Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2532

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jisfruttaw il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE fit-tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli tagħhom lejn id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2021/02532

    ĠU C 152, 6.4.2022, p. 44–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 152/44


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jisfruttaw il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE fit-tranżizzjoni soċjalment aċċettabbli tagħhom lejn id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2022/C 152/07)

    Relatur:

    Andrés BARCELÓ DELGADO

    Korelatur:

    Enrico GIBELLIERI

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-sezzjoni

    10.11.2021

    Adottata fil-plenarja

    8.12.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    565

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    151/0/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs) relatati jridu jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ġusta għall-industriji tal-UE li jużaw ħafna riżorsi u enerġija. Dawn iridu iwasslu għall-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba f’dawn l-industriji, jinvolvu lill-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-NRRPs u jappoġġjaw it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet.

    1.2.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku, biex jiġu evitati vantaġġi żbilanċjati għall-industrija skont l-approċċ ta’ kull Stat Membru.

    1.3.

    Il-KESE jemmen li t-tranżizzjoni industrijali mhux se tinkiseb jekk it-tranżizzjoni tal-enerġija ma tiġix implimentata. Għaldaqstant, id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ enerġija suffiċjenti u affordabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jagħmlu possibbli l-produzzjoni industrijali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se tkun kruċjali. Il-leġiżlaturi tal-UE u l-Istati Membri għandhom jibbilanċjaw id-disponibbiltà ta’ vetturi enerġetiċi flimkien mal-kost tagħhom, sabiex l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jkunu jistgħu jagħmlu t-tranżizzjoni industrijali u jikkompetu fix-xena internazzjonali. Barra minn hekk, in-newtralità teknoloġika se tkun fundamentali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs), filwaqt li jkun hemm konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU.

    1.4.

    L-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fit-tranżizzjoni industrijali huma fost l-elementi trasversali fundamentali ta’ dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. Madankollu, ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni fl-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija ma għandux jinftiehem ħażin: dan huwa għodda u mhux għan aħħari fih innifsu.

    1.5.

    Il-KESE jilqa’ s-seba’ oqsma ewlenin definiti mill-Kummissjoni fil-gwida tagħha lill-Istati Membri dwar l-NRRPs u l-ħtieġa li jiġu allokati minn tal-inqas 37 % tal-baġit totali għal azzjonijiet fil-qasam tal-investimenti klimatiċi, u minn tal-inqas 20 % fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni. Huwa jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jissorveljaw mill-qrib l-użu tal-fondi allokati sabiex jiġu ssodisfati dawn ir-rekwiżiti.

    1.6.

    Iż-żmien meħtieġ għall-kumpaniji f’industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija biex jagħmlu t-tranżizzjoni industrijali se jestendi lil hinn mid-durata tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jqisu dan u jistabbilixxu strumenti u regolamenti finanzjarji ġodda u adatti, sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni sħiħa lejn industrija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, lil hinn mill-2026.

    1.7.

    Peress li l-kumpaniji f’industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jeħtieġu attenzjoni speċjali fir-rigward tal-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw il-kumpaniji f’industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija fi triqithom lejn industrija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    1.8.

    Ir-rinnovazzjoni tal-bini se tiżgura perċentwal sostanzjali tal-effiċjenza enerġetika meħtieġa biex tintlaħaq soċjetà newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050. Il-KESE jappoġġja xogħlijiet u proġetti ddedikati għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika fil-bini permezz tar-rinnovazzjoni tal-involukru tal-bini u tal-installazzjonijiet.

    1.9.

    Il-KESE jiddefendi bil-qawwa l-iżvilupp ta’ sistema cloud li tkun tappartjeni għall-UE li twassal għall-indipendenza teknoloġika tal-UE.

    1.10.

    Il-ġestjoni tat-talent fi ħdan l-industrija tal-UE hija kruċjali biex it-trasformazzjoni industrijali tirnexxi. Il-Kummissjoni għalhekk għandha timmonitorja jekk il-programmi u l-attivitajiet żviluppati biex itejbu l-ħiliet ġodda humiex se jikkontribwixxu għal trasformazzjoni b’suċċess f’dan ir-rigward.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Il-pandemija tal-COVID-19 irriżultat mhux biss f’emerġenza tas-saħħa madwar id-dinja, iżda wkoll fi kriżi ekonomika u soċjali. Din is-sitwazzjoni severa teħtieġ li dawk li jfasslu l-politika Ewropea jimplimentaw miżuri ta’ politika ewlenin biex jiġu stabbilizzati l-ekonomiji tal-Istati Membri Ewropej kollha.

    2.2.

    L-Unjoni Ewropea stabbiliet diversi mekkaniżmi taħt il-programm NextGenerationEU, bil-għan li tappoġġja lill-Istati Membri biex joħorġu aktar b’saħħithom mill-kriżi bl-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt rajna. Dan se jipprovdi EUR 1,8 triljun f’baġit fit-tul li se jintuża permezz ta’ strumenti differenti ffukati fuq il-modernizzazzjoni, ir-riċerka, it-tranżizzjoni klimatika u l-protezzjoni soċjali.

    2.3.

    Wieħed mill-istrumenti ta’ NextGenerationEU huwa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se tiffoka fuq it-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali diretta kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-promozzjoni tat-“tranżizzjoni doppja” lejn soċjetà dekarbonizzata u diġitali.

    2.4.

    Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tinkludi somma totali ta’ EUR 672,5 biljun, li se jitqassmu bħala self (EUR 360 biljun) u għotjiet (EUR 312,5 biljun), disponibbli biex jappoġġjaw riformi u investimenti magħmula mill-Istati Membri bil-għan ta’ rkupru sostenibbli.

    2.5.

    Dan il-finanzjament se jiġi allokat taħt l-NRRPs tal-Istati Membri, li se jinkludu r-riformi u l-investimenti meħtieġa, u se jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti mfassla mill-Kunsill bħala parti mill-qafas ta’ governanza tas-Semestru Ewropew, sabiex jikkontribwixxu għall-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-UE għall-2021.

    2.6.

    Il-Kummissjoni Ewropea ddefiniet l-oqsma tal-inizjattivi ewlenin fejn il-linji ta’ azzjoni speċifiċi jeħtieġ li jiġu definiti minn kull Stat Membru:

    1.

    IMPULS ĠDID – teknoloġiji nodfa u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

    2.

    RINNOVAZZJONI – effiċjenza enerġetika tal-bini;

    3.

    L-IĊĊARĠJAR u R-RIFORNIMENT TAL-FJUWIL – trasport sostenibbli u stazzjonijiet tal-iċċarġjar;

    4.

    KONNESSJONI – introduzzjoni ta’ servizzi veloċi tal-broadband;

    5.

    MODERNIZZAZZJONI – id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika;

    6.

    ESPANSJONI – kapaċitajiet tal-cloud tad-data u proċessuri sostenibbli;

    7.

    TAĦRIĠ MILL-ĠDID u TITJIB TAL-ĦILIET – edukazzjoni u taħriġ biex jiġu appoġġjati l-ħiliet diġitali.

    L-oqsma tal-inizjattivi ewlenin ġew definiti biex jippermettu li l-azzjonijiet meħuda jagħtu kontribut sostanzjali għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-UE.

    Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, permezz tal-oqsma ta’ żvilupp promossi mill-Istati Membri, allinjata mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew, se tagħti n-nifs meħtieġ lill-organizzazzjonijiet li ntlaqtu mis-sitwazzjoni ekonomika kkawżata mill-pandemija. Hija se tgħin b’mod speċjali lis-setturi ekonomiċi, bħall-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, li diġà kienu jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli (minħabba l-piż regolatorju għoli u l-kompetizzjoni inġusta minn xi pajjiżi terzi) u li ntlaqtu serjament miċ-ċirkostanzi attwali.

    2.7.

    L-istrateġija ta’ rkupru, li tibni fuq l-istrateġija industrijali tal-UE u l-aġġornament tagħha għall-2021, se sservi biex tgħin biex jintlaħaq l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 u l-mira riveduta tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkollha rwol ewlieni sabiex jiġu indirizzati l-investimenti enormi li għandhom isiru mill-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-isforzi meħtieġa biex jinbena suq uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-UE jridu jiġu appoġġjati minn sħubijiet b’saħħithom bejn l-UE, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, l-industrija u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. L-istrateġija ta’ rkupru se ssaħħaħ ukoll il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, li jappoġġja reġjuni li jiddependu fuq l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija u li għaddejjin minn tibdil strutturali.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-pjan ta’ rkupru tal-UE jinkludi aspett ewlieni fit-tranżizzjoni sostenibbli lejn ekonomija dekarbonizzata u diġitalizzata u jenfasizza l-fatt li l-aspirazzjoni ta’ tranżizzjoni doppja tal-UE teħtieġ responsabbiltà politika, flimkien ma’ impenn politiku u/jew regoli tad-deheb. Il-KESE jaqbel mal-oqsma tal-inizjattivi ewlenin proposti, li se jiffokaw l-investiment fuq uħud mill-oqsma l-aktar rilevanti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti filwaqt li jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri klimatiċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-2030 (tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-1990) u għall-2050 (emissjonijiet netti żero tal-gassijiet serra).

    3.2.

    Il-pandemija ħolqot il-ħtieġa li jinħoloq perkors komuni li fih ir-regoli jiġu definiti globalment u applikati b’mod omoġenju mir-reġjuni kollha, u b’hekk jiġi indirizzat ir-riskju potenzjali ta’ frammentazzjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni mixxellanja tar-riżorsi. Il-kriżi li rriżultat mill-pandemija u l-ħtieġa għal tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, reżiljenti u flessibbli jistgħu jipprovdu opportunità kbira biex jiġu definiti r-regoli li jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-UE.

    3.3.

    Għal dan il-għan, is-sitwazzjoni prekarja attwali tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jeħtieġ li tiġi vvalutata sew, flimkien mal-impatt li n-natura kontinwa ta’ dawn il-kundizzjonijiet jista’ jkollha fuq l-ekonomija Ewropea kollha kemm hi. Għandu jitqies il-kontribut tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija għall-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-fatt li huma fuq quddiem nett fl-innovazzjoni, huma responsabbli għall-ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità għolja u jikkontribwixxu għall-benesseri fit-tul għas-soċjetà b’mod ġenerali. Servizz pubbliku b’saħħtu jeħtieġ li jkun xprunat mis-settur privat. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni li wħud mill-NRRPs diġà approvati juru fir-rigward tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, peress li l-investimenti xi kultant jiġu ddevjati lejn setturi ekonomiċi oħra.

    3.4.

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat l-impetu li l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jistgħu jipprovdu f’termini ta’ riċerka u żvilupp, peress li jikkostitwixxi qasam ewlieni li fi ħdanu l-innovazzjoni fil-laboratorju tiġi applikata fuq skala akbar fil-livell industrijali.

    3.5.

    L-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija huma potenzjalment wieħed mill-akbar kontributuri għat-tranżizzjoni industrijali li se tiżgura Ewropa b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-industrija għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżviluppa u tintroduċi proċessi ta’ produzzjoni b’livell baxx ta’ karbonju u tippromovihom tul il-ktajjen tal-provvista kumplessi. Mingħajr dan ix-xogħol fuq ġewwa u barra, se jkun diffiċli li jintlaħqu l-għanijiet essenzjali, iżda ambizzjużi, definiti fil-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet stabbiliti mill-UE.

    3.6.

    L-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni se jkollhom rwol ewlieni fil-kisba ta’ din it-tranżizzjoni industrijali. Madankollu, il-kunċetti m’għandhomx jiġu konfużi: it-trasformazzjoni hija l-għan, id-diġitalizzazzjoni hija l-għodda. L-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali se tissemplifika l-mod kif in-nies jaħsbu, jieħdu deċiżjonijiet u jwettqu: għalkemm id-diġitalizzazzjoni jeħtieġ li tkun prijorità għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-enfasi għandha tkun fuq kif dawn l-għodod se jippermettu approċċ aktar effiċjenti għall-isfidi li qed niffaċċjaw.

    3.7.

    It-trasformazzjoni diġitali se teħtieġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ppruvati fuq skala pilota jew tal-laboratorju fuq skala industrijali. Għal dan il-għan, is-sħubijiet pubbliċi u privati għandhom jiffukaw fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. L-investiment għandu jiffoka fuq teknoloġija li minn kmieni turi l-iskalabbiltà, il-fattibbiltà u l-affidabbiltà tas-soluzzjonijiet innovattivi fil-partijiet superjuri tal-ktajjen tal-valur, u li tkun konformi mal-għanijiet tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li jiġi ppjanat perjodu ta’ konverżjoni li matulu s-soluzzjonijiet innovattivi jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod adegwat fuq skala industrijali.

    3.8.

    Sabiex din is-sitwazzjoni tkun tista’ tiġi ġestita b’mod effettiv, it-tranżizzjoni għandha tkun iffukata fuq l-għarfien miksub, ir-riżorsi diġà disponibbli u s-sinerġiji potenzjali li jistgħu jinħolqu. It-trasformazzjoni tinvolvi l-innovazzjoni, l-invenzjoni, id-disinn, il-kostruzzjoni u, fil-fatt, l-iżvilupp; iżda dan m’għandux ifisser kreazzjonijiet ġodda per se.

    3.9.

    Il-KESE huwa konxju tal-investiment li din it-tranżizzjoni se teħtieġ. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u n-NextGenerationEU ma għandhomx jitqiesu bħala s-soluzzjoni għal kollox. It-trasformazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni doppja se teħtieġ pjan ta’ investiment massiv, li jimmobilizza ħafna sorsi ta’ finanzjament addizzjonali (eż. għajnuna mill-Istat, proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE, dħul futur mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, investimenti privati, eċċ.). Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-politiki industrijali u tal-enerġija jiġu rikonċiljati mal-politika dwar il-klima, sabiex jiġu mobilizzati l-investimenti enormi kollha meħtieġa mit-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku mingħajr emissjonijiet tal-karbonju.

    3.10.

    Il-KESE jemmen li għandhom isiru sforzi biex jiġi kkoordinat l-appoġġ mogħti permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex l-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija jiġu trasformati bi programmi ta’ finanzjament pubbliċi-privati eżistenti bħal SPIRE jew is-Sħubija għall-Azzar Nadif. L-alleanzi tal-industrija għandhom jintużaw bħala pjattaformi biex irawmu sinerġiji fit-tul bejn il-proġetti ffinanzjati permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi eżistenti tal-UE, biex jixprunaw it-trasformazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija.

    3.11.

    Ġiet identifikata l-ħtieġa li l-appoġġ finanzjarju pprovdut permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiġi akkumpanjat minn riforma tat-taxxa ambizzjuża. Din għandha tkun allinjata mal-ftehim tal-OECD biex jiġi żgurat li mill-2023 il-korporazzjonijiet bi profitt għoli jkunu soġġetti għal rata tat-taxxa korporattiva effettiva ta’ 15 %.

    3.12.

    L-għan ewlieni tal-iżborż ta’ għotjiet lill-kumpaniji għandu jkun li tinżamm il-kompetittività internazzjonali tal-industrija tal-UE filwaqt li jkun hemm konformità mal-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-UE, biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni doppja tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej.

    3.13.

    Kif intqal hawn fuq, il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE se jkun kruċjali għat-trasformazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija, u jikkontribwixxi wkoll għall-metamorfożi ta’ setturi ekonomiċi oħra fir-rigward tat-tranżizzjoni doppja. Din il-konverżjoni wiesgħa se teħtieġ perjodi ta’ adattament u tranżizzjoni fit-tul, speċjalment fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-kapital uman. Il-KESE jissuġġerixxi bil-qawwa li l-mekkaniżmi ta’ investiment jiġu estiżi lil hinn mill-2026, u li jiġu definiti sew interkonnessjonijiet rigorużi u ċari bejniethom.

    4.   Kummenti speċifiċi

    Il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-industrija jipproponu investimenti u riformi bl-akbar impatt trasformattiv, f’termini tat-tilħiq tal-għanijiet finali stabbiliti, fl-oqsma ewlenin definiti mill-Kummissjoni. Ma jistax jiġi injorat li l-ispejjeż involuti fit-tilħiq tal-għanijiet assoċjati ma’ din it-tranżizzjoni doppja għandhom ikunu affordabbli għas-soċjetà kollha.

    4.1.   IMPULS ĠDID – teknoloġiji nodfa u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

    4.1.1.

    It-tranżizzjoni industrijali mhux se tinkiseb jekk it-tranżizzjoni tal-enerġija ma tiġix implimentata. Id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija se tiddependi direttament mid-disponibbiltà ta’ sorsi tal-enerġija suffiċjenti u affordabbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jagħmlu l-produzzjoni industrijali b’livell baxx ta’ karbonju possibbli. L-iżgurar ta’ ġenerazzjoni suffiċjenti ta’ enerġija dekarbonizzata b’mod affidabbli se jkun kruċjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u diġitali. Bl-istess mod, hemm bżonn ta’ investiment enormi biex tiġi żviluppata jew tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa għat-trasport, il-ħżin u d-distribuzzjoni ta’ dawn il-volumi mingħajr preċedent ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru, u b’mod partikolari tar-riformi proposti, għandha tiffoka fuq l-iżgurar ta’ prezzijiet tal-enerġija kompetittivi, stabbli u prevedibbli, b’hekk jiġi limitat l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-inflazzjoni, li jista’ jipperikola l-irkupru tal-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija u s-soċjetà inġenerali.

    4.1.2.

    Il-KESE jaqbel li n-newtralità teknoloġika hija essenzjali waqt l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru: it-teknoloġiji kollha b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (l-enerġija rinnovabbli, l-idroġenu ekoloġiku, ir-reattur tal-fużjoni, eċċ…) iridu jiġu inklużi f’din it-tranżizzjoni dment li huma jkunu konformi mal-objettivi klimatiċi tal-2030 u tal-2050 kif ukoll mal-SDGs tan-NU. L-ebda teknoloġija ma għandha tiġi eskluża mill-ewwel jew b’mod arbitrarju. Il-kriterji tal-allokazzjoni tar-riżorsi għandhom jiffukaw fuq l-iżgurar ta’ prezzijiet tal-enerġija kompetittivi għall-konsumaturi aħħarin irrispettivament mit-teknoloġija nnifisha.

    4.1.3.

    Għal dan il-għan, jista’ jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat mhux biss l-ikkombinar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kompetittivi differenti, iżda wkoll il-kombinazzjoni tagħhom mat-teknoloġiji tal-qbid, il-ħżin u l-użu tal-karbonju, mingħajr ma jintesa r-rwol li se jkollha l-interkonnessjoni tal-enerġija bejn Stati Membri differenti. Irid ikun hemm regolamentazzjoni suffiċjenti u omoġenja biex jinħoloq argument għall-vijabbiltà tal-investimenti u biex dawn it-teknoloġiji jkunu jistgħu jiġu implimentati.

    4.1.4.

    Minbarra d-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet enerġetiċi u teknoloġiċi affordabbli, l-effiċjenza enerġetika trid tiġi kkunsidrata sew. Ix-xenarji kollha identifikati mill-istrateġija fit-tul tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex jintlaħqu l-objettivi tan-newtralità klimatika għall-2050 jattribwixxu rwol importanti lill-iffrankar tal-enerġija (1). Il-bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari għandha wkoll rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi mill-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija.

    4.1.5.

    Fir-rigward tar-riskju ta’ kompetizzjoni inġusta msemmija hawn fuq, u bil-għan li jiġu evitati u mmitigati r-riskji li tista’ tinvolvi r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, dan għandu jiġi ttrattat kif imiss fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Huwa importanti li ma jiġux injorati l-miżuri jew is-sistemi li ħadmu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, iżda li jissaħħu b’mekkaniżmi addizzjonali jew komplementari (mhux alternattivi) meta jkun meħtieġ.

    4.1.6.

    Wara li jiġu vvalutati l-fatturi ewlenin potenzjali kollha li jeħtieġ li jiġu ttrattati taħt l-inizjattiva ewlenija IMPULS ĠDID, id-dubju ewlieni huwa kif l-UE se tkun tista’ tforni l-ammont bla preċedent ta’ enerġija meħtieġa mis-soċjetà.

    4.2.   RINNOVAZZJONI – effiċjenza enerġetika tal-bini

    4.2.1.

    It-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ bini eżistenti u ġdid se jirrikjedi materjali u tagħmir intelliġenti, li se jikkontribwixxu għal tranżizzjoni sostenibbli. Nifhmu li l-materjali intelliġenti huma materjali ekoloġiċi jew proċessi ta’ produzzjoni sostenibbli biex niksbuhom.

    4.2.2.

    Il-KESE jinsab fiduċjuż li, sabiex jikkontribwixxu b’mod olistiku għall-għanijiet definiti mill-Kummissjoni Ewropea, il-materjali intelliġenti (u l-proċessi ta’ produzzjoni sostenibbli assoċjati magħhom) se jiġu promossi aktar minn bħalissa. It-tagħmir ukoll għandu jiġi inkluż: l-effiċjenza enerġetika mhux se tinkiseb jekk niffukaw biss fuq l-involukru tal-bini; it-tagħmir u s-sistemi jridu jiġu vvalutati, imġedda u interkonnessi b’mod adegwat. Dan jista’ jwassal biex jitnedew swieq tal-materjali intelliġenti u, possibbilment, il-proċessi tal-akkwist pubbliku jaġixxu bħala punt tat-tluq prattiku.

    4.3.   L-IĊĊARĠJAR u R-RIFORNIMENT TAL-FJUWIL – trasport sostenibbli u stazzjonijiet tal-iċċarġjar

    4.3.1.

    L-istrateġija Ewropea għandha tagħmel sforz kbir biex tiddefinixxi pjan direzzjonali ċar għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi li huma diffiċli biex jiġu elettrifikati (it-trasport bit-triq fuq distanzi twal u permezz ta’ vetturi kbar, l-avjazzjoni, it-trasport marittimu, eċċ.).

    4.3.2.

    Strateġija dwar il-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u alleanza tal-katina tal-valur tal-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se jgħinu biex is-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu jiġu dekarbonizzati, filwaqt li jikkomplementaw l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq permezz tal-elettrifikazzjoni, fost alternattivi oħra. B’dan il-mod, l-aċċess għal mobbiltà affordabbli għal kulħadd se jkun garantit. Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport se ssir abbażi ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, li bħala l-ewwel approċċ tissostitwixxi l-aktar modi ta’ trasport li jħallu impatt, filwaqt li jiġu żgurati biżżejjed perjodi ta’ tranżizzjoni għal utenti bi dħul baxx permezz ta’ fjuwils sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    4.4.   KONNESSJONI – introduzzjoni ta’ servizzi veloċi tal-broadband

    4.4.1.

    Il-KESE huwa konxju tal-importanza tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fit-tranżizzjoni industrijali li qed niffaċċjaw, peress li huma fost l-elementi fundamentali trasversali ta’ dan il-proċess ta’ trasformazzjoni.

    4.4.2.

    Jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għall-industrija sabiex tittejjeb l-awtomatizzazzjoni tas-sistemi. Imbagħad tista’ tiġi pprovduta informazzjoni ta’ kwalità tajba permezz ta’ għodod diġitali biex il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet isiru aktar effiċjenti.

    4.4.3.

    Dan se jirrikjedi investiment mhux biss fit-teknoloġija, iżda wkoll fit-taħriġ tal-ħaddiema u tas-soċjetà b’mod ġenerali fil-ħiliet diġitali, l-adozzjoni tal-ħsieb diġitali u l-introduzzjoni ta’ regolamentazzjoni u għodod adatti li jiggarantixxu ċ-ċibersigurtà, fost affarijiet oħra.

    4.5.   MODERNIZZAZZJONI – id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika

    4.5.1.

    Il-KESE jifhem ir-rilevanza li d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika jista’ jkollha biex jiġu miġġielda l-piżijiet amministrattivi eċċessivi li l-industrija spiss issofri minnhom. Madankollu, din it-tranżizzjoni diġitali jeħtieġ li tkun ibbażata fuq analiżi reali tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, fejn ir-riżorsi jiġu assenjati kif imiss abbażi ta’ kriterji tekniċi (din l-analiżi trid titqies bħala lil hinn mill-mira nnifisha).

    4.6.   ESPANSJONI – kapaċitajiet tal-cloud tad-data u proċessuri sostenibbli

    4.6.1.

    Ġestjoni tajba tad-data ser twassal għal bidla deċiżiva fit-teħid ta’ deċiżjonijiet preċiżi, l-iżvilupp ta’ intelligence kummerċjali, is-soluzzjoni effiċjenti tal-problemi u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi, li lkoll huma kruċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ta’ suċċess. Jeħtieġ li jiġu allokati biżżejjed riżorsi biex jiġi żgurat l-involviment tat-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet fit-twettiq ta’ din l-inizjattiva, li jiggarantixxu riżorsi ta’ data ekwitabbli li jwasslu għal tranżizzjoni ekwa.

    4.6.2.

    Fir-rigward tal-indipendenza strateġika, l-UE għandha tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-cloud tagħha stess li jippermettu s-sovranità teknoloġika, filwaqt li tiġi evitata d-dipendenza teknoloġika minn pajjiżi terzi.

    4.7.   TAĦRIĠ MILL-ĠDID u TITJIB TAL-ĦILIET – edukazzjoni u taħriġ biex jiġu appoġġjati l-ħiliet diġitali

    4.7.1.

    It-tranżizzjoni li qed niffaċċjaw mhux se tkun possibbli jekk ma tkunx ibbażata fuq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tas-soċjetà attwali u futura, kif ukoll fuq il-kunċett ta’ tranżizzjoni ġusta.

    4.7.2.

    Il-vantaġġ kompetittiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea huwa l-kapital uman tagħna. L-Ewropa hija nieqsa mill-materja prima, l-istandards tal-għajxien tagħna huma l-ogħla fid-dinja u l-qafas regolatorju tagħna huwa pjuttost esiġenti: dan ifisser li l-akbar vantaġġ tagħna huwa l-produttività għolja, xprunata mill-kapital uman u d-diversità rikka tagħna.

    4.7.3.

    Il-bini tal-kapaċitajiet u l-proġetti li jiddefinixxu l-ħiliet ewlenin se jkunu essenzjali sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni industrijali effettiva li tiffoka fuq l-ugwaljana u fejn ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Għal dan il-għan, it-taħriġ fl-isfidi l-ġodda li se jirriżultaw jeħtieġ li jiġi promoss fil-livelli kollha tas-soċjetà (minn ħaddiema li bħalissa huma attivi sa dawk futuri).

    4.7.4.

    Il-ħsieb innovattiv se jkun kruċjali għall-proċessi futuri tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn il-kapaċitajiet għandhom ikunu parti mill-programmi ta’ taħriġ. Barra minn hekk, fil-futur qarib se jkun hemm domanda kbira għall-ħiliet diġitali. Ir-riżorsi umani jeħtieġ li jiffokaw fuq li jippruvaw jimlew dawn il-lakuni, bil-għan li jiżguraw organizzazzjonijiet kompetittivi b’persunal li huwa idoneu għall-iskop.

    Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  https://knowledge4policy.ec.europa.eu/publication/depth-analysis-support-com2018-773-clean-planet-all-european-strategic-long-term-vision_en.


    Top