Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0360

    Kawża C-360/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-13 ta’ Lulju 2015 – College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort vs X

    ĠU C 346, 19.10.2015, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 346/4


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-13 ta’ Lulju 2015 – College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort vs X

    (Kawża C-360/15)

    (2015/C 346/04)

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Hoge Raad der Nederlanden

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort

    Konvenuta: X BV

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għall-ġbir ta’ [tariffi msejħa] “leges” minn korp ta’ Stat Membru għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tikkonċerna il-waqt, il-post u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika?

    2)

    Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll f’sitwazzjonijiet purament interni?

    3)

    Id-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-premessa 9 tagħha, fis-sens li ma tapplikax għal regoli tad-dritt nazzjonali li jeżigu li l-intenzjoni li jsiru xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni, mal-manutenzjoni jew mat-tneħħija ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika għandha titħabbar lis-sindku u lill-membri tal-kunsill u li abbażi tagħhom, is-sindku u lill-membri tal-kunsill għandhom kompetenza mhux sabiex jipprojbixxu x-xogħlijiet imħabbra iżda sabiex jimponu kundizzjonijet għal dak li jikkonċerna l-post, il-waqt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-promozzjoni tal-użu kondiviż tat-tagħmir u l-koordinazzjoni dwar ix-xogħlijiet mal-koordinaturi ta’ xogħlijiet oħra preżenti fl-art?

    4)

    L-Artikolu 4, fil-parti inizjali u fil-paragrafu (6) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni dwar il-post, il-waqt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika minkejja li l-korp ikkonċernat tal-Istat Membru ma huwiex kompetenti sabiex jipprojbixxi t-twettiq stess ta’ dawn ix-xogħlijiet?

    5)

    (A)

    Jekk, fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, japplika f’dan il-każ, din id-dispożizzjoni għandha effett dirett?

    (B)

    Jekk id-domanda 5(A) għandha tingħata risposta pożittiva, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, jimplika li t-taxxi li għandhom ikunu dovuti [mill-applikanti] jistgħu jiġu kkalkolati abbażi tal-ispejjeż stmati tal-proċeduri ta’ applikazzjoni kollha jew tal-applikazzjonijiet kollha bħal dik inkwistjoni hawnhekk jew tal-applikazzjonijiet meħuda individwalment?

    (C)

    Jekk id-domanda 5(A) għandha tingħata risposta pożittiva, skont liema kriterji l-ispejjeż indiretti u spejjeż fissi għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, jiġu imposti fuq l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni konkreti?


    (1)  ĠU 2006, L 376, p. 36.


    Top