Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0680

    Kawża T-680/14: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Settembru 2014 – Lupin vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 439, 8.12.2014, p. 33–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 439/33


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 – Lupin vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-680/14)

    (2014/C 439/43)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Lupin Ltd (Maharashtra, l-Indja) (rappreżentanti: M. Pullen, R. Fawcett-Feuillette, M. Boles, Solicitors, V. Wakefield, Barrister, u M. Hoskins QC)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara d-Deċiżjoni nulla sa fejn tikkonstata li Lupin kiser l-Artikolu 101 TFUE; u/jew

    tħassar jew tnaqqas il-multa imposta fuq Lupin; u

    tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti minn Lupin f’dawn il-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ din il-kawża tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 final, tad-9 ta’ Lulju 2014, fil-Każ AT.39612 – Perindopril (Servier).

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkonstatat li r-rikorrenti kienet wettqet ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan. Ir-rikorrenti ssostni li:

    il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni hija illegali peress li tapplika test ġuridiku kompletament innovattiv u żbaljat. B’mod partikolari, dan it-test huwa bbażat fuq il-ħlas ta’ “inċentiv sinjifikattiv”, li skont ir-rikorrenti ma huwiex rifless fil-ġurisprudenza eżistenti u huwa legalment żbaljat;

    l-approċċ tal-Kummissjoni jonqos milli jirrikonoxxi u jagħti effett mhux biss lill-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda wkoll lill dawk tad-dritt tal-privattivi u tal-proċedura ċivili moderna. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni messha evalwat il-kwistjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan b’riferiment għad-duttrina tar-restrizzjonijiet anċillari u/jew b’riferiment għall-prinċipji rrikonoxxuti fis-sentenza Wouters. In-nuqqas tagħha li tagħmel dan ikkostitwixxa żball ta’ liġi.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkonstatat li r-rikorrenti kienet wettqet ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-effett. Ir-rikorrenti tqis li l-approċċ tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk ftehim ta’ tranżazzjoni dwar privattiva kienx jikkostitwixxi ksur minħabba l-effett kien ivvizzjat mill-istess difetti bħall-approċċ tagħha dwar ksur minħabba l-għan.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljat meta imponiet multa fuq ir-rikorrenti jew, sussidjarjament, li l-multa imposta kienet għolja wisq u għandha titnaqqas. Ir-rikorrenti ssostni li:

    l-allegat aġir ħażin tagħha huwa ta’ natura innovattiva u ma jimmerita ebda multa jew, sussidjarjament, jimmerita biss multa simbolika;

    il-multa ma tirriflettix il-gravità u t-tul relattivi tal-allegat ksur tar-rikorrenti u hija inġusta;

    il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-valur leġittimu tal-proprjetà intellettwali ttrasferita mir-rikorrenti lil Servier;

    il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel mal-multa imposta fuq Krka.


    Top