Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0187

Kawża T-187/13: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ April 2013 — Jannatian vs Il-Kunsill

ĠU C 171, 15.6.2013, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/29


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ April 2013 — Jannatian vs Il-Kunsill

(Kawża T-187/13)

2013/C 171/56

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mahmoud Jannatian (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: E. Rosenfeld u S. Monnerville, lawyers)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent: (i) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/479/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (1); (ii) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE tat-23 ta’ Ġunju 2008, li timplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (2); (iii) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/652/PESK, tas-7 ta’ Awwissu 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (3); (iv) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/840/PESK, tas-17 ta’ Novembru 2009, li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (4); (v) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (5); (vi) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (6); (vii) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2009, tas-17 ta’ Novembru 2009, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar id-Deċiżjoni 2008/475/KE (7); (viii) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (8); (ix) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (9); u

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill

Ir-rikorrent isostni li skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, miżuri restrittivi jistgħu jiġu adottati biss b’inizjattiva komuni bejn il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli. Id-deċiżjonijiet ikkontestati u r-regolamenti ġew adottati mill-Kunsill li aġixxa waħdu. Għaldaqstant huma vvizzjati minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni mogħtija għall-inklużjoni ta’ M. Jannatian fl-Anness II hija impreċiża wisq sabiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Sabiex jissodisfa l-obbligu li jingħataw raġunijiet, il-Kunsill imissu stabbilixxa l-punti konkreti u speċifiċi li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ appoġġ effettiv ipprovdut mir-rikorrent lejn il-Gvern tal-Iran jew lejn l-attivitajiet nukleari tal-Iran li huma sensittivi fejn tidħol il-proliferazzjoni. Id-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati huma għaldaqstant ivvizzjati minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti

Ir-rikorrent isostni li: l-ewwel nett, sa fejn huma neqsin minn motivazzjoni, id-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati għaldaqstant jiksru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent; it-tieni nett, l-illegalità tad-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati taffettwa dawn il-proċeduri ġaladarba minn naħa tipprekludi l-possibbiltà għar-rikorrent li jippreżenta difiża u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità tal-Qorti li twettaq reviżjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati hija vvizzjata. Għalhekk id-drittijiet tar-rikorrent għal rimedju ġudizzjarju effettiv huma miksura; u fl-aħħar nett, sa fejn id-drittijiet tad-difiża ġew miċħuda fil-konfront tar-rikorrent u inkwantu l-kapaċità tal-Qorti li twettaq stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati fir-rigward ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi — li min-natura tagħhom stess huma “partikolarment opprimenti” — hija ppreġudikata, ġiet imposta fuq ir-rikorrent restrizzjoni fuq id-dritt tiegħu għal proprjetà li ma kinitx ġustifikata.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ provi kontra r-rikorrent

Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill naqas milli jipproduċi l-provi u l-informazzjoni li uża meta adotta d-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ fatt

Ir-rikorrent isostni li bil-kontra ta’ dak li jintqal fid-deċiżjonijiet u r-regolamenti kkontestati, ir-rikorrent ma kienx għadu Deputat Kap tal-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika fid-dati rispettivi tal-inklużjoni tiegħu fost il-persuni u entitajiet li jaqgħu taħt il-portata tal-miżuri restrittivi. Għaldaqstant il-Kunsill wettaq żball ta’ fatt meta inkluda lir-rikorrent għas-sempliċi raġuni li, fid-data tal-varji deċiżjonijiet u regolamenti kkontestati, huwa kien id-Deputat Kap tal-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika.

(6)

Is-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi

Ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 20(b) ma huwiex intiż li japplika fih innifsu għal individwi li jokkupaw pożizzjonijiet maniġerjali f’entità inkluża fl-Anness VIII. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(b) jipprovdi għal din l-inklużjoni ta’ individwi “li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran […]” Billi inkluda lir-rikorrent fl-Anness II mingħajr ma pproduċa prova li r-rikorrent kien qed jipprovdi appoġġ attiv u effettiv lejn l-attivitajiet nukleari tal-Iran meta ġie inkluż fl-Anness II, il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi.

(7)

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Ir-rikorrent isostni li fil-każ inkwistjoni, ebda għan ta’ interess ġenerali ma jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tali miżuri restrittivi fuq individwi li anki għal perijodu qasir okkupaw pożizzjoni maniġerjali fl-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika tal-Iran. Barra minn hekk, anki li kieku l-miżuri kellhom jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati minħabba għanijiet ta’ interess ġenerali, xorta waħda jibqgħu miftuħa għal kritika minħabba li jonqsu milli josservaw rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi li ntużaw u l-għan li kellu jintlaħaq.


(1)  ĠU L 163 p. 43

(2)  ĠU L 163, p. 29

(3)  ĠU L 213, p. 58

(4)  ĠU L 303, p. 64

(5)  ĠU L 195, p. 39

(6)  ĠU L 281, p. 81

(7)  ĠU L 303, p. 31

(8)  ĠU L 281, p. 1

(9)  ĠU L 88, p. 1


Top