EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CA0186

Kawża C-186/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Oradea – ir-Rumanija) – Ruxandra Paula Andriciuc et vs Banca Românească SA (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Artikolu 3(1) u Artikolu 4(2) — Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali — Kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija — Riskju tal-kambju jinġarr b’mod sħiħ mill-konsumatur — Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-dritttijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt — Mument li fih għandu jiġi evalwat l-iżbilanċ — Portata tal-kunċett ta’ klawżoli “abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar” — Livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-bank(

ĠU C 382, 13.11.2017, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/21


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Oradea – ir-Rumanija) – Ruxandra Paula Andriciuc et vs Banca Românească SA

(Kawża C-186/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Artikolu 3(1) u Artikolu 4(2) - Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali - Kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija - Riskju tal-kambju jinġarr b’mod sħiħ mill-konsumatur - Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-dritttijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt - Mument li fih għandu jiġi evalwat l-iżbilanċ - Portata tal-kunċett ta’ klawżoli “abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar” - Livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-bank()

(2017/C 382/24)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Oradea

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ruxandra Paula Andriciuc et

Konvenuta: Banca Românească SA

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” tkopri klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inserita f’kuntratt ta’ self f’munita barranija li ma ġietx innegozjata b’mod individwali u li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li fiha ngħata s-self, peress li din il-klawżola tistabbilixxi prestazzjoni essenzjali li tikkaratterizza dan il-kuntratt. Konsegwentement, din il-klawżola ma tistax titqies bħala inġusta, sa fejn tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem.

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jippreżumi li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu, l-istabbilimenti finanzjarji għandhom jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati sew u prudenti. F’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit jimplika li klawżola li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li jkun ingħata fiha s-self, għandha tinftiehem mill-konsumatur kemm fuq livell formali u grammatikali, iżda wkoll fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur li jkun normalment informat u raġjonevolment attent u avżat, ikun jista’ mhux biss jaf bil-possibbiltà li togħla jew tinżel il-munita barranija li fiha jkun ingħata s-self, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpetat fis-sens li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjat seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u waqt li tieħu kont b’mod partikolari tat-tagħrif espert u tal-konoxxenzi tan-negozjant, f’dan il-każ tal-bank, fir-rigward tal-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, l-eżistenza ta’ żbilanċ possibbli fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.


(1)  ĠU C 243, 04.07.2016.


Top