Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0760

Kawża T-760/15: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2015 – Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

ĠU C 59, 15.2.2016, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 59/50


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2015 – Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-760/15)

(2016/C 059/58)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. Bulterman, B. Koopman u M. de Ree)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7143 finali, tal-21 ta’ Ottubru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38374 (2014/C ex 2014/NN) li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi implementa favur Starbucks;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-Kummissjoni tqis li l-“Advanced Pricing Agreement” (ftehim minn qabel fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, iktar ’il quddiem l-“APA”) huwa ta’ natura selettiva.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma wrietx biżżejjed u separament li l-kriterju ta’ selettività huwa ssodisfatt.

It-tieni nett, il-Kummissjoni rreferiet b’mod żbaljat għas-sistema ġenerali Olandiża tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Il-qafas ta’ referenza korrett għall-APP huwa l-Artikolu 8b(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Wet op de vennootschapsbelasting) u d-digriet dwar il-prezz tat-trasferiment (Verrekenprijsbesluit). L-APA sempliċement applika dan il-qafas ta’ referenza.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. Ir-rikorrent isostni li madankollu ma hemm l-ebda prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li dan il-prinċipju ma jagħmilx parti mill-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni tqis li l-APA jipprovdi vantaġġ lill-kumpannija Starbucks Manufacturing EMEA B.V. minħabba fl-għażla tat-“Transactional Net Margin Method” (metodu transazzjonali tal-marġni net) sabiex jiġi ffissat il-prezz tat-trasferiment.

Il-Kummissjoni tiżbalja meta tasserixxi li l-metodu miftiehem fl-APA ma huwiex approċċ affidabbli għar-realtà tas-suq. Il-Kummissjoni lanqas ma jirnexxielha turi li l-kumpens mogħti lil Alki u s-suppliment fuq il-prezz taż-żerriegħa tal-kafè aħdar ma kellhom ebda valur reali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni tafferma li l-APA jagħti lil Starbucks Manufacturing EMEA B.V. vantaġġ minħabba fil-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-“Transactional Net Margin Method”

Il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li t-“Transactional Net Margin Method” kif miftiehem fl-APA kien applikat ħażin u li dan kien jirriżulta f’vantaġġ għal Starbucks Manufacturing EMEA B.V.. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet li applikazzjoni aħjar, fil-fehma tagħha, tat-“Transactional Net Margin Method”, kienet tirriżulta fi dħul taxxabbli ogħla u fl-assenza ta’ vantaġġ.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju li teżerċita kura fil-konfront tal-atti li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa jew milli tintegra d-data rilevanti kollha fid-deċiżjoni u bbażat ruħha wkoll fuq data anonima jew għallinqas fuq data li qatt ma ma ġiet ikkomunikata lill-Gvern Olandiż.


Top