħajr ma tiżvela, b’hekk, l-eventwali (għalkemm mhux probabbli) sigrieti kummerċjali tagħha.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2013, tal-24 ta’ Settembru 2013, dwar il-ħatra u s-superviżjoni tal-korpi nnotifikati skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE dwar il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem u d-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE dwar mezzi mediċi (Test b’relevanza għaż-ŻEE).

(3)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2014, Kawża C-365/12 P, Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 107.


Top