This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IE6805
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘The transition towards a more sustainable European future — a strategy for 2050’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli — strateġija għall-2050” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli — strateġija għall-2050” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 81, 2.3.2018, pp. 44–56
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
2.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 81/44 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli — strateġija għall-2050”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2018/C 081/07)
|
Relatur: |
is-Sinjura Brenda KING |
|
Korelatur: |
is-Sur Lutz RIBBE |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
14.7.2016 |
|
Bażi legali |
Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
|
|
|
Sottokumitat kompetenti |
It-tranżizzjoni lejn ġejjieni Ewropew aktar sostenibbli – strateġija għall-2050 |
|
Adottata fis-sottokumitat |
21.9.2017 |
|
Adottata fil-plenarja |
18.10.2017 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
529 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
185/8/6 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Bħall-partijiet l-oħra kollha tad-dinja, l-Ewropa qed tiffaċċja tliet kwistjonijiet ewlenin: (1) l-eżawriment tar-riżorsi naturali tad-dinja, inkluż it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità; (2) inugwaljanzi soċjali, inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-persuni li jibqgħu lura fir-reġjuni b’industriji li qabdu t-triq tan-niżla; u (3) in-nuqqas ta’ fiduċja mill-pubbliku fil-gvern, fl-istabbiliment politiku u fl-UE u l-istrutturi ta’ governanza tagħha, kif ukoll istituzzjonijiet oħra. |
|
1.2. |
Jeħtieġ li dawn it-tliet kwistjonijiet ewlenin jiġu mifhuma fl-isfond tad-diġitalizzazzjoni (megatendenza kbira) u l-globalizzazzjoni, peress li dawn affettwaw b’mod sostanzjali s-swieq tax-xogħol tal-Ewropa, u se jkomplu jkollhom impatt saħansitra akbar fil-futur. Id-diġitalizzazzjoni b’mod partikolari tista’ jew tiffaċilita l-indirizzar tat-tliet problemi jew inkella taggravahom. Il-mistoqsija dwar jekk id-diġitalizzazzjoni hux se jkollha impatt pożittiv jew negattiv tiddependi fuq kif din tiġi ġestita mill-aspett politiku. |
|
1.3. |
Abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tar-relazzjoni bejn dawn it-tliet kwistjonijiet ewlenin u d-diġitalizzazzjoni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa, bl-għan li tħeġġeġ miżuri li jsaħħu l-ekonomija tagħha sabiex jiksbu benefiċċji soċjali u ambjentali. Din l-opinjoni għandha l-għan li tippreżenta kwistjonijiet u input biex jiġu kkunsidrati fit-tħejjija tal-istrateġija fit-tul. Xi persuni jirreżistu l-bidla. Fil-mument ta’ kisbiet teknoloġiċi kontinwi, xi persuni għandhom dritt akkwiżit li jżommu l-istatus quo. Persuni oħra jistgħu ma jħossuhomx siguri biex jippruvaw jadattaw għal soċjetà li dejjem tinbidel. Għal oħrajn, il-bidliet mhux qed isiru b’pass mgħaġġel biżżejjed (eż. sostenituri ta’ enerġija ekoloġika). Dawk li jfasslu l-politika għandhom iqisu dawn il-biżgħat u jindirizzaw il-problema direttament, minflok jirrikorru għal status quo. L-ewwel pass għandu jkun li jinbeda dibattitu miftuħ dwar il-kwistjonijiet u tissaħħaħ id-demokrazija parteċipatorja, inkluż l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. |
|
1.4. |
“In-nuqqas ta’ azzjoni” mhijiex għażla. Se tkun meħtieġa rieda politika sabiex il-bidla titmexxa fid-direzzjoni t-tajba. Hemm ħtieġa għal interkonnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn l-iżvilupp ekonomiku, il-protezzjoni ambjentali u l-politiki soċjali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jisħaq li l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), flimkien mal-Ftehim ta’ Pariġi, u tranżizzjonijiet ġestiti sew lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u lejn l-ekonomija diġitali, se jsolvu kwistjonijiet maġġuri li qed tiffaċċja l-Ewropa u permezz t’hekk l-Ewropa ssir rebbieħa ta’ din ir-rivoluzzjoni industrijali ġdida. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tiżviluppa b’urġenza l-politiki deskritti fil-Komunikazzjoni tagħha “Passi li jmiss” (Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni) (1) u tiffoka aktar fuq l-integrazzjoni bis-sħiħ tal-SDGs u l-Ftehim ta’ Pariġi fil-qafas tal-politika Ewropea u l-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni bl-għan li tistabbilixxi viżjoni għall-Ewropa ġusta u kompetittiva sas-sena 2050. |
|
1.5. |
Il-ħtieġa ta’ kontribut politiku qawwi ma għandhiex tiġi mifhuma b’mod żbaljat. Filwaqt li qafas regolatorju adegwat huwa indispensabbli għat-tiswir tat-tranżizzjoni, l-Ewropa għandha bżonn aġenda li taffettwa lis-soċjetà kollha kemm hi billi: taspira għal globalizzazzjoni ġusta; timmira li żżid il-kompetittività u tagħmel l-Ewropa mexxej fit-teknoloġiji ġodda; timmira li ma tħalli lil ħadd barra; telimina l-faqar u toħloq ambjent li jreġġa’ lura l-fiduċja tal-persuni fis-sistemi politiċi kif ukoll forom multilaterali ta’ governanza (2). Minbarra li twitti t-triq f’diversi oqsma ta’ politika, l-approċċi ta’ politika għandhom jimmiraw lejn l-attivazzjoni tal-potenzjal kbir ħafna tas-soċjetà ċivili. L-intraprenditorija soċjali, l-inizjattivi taċ-ċittadini u x-xogħol fil-komunità huma biss xi eżempji ta’ kif l-iżvilupp sostenibbli jista’ jintlaħaq permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tranżizzjoni meħtieġa lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jew lejn l-ekonomija ċirkolari. Il-każ tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata huwa l-aħjar punt ta’ riferiment f’dan il-kuntest. |
|
1.6. |
Fil-futur qrib, il-Kummissjoni u l-KESE jeħtieġ iwettqu aktar ħidma flimkien fuq oqsma ta’ politika ewlenin strateġiċi li huma analizzati f’din l-opinjoni, pereżempju:
|
|
1.7. |
Hemm bżonn ta’ strateġija komprensiva u koerenti sabiex tiġi realizzata din it-taħlita ta’ politiki. Il-KESE jirrakkomanda li tali strateġija għandha tiġi mmirata fit-tul u li din għandha tkun espliċita, integrata b’mod orizzontali u vertikali, maniġġabbli u parteċipatorja. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn l-2050 tkun imfassla u mwettqa bil-parteċipazzjoni sħiħa tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Bl-għan li tissaħħaħ id-demokrazija parteċipatorja, il-Kummissjoni jeħtieġ tirrifletti fuq id-dritt tagħha ta’ monopolju leġislattiv. |
2. Introduzzjoni
Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli”. Fl-Opinjoni tiegħu l-KESE jikkontribwixxi billi jagħmel rakkomandazzjonijiet għal strateġija li tindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa. L-Opinjoni titlob għal approċċ iffokat fuq il-persuni li jieħu inkunsiderazzjoni d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp minn perspettiva fit-tul. Dan l-approċċ għandu jegħleb il-perspettiva ta’ kunsiderazzjoni abbażi ta’ perjodu ta’ żmien qasir u l-ħsieb kompartimentalizzat prevalenti fl-istrateġiji attwali tal-UE.
3. Megatendenza waħda u tliet kwistjonijiet globali
Fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni (megatendenza), se tkun strateġija ta’ sostenibbiltà li se jkollha tagħti tweġibiet għat-tliet kwistjonijiet imsemmija f’kapitolu 1 li huma globali fl-ambitu u li jaffettwaw l-Ewropa daqs il-kontinenti l-oħrajn kollha:
|
(1) |
Kif għandhom jiġu ttrattati l-limitazzjonijiet planetarji u l-isfida ekoloġika globali, inklużi l-bidla fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità? |
|
(2) |
Kif għandha tkun ir-reazzjoni għaż-żieda fl-inugwaljanzi soċjali f’dinja globalizzata? |
|
(3) |
U kif għandha tingħeleb l-erożjoni tal-appoġġ pubbliku għall-gvernijiet u l-istituzzjonijiet? |
Is-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi se jirrikjedu sforz konġunt mingħand dawk li jfasslu l-politika, il-politiċi u s-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, ir-riskji u l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni għandhom jingħataw attenzjoni speċjali. F’din it-taqsima, aħna nippreżentaw kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati meta jinstabu soluzzjonijiet għat-tliet kwistjonijiet ewlenin (3).
3.1. Megatendenza waħda: it-trasformazzjoni globali tal-ekonomija u tas-soċjetà permezz tad-diġitalizzazzjoni
|
3.1.1. |
Il-pjattaforma ekonomija, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u l-Internet tal-oġġetti – l-iżviluppi globali f’dawn l-oqsma huma mifruxin u qed jaċċelleraw u xi darba jew oħra se jaffettwaw l-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà. It-teknoloġija diġitali qed issir disponibbli għall-parti l-kbira tas-soċjetà, iżda xi gruppi jista’ ma jkollhomx aċċess għal dawn l-għodod diġitali estremament b’saħħithom. |
|
3.1.2. |
Il-konverġenza tat-teknoloġiji diġitali man-nanoteknoloġija, mal-bijoteknoloġija, max-xjenza tal-materjali, mal-ġenerazzjoni u l-ħażna tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll mal-quantum computing, għandha l-potenzjal li toħloq rivoluzzjoni industrijali ġdida (4). Sabiex l-Ewropa tersaq fuq quddiem fil-kompetizzjoni dinjija ġdida teknoloġika u ekonomika, hemm bżonn ta’ investimenti enormi u inizjattivi ġodda. |
|
3.1.3. |
Id-diġitalizzazzjoni għandha ħafna benefiċċji. Tagħti lok għal prodotti u servizzi ġodda li minnhom jibbenefikaw il-konsumaturi. Din għandha l-potenzjal li tgħin sabiex jintlaħqu wħud mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) billi tgħolli l-livelli tad-dħul globali, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni, toħloq opportunitajiet għal aktar mudelli demokratiċi u żżid l-għadd ta’ impjiegi ta’ kwalità, kif ukoll il-kompetittività ġenerali tal-UE – l-istess kif għamlu r-rivoluzzjonijiet industrijali preċedenti. Hemm ukoll perikli – ċerti studji jindikaw il-possibbiltà li d-diġitalizzazzjoni tista’ teqred ħafna iktar impjiegi milli tista’ toħloq. |
|
3.1.4. |
It-teknoloġija diġitali se tqarreb il-produzzjoni u l-konsum ħafna aktar lejn xulxin, filwaqt li timminimizza l-produzzjoni żejda. Dan għandu l-potenzjal li jnaqqas l-impronta ambjentali tal-UE. In-negozjar dirett ta’ oġġetti ekonomiċi – permezz ta’ tranżazzjonijiet bejn il-pari jew inkella permezz ta’ ekonomija ta’ kondiviżjoni – jista’ jnaqqas il-konsum tar-riżorsi. Pereżempju, it-teknoloġija diġitali tappoġġja t-tixrid ta’ servizzi tat-trasport kondiviżi u vetturi mingħajr sewwieq, li jistgħu jżidu s-sostenibbiltà ambjentali tas-sistemi ta’ mobilità tagħna. |
|
3.1.5. |
Madankollu, minnha nnifisha, id-diġitalizzazzjoni mhijiex sostenibbli. Hemm ostakli għad-dħul fis-suq u għall-ekonomiji ta’ skala li jistgħu jimpedixxu liċ-ċittadini milli jisfruttaw il-potenzjal tagħha. Id-diġitalizzazzjoni tista’ żżid l-inugwaljanza, b’mod partikolari minħabba l-potenzjal tagħha li tfixkel is-swieq tax-xogħol u l-propensità tagħha li toħloq polarizzazzjoni ma’ ħafna impjiegi li jirrikjedu ħiliet bażiċi jew medji suxxettibbli għall-awtomazzjoni. Ir-robotizzazzjoni u l-ekonomija tal-pjattaforma jistgħu jimponu theddida serja fuq bosta postijiet tax-xogħol Ewropej u dawn joħolqu riskji ġodda peress li l-maġġoranza tat-teknoloġiji rilevanti joperaw abbażi tad-data, inkluża b’mod speċjali d-data personali. |
|
3.1.6. |
L-opportunitajiet ġodda għall-ġenerazzjoni tal-ġid, li minnhom sikwit tibbenefika biss ċerta klassi ta’ nies: persuni b’livell għoli ta’ edukazzjoni b’ħiliet soċjali tajbin u tolleranza għal riskji għoljin. Il-benefiċjarji ewlenin tal-innovazzjonijiet diġitali għandhom it-tendenza li jkunu l-fornituri ta’ kapital intellettwali, finanzjarju u fiżiku: innovaturi, azzjonisti, investituri u ħaddiema bi kwalifiki għoljin. Hemm il-biża’ li t-teknoloġija diġitali se ssir waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-istaġnar jew saħansitra għat-tnaqqis fid-dħul. |
|
3.1.7. |
Hemm bżonn ta’ politika attiva u komprensiva sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni, b’referenza għat-tliet problemi ewlenin deskritti hawn fuq. Ir-riskji li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni għandhom jiġu mmonitorjati u ġestiti wkoll. Il-KESE għandu jkompli jaħdem b’mod attiv fuq dawn il-kwistjonijiet. |
3.2. Il-limitazzjonijiet tal-pjaneta u l-isfida ekoloġika globali.
|
3.2.1. |
Peress li l-Ewropa hija impenjata fil-ġlieda globali kontra tibdil fil-klima (jiġifieri l-Ftehim ta’ Pariġi) u hija favur il-protezzjoni tar-riżorsi naturali, din għandha bżonn b’mod urġenti li tnaqqas b’mod fundamentali l-impronta ambjentali tal-ekonomija tagħha. Il-kriżi ekoloġika diġà qed taffettwana. B’mod globali, it-tkabbir tal-popolazzjoni, it-tkabbir ekonomiku fit-tul ibbażat fuq il-karburanti fossili u l-użu insostenibbli tar-riżorsi u tal-art qegħdin ipoġġu pressjoni akbar fuq l-ambjent. Sfida ewlenija, riflessa wkoll fl-SDGs, hija li jiġi żgurat li l-iżvilupp ekonomiku jirrispetta l-limitazzjonijiet tal-pjaneta, kemm fir-rigward tal-protezzjoni tal-klima, l-użu u l-ġestjoni tar-riżorsi, il-kwalità tal-arja u tal-ilma, kif ukoll il-protezzjoni tal-bijodiversità terrestri u tal-baħar. |
|
3.2.2. |
Dekarbonizzazzjoni qawwija tal-ekonomija teħtieġ it-trasformazzjoni urġenti ta’ bosta setturi ekonomiċi. Din it-tranżizzjoni minn karburanti fossili għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tirrikjedi aktar flessibbiltà fl-enerġija u għarfien espert. L-iżvilupp ġenerali ta’ enerġija mill-“prosumatur” (5) għandu jifforma wkoll parti importanti u sostenibbli mill-politika tal-UE dwar l-enerġija (6). Is-sistemi tat-trasport jirrikjedu bidliet strutturali permezz ta’ elettrifikazzjoni u car-sharing. L-akkomodazzjoni u l-infrastruttura għandhom bżonn jiġu aġġornati. Bijoekonomija avvanzata tista’ tkun fattur ewlieni li se jixpruna l-ekonomija biex issir ekoloġika. |
|
3.2.3. |
Jeħtieġ li l-Ewropa titbiegħed mill-mudell ekonomiku lineari attwali ta’ “ħu, agħmel, uża u armi” u timxi minflok lejn mudell ċirkolari li huwa ta’ natura restorattiva, li jiddependi fuq sorsi naturali rinnovabbli u li jżomm il-valur tal-prodotti, tal-materjali u tar-riżorsi fl-ekonomija fit-tul kemm jista’ jkun. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tkun importanti f’dan il-kuntest (ara 3.1.4). |
|
3.2.4. |
It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, ċirkolari u favur l-ambjent hija opportunità għall-UE sabiex iżżid il-kompetittività u r-reżiljenza tagħha. Din tista’ ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha. Din tnaqqas ukoll id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-karburanti u l-materja prima kritika u toħloq bażi stabbli għall-prosperità ekonomika. |
|
3.2.5. |
Madankollu, id-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika se jinvolvu sfidi soċjali (7), peress li l-postijiet tax-xogħol fl-industriji b’impronta ekoloġika għolja se jonqsu. Din għandha tiġi aċċettata bħala kompitu politiku strateġiku sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal li d-dekorbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika jimplikaw għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u t-titjib fis-sigurtà soċjali, sabiex b’hekk il-bilanċ nett ikun kemm jista’ jkun pożittiv. |
|
3.2.6. |
It-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju ġiet xprunata b’inizjattivi minn isfel għal fuq immexxijin miċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali, il-konsumaturi u l-intrapriżi innovattivi, fir-rigward tal-enerġija kif ukoll tal-ikel. Madankollu, minflok ma jiġu promossi inizjattivi rilevanti u minflok ma tiġi ġġenerata kritika massima madwar l-Ewropa, b’eżitu pożittiv għas-suq tax-xogħol u s-sigurtà soċjali, ta’ spiss il-progress ulterjuri jiġi mfixkel mis-sistemi amministrattivi u regolatorji. Mhuwiex magħruf b’mod wiesa’ li l-inizjattivi minn isfel għal fuq jistgħu jkunu għodda b’saħħitha sabiex jiġu eliminati l-problemi soċjali tad-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika. Sabiex jiġi żvelat dan il-potenzjal, hemm bżonn li jiġu eliminati l-ostakli strutturali li jipprevjenu lill-persuni b’nuqqas ta’ riżorsi milli jaċċessaw ir-riżorsi li jeħtieġu (b’mod partikolari informazzjoni kapitali u rilevanti). |
3.3. Iż-żieda tal-inugwaljanzi soċjali
|
3.3.1. |
Filwaqt li l-globalizzazzjoni u l-progress teknoloġiku żiedu b’mod drammatiku l-kummerċ globali u l-ġid dinji, il-kombinazzjoni tal-globalizzazzjoni u tal-progress teknoloġiku kkontribwiet ukoll għal żieda fl-inugwaljanza soċjali (u ambjentali). Skont Oxfam, tmien individwi biss, li huma kollha rġiel, jipposjedu ġid daqs l-ifqar nofs tal-popolazzjoni tad-dinja. |
|
3.3.2. |
Fl-Ewropa, id-diskrepanza fl-inguwaljanza qed tiżdied. Skont studju reċenti tal-OECD, l-inguwaljanza fid-dħul laħqet l-ogħla livell li qatt intlaħaq fl-Ewropa. Fis-snin tmenin, id-dħul medju tal-aktar 10 % għonja tas-soċjetà kien seba’ darbiet ogħla minn dak tal-10 % l-aktar foqra. Illum, dan huwa 9,5 darbiet ogħla. L-inugwaljanza fil-ġid hija saħansitra ogħla: 10 % tal-unitajiet domestiċi l-aktar sinjuri għandhom 50 % tal-ġid totali, filwaqt li l-40 % l-inqas sinjuri għandhom ftit aktar minn 3 % (8). |
|
3.3.3. |
Waħda mir-raġunijiet għall-aggravar tal-inugwaljanza fl-Ewropa hija s-separazzjoni tat-tkabbir mid-dħul nett. Filwaqt li l-PDG taż-żona euro kiber b’aktar minn 16 % bejn l-2008 u l-2015 (aktar minn 17 % fl-UE-28), id-dħul nett disponibbli tal-unitajiet domestiċi staġna, peress li kiber bi 2 % biss għall-UE-28. |
|
3.3.4. |
Fl-24 pajjiż tal-OECD, il-produttività żdiedet b’27 % mill-1995, filwaqt li l-kumpens medju tax-xogħol waqa’ lura, peress li żdied b’22 % biss. Agħar minn hekk, iż-żieda fid-dħul mix-xogħol kienet iżgħar b’mod sinifikanti għall-grupp soċjali b’pagi nett aktar baxxi. Din l-inugwaljanza fil-paga aggravat matul l-aħħar 20 sena fil-pajjiżi Ewropej kollha minbarra Spanja. It-tendenza hija evidenti l-aktar fl-Ungerija, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit (9). |
|
3.3.5. |
Hemm riskju li dan id-distakk se jikber minħabba n-natura dejjem tinbidel tax-xogħol. Pereżempju l-awtomazzjoni ta’ proċessi industrijali kumplessi permezz tar-robotika thedded li tnaqqas id-domanda għal ħaddiema mhux manwali b’ħiliet medji u anke livelli aktar baxxi ta’ ħaddiema mhux manwali b’ħiliet għolja, li attwalment iwettqu dawn il-kompiti kumplessi. Dan x’aktarx se jikkontribwixxi aktar għal polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol peress li l-impjiegi ġodda li jinħolqu se jaqgħu jew (anke) fil-grupp b’ħiliet għolja (l-iżvilupp u ż-żamma ta’ dawn il-prodotti/servizzi) jew fil-grupp b’ħiliet aktar baxxi orjentati aktar lejn is-servizz. Skont l-OECD, 9 % tal-impjiegi jinsabu f’riskju li jiġu awtomatizzati, filwaqt li għal 25 % oħrajn, nofs il-kompiti se jinbidlu b’mod sinifikanti. |
|
3.3.6. |
Ir-reazzjonijiet tal-gvernijiet għall-impatt tal-diġitalizzazzjoni għandhom it-tendenza li jkunu reattivi aktar milli proattivi u fil-parti l-kbira tagħhom huma diretti lejn il-mitigazzjoni tal-effetti sekondarji tad-diġitalizzazzjoni minflok ma jkunu mmirati biex jiġu utilizzati l-benefiċċji potenzjali tagħha. Ir-reazzjonijiet tal-gvernijiet hemm bżonn li jikkunsidraw aħjar l-isfida ta’ rappreżentanza u parteċipazzjoni tal-ħaddiema bħala aspett importanti tal-investiment fil-kapital uman f’suq tax-xogħol li qed jevolvi. Il-KESE jista’ jkompli janalizza bir-reqqa l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq in-natura tax-xogħol. |
3.4. Gvernijiet u istituzzjonijiet li qed jitilfu l-appoġġ taċ-ċittadini
|
3.4.1. |
Iż-żieda fl-inugwaljanza li parzjalment biss tirriżulta mill-globalizzazzjoni u l-progress teknoloġiku kkontribwiet għal telf ta’ fiduċja fil-gvernijiet, fl-istabbilimenti politiċi, fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, fl-istituzzjonijiet u fil-governanza globali. Barra minn hekk, din ikkawżat żieda fil-movimenti populisti u deklin fil-partiti politiċi tradizzjonali. Fenomenu inkwetanti b’mod partikolari huwa l-assenteiżmu fost iż-żgħażagħ (biex ma nsemmux il-voti kontra s-sistema): fl-2015, kienu biss 63 % tal-Ewropej ta’ bejn il-15 u t-30 sena li vvotaw f’elezzjoni (10). |
|
3.4.2. |
Ħafna ċittadini Ewropej iħossuhom maqtugħin mit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi fil-livell nazzjonali u Ewropew. Dawn jemmnu li l-proċessi demokratiċi tradizzjonali ma jippermettulhomx li jkollhom impatt fuq deċiżjonijiet fundamentali. L-approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati (eż. skont l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli) huwa mudell demokratiku inklużiv u mod ta’ kif tingħeleb din l-isfiduċja. |
|
3.4.3. |
It-trasformazzjoni għas-sostenibbiltà ma tistax u ma għandhiex tiġi imposta “minn fuq”; din tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq appoġġ wiesa’ u parteċipazzjoni attiva mill-maġġoranza tan-negozji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-ħaddiema u ċ-ċittadini. Din għandha tkun kooperazzjoni “minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel”. Fit-tfassil tal-Aġenda 2030 intużaw alleanzi b’diversi partijiet ikkonċernati u dawn qegħdin jiżviluppaw fil-qasam tal-azzjoni klimatika (11). Dawn jistgħu jservu bħala pjan ta’ azzjoni għal mudell ta’ governanza demokratika inklużiv li jista’ jiġi applikat fis-setturi ta’ politika u jiffaċilitaw il-bidla u l-innovazzjoni trasformattivi. |
|
3.4.4. |
B’mod partikolari, il-ġenerazzjoni aktar żgħażugħa qed titlob forom mhux tradizzjonali ta’ impenn politiku, b’kuntrast għall-partiti politiċi u l-korpi konvenzjonali. Il-komunitajiet tal-enerġija, is-sħubiji bejn iċ-ċittadini u l-muniċipalitajiet għat-trawwim tal-effiċjenza enerġetika (eż. permezz ta’ mudelli ta’ kuntrattar) jew l-immaniġġjar tal-iskart, l-inizjattivi ta’ bliet fi tranżizzjoni, l-agrikoltura appoġġjata mill-komunità, il-blogs politiċi u formati online oħrajn, jew saħansitra l-inizjattivi tal-munita lokali huma forom alternattivi ta’ impenn politiku. Dawn il-forom ċertament mhux se jieħdu post ix-xogħol politiku tradizzjonali, iżda jistgħu jagħmlu kontribut importanti għas-soċjalizzazzjoni politika u l-integrazzjoni soċjali. |
|
3.4.5. |
L-użu tal-potenzjal tal-Internet huwa approċċ promettenti ieħor sabiex jiżblokka s-sitwazzjoni politika. L-informazzjoni qatt ma kienet disponibbli b’mod aktar liberu daqskemm hi fin-netwerk deċentralizzat mingħajr gwardjan klassiku. Dan jirriżulta fi sfidi ġodda għas-soċjetà, kif deher bil-fenomeni tal-aħbarijiet foloz jew li ma jiffokawx fuq il-fatti oġġettivi. Intant, bħalissa qegħdin nesperjenzaw ukoll żieda kbira ta’ forom mhux ġerarkiċi u alternattivi ta’ attiviżmu, kif ukoll użu qawwi ta’ netwerks soċjali online fost iċ-ċittadini, b’mod partikolari ż-żgħażagħ. |
|
3.4.6. |
Il-gvern elettroniku jista’ jwassal għal mudelli ta’ governanza li juru livell ta’ parteċipazzjoni pubblika mingħajr preċedent fit-tfassil tal-politika. L-UE għandha tħares lejn Stati Membri bħall-Estonja, fejn diġà sar progress konsiderevoli. Id-diġitalizzazzjoni tagħti ċ-ċans liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet bi spiża relattivament baxxa. Madankollu, l-evidenza turi li teżisti wkoll “inklinazzjoni tal-klassi medja” (rappreżentazzjoni ogħla ta’ membri tal-klassi medja f’forums ta’ parteċipazzjoni) fir-rigward tal-parteċipazzjoni elettronika. Il-KESE jinsab f’qagħda tajba biex jidħol fi djalogu fil-livell tas-soċjetà ċivili dwar din il-kwistjoni. |
4. L-Ewropa li rridu
Ikkonfrontata bit-tliet kwistjonijiet globali u l-megatendenza tad-diġitalizzazzjoni ppreżentata hawn fuq, l-UE għandu jirnexxielha:
|
— |
tisfrutta r-rivoluzzjoni diġitali sabiex tibni ekonomija ġdida u sostenibbli; |
|
— |
fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, ċirkolari u b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għal kulħadd; |
|
— |
fil-bini ta’ mudell soċjali Ewropew reżiljenti; |
|
— |
fl-iżgurar ta’ sistema demokratika aktar deċentralizzata u aktar xprunata miċ-ċittadini, filwaqt li jsir użu tal-vantaġġi ta’ kooperazzjoni ekonomika ġusta f’livell globali. |
|
4.1. |
Il-KESE jemmen li l-SDGs, flimkien mal-Ftehim ta’ Pariġi (COP21), se jagħtu spinta lill-viżjoni tal-“Ewropa li rridu” (12) (13). Hemm bżonn li l-Kummissjoni toħloq momentum għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet billi tiżviluppa l-politiki deskritti fil-komunikazzjoni tagħha “Passi li Jmiss” u tinkorporahom bis-sħiħ fil-qafas ta’ politika Ewropea u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni attwali. “L-Ewropa li rridu”, bħall-Aġenda 2030 (jiġifieri l-SDGs), tqiegħed lill-individwu fil-qalba tas-soċjetà u l-ekonomija, u tagħti ċ-ċans lil kulħadd biex jiddeċiedi kif jixtieq jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu f’armonija mal-ambjent soċjali u ekoloġiku. Dan il-kunċett mhuwiex utopiku. Fir-realtà, l-Ewropa issa għandha l-mezzi teknoloġiċi u ekonomiċi biex twettaq din il-viżjoni: l-Internet tal-oġġetti u l-big data, il-kontroll ta’ proċessi kumplessi permezz ta’ applikazzjonijiet mobbli, “prosum” permezz tat-tnaqqis fl-iskala tal-produzzjoni u t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni (eż. enerġiji rinnovabbli, stampar 3D), modi ġodda ta’ tranżazzjoni u ta’ ħlas (blockchain, bitcoins u kuntratti intelliġenti), il-kooperattiviżmu u l-ekonomija ta’ kondiviżjoni bħala kunċetti kummerċjali ġodda u innovazzjonijiet oħrajn. |
|
4.2. |
Dawn l-innovazzjonijiet kollha għandhom il-potenzjal li jagħmlu l-viżjoni realtà, iżda dan jippreżumi strateġija li tipprovdi soluzzjonijiet għal tliet sfidi relatati mal-innovazzjoni. Din l-istrateġija tinkludi kunċett ġdid ta’ benesseri “lil hinn mill-PDG”, fejn l-prosperità ekonomika, l-inklużività soċjali, ir-responsabbiltà ambjentali u l-awtonomizzazzjoni ċivika jiġu segwiti b’mod integrat. |
|
4.3. |
“In-nuqqas ta’ azzjoni” mhijiex għażla: Jekk l-UE ma għandhiex ir-rieda jew mhijiex kapaċi tiżviluppa u timplimenta strateġija komprensiva, l-Ewropa mhux biss mhux se tissodisfa l-Aġenda 2030, iżda lanqas il-viżjoni ta’ “l-Ewropa li rridu”. Mingħajr ebda azzjoni, hemm riskju ta’ falliment fir-rigward ta’ kull sfida ewlenija: l-ordni tax-xogħol Ewropew se jinqered, id-dekarbonizzazzjoni u l-protezzjoni tar-riżorsi se jintemmu minħabba li l-ispejjeż soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika huma meqjusa għolja żżejjed u l-inugwaljanzi soċjali flimkien mal-aljenazzjoni se jiżdiedu, filwaqt li jimponu riskju għad-demokrazija. |
|
4.4. |
Huwa ferm importanti li l-istrateġija tinkludi b’mod preċiż rakkomandazzjonijiet tal-politika sabiex tgħin fl-indirizzar tat-tliet sfidi ewlenin li l-Ewropa tiffaċċja u b’hekk tagħmel l-“Ewropa li rridu” realtà. |
5. Sitt approċċi ta’ politika sabiex tinkiseb l-Ewropa li rridu
Hawnhekk, aħna nipproponu l-approċċi ta’ politika ewlenin li jipprovdu tweġibiet għat-tliet kwistjonijiet ewlenin (il-limitazzjonijiet planetarji, id-disparità soċjali, in-nuqqas ta’ appoġġ pubbliku) u l-megatendenza tad-diġitalizzazzjoni. Kull wieħed minn dawn l-approċċi jinkludi taħlita ta’ politiki li tinkludi sa sitt elementi:
|
— |
l-innovazzjoni |
|
— |
ir-regolamentazzjoni/il-governanza |
|
— |
il-politika soċjali |
|
— |
l-aċċess miftuħ |
|
— |
l-edukazzjoni/it-taħriġ |
|
— |
ir-riċerka |
Din it-taħlita ta’ politika għandha tiġi applikata f’mill-inqas erba’ oqsma ta’ politika: l-ekonomija ġusta, diġitali u ekoloġika (5.1), il-forom ġodda ta’ governanza (5.2), is-sostenibbiltà u s-settur finanzjarju (5.3) u l-promozzjoni tas-sostenibbiltà permezz tal-kummerċ internazzjonali (5.4). Aħna nipprovdu kwistjonijiet u kontribut li għandhom jiġu esplorati aktar mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-partijiet interessati fuq medda twila ta’ żmien.
5.1. Ekonomija ġusta, diġitali u ekoloġika li tiġġenera l-prosperità u l-benessri
|
5.1.1. |
Innovazzjoni: ir-rivoluzzjoni industrijali ġdida hija opportunità biex l-Ewropa ssir mexxej teknoloġiku u żżid il-kompetittività tagħha fis-swieq globalizzati. Il-ġenerazzjoni ta’ valur ekonomiku mingħajr spejjeż esterni għoljin għandha ssir il-mudell kummerċjali standard. Għandna bżonn kumpaniji innovattivi u profittabbli u l-intrapriżi biex jinvestu fi produzzjoni sostenibbli, li joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja u biex tiġi ġġenerata l-bażi ekonomika dwar il-benessri tal-annimali. Għall-innovazzjonijiet li jikkontribwixxu għal Ewropa aktar sostenibbli, irid jiġi żviluppat qafas li jippremja lil dawk l-attivitajiet ekonomiċi mingħajr impronti esterni, jew li jnaqqsuhom b’mod radikali, jew b’konsum limitat tar-riżorsi. Dan jippermetti lill-innovaturi sostenibbli (kemm jekk huma ċittadini, negozji, bliet jew reġjuni) jikkompetu b’mod effettiv ma’ mudelli kummerċjali b’livell għoli ta’ sfruttar tar-riżorsi u/jew b’impronta ambjentali kbira. Appoġġ proattiv, eż. bl-aċċessibbiltà tal-mikrokreditu għall-SMES, iċ-ċittadini, l-unitajiet domestiċi privati, l-inizjattivi tal-komunità, in-negozji soċjali u l-mikrointrapriżi, għandu jingħata wkoll lill-innovaturi li joffru soluzzjonijiet ġodda għall-indirizzar tal-sfidi ambjentali u soċjali u li jaġixxu minn tal-ewwel biex jadottawhom (14). Hawnhekk, privattiva Ewropea unika tista’ tkun ta’ għajnuna, sakemm l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni ma jkunux projbittivi (15). Fir-rigward tal-SMEs, għandhom jiġu riveduti wkoll miżuri li fihom jingħata ċans ieħor sabiex jitnaqqas il-livell għoli attwali ta’ averżjoni għar-riskju fl-UE (16). Il-politika għandha tippermetti wkoll l-esperimentazzjoni madwar l-Ewropa kollha, b’mod partikolari fis-setturi tal-mobilità, l-iskart, l-enerġija, l-agrikoltura, l-edukazzjoni jew is-setturi tas-saħħa. Is-swieq ġodda jistgħu jinstabu permezz ta’ tranżizzjoni tal-akkwist pubbliku lejn servizzi diġitali, ekoloġiċi, ċirkolari u b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju mogħtija b’mod soċjalment inklużiv. |
|
5.1.2. |
Regolamentazzjoni: qafas regolatorju għandu jissodisfa tliet għanijiet. L-ewwel, jeħtieġ li l-effetti esterni jiġu kkalkulati bl-aktar mod preċiż possibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati mudelli kummerċjali li jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà (17). It-tieni, ir-regolamenti għandhom jiggarantixxu li jiġu implimentati infrastrutturi diġitali żviluppati sew madwar l-Ewropa kollha, inkluż fiż-żoni rurali, kif ukoll li kulħadd jiġi pprovdut b’aċċess għalihom (inklużi tisħin intelliġenti, grilji tal-elettriku intelliġenti u netwerks tal-mobilità elettrika). Dawn għandhom jiġu ttrattati fis-sens legali bħala servizzi pubbliċi. Fl-aħħar, peress li d-diġitalizzazzjoni għandha t-tendenza li tiffavorixxi l-pjattaformi, hemm riskju ta’ monopolji fis-swieq diġitali ewlenin. Għalhekk, huma neċessarji politiki tal-antitrust attivi (18). Il-KESE ssuġġerixxa wkoll li l-Kummissjoni tikkunsidra modi kif il-pjattaformi Ewropej jistgħu jiġu promossi b’tali mod li jinżamm il-valur miżjud fl-ekonomiji lokali (19). Aġenzija tal-klassifikazzjoni indipendenti Ewropea għall-pjattaformi diġitali jista’ jkollha rwol importanti fl-ibbilanċjar tal-poter tas-suq tagħhom, filwaqt li topera bl-istess mandat fl-Istati Membri kollha biex tivvaluta l-governanza tal-pjattaformi fir-rigward tal-kompetizzjoni, l-impjieg u t-tassazzjoni (20). |
|
5.1.3. |
Politika soċjali: il-bidla kkawżata mid-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni (ara t-taqsima 3) huma sfida għas-sistemi tas-sigurtà soċjali f’termini ta’ ġestjoni tal-problema tat-telf tal-impjiegi u t-tnaqqis fid-dħul fiskali. Għalhekk jeħtieġ jiġu eżaminati u żviluppati approċċi u mudelli ġodda bl-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri, u filwaqt li jingħata rispons għaċ-ċirkostanzi differenti tal-ħidma futura u jingħata appoġġ lill-ħaddiema u l-komunitajiet f’setturi u reġjuni affettwati mit-tranżizzjoni. Il-KESE kkunsidra l-isfidi tal-futur tax-xogħol fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u appella għal Strateġija koerenti tal-Impjiegi Ewropej li, fost l-oħrajn, tindirizza: l-investiment u l-innovazzjoni, l-impjieg u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd, it-tranżizzjonijiet ġusti u bla intoppi appoġġjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol, u l-involviment tal-partijiet interessati kollha, b’mod speċjali l-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, l-investiment pubbliku għandu jappoġġja lill-komunitajiet, lir-reġjuni u lill-ħaddiema f’setturi li diġà qegħdin jiġu affettwati minn din it-tranżizzjoni, kif ukoll sabiex jiġu antiċipati u ffaċilitati r-ristrutturar u t-tranżizzjoni futuri għal ekonomija aktar ekoloġika u aktar sostenibbli (21). |
|
5.1.4. |
Aċċess miftuħ: l-isfruttar tal-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni għal ekonomija ekoloġika u ġusta jeħtieġ fuq kollox ftuħ ġenerali fl-ekonomija li jippermetti lill-persuni jieħdu sehem b’mod attiv u jibbenefikaw mill-opportunitajiet ta’ progress teknoloġiku (eż. il-kombinazzjoni ta’ data diġitali dwar l-enerġija mal-ġenerazzjoni tal-enerġija deċentralizzata). Għalhekk, huwa ferm importanti li jiġu eliminati l-ostakli għall-parteċipazzjoni ekonomika permezz ta’ swieq miftuħa, data miftuħa, sors miftuħ u standards miftuħa. Kull wieħed minn dawn l-elementi jrid jitqies bħala prinċipju ta’ gwida għall-programmi ta’ politika f’setturi strateġiċi: l-enerġija, it-trasport, il-loġistika u l-proċessi tal-produzzjoni. Jeħtieġ li l-kunċett tas-sovranità tad-data jiġi żviluppat u implimentat permezz tal-liġi Ewropea: iċ-ċittadini Ewropej għandu jkollhom id-dritt li jużaw id-data tagħhom stess għall-finijiet proprji tagħhom, sabiex jiddeterminaw liema data personali għandha tintuża minn partijiet terzi, jiddeċiedu kif tintuża d-data, ikunu infurmati dwar u jkollhom kontroll sħiħ tal-utilizzazzjoni tad-data u jħassru d-data. |
|
5.1.5. |
Edukazzjoni/taħriġ: kemm l-ekonomija ekoloġika kif ukoll l-ekonomija diġitali jirrikjedu ħiliet speċifiċi, b’mod partikolari minħabba li fil-futur, it-teknoloġija diġitali se tkun għodda importanti biex tintlaħaq id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea (ara 3.1.4 u 3.2.3). Hemm bżonn li t-taħriġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet formali u informali meħtieġa, inkluż fl-oqsma bħax-xogħol kollaborattiv/komunitarju u l-intraprenditorija (22), jiġi integrat fl-edukazzjoni ġenerali u fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja. Aktar djalogu u analiżi jridu jitwettqu fuq din il-kwistjoni. L-użu mmirat tal-Fondi Strutturali huwa rrakkomandat sabiex jiġi żgurat appoġġ effettiv għall-indirizzar tad-diskrepanza attwali fil-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, b’mod partikolari fir-reġjuni li diġà jinsabu fit-tranżizzjoni jew li se jiġu affettwati mit-tranżizzjoni fil-futur. Ir-riżorsi fis-sistemi edukattivi Ewropej se jkollhom jiġu diretti lejn l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet f’oqsma fejn il-ħiliet umani mhumiex se jiġu sostitwiti minn sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali jew fejn il-bnedmin huma meħtieġa biex jikkomplementaw dawk is-sistemi (jiġifieri kompiti fejn l-interazzjoni tal-bniedem hija vitali jew fejn il-bnedmin u l-magni jikkooperaw, kif ukoll kompiti li nixtiequ li l-bnedmin ikomplu jwettqu) (23). |
|
5.1.6. |
Ir-riċerka: ekonomija diġitali, ekoloġika u ġusta se tkun il-punt ta’ riferiment għal mudelli ekonomiċi li jgħoddu għall-futur. Politika ta’ riċerka mmirata sew, waħda li tkun imsejsa fuq analiżi tal-impatt ambjentali u soċjali tal-innovazzjonijiet, b’mod partikolari l-innovazzjonijiet diġitali, se tkun ir-rotta għal din l-ekonomija. F’dan il-kuntest, l-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp għandu jkun disponibbli għall-innovaturi li jiżviluppaw teknoloġiji u servizzi diġitali ġodda li jindirizzaw l-isfidi ambjentali u/jew soċjali. Għandu jiġi żviluppat netwerk ta’ inkubaturi sabiex jappoġġjahom. |
5.2. Forom ġodda ta’ governanza
|
5.2.1. |
L-innovazzjoni: il-parteċipazzjoni hija element ewlieni tad-demokrazija. L-elezzjonijiet u r-rappreżentanza huma metodu wieħed għall-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni, iżda hemm bżonn ta’ approċċi ġodda, innovattivi, inkluża l-parteċipazzjoni elettronika. Huwa importanti li t-tfassil tal-politika tradizzjonali jkun miftuħ għal forom mhux ġerarkiċi, soċjalment fluwidi u forom inqas formali ta’ attività politika, u li jrawwem inizjattivi xprunati mis-soċjetà ċivili u inizjattivi minn isfel għal fuq. |
|
5.2.2. |
Il-governanza: il-bidliet jirrikjedu djalogu trasparenti u aċċessibbli b’mod liberu bejn diversi partijiet ikkonċernati għall-proċessi leġislattivi kollha tal-UE fil-livell tal-UE u dak lokali. Is-“soċjetà ċivili” ma għandhiex titnaqqas għal soċjetà ċivili organizzata, iżda għandha tinkludi liċ-ċittadini kollha. Alleanzi ġodda huma ta’ importanzi partikolari għall-azzjoni klimatika u l-protezzjoni tar-riżorsi (24). Sabiex tissaħħaħ id-demokrazija parteċipatorja, il-kważi monopolju tal-Kummissjoni Ewropea fuq id-dritt tal-inizjattiva leġislattiva għandu jitneħħa favur aktar inizjattivi mill-Parlament Ewropew, flimkien ma’ inizjattivi leġislattivi minn isfel għal fuq, pereżempju billi jitneħħew il-problemi tekniċi, legali u burokratiċi fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (25). |
|
5.2.3. |
L-aċċess miftuħ: metodi ta’ crowdsourcing għal-leġislazzjoni kollha tal-UE huma approċċ adegwat sabiex jingħelbu l-ostakli strutturali li jagħmlu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE diffiċli. Meta jitfassal dan l-approċċ, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċessibbiltà, l-inklużività u l-kontabbiltà. L-aċċess miftuħ għall-politika jista’ jkompli jiżdied permezz tal-pubblikazzjoni tal-attivitajiet u d-data kollha tal-UE b’mod online u faċli għall-utenti. |
|
5.2.4. |
It-taħriġ/l-edukazzjoni: il-programmi li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini huma meħtieġa sabiex tiġi eliminata l-“inklinazzjoni (bias) tal-klassi medja” (ara t-taqsima 3.4.6) Tali programmi għandhom jiġu mfassla b’tali mod li jinvolvu dawk il-partijiet tal-popolazzjoni li għandhom it-tendenza li jastejnu minn parteċipazzjoni attiva fil-politika, l-ekonomija u s-soċjeta. Hemm bżonn li ssir enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni u l-opportunitajiet għall-parteċipazzjoni bħala prinċipju bażiku tad-demokrazija fl-edukazzjoni ġenerali. Għandu jiġi rrimarkat li l-parteċipazzjoni attiva fil-proċessi tal-bini tar-rieda politika hija ta’ benefiċċju reċiproku għas-soċjetà u għaċ-ċittadin individwali, filwaqt li l-interessi u l-fehmiet tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Hemm bżonn ta’ aktar finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jmmiraw lejn dawk il-partijiet tal-popolazzjoni li mhumiex involuti u jsegwu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà. |
|
5.2.5. |
Ir-riċerka: Jeħtieġ li x-xjenza soċjali tiffoka aktar fuq il-prattiki ta’ demokrazija alternattiva. Eżempju wieħed huwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ metodoloġiji ta’ prototipi għall-politika. B’dan l-approċċ, is-soluzzjonijiet tal-politika jiġu mfassla fi żmien iqsar, imbagħad jiġu implimentati f’“suq ta’ ttestjar” u l-impatt tagħhom jiġi vvalutat eżattament wara abbażi tal-feedback miċ-ċittadini u l-partijiet interessati rilevanti oħrajn. Il-valutazzjoni tal-impatt isservi bħala bażi għal tibdil rilevanti fis-soluzzjonijiet tal-politika qabel ma jiġu implimentati. |
|
5.2.6. |
B’mod aktar ġenerali, hemm bżonn ta’ aktar riċerka dwar kif għandha tiġi riveduta r-rabta bejn l-għarfien espert (xjentifiku) u t-tfassil tal-politika u dwar kif għandha tiġi kkombinata l-integrazzjoni ta’ għarfien espert trasparenti u indipendenti bis-sħiħ fit-tfassil tal-politika bl-għan li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivili. |
5.3. Is-sostenibbiltà u s-settur finanzjarju
|
5.3.1. |
L-innovazzjoni: ekonomija diġitali, ekoloġika u ġusta tinkludi investiment enormi kemm f’faċilitajiet privati (eż. f’istallazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli jew fi stazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettroniċi) u anke f’infrastruttura pubblika (eż. d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-elettriku u tal-mobilità) Għalhekk, is-settur finanzjarju se jkollu rwol importanti biex jagħmel din l-innovazzjoni possibbli. Jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi finanzjarji, inklużi riżorsi pubbliċi, għal investimenti li jappoġġjaw it-trasformazzjoni sostenibbli. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-klima u tal-enerġija, hemm bżonn ta’ ambjent stabbli u prevedibbli u jeħtieġ li l-istrumenti finanzjarji innovattivi jikkatalizzaw finanzjament privat għal investimenti li mhumiex possibbli mod ieħor (26) (27). |
|
5.3.2. |
Ir-regolamentazzjoni: l-għan tal-politika għandu jkun li tibni sistema finanzjarja privata aktar sostenibbli permezz tal-inklużjoni tal-fatturi tas-sostenibbiltà fil-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji, l-estensjoni tar-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-impatti mhux finanzjarji tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment, u ż-żieda tat-trasparenza fuq l-impatti soċjali u ambjentali tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment (28). Il-politiki għandhom jinkoraġġixxu wkoll lill-investituri biex jieħdu impenji volontarji biex jinvestu f’oġġetti li jsegwu prinċipji tas-sostenibbiltà. Għalhekk, l-ekoloġizzazzjoni tal-istandards bankarji hija essenzjali għat-tranżizzjoni tal-iffinanzjar privat minn investimenti konvenzjonali għal investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Il-banek ċentrali għandhom jiggwidaw l-allokazzjoni tal-kapital permezz ta’ politiki monetarji u mikroprudenzjali kif ukoll makroprudenzjali, inklużi l-istandards ta’ sostenibbiltà. |
|
5.3.3. |
Il-politika soċjali: l-unitajiet domestiċi se jsibu ruħhom taħt pressjoni bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni u tad-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, hemm bżonn ta’ riforma fiskali fundamentali sabiex jiżdied id-dħul disponibbli tal-unitajiet domestiċi u sabiex dan l-għan jiġi kkombinat mar-rekwiżiti tad-dekarbonizzazzjoni. Il-KESE jitlob sistema fiskali msejsa fuq l-internalizzar tal-ispejjeż ambjentali u l-użu ta’ dħul addizzjonali għat-tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiema. It-tranżizzjoni għal tassazzjoni minn fuq ix-xogħol lejn ir-riżorsi tgħin sabiex jiġu kkoreġuti l-fallimenti tas-swieq, jinħolqu impjiegi ġodda sostenibbli u lokali, jiżdied id-dħul disponibbli tal-unitajiet domestiċi u jiġu inċentivizzati l-investimenti ekoinnovattivi (29). |
|
5.3.4. |
Ir-riċerka: s’issa, l-impatt tad-diġitalizzazzjoni u tat-tnaqqis fil-konsum tal-karburanti fuq il-finanzi pubbliċi (erożjoni fiskali) għadu mhux magħruf b’mod wiesa’. Ir-riċerka għandha tiffoka fuq dan l-aspett kif ukoll fuq il-kontribut ġenerali li politika ta’ finanzjament strateġiku tista’ tagħti lill-iżvilupp sostenibbli. |
5.4. Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà permezz tal-kummerċ internazzjonaali
|
5.4.1. |
L-innovazzjoni u l-opportunitajiet ta’ negozju: minħabba d-dimensjoni globali tat-tliet kwistjonijiet ewlenin, mhux se jkun biżżejjed li l-Ewropa ssir aktar sostenibbli permezz ta’ politika ċara dwar l-innovazzjoni. F’kooperazzjoni ma’ msieħba kummerċjali, l-Ewropa għandha tiżviluppa kunċetti ta’ innovazzjoni li jistgħu jiġu trasferiti lejn reġjuni oħra tad-dinja. Hawnhekk, il-kummerċ jista’ jgħin sakemm l-aspetti tas-sostenibbiltà jkunu kriterji ewlenin fil-politika kummerċjali internazzjonali, inklużi ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali. Għandu jiġi assenjat rwol speċjali lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO), li għandha tqis aktar il-politika ambjentali internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi jew il-Miri tal-Bijodiversità ta’ Aichi. Ladarba l-istandards rispettivi jkunu fis-seħħ, in-negozji, iċ-ċittadini, l-inizjattivi komunitarji, il-muniċipalitajiet u r-reġuni Ewropej ikunu jistgħu jiżviluppaw innovazzjonijiet importanti (prodotti u servizzi) li jistgħu jiġu esportati b’rispons għall-ħtieġa tad-dekarbonizzazzjoni u bl-użu tal-opportunitajiet ipprovduti mill-megatendenza tad-diġitalizzazzjoni. Dawn għandhom il-potenzjal li jsiru suċċessi tal-esportazzjoni. Fuq kollox, il-Kummissjoni Ewropea għandha taħdem mad-WTO u l-imsieħba ewlenin tagħha biex tagħmel użu mill-ftehimiet kummerċjali biex issaħħaħ l-ipprezzar tas-CO2 u kwalunkwe esternalità oħra li tagħmel ħsara lill-innovazzjoni sostenibbli. |
|
5.4.2. |
Ir-regolamentazzjoni: wieħed mis-sorsi taż-żieda fl-impronta ambjentali tal-ekonomiji tagħna huwa d-distanza dejjem tikber bejn il-postijiet tal-produzzjoni, tat-trasformazzjoni, tal-konsum u, xi drabi, tar-rimi/tal-irkupru tal-prodotti. Il-ħidma sabiex il-kummerċ internazzjonali jsir kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli tirrikjedi approċċ intelliġenti għal-liberalizzazzjoni li jikkunsidra u jsaħħaħ is-sistemi tal-produzzjoni lokali u fuq skala żgħira. Il-promozzjoni u l-appoġġ tal-politiki tal-ekonomija ċirkolari għandhom jiżguraw li s-sistemi jservu fit-tul, ikunu żgħar, lokali u nodfa. Għal attivitajiet industrijali speċifiċi, id-daqs taċ-ċirkwiti jista’ jkun kbir (30). Hemm bżonn li r-regolamentazzjoni tipprovdi tweġiba għal din il-problema permezz ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali. |
|
5.4.3. |
L-UE għandha tħeġġeġ lill-Bank Dinji u lill-Fond Monetarju Internazzjonali biex ikollhom rwol importanti fil-promozzjoni tar-riformi tas-sistema fiskali u finanzjarja sabiex b’hekk jinħoloq ambjent li jgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jimmobilizzaw aktar ir-riżorsi proprji tagħhom. Dan għandu jinvolvi riforma fit-taxxa domestika, iżda dan ifisser ukoll il-mobilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali fil-ġlieda komuni kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-flussi illegali tal-kapital li qegħdin jirriżultaw fil-ħruġ ta’ aktar flus mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp milli mill-ammont li jidħol permezz ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni Ewropea għandha tuża l-Aġenda 2030, infurmata mis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli, bħala l-qafas għall-politiki u l-programmi esterni kollha ffinanzjati mill-UE (31). |
|
5.4.4. |
Il-politika soċjali: waħda mir-rotot għall-implimentazzjoni tal-SDGs u għall-promozzjoni ta’ politika kummerċjali progressiva li minnha jibbenefika kulħadd, hija permezz tal-implimentazzjoni ta’ approċċi ta’ diversi partijiet interessati dwar imġiba responsabbli fin-negozju. F’dawn l-approċċi n-negozji, l-NGOs, it-trejdjunjins, u l-gvernijiet jiddefinixxu flimkien kif tista’ tintlaħaq fil-prattika r-responsabbiltà favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Qed jiżdied it-tħassib dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-katini tal-provvista b’mod speċjali fir-rigward ta’ “minerali ta’ kunflitt” bħall-kobalt li jintuża fil-manifattura ta’ batteriji rikarikabbli li jintużaw fit-telefowns ċellulari, fil-laptops, fil-vetturi elettriċi, fl-inġenji tal-ajru u fl-għodod elettriċi. Il-kollaborazzjoni bejn diversi partijiet interessati hija kruċjali minħabba l-impenn għal tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, it-tkomplija fil-mixja lejn id-diġitalizzazzjoni u l-kumplessità ta’ mġiba responsabbli fin-negozju fil-ktajjen ta’ provvista internazzjonali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon, u huwa lest li jkun sieħeb, fl-inizjattiva min-naħa tal-Gvern Netherlandiż biex tqajjem kuxjenza dwar l-azzjonijiet li jinvolvu diversi partijiet interessati jistgħu jgħinu biex ikun hemm fehim aħjar dwar mġiba responsabbli fin-negozju sinifikanti, speċjalment fi ktajjen tal-provvista kumplessi fejn it-tħaffir fil-minjieri isir bit-tfal jew b’xogħol tal’ skjavitù jew f’kondizzjonijiet perikolużi. |
|
5.4.5. |
L-aċċess miftuħ: ftehimiet kummerċjali ġodda għandhom ikunu msejsa fuq l-approvazzjoni miksuba permezz ta’ proċessi demokratiċi ġodda b’żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid konġunt tad-deċiżjonijiet. Il-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) fil-ftehimiet kummerċjali eżistenti tal-UE mhux qed jiffunzjonaw tajjeb kif suppost. L-ewwel nett, il-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli għandhom jinkorporaw ftehimiet multilaterali globali (l-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi). It-tieni, il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu msaħħa u għandha tiġi inkluża analiżi minn perspettiva tas-soċjetà ċivili. It-tielet, il-mekkaniżmi ta’ infurzar għandhom japplikaw b’mod ugwali għall-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli infushom (32). |
|
5.4.6. |
Ir-riċerka: hemm bżonn ta’ aktar evidenza empirika sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-emerġenza rapida fil-kummerċ internazzjonali ta’ modi ġodda ta’ konsum u produzzjoni li qegħdin jestendu b’mod progressiv għas-servizzi transnazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq it-tassazzjoni transnazzjonali. Dan għandu jkun il-bażi għal deċiżjoni dwar jekk dawn għandhomx jiġu inklużi fir-regoli ġenerali tad-WTO jew jekk isirux parti mill-ftehimiet bilaterali u reġjonali, kif kien il-każ għall-Aġenda tax-Xogħol Deċenti. |
|
5.4.7. |
Aħna nfakkru lill-UE dwar ir-rakkomandazzjoni preċedenti tagħna li twettaq valutazzjoni sħiħa tal-impatt fuq l-effetti probabbli li l-implimentazzjoni tal-SDGs u tal-Ftehim ta’ Pariġi se jkollhom fuq il-politika kummerċjali tal-UE, inkluża l-agrikoltura. |
6. It-twaqqif ta’ strateġija għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – erba’ kriterji
|
6.1. |
Fit-taqsima 5, aħna identifikajna xi oqsma fejn huma meħtieġa miżuri politiċi sabiex tinbena Ewropa aktar sostenibbli f’kuntest soċjo-ekonomiku li qed jinbidel b’mod radikali. Jistgħu jiġu identifikati erba’ kriterji għall-istrateġija sostenibbli tal-Ewropa. Din trid tkun:
Dawn l-erba’ kriterji huma mogħtija f’aktar dettal hawn taħt. |
6.2. Fokus fit-tul
|
6.2.1. |
Ħsieb strateġiku jfisser l-iżvilupp ta’ perspettiva fit-tul imsejsa fuq il-viżjoni ta’ “l-Ewropa li rridu” deskritta fit-taqsima 4 u li tiġi stabbilita t-triq li għandha ssegwi l-Ewropa sabiex tagħmel din il-verżjoni realtà. Il-bidliet soċjali li rriżultaw mill-problemi globali u l-megatendenza tad-diġitalizzazzjoni deskritti fit-taqsima 3 se jibdew jidhru sa tliet deċennji oħra. Bosta deċiżjonijiet rilevanti, inklużi d-deċiżjonijiet tal-investiment, għandhom bżonn iż-żmien biex jibdew japplikaw. Għalhekk, il-perjodu ta’ tliet deċennji jidher li huwa raġonevoli għall-istrateġija tas-sostenibbiltà tal-Ewropa. L-għanijiet rilevanti u l-miżuri politiċi korrispondenti għandhom jiġu previsti fuq il-bażi ta’ dak iż-żmien (33). Dan l-approċċ ta’ “backcasting” ifisser li l-punt ta’ referenza jittieħed bħala xenarju tal-aħjar każ għall-2050 u li l-passi kollha li huma neċessarji sabiex jinkiseb dan l-aħjar każ huma identifikati minn dan ix-xenarju. Fokus fuq xenarju tal-aħjar każ jippermetti l-iżvilupp ta’ narrattiva pożittiva. It-tranżizzjoni mill-ekonomija intensiva fl-użu tar-riżorsi u tal-karbonju u mis-soċjetà ċentralizzata tas-seklu għoxrin ma tridx titqies bħala punittiva jew bħala t-tmiem tal-progress, iżda bħala era pożittiva u ġdida li toffri opportunitajiet attraenti għaċ-ċittadini. |
6.3. Espliċità
|
6.3.1. |
Il-fokus fit-tul tal-istrateġija ta’ sostenibbiltà ma jimplikax li ma hemmx miżuri politiċi li għandhom jittieħdu fi żmien qasir. Minflok, element ċentrali tal-istrateġija ta’ sostenibbiltà għandu jkun li tiġi żviluppata l-katina ta’ miżuri politiċi li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi previsti għall-2050, li jibdew bil-programmi politiċi li jidħlu fis-seħħ fuq medda twila ta’ żmien, il-pjani ta’ politika b’effetti fuq terminu medju u l-miżuri speċifiċi mmirati lejn il-perjodu qasir. Sabiex jinkiseb l-ogħla livell ta’ effettività possibbli, jeħtieġ li tiġi identifikata b’mod ċar il-ġerarkija bejn il-programmi politiċi, il-pjani ta’ politika u l-miżuri politiċi. Fl-approċċi preċedenti għas-sostenibbiltà, speċjalment dawk żviluppati skont l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-Istrateġija Ewropa 2020, kien hemm nuqqas ċar ta’ espliċità fir-rigward tal-miżuri politiċi speċifiċi. F’dan ir-rigward, l-istrateġija tas-sostenibbiltà Ewropea għandha tieħu l-Istrateġija ta’ Gothenburg għall-Iżvilupp Sostenibbli (34) bħala referenza, bl-enfasi ċara tagħha fuq il-miżuri politiċi li kienet imġedda fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjattaforma għall-azzjoni (35). |
6.4. Integrazzjoni orizzontali u vertikali
|
6.4.1. |
F’dak li għandu x’jaqsam mar-realizzazzjoni tal-approċċi politiċi deskritti fit-taqsima 5 u mal-implimentazzjoni tal-miżuri politiċi differenti stabbiliti fit-taqsima 5, ħaġa waħda għandha tittieħed b’serjetà kbira: ir-rabta mill-qrib tat-tliet sfidi globali mal-megatendenza tad-diġitalizzazzjoni. Għalhekk, strateġija ta’ suċċess trid tevita l-mod ta’ ħsieb kompartimentalizzat u tkun integrata orizzontalment, u tkopri s-sitt oqsma ta’ politika kollha. Tali strateġija komprensiva fit-tul tista’ sservi bħala suċċessur għall-istrateġija Ewropa 2020 attwali, filwaqt li tikkombina l-implimentazzjoni tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli universali, u tirrifletti impenn qawwi lejn il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, mal-prijoritajiet tax-xogħol tal-Kummissjoni Ewropea (36). |
|
6.4.2. |
Politika ta’ sostenibbiltà ta’ suċċess trid tkun ukoll vertikalment olistika. L-iżvilupp sostenibbli se jkollu bżonn appoġġ fil-livelli politiċi kollha rilevanti (lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali). Għalhekk, jeħtieġ li jiġi definit b’mod ċar f’liema livelli politiċi għandhom jittieħdu l-passi rilevanti stabbiliti fil-qafas strateġiku. Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ qafas għal governanza u koordinazzjoni flimkien mal-istrateġija sabiex tiġi żgurata koerenza bejn il-miżuri ċentralizzati u deċentralizzati, kif ukoll sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tiġi involuta fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Is-Semestru Ewropew għandu jiġi żviluppat aktar sabiex jinkorpora mekkaniżmu għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-SDGs vertikalment. |
6.5. Maniġġabbiltà
|
6.5.1. |
L-iżvilupp tas-sostenibbiltà jeħtieġ ġestjoni politika. Abbażi tal-għanijiet imkejla previsti għall-2050 (ara l-punt 6.2), għandhom jiġu stabbiliti miri intermedji li jservu bħala stadji importanti. Hija meħtieġa evalwazzjoni kontinwa sabiex jiġi mmonitorjat jekk il-katina ta’ miżuri politiċi espliċiti (ara l-punt 6.3) hijiex qed tipproduċi r-riżultati maħsuba. F’każ li r-riżultati ma jilħqux l-objettivi u l-miri, ikun meħtieġ li jiġi żgurat l-allinjament immedjat tal-miżuri politiċi. |
|
6.5.2. |
Sabiex jiġi vvalutat il-progress f’termini tal-qafas strateġiku fit-tul u x-xenarju tal-aħjar każ għall-2050, hija meħtieġa tabella ta’ valutazzjoni (scorecard) estensiva li tkun tirrifletti l-approċċ multisettorjali u kumpless deskritt f’din l-Opinjoni. Din it-tabella ta’ valutazzjoni għandha tinkludi indikaturi mis-sitt oqsma ta’ politika kollha sabiex tkun tirrifletti l-interkonnettività tat-tliet problemi globali u l-megatendenza tad-diġitalizzazzjoni deskritti fit-taqsima 2. Approċċ strateġiku u ġenwin ta’ sostenibbiltà se jkun possibbli biss jekk jitwettaq il-kompitu analitiku ħafna tal-iffissar ta’ indikaturi xierqa u l-inklużjoni tagħhom f’“tabella ta’ valutazzjoni olistika”. Jeħtieġ li tiġi ġestita wkoll il-koordinazzjoni orizzontali u vertikali tal-politika dwar is-sostenibbiltà (ara l-punt 6.4). Dawn it-tliet kompiti (il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, l-allinjament tal-miżuri politiċi u l-koordinazzjoni tal-integrazzjoni orizzontali u vertikali), jirrikjedu korpi amministrattivi li jistgħu jinżammu responsabbli. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun direttorat ġenerali fil-livell tal-UE u korpi simili fil-livell nazzjonali. |
|
6.5.3. |
Barra minn hekk, il-KESE jirrikonoxxi li f’dinja li qed tinbidel malajr, jeħtieġ li l-komunitajiet jiġu evalwati b’indikaturi differenti mit-tkabbir ekonomiku. Għalhekk, il-KESE ssuġġerixxa li jintuża punt ta’ riferiment ġdid: “il-progress tas-soċjetajiet”. Din il-miżura tqis fatturi oħra minbarra t-tkabbir ekonomiku biex tivvaluta l-progress tal-komunità. Il-progress tas-soċjetajiet għandu jitqies bħala punt ta’ riferiment komplementarju għal dak tat-tkabbir ekonomiku, li jipprovdi stampa usa’ tas-sitwazzjoni fi ħdan komunità (37). |
Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) SWD(2016) 390 final (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Rimarki mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli ta’ Lulju 2017 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.
(3) L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans fis-sessjoni plenarja tal-KESE tal-15 ta’ Diċembru 2016.
(4) Opinjoni tal-KESE dwar Suq intern diġitali inklużiv, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 8.
(5) Konsumaturi tal-enerġija attivi li jikkonsmaw kif ukoll jipproduċu l-elettriku.
(6) Opinjoni tal-KESE dwar Kooperattivi tal-Prosumaturi fil-Qasam tal-Enerġija u l-Elettriku, ĠU C 34, 2.2.2017, p. 44.
(7) Opinjoni tal-KESE dwar Il-Ġustizzja Klimatika, NAT 712 (ara paġna 22 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(8) OECD: “Understanding the Socio-Economic Divide in Europe” (Il-Fehim tad-Diviżjoni Soċjoekonomika fl-Ewropa). Rapport ta’ Sfond 2017.
(9) Schwellnus, C., Kappeler, A. u Pionnier, P.: OECD Working Papers (Dokumenti ta’ Ħidma tal-OECD). Decoupling of Wages from Productivity: Macro-Level Facts.
(10) Ewrobarometru.
(11) Opinjoni tal-KESE dwar Koalizzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi; ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20.
(12) Building the Europe We Want (Nibnu l-Ewropa li Rridu), studju mill-Forum ta’ Partijiet Interessati għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 2015.
(13) Common appeal to European leaders by European Civil Society Organisations and Trade Unions (Appell komuni lill-mexxejja Ewropej mill-Organizzazzjonijiet Ewropej tas-Soċjetà Ċivili u t-Trejdjunjins), 21 ta’ Marzu 2017.
(14) Opinjoni tal-KESE dwar Mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda, SC/048 (ara paġna 57 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(15) Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ĠU C 230, 14.7.2015, p. 72.
(16) Opinjoni tal-KESE dwar Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, ĠU C 288, 31.8.2017, p. 20.
(17) Opinjoni tal-KESE dwar Żvilupp sostenibbli: immappjar tal-politiki interni u esterni tal-UE, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 41.
(18) Opinjoni tal-KESE dwar L-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65.
(19) Opinjoni tal-KESE dwar In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta’ paga li tiggarantixxi l-għajxien, ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.
(20) Opinjoni tal-KESE dwar l-Ekonomija Kollaborattiva, ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33.
(21) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10.
(22) Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni tal-kreattività, l-intraprenditorija u l-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ,ĠU C 332, 8.10.2015, p. 20.
(23) Opinjoni tal-KESE dwar L-intelliġenza artifiċjali, ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.
(24) Opinjoni tal-KESE dwar Koalizzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi; ĠU C 389, 21.10.2016, p. 20.
(25) Opinjoni tal-KESE dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (reviżjoni), ĠU C 389, 21.10.2016, p. 35.
(26) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 57.
(27) Opinjoni tal-KESE dwar Strumenti bbażati fuq is-suq – Ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fl-UE, ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1 (il-punt 3.9.4).
(28) Ir-rapport tal-UNEP dwar “Building a Sustainable Financial System in the European Union” (Il-bini ta’ Sistema Finanzjarja Sostenibbli fl-Unjoni Ewropea) Inkjesta tal-UNEP u t-2 Inizjattiva ta’ Investiment, Marzu 2016; ara wkoll rapporti oħrajn dwar il-finanzjament sostenibbli fuq http://web.unep.org/inquiry.
(29) Opinjoni tal-KESE dwar Strumenti bbażati fuq is-suq – Ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fl-UE, ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1 (il-punt 1.3).
(30) Opinjoni tal-KESE dwar il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98, (il-punt 1.3).
(31) Opinjoni tal-KESE dwar L-Aġenda 2030 – Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment, ĠU C 34, 2.2.2017, p. 58.
(32) Opinjoni tal-KESE dwar Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 123, (il-punt 1.9).
(33) Id-deċiżjoni tal-UNFCCC li takkumpanja l-Ftehim ta’ Pariġi ssemmi “strateġiji ta’ żvilupp għal livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra għat-tul sa nofs is-seklu” (il-paragrafu 35).
(34) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Ewropa Sostenibbli għal Dinja Aħjar: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli, COM(2001) 264.
(35) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli – Pjattaforma għall-azzjoni, COM(2005) 658 final.
(36) Opinjoni tal-KESE dwar Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli — Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà, ĠU C 345, 13.10.2017, p. 91.
(37) Opinjoni tal-KESE dwar Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari, .ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14.