Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XC0607(03)

    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu

    C/2019/4071

    ĠU C 192, 7.6.2019, p. 30–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 192/30


    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu

    (2019/C 192/15)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu, li joriġinaw mill-Eġittu, qegħdin ikunu sussidjati u b’hekk qegħdin jikkawżaw dannu (2) lill-industrija tal-Unjoni.

    1.   L-ilment

    L-ilment ġie ppreżentat fl-24 ta’ April 2019 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Fibra tal-Ħġieġ (“APFE”) (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu.

    Verżjoni miftuħa tal-ilment u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għall-ilment minn produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

    2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

    Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa t-trofof tal-fibra tal-ħġieġ imqattgħin, ta’ tul ta’ mhux aktar minn 50 mm (“trofof imqattgħin”); ftietel tal-fibra tal-ħġieġ, għajr dawk li huma mimlijin u miksijin u li għandhom telf malli jitqabbdu ta’ iktar minn 3 % (kif stipulat mill-Istandard ISO 1887) (“ftietel”); u mats magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ minbarra mats tas-suf tal-ħġieġ (“mats”), (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

    3.   Allegazzjoni ta’ sussidjar

    Il-prodott li allegatament qiegħed ikun issussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mill-Eġittu (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00, ex 7019 12 00, 7019 31 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019120022, 7019120025, 7019120026 u 7019120039). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija biss bħala informazzjoni.

    Il-Kummissjoni tqis li l-ilment jinkludi biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Eġittu gawdew minn għadd ta’ sussidji imputabbli lill-Gvern tal-Eġittu.

    Il-prattiki tas-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn (i) trasferiment dirett ta’ fondi, (ii) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur u (iii) forniment mill-gvern ta’ prodotti jew servizzi għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata. L-ilment kien fih evidenza, pereżempju, ta’ politika ta’ self preferenzjali, u benefiċċji tat-taxxa taħt il-liġijiet Eġizzjani, eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni tal-materja prima u tat-tagħmir tal-produzzjoni.

    Apparti s-sussidji mogħtija direttament mill-Gvern tal-Eġittu, l-ilmentatur jallega ulterjorment li l-produtturi mill-Eġittu tal-prodott li qed jiġi investigat jibbenefikaw ukoll mis-sussidji mogħtija direttament mill-Gvern tal-Eġittu jew permezz tal-entitajiet Eġizzjani fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-Eġittu u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għat-tkattir tal-investimenti f’żona ekonomika speċjali (iż-Żona ta’ Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali tas-Suez bejn iċ-Ċina u l-Eġittu). L-ilment fih evidenza tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Gvernijiet Ċiniżi u Eġizzjani kif ukoll ta’ self minn Entitajiet tal-Istat Ċiniż jew Entitajiet ikkontrollati mill-Istat Ċiniż lil banek proprjetà tal-Istat Eġizzjan. Fid-dawl tal-objettivi ta’ dawn il-ftehimiet u s-self, l-ilmentatur isostni li dan is-self huwa ta’ benefiċċju għall-produttur esportatur li huwa proprjetà taċ-Ċina fl-Eġittu.

    L-ilmentatur jallega wkoll li l-miżuri ta’ hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Eġittu (inklużi l-korpi pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u/jew kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u għaldaqstant huma speċifiċi u kumpensabbli. Fuq dik il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju allegati jidhru li huma sinifikanti għall-Eġittu.

    Fid-dawl tal-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza, li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-Eġittu u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.

    Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji oħra ta’ rilevanza li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

    4.   Allegazzjonijiet ta’ dannu u rabta ta’ kawżalità

    L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu kumplessivament f’termini assoluti u żdiedu f’termini ta’ sehem mis-suq.

    L-evidenza li pprovda l-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, li wasslu għal effetti avversi sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja, il-qagħda tal-impjiegi u l-prestazzjoni b’mod kumplessiv tal-industrija tal-Unjoni.

    5.   Proċedura

    Ladarba stabbilixxiet, wara li għarrfet lill-Istati Membri, li l-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat, huwiex qed ikun issussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet issussidjati kkawżawx jew humiex qed jheddu li jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    Il-Gvern tal-Eġittu ġie mistieden għall-konsultazzjonijiet.

    Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal għadd ta’ tibdiliet fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li qabel kienu japplikaw fi proċedimenti antisussidji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata tad-dazji proviżorji tliet (3) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-limiti ta’ żmien biex il-partijiet interessati jimmanifestaw ruħhom, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jirrispettaw il-passi proċedurali u l-iskadenzi pprovduti f’din in-Notifika kif ukoll f’komunikazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni.

    5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

    L-investigazzjoni ta’ sussidjar u dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ April 2018 sal-31 ta’ Marzu 2019 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dannu u mar-rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    5.3.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar

    Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Partijiet oħra li l-Kummissjoni se tfittex informazzjoni rilevanti mingħandhom biex tiddetermina l-eżistenza u l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli konferiti lill-prodott li qed jiġi investigat huma wkoll mistiedna li kemm jista’ jkun possibbli jikkooperaw mal-Kummissjoni.

    5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi fl-Eġittu huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih u mhux iktar tard minn sebat (7) ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-Eġittu.

    Il-produtturi esportaturi fl-Eġittu jridu jimlew kwestjonarju fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet ta’ tal-Eġittu.

    Kopja tal-kwestjonarju hawn fuq imsemmi għall-produtturi esportaturi tinsab disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2404.

    5.3.2.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (6) (7)

    L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawk il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2404.

    5.4.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Id-determinazzjoni tad-dannu tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Minħabba l-għadd ta’ produtturi kkonċernati tal-Unjoni u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-għadd tal-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

    B’mod proviżorju, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. B’hekk, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

    Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2404.

    5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidjar u ta’ dannu kkawżat minħabba fih, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antisussidji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur u t-trejdjunjins huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.

    L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2404. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.6.    Partijiet interessati

    Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5.4 u 5.5 ta’ hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Partijiet oħra jkunu jistgħu jieħdu sehem biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jagħmlu lilhom infushom magħrufa, u diment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat. Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

    L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess.

    5.7.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

    L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

    Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Wara l-istadju proviżorju, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tal-iżvelar proviżorju jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-iżvelar jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

    Fl-istadju definittiv, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tal-iżvelar finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar l-iżvelar finali. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli jasal dan l-iżvelar finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza sabiex jiġu pprovduti kummenti dwar dan l-iżvelar.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

    Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

    5.8.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Limited” (Ristretti) (8). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Limited” (Ristretta) huma mitluba jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawk is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

    Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI

    Indirizz tal-posta elettronika

    :

    TRADE-AS657-GFR-SUBSIDY-EGYPT@ec.europa.eu

    TRADE-AS657-GFR-INJURY@ec.europa.eu

    6.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, normalment l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, iżda mhux iktar minn 13-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti, normalment, mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    F’konformità mal-Artikolu 29a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata tad-dazji proviżorji tliet (3) ġimgħat qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bil-miktub fi żmien erba’ (4) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar l-akkuratezza tal-kalkoli.

    F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati, tliet (3) ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza, jiġu infurmati bil-miktub rigward in-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku.

    Fil-prinċipju, il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, l-iżvelar finali addizzjonali jispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jikkummentaw bil-miktub.

    7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

    Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni biss fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawk it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

    Kwalunkwe informazzjoni għall-istadju tas-sejbiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar proviżorju jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju proviżorju. Lil hinn minn tali skadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida diment li tali partijiet ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jirribattu l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u diment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

    8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

    Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

    Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

    Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien jum wieħed (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

    9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

    Kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata.

    Jistgħu jingħataw estensjonijiet tal-iskadenza għat-tweġibiet għall-kwestjonarji, jekk debitament ġustifikati, u normalment ikunu limitati sa tlett (3) ijiem addizzjonali. Bħala regola, tali estensjonijiet ma jaqbżux sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata f’din in-Notifika, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

    10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u l-konklużjonijiet ikunu għalhekk ibbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

    11.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.7 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

    Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

    12.   Proċessar ta’ data personali

    Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/157639.htm.


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

    (2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għal theddida ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stabbilit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.

    (3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

    (5)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u li tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe waħda mill-kumpaniji relatati tagħha involuti fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

    (6)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jikkompletaw l-Anness ta’ din in-Notifika għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn parti terza; (g) flimkien jikkontrollaw parti terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (7)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi ddeterminat is-sussidjar.

    (8)  Dokument “Limited” (Ristrett) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antisussidji). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    Image 1

    Test ta 'immaġni

    Image 2

    Test ta 'immaġni

    Top