Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0042

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari — (COM(2015) 614 final), “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ” — (COM(2015) 596 final — 2015/0276 (COD)), “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart” — (COM(2015) 595 final — 2015/0275 (COD)), “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma” — (COM(2015) 594 final — 2015/0274 (COD), u dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku” — (COM(2015) 593 final — 2015/0272 (COD))

ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98–109 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/98


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari

(COM(2015) 614 final),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ”

(COM(2015) 596 final — 2015/0276 (COD)),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart”

(COM(2015) 595 final — 2015/0275 (COD)),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma”

(COM(2015) 594 final — 2015/0274 (COD),

u dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku”

(COM(2015) 593 final — 2015/0272 (COD))

(2016/C 264/14)

Relatur:

is-Sur Cillian LOHAN

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2015, l-14 ta’ Diċembru 2015 u nhar il-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1), 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” — (COM(2015) 614 final)

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ” — (COM(2015) 596 final – 2015/0276 (COD))

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart — (COM(2015) 595 final — 2015/0275 (COD))

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma” — (COM(2015) 594 final — 2015/0274 (COD))

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku” — (COM(2015) 593 final — 2015/0272 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’192 vot favur, 4 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa fiduċjuż li l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari ser tkun l-ewwel pass sabiex tinkiseb bidla fundamentali fl-attitudni u fil-prattika. Huwa jfakkar l-oppożizzjoni tiegħu għall-irtirar tal-Pakkett preċedenti dwar l-Ekonomija Ċirkolari ppubblikat fl-2014.

1.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-Kummissjoni adottat xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-Pakkett tal-2014 (pereżempju, l-enfasi fuq il-parti iktar ‘il fuq fil-katina taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott). Madankollu, hemm lok għal titjib meta niġu għal-livell ta’ ambizzjoni tal-pakkett. Il-miri mill-Pakkett tal-2014 ipprovdew aktar benefiċċji ekonomiċi u ambjentali (1). Il-KESE jirrakkomanda li jerġgħu jiġu introdotti l-miri tal-Pakkett tal-2014 dwar it-trattament tal-iskart, filwaqt li jiġi żgurat li dawn jistgħu jintlaħqu b’mod kosteffettiv. B’mod ġenerali, id-dewmien ta’ 18-il xahar ma jidhirx iġġustifikat mill-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut ta’ ambizzjoni tal-Pakkett il-ġdid meta mqabbel mal-Pakkett ta’ qabel.

1.3

Il-politiki tal-ekonomija ċirkolari għandhom jiżguraw li ċ-ċrieki jkunu dewwiema, żgħar, lokali u nodfa. Għal ċerti attivitajiet industrijali ċ-ċrieki jistgħu jkunu kbar.

1.4

Il-proposti tal-Kummissjoni ma jindirizzawx b’mod suffiċjenti l-benefiċċji u r-riskji soċjali u dawk marbuta max-xogħol ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari (2). Ma jipprevedux l-addattament meħtieġ, permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni, tal-forza tax-xogħol. L-aktar setturi u ħaddiema vulnerabbli għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi stabbilita għalihom sensiela sħiħa ta’ strutturi ta’ appoġġ.

1.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rappurtar obbligatorju dwar l-użu ta’ strumenti ekonomiċi adegwati biex jixprunaw it-tilħiq tal-miri għat-tnaqqis tal-iskart, iżda dan għandu jiġi applikat f’kuntest usa’. L-użu ta’ strumenti ekonomiċi sabiex jixprunaw it-transizzjoni għandu jissaħħaħ u jsir aktar sistemiku.

1.6

Il-Kumitat huwa lest li jeżamina l-fattibbiltà ta’ pjattaforma Ewropea – ospitata mill-KESE – miftuħa għall-ekonomija ċirkolari li tlaqqa’ flimkien partijiet interessati u s-soċjetà ċivili mis-setturi pubbliċi, semipubbliċi jew privai involuti fl-effiċjenza tar-riżorsi. Din il-pjattaforma għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għas-sensibilizzazzjoni dwarhom.

1.7

L-edukazzjoni fil-forom kollha tagħha fil-livelli kollha ser tkun parti essenzjali tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. Din għandha tinkludi l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-ħaddiema li jeħtieġ li jagħmlu parti minn bidla immedjata kif ukoll l-azzjoni aktar fit-tul li tikkonċerna l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.

1.8

It-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari għandha tagħti riżultati għall-komunità tan-negozju. F’NAT/652 ġew identifikati l-miżuri li jappoġġjaw l-SMEs (3). L-aċċess għall-finanzjament ser ikun kwistjoni għall-SMEs u l-intraprendituri li jkunu jridu jisfruttaw l-opportunitajiet li jinfetħu fl-ispazju tal-ekonomija ċirkolari.

1.9

Ir-reviżjoni mistennija tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn għandha tikkunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, inklużi: id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, id-disponibbiltà/l-affordabbiltà tal-parts tal-bdil, id-divulgazzjoni mingħajr kundizzjoni tal-informazzjoni min-naħa tal-manifatturi dwar it-tiswija u s-servizzi. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu applikati l-prinċipji tal-ekodisinn għss-setturi tal-manifattura kollha. Dan għandu jiffaċilita l-irkupru ekonomikament u teknikament vijabbli tal-materja prima u l-partijiet komponenti tal-prodotti minħabba li l-użu tagħhom ma tkompliex. L-eżempju tal-prodotti elettroniċi, b’mod partikolari t-telefowns ċellulari, huwa ġeneralment użat biex jenfasizza dan.

1.10

Huwa meħtieġ tikkettar aktar komprensiv biex jinkludi l-ħajja mistennija tal-prodotti. Mhuwiex biżżejjed li tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-eżistenza tal-obsolenza ppjanata. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu lil dawk kollha responsabbli għat-tfassil tal-politika biex jikkunsidraw li jkun hemm projbizzjoni totali fuq il-prodotti maħluqa b’difetti interni b’tali mod li jwasslu sabiex il-prodott ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża aktar (4).

1.11

L-aħjar mod biex tinkiseb bidla fl-imġiba huwa permezz ta’ sinjali ċari tal-prezzijiet, jiġifieri billi jiġu offruti konvenjenza u prezzijiet kompetittivi lill-konsumaturi. Prodotti jew servizzi li jsegwu l-prinċipji taċ-ċirkolarità għandhom ikunu differenzjati fil-prezz fuq bażi tad-disponibbiltà/l-iskarsezza tar-riżorsi jew kif il-prodott ikun iddisinjat. Dawn inizjalment jistgħu jinkisbu permezz ta’ skemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR) u/jew tassazzjoni ekoloġika. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ittestjar tal-vijabbiltà ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

1.12

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimii għall-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur; madankollu, hemm bżonn li jiġu ċċarati iżjed ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati differenti fil-katina. L-iskemi EPR għandhom ikunu obbligatorji għall-adozzjoni mill-Istati Membri.

1.13

Għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ appoġġ li jippermettu li l-persuni fqar ikollhom aċċess għal prodotti u servizzi ta’ kwalità ogħla (li inizjalment ikollhom prezz ogħla). Dawn jista’ jieħu l-forma ta’ skema ta’ self sostnuta mill-gvern, jew skema ta’ finanzjament sostnuta mill-manifattur esklużivament applikata b’rati aktar baxxi għal prodotti b’ċerta ħajja mistennija minima, u ddisinjati biexj inkorporaw l-elementi kollha taċ-ċirkolarità.

1.14

Hemm evidenza li għodod tal-politika speċifiċi bħal skemi ta’ għoti lura tad-depożitu mar-ritorn u sistemi integrati ta’ ġestjoni huma effettivi u għandhom jiġu inkoraġġiti bħala parti mill-pakkett. Rati mnaqqsa jew eżenzjoni fuq il-VAT għal prodotti riċiklati kif ukoll attivitajiet ta’ użu mill-ġdid u tiswija jistgħu jkunu ta’ inċentiv għall-intraprendituri biex ikunu attivi f’dan l-ispazju, u joffru lill-konsumaturi prodott bi prezz kompetittiv, li ser jgħin biex jippromovi bidla fl-imġiba fuq skala wiesgħa. Is-sussidji għandhom jiċċaqilqu biex jappoġġjaw l-użu ta’ materja prima sekondarja, u jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekodisinn fis-setturi tal-manifattura kollha.

1.15

Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tagħhom għandhom jieħdu rwol ewlieni fl-applikazzjoni tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għal kull xiri ta’ prodotti u servizzi fis-setgħa tagħhom. L-iktar alternattiva ekoloġika għandha tintgħażel b’mod awtomatiku, u kull alternattiva oħra għandha tirrikjedi ġustifikazzjoni.

1.16

Il-ġbir separat tal-iskart huwa kritiku għall-kisba taċ-ċirkolarità. Tintlaqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda tar-rekwiżit vinkolanti sabiex minnufih jiġi pprovdut ġbir separat għall-bijoskart. Ir-rekwiżit fid-Direttiva għandu jissaħħaħ għall-ġbir separat kollu, sabiex dan isir obbligatorju sakemm ma tingħatax eżenzjoni speċifika fejn ikum hemm restrizzjoni f’dak li jirrigwarda l-fattibbiltà fil-prattika.

1.17

It-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jista’ jintlaħaq biss permezz tal-inklużjoni ta’ stadji importanti fit-triq lejn il-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 2. Fl-Anness għandu jiġi inkluż mekkaniżmu biex jiġu kwantifikati t-telf u l-ħela tal-ikel b’data tal-għeluq speċifika, li jibni fuq ix-xogħol li diġà sar (5).

1.18

Il-kunċetti tal-ekonomija ċirkolari ma jistgħux jiġu żviluppati b’mod iżolat. Jinħtieġ korp ta’ sorveljanza, bħall-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, bl-inkarigu li jiżgura li strateġiji settorjali oħra li jkunu ġejjin mill-Kummissjoni jkunu f’armonija mal-prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari.

1.19

Il-proċess tas-Semestru permezz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż jista’ jintuża biex jiżgura l-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri, u biex jiżgura prijoritizzazzjoni ta’ tranżizzjoni għal mudell tal-ekonomija ċirkolari.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea nediet pakkett rivedut dwar l-ekonomija ċirkolari. Il-proposti jinkludu sezzjoni mhux leġislattiva, inkluża Komunikazzjoni “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” u sezzjoni li tipproponi serje ta’ emendi għal-leġislazzjoni Ewropea eżistenti dwar it-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart.

2.2

Il-proposti l-ġodda jissostitwixxu l-pakkett ta’ qabel li l-Kummissjoni Ewropea, immexxija minn José Manuel Barroso, ħarġet f’Lulju 2014 fil-qafas tal-Inizjattiva Ewlenija UE2020 “Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi”. Il-pakkett il-ġdid għandu xi titjib — b’mod partikolari, huwa aktar komprensiv u jkopri l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott — u xi oqsma fejn l-ambizzjoni tnaqqset. Hemm il-periklu li l-pakkett jiffoka fuq ir-riċiklaġġ, u ma jintroduċix għodod tal-politika li jissodisfaw ix-xewqa biex jinkiseb mudell ekonomiku ġdid taċ-ċirkolarità. Rati aktar għoljin ta’ riċiklaġġ mhumiex sinonimi ma’ ekonomija aktar ċirkolari. B’mod ġenerali, id-dewmien ta’ 18-il xahar ma jidhirx iġġustifikat mill-kamp ta’ applikazzjoni jew il-kontenut ta’ ambizzjoni tal-pakkett il-ġdid meta mqabbel mal-pakkett ta’ qabel.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-bidla minn ekonomija lineari ta’ estrazzjoni-trasformazzjoni-użu-rimi għal waħda ċirkolari fejn l-iskart jista’ jiġi ttrasformat f’riżorsi hija sfida kruċjali għall-Ewropa. Tagħmel lill-ekonomija aktar sostenibbli u tnaqqas l-impronta ambjentali permezz ta’ ġestjoni aħjar tar-riżorsi, it-tnaqqis tal-estrazzjoni u t-tniġġis; tippermetti wkoll lin-negozji jiksbu vantaġġ kompetittiv bis-saħħa ta’ ġestjoni aħjar tal-materja prima, filwaqt li tagħmel lill-ekonomija anqas dipendenti minn materjali importati potenzjalment kritiċi u rari; tipprovdi wkoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda u swieq ġodda, fi ħdan u barra l-Ewropa, u twassal għall-ħolqien ta’ impjiegi lokali ġodda.

3.2

Ir-rikonoxximent tal-ħtieġa għal tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari huwa apprezzat. L-isfida hija li tinkiseb bidla sistematika jekk għandu jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tad-diversi benefiċċji ekonomiċi u soċjali. Politiki favur ekonomija ċirkolari, għandhom jiżguraw li ċ-ċrieki jkunu dejjiema, żgħar, lokali, nodfa. Madankollu, id-daqs taċ-ċrieki jista’ jvarja. F’ekonomija ċirkolari l-użu huwa aktar importanti mis-sjieda: is-sistemi produzzjoni/servizzi u xejriet ta’ konsum kollaborattiv jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv ħafna f’dan ir-rigward u se jkunu żviluppati iktar f’żewġ opinjonijiet ippjanati tal-KESE. Ekonomija ċirkolari mhijiex biss ekonomija lineari fejn nippruvaw indaħħlu lura l-iskart fil-produzzjoni iżda għandha l-għan li tikseb bidla sħiħa tal-ekonomija, fejn il-kunċetti nnifishom tar-responsabbiltà u tas-sjieda jridu jiġu definiti mill-ġdid. Tali bidliet elementari għandhom ikunu implimentati filwaqt li jkunu konxji tal-kuntest globali interkonness tal-mudell ekonomiku attwali. Huwa rari li tittieħed azzjoni siewja biss fuq livell reġjonali meta jiġu trattati kwistjonijiet globali u jeħtieġ li jingħata bidu lil inizjattiva globali.

3.3

L-effetti fuq l-ekonomija minn tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari għandhom jiġu analizzati kontinwament. Hekk kif il-prattiki ta’ negozju antikwati qed jiskadu dawk l-aktar milquta jridu jiġu identifikati u jingħatalhom l-appoġġ biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ċirkolari. Għandhom jiġu indirizzati l-benefiċċji u r-riskji soċjali u dawk relatati max-xogħol (6).

3.4

Hemm nuqqas ta’ strumenti ekonomiċi biex jixprunaw it-tranżizzjoni. Il-KESE identifika l-ħtieġa għal taħlita ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u strumenti regolatorji biex tinkiseb ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (7). L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/98/KE jesiġi li l-Istati Membri jużaw strumenti ekonomiċi, u jinkludi mekkaniżmu ta’ rappurtar wara 18-il xahar u mill-ġdid wara 5 snin. Dan il-mekkaniżmu jista’ jissaħħaħ billi jiġi inkluż rapport interim u rakkomandazzjoni biex tintuża taxxa ambjentali. L-iżvilupp ta’ strumenti dwar l-aħjar prattika fl-Istati Membri għandu jkun kondiviż u l-adozzjoni għandha titħeġġeġ permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

3.5

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi aktar ċarezza dwar il-koerenza tal-pjani ta’ azzjoni differenti maħruġa fis-snin preċedenti u r-relazzjoni bejniethom mil-lat ta’ ġerarkija u kundizzjonalità: il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Rizorsi (8), is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2020 (9) u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari. Ħafna mill-attivitajiet proposti fil-pjan ta’ azzjoni reċenti diġà ssemmew fl-inizjattivi ta’ qabel. Valutazzjoni sħiħa tas-suċċessi u l-fallimenti tal-inizjattivi preċedenti hija kritika.

3.6

Il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, għad hemm kwistjoni kritika: il-miżuri, kollha f’daqqa, huma biżżejjed biex iċaqalqu lill-ekonomiji Ewropej mit-triq tal-iżvilupp attwali (li ser iżid ukoll l-effiċjenza tar-riżorsi) lejn mudell verament ċirkolari li jissepara l-benefiċċji ekonomiċi mill-użu tar-riżorsi naturali (separazzjoni assoluta) u jimmultiplika l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali (10)? Dan il-pjan ta’ azzjoni jeħtieġ li jiġi adattat biex jindirizza l-isfidi sistemiċi sottostanti u joħloq qafas suffiċjenti biex tinbeda t-tranżizzjoni (11).

3.7

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar l-iskart (12). Ġew innotati l-benefiċċji mnaqqsa mil-lat tal-ekonomija, l-impjieg u t-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dan il-Pakkett meta mqabbla mal-benefiċċji tal-Pakkett li ġie rtirat. Analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji dwar il-pjan ta’ azzjoni mhux leġislattiv tkun utli għall-identifikazzjoni tal-miżuri l-aktar effettivi u proporzjonati biex tinkiseb tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari (13).

3.8

L-implimentazzjoni hija fundamentali għas-suċċess. Il-KESE jappella għal korp speċifiku responsabbli għall-koerenza u għall-kundizzjonalità, li jixbah lill-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (14) li kkontribwixxiet għas-Seba’ EAP u l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari.

3.9

Il-Kumitat jagħraf l-isforzi tal-Kummissjoni li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati u esperti, kif intalab fl-Opinjoni NAT/652 (15). It-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari huwa proċess fit-tul u għandu bżonn sjieda fil-livelli u s-setturi kollha. Il-Kummissjoni tenfasizza l-intenzjoni tagħha li tinvolvi b’mod attiv lill-partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni (16); id-dettall ta’ dan ser ikun kruċjali.

3.10

Il-KESE jirrepeti l-offerta tiegħu li ressaq fl-opinjoni tiegħu NAT/652 li l-Kumitat jippromovi b’mod attiv in-netwerks tal-atturi tas-soċjetà ċivili li jargumentaw favur tranżizzjoni għal mudell ta’ ekonomija ċirkolari u li jeżamina wkoll l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ pjattaforma Ewropea għall-ekonomija ċirkolari. Hemm għadd ta’ forums eżistenti li joffru perspettiva settorjali teknika. Il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba biex joffri forum viżibbli biex jiffaċilita r-rappurtar u l-impenn tal-partijiet interessati ewlenin dwar l-ekonomija ċirkolari. Dan jista’ jiġi organizzat f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita pjattaforma transsettorjali li tinvolvi għadd ta’ partijiet interessati. Il-KESE diġà għandu Forum dwar il-Migrazzjoni li jista’ joffri mudell adatt biex jiġi replikat.

3.11

Huma kritiċi r-rwol tal-ħaddiema fit-tranżizzjoni u wara t-tranżizzjoni f’mudell ta’ ekonomija ċirkolari u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. Il-KESE stqarr il-pożizzjoni tiegħu (17) li minkejja l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi  (18) il-Pakkett li ġie rtirat ma kienx jindirizza biżżejjed il-benefiċċji soċjoekonomiċi u l-isfidi speċifiċi tal-ekonomija ċirkolari. Dan għadu jgħodd għall-Pakkett tal-2015. L-industriji u n-negozji li ser jiġu affettwati b’mod negattiv mit-tranżizzjoni għandhom ikunu l-fokus ta’ xi parti mill-appoġġ sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. Il-ħaddiema għandhom ikunu protetti, u jitħallew jibbenefikaw mill-bosta opportunitajiet (19) offruti mill-mudell ċirkolari l-ġdid.

3.12

L-edukazzjoni għandha tiġi estiża għal-livelli kollha mill-iskejjel primarji sal-kumpaniji, l-SMEs, l-investituri u l-finanzjaturi. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintrabtu fi programm koerenti li jindirizza identifikati l-isfidi soċjoekonomiċi identifikati. L-edukazzjoni ser tkun waħda mill-ixpruni ta’ bidla fl-imġiba fuq skala wiesgħa u tista’ tgħin tistabbilixxi ġenerazzjoni ġdida ta’ konsumaturi responsabbli b’għażliet ta’ konsum etiku bi prezzijiet preċiżi, konvenjenti u ta’ kwalità għolja.

3.13

It-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari għandha tagħti riżultati għall-komunità tan-negozju. F’NAT/652 ġew identifikati l-miżuri li jappoġġjaw l-SMEs (20). L-aċċess għall-finanzjament ser ikun kwistjoni għall-SMEs u l-intraprendituri li jkunu jridu jisfruttaw l-opportunitajiet li jinfetħu fl-ispazju tal-ekonomija ċirkolari. Il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll fondi tematiċi, bħal LIFE u COSME, huma sors possibbli ta’ finanzjament u, fi ħdanhom, għandhom ikunu disponibbli għażliet speċifiċi ta’ finanzjament.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1    Produzzjoni

4.1.1

Ir-reviżjoni mistennija tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (21) għandha tikkunsidra ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, inklużi: id-durabbiltà, l-obsolenza ppjanata (jew il-“ħajja mistennija”), il-possibbiltà ta’ tiswija, id-disponibbiltà/affordabbiltà tal-parts tal-bdil, id-divulgazzjoni tal-informazzjoni mingħajr kundizzjoni mill-manifatturi.

4.1.2

Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn bħalissa tapplika biss għal prodotti relatati mal-enerġija. F’pubblikazzjonijiet preċedenti (22), il-mobbiltà, l-akkomodazzjoni u l-ikel ġew identifikati bħala responsabbli għal 70-80 % tal-impatt ambjentali negattiv. Dan jenfasizza l-ħtieġa li l-prinċipju tal-ekodisinn jiġi applikat fis-setturi kollha. Dan huwa element trasversali kruċjali. B’mod partikolari, għall-iżvilupp tal-SMEs reġjonali fl-oqsma ta’ opportunità tat-tiswija, l-użu mill-ġdid u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, il-materjal ta’ sors jeħtieġ li jkun maħsub għal diversi użi varjati u għaż-żarmar u l-ipproċessar mill-ġdid.

4.1.3

L-iskemi tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR) għandhom jikkunsidraw b’mod sħiħ iċ-ċrieki kollha. Huwa rikonoxxut li r-regolamentazzjoni tal-effiċjenza tal-materjali hija kwistjoni aktar kumplessa mill-effiċjenza fl-enerġija iżda l-isfida għandha tiġi indirizzata b’approċċ innovattiv. Inċentivi ġodda marbuta mal-EPR jeħtieġ jiżgura li dawn jissarrfu f’tibdil sustantiv fl-imġiba fil-livell tal-produttur, u dan iwassal għal bidla fl-imġiba fil-livell tal-konsumatur. Il-manifatturi għandhom ikunu obbligati li jikkomunikaw il-ħajja mistennija tal-prodotti tagħhom.

4.1.4

Simbjożi settorjali favorevoli għall-SMEs fuq il-bażi ta’ ekosistemi ekonomiċi u soċjali lokali bl-appoġġ ta’ politiki reġjonali tal-industrija ekoloġika ser teħtieġ l-appoġġ u l-promozzjoni fil-fażi tat-twettiq tat-tranżizzjoni. L-ewwel fażi taċ-ċirkolarità ser tinvolvi l-ekonomiji reġjonali b’għadd kbir ta’ SMEs. Użu akbar ta’ prodotti sekondarji industrijali bħala materja prima għal industriji oħra għandu jikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar kif il-Kummissjoni ser tuża l-Artikolu 5 emendat tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart sabiex tilħaq dan l-għan.

4.1.5

L-ekonomija ċirkolari tista’ tiżviluppa aktar, fi stadju aktar ‘il quddiem, biex tappoġġja r-riindustrijalizzazzjoni sostenibbli tal-Ewropa. Hemm il-potenzjal li titfaċċa fażi ta’ żvilupp b’dimensjoni industrijali ċara, ibbażata fuq l-istandardizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat li tista’ tkun mudell effiċjenti u fuq skala kbira.

4.1.6

Ekonomija ċirkolari ġenwina tiffoka fuq is-sjieda u r-responsabbiltà. Il-produtturi għandhom jiġu inkoraġġiti biex jiżviluppaw mudelli tan-negozju bbażati fuq il-funzjonalità fejn il-kiri u l-bejgħ tal-prodotti bħala servizzi jsiru prattika standard, fejn l-ispejjeż kollha jiġu internalizzati. Din hija r-rabta bejn il-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi għal mudell ċirkolari bl-istabbiliment ta’ “ekonomija tal-prestazzjoni” fejn mudelli tan-negozju jqisu b’mod sħiħ l-iskarsezza tar-riżorsi.

4.1.7

Il-potenzjal tal-attivitajiet tal-użu mill-ġdid u tat-tiswija mil-lat ta’ attività ekonomika u tal-ħolqien ta’ impjiegi lokali jista’ jiġi sfruttat aħjar permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-manifatturi tal-prodotti. B’mod partikolari, informazzjoni dwar prodotti u d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-parts tal-bdil matul żmien minimu wara li l-prodott jiġi introdott fis-suq huma elementi ewlenin li jistgħu jgħinu lill-operaturi involuti fit-tiswija u l-użu mill-ġdid li jespandu. Għandhom jitħeġġu skemi volontarji għal kooperazzjoni aħjar bis-sehem tal-manifatturi u għandhom jiġu eżaminati r-rekwiżiti legali dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-prodotti. Bl-istess mod, l-operaturi involuti fl-użu mill-ġdid u t-tiswija għandu jkollhom aċċess aktar faċli għal prodotti fi tmiem ħajjithom biex jistimulaw l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi f’dan is-settur.

4.1.8

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fil-fehma tal-Kummissjoni l-obsolenza ppjanata hija kwistjoni li jeħtieġ li tiġi indirizzata. L-obsolenza ppjanata tista’ tiġi miġġielda b’mod effettiv billi jiġu promossi mudelli ta’ negozju innovattivi li jiffukaw fuq is-servizzi/il-prestazzjoni. F’Opinjoni preċedenti ddedikata għall-konsum sostenibbli u ħajjet il-prodotti (23), il-KESE talab lil dawk kollha responsabbli għat-tfassil tal-politika biex jikkunsidraw li jkun hemm projbizzjoni totali fuq il-prodotti maħluqa b’difetti interni b’tali mod li jwasslu sabiex il-prodott ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża aktar. Sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata bis-sħiħ, mhuwiex biżżejjed li sempliċement jintuża l-programm ta’ ttestjar tal-Orizzont 2020 biex jiġu identifikati l-prattiki tal-obsolenza ppjanata, kif suġġerit fil-Pjan ta’ Azzjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq malajr proposti aktar ambizzjużi.

4.2    Konsum

4.2.1

Bidla fl-imġiba tista’ tinkiseb billi jiġu offruti konvenjenza u prezzijiet kompetittivi lill-konsumaturi. Prodotti jew servizzi li jsegwu l-prinċipji taċ-ċirkolarità għandhom ikunu differenzjati fil-prezz fuq bażi tad-disponibbiltà/l-iskarsezza tar-riżorsi jew kif il-prodott ikun iddisinjat. Dawn inizjalment jistgħu jinkisbu permezz ta’ skemi tal-EPR u/jew permezz tat-tassazzjoni ekoloġika. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ittestjar tal-vijabbiltà ta’ kwalunkwe miżura ġdida.

4.2.2

Il-KESE jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu rrazzjonalizzati t-tikketti ekoloġiċi u jiġu pprevenuti dikjarazzjonijiet ambjentali foloz. It-tikkettar preċiż tal-informazzjoni essenzjali meħtieġa mix-xerrejja jiffaċilita aħjar għażliet iżjed ġusti mill-konsumaturi u jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet mill-konsumaturi abbażi ta’ aspetti verament paragunabbli ta’ prodott kwalunkwe. Pereżempju, prezz inizjali aktar għali għal tagħmir tal-kċina jista’ jkun fil-fatt l-għażla aktar ekonomika maż-żmien minħabba tul il-ħajja tat-tagħmir inkwistjoni u l-kwalità u l-prestazzjoni tiegħu.

4.2.3

L-aċċess u l-affordabbiltà, għall-konsumaturi kollha, għat-tagħmir bi prestazzjoni ogħla huma problema. Għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ appoġġ li jippermettu aċċess għal prodotti u servizzi ta’ kwalità ogħla li jkollhom prezz inizjali ogħla lil persuni ifqar. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ skema ta’ self sostnuta mill-gvern, jew skema ta’ finanzjament sostnuta mill-manifattur esklużivament applikata b’rati aktar baxxi għal prodotti b’ċerta ħajja mistennija minima, u ddisinjati biex jinkorporaw l-elementi kollha taċ-ċirkolarità. Din il-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ ċaqliq lil hinn mis-sjieda lejn mudell għall-prodotti abbażi tal-lokazzjoni.

4.2.4

L-għażla ċirkolari għandha tkun affordabbli għall-konsumatur. Tipikament prodott ta’ kwalità ogħla b’ħajja mistennija itwal ser jiswa aktar fix-xirja inizjali. Madankollu matul il-ħajja tal-użu tal-prodott, dan l-iżvantaġġ fl-ispiża normalment jiġi bbilanċjat. Tikkettar u informazzjoni mtejba flimkien ma’ strumenti finanzjarji li jinċentivaw ħajja itwal, partijiet tal-komponenti aktar nodfa, kapaċità aħjar għat-tiswija u ż-żarmar għall-użu mill-ġdid, ser ikunu inċentiv għall-bidla fl-imġiba.

4.2.5

Is-Seba’ EAP (paragrafu 41(d)) jipprevedi l-ħolqien ta’ qafas aktar koerenti għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u għall-iffissar ta’ miri għat-tnaqqis tal-impatt globali tal-konsum. Issir referenza għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 12 tan-NU dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli iżda l-ħtieġa għall-miri identifikati fis-Seba’ EAP mhijiex riflessa fil-Pjan ta’ Azzjoni jew l-Anness.

4.2.6

Il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija għat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tal-konsum u l-produzzjoni u ż-żieda fl-użu multiplu u t-tiswija għandhom jintrabtu biex tinkiseb it-tranżizzjoni għaċ-ċirkolarità.

4.2.7

Għażliet responsabbli mill-konsumatur jitolbu li l-konsumatur jingħata informazzjoni siewja. Għalhekk l-iżvilupp ta’ metodoloġija tal-impronta ambjentali tal-prodott għandu jintlaqa’. Madankollu, diġà ssemma l-ittestjar fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi fl-2011 (24).

4.2.8

Il-KESE jitlob għal miri indipendenti u kwantitattivi għall-użu mill-ġdid, li jkunu separati minn dawk għar-riċiklaġġ. Hemm bżonn li jinħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

4.2.9

Li tingħata spinta lill-iskemi tal-użu mill-ġdid u t-tiswija jista’ jkun eżempju tajjeb għall-użu tal-istrumenti ekonomiċi. L-applikazzjoni ta’ rati tal-VAT aktar baxxi għal prodotti li huma ppreparati għall-użu mill-ġdid jew imsewwija u mibjugħa għandha tiġi eżaminata. Din tittrasforma l-kompetittività tal-prodotti li jissewwew, u tagħti spinta lill-innovazzjoni u lill-attività intraprenditorjali fil-qasam.

4.2.10

Fil-qasam tal-konsum kollaborattiv, għandhom jiġu kkunsidrati l-messaġġi mill-opinjonijiet preċedenti tal-KESE (25). Żviluppi promettenti li joħorġu mill-aħħar riċerka xjentifika, speċjalment fir-rigward tax-xjenza tal-imġiba u l-kunċett “nudge”, għandhom jiġu kkunsidrati sabiex il-konsumaturi jirċievu l-għajnuna biex jagħmlu għażliet iktar responsabbli; il-Kumitat se joħroġ opinjoni dalwaqt dwar dan is-suġġett.

4.2.11

L-akkwist pubbliku ekoloġiku huwa xprun importanti għall-promozzjoni tal-konsum sostenibbli. Hija meħtieġa valutazzjoni tas-sehem attwali tal-APE meta mqabbel mat-total tal-konsum pubbliku. Bħalissal-għażla awtomatika għall-akkwist pubbliku hija l-prezz l-aktar baxx. Din l-għażla awtomatika għandha tkun iffissata bħala l-għażla ekoloġika, sabiex kwalunkwe għażla oħra għajr dik ekoloġika tkun tirrikjedi ċirkustanzi attenwanti u spjegazzjoni adatta.

4.3    Ġestjoni tal-iskart

4.3.1

Implimentazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni Ewropea eżistenti dwar l-iskart madwar l-UE hija essenzjali. Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ġerarkija tal-iskart u jħeġġeġ lill-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha biex jimplimentawha b’mod sħiħ.

4.3.2

Il-parti leġislattiva tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari li temenda diversi direttivi dwar l-iskart iddgħajfet biċ-ċar meta mqabbla mal-proposta li saret fl-2014. Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni wkoll mhijiex ambizzjuża daqs il-miri dwar il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ mitluba mill-Parlament Ewropew f’Lulju 2015 (26).

4.3.3

Il-proposta ta’ obbligu li l-Istati Membri jintroduċu strumenti ekonomiċi biex jippromovu l-ġerarkija tal-iskart (27) u li jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart (28) għandha tiġi apprezzata. Madankollu, mhuwiex ċar jekk l-Istati Membri hux se jkollhom jirrevedu l-programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart eżistenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda (29).

4.3.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-iskemi tal-EPR għandhom ikunu obbligatorji għall-adozzjoni mill-Istati Membri. Huwa jilqa’b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi għall-iskemi tal-EPR fid-dawl tal-prestazzjonijiet differenti ħafna skemi tal-EPR fl-Istati Membri tal-UE. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jissaħħu biex ir-rekwiżiti minimi jiġu armonizzati aktar, b’mod partikolari billi jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati tul il-katina tal-valur kif ukoll ir-responsabbiltà finanzjarja tagħhom. Barra minn hekk, il-leġislaturi għandhom jikkunsidraw jinkludu rekwiżiti speċifiċi tal-EPR fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (30) biex jagħmluhom aktar effettivi.

4.3.5

Il-KESE jinnota li l-Parlament kien talab għal miri ta’ prevenzjoni għall-iskart muniċipali, kummerċjali u industrijali, iżda l-proposta leġislattiva ma tipprevedi l-ebda wieħed minn dawn.

4.3.6

Il-miri tar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali u l-iskart mill-imballaġġ għall-2030 ġew imnaqqsa meta mqabbla mal-proposta preċedenti, minkejja li d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (31) jasal għar-riżultat li miri tar-riċiklaġġ ogħla huma assoċjati ma’ ffrankar ta’ flus akbar u ma’ benefiċċji soċjali u ambjentali akbar (32). Huwa rikonoxxut li l-Kummissjoni waqqfet strateġija ta’ implimentazzjoni elaborata li tindirizza ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati Membri individwali u tikkombina l-miżuri ma’ strumenti finanzjarji tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u strumenti oħra (33).

4.3.7

L-Irlanda għamlet progress mgħaġġel, fi żmien 10 snin, u, minn madwar 100 % tal-iskart imur f’miżbliet, irnexxielha tilħaq il-miri kollha tar-riċiklaġġ tagħha. Hemm pjan ta’ prevenzjoni tal-iskart, u 3 pjani tal-iskart reġjonali fis-seħħ. L-Irlanda kienet fost ta’ quddiem fid-dinja fl-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-basktijiet tal-plastik, li llum il-ġurnata ġiet introdotta madwar id-dinja. Għad hemm diffikultajiet li jridu jingħelbu, bħall-kontroll kważi sħiħ tal-attivitajiet tal-ġestjoni tal-iskart mis-settur privat, u s-sostituzzjoni tar-rimi f’miżbliet bl-inċinerazzjoni f’wisq każijiet. Bħala mudell għal dak li jista’ jinkiseb malajr, l-Irlanda għadha eżempju tajjeb ħafna. Dan jenfasizza n-nuqqas ta’ ħtieġa għal tali deroga ġenerali għall-kisba tal-miri għal ħames snin addizzjonali għal ċerti Stati Membri.

4.3.8

Il-ġbir separat ta’ flussi ta’ skart jidher indispensabbli sabiex jiġi żgurat li ċ-ċrieki jingħalqu b’materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja. L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart jesiġi skemi tal-ġbir separati għal tal-anqas il-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ sal-2015. Il-proposta preċedenti saħħet dan bl-introduzzjoni ta’ ġbir separat għall-bijoskart sal-2025, b’konformità mal-Artikolu 25. Minflok dawn ir-rekwiżiti stretti tal-ġbir separat tal-iskart, il-proposta l-ġdida tinvolvi biss dispożizzjoni “li ma torbotx” — u fil-prattika anqas effettiva — “fejn teknikament, ambjentalment u ekonomikament fattibbli u xieraq”. Il-KESE jitlob biex din tissaħħaħ. Peress li d-dispożizzjoni l-ġdida dwar il-ġbir separat tal-bijoskart ser tidħol fis-seħħ mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat, tali “klawżola ta’ salvagwardja” espliċita tista’ twassal, fil-livell tal-Istati Membri, biex l-ambizzjoni ma tintlaħaqx għalkollox, mil-lat prattiku.

4.3.9

Huwa importanti li wieħed jinnota li rati tar-riċiklaġġ għolja waħedhom mhux ser jikkonservaw ir-riżorsa fix-xenarju tal-prodotti li jinbiegħu malajr, bħal kontenituri tal-aluminju għax-xarbiet, b’ċiklu tal-ħajja mill-produzzjoni sar-rimi ta’ bejn 3 ġimgħat u 6 xhur (34).

4.3.10

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tarmonizza d-definizzjonijiet u l-metodoloġiji ta’ kalkolu biex jiġi żgurat il-ġbir ta’ data affidabbli u paragunabbli. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-definizzjonijiet proposti, b’mod partikolari d-definizzjonijiet tal-“preparazzjoni għall-użu mill-ġdid” u l-“proċess tar-riċiklaġġ finali” (35), ma joħolqux xkiel u/jew ostakli għall-partijiet interessati ekonomiċi involuti fl-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Dawn id-definizzjonijiet għandhom minflok jirriflettu mill-qrib il-ħtiġijiet tagħhom u jgħinu biex jiġu żviluppati l-attivitajiet tagħhom.

4.4    Minn skart għal riżorsi

4.4.1

Bl-inċertezza dwar il-kwalità tal-materja prima sekondarja u l-inċertezzi legali fl-interazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-iskart, il-prodotti u s-sustanzi kimiċi, il-Kummissjoni qed tindirizza ostakli kbar għall-funzjonament tas-suq tal-materja prima sekondarja. Il-Kummissjoni ma tevalwax għala l-istrument tad-Direttiva 2008/98/KE attwali dwar l-iskart, l-istabbiliment ta’ kriterji “tmiem tal-iskart” ma rnexxiex.

4.4.2

Għandu jkun hemm distinzjoni bejn ir-responsabbiltà għall-prestazzjoni tal-prodotti u l-garanziji\l-obbligazzjonijiet assoċjati u r-responsabbiltà għall-partijiet komponenti tal-prodotti. Tal-ewwel ser tixpruna l-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi. Tal-aħħar hija kruċjali għall-preservazzjoni tar-riżorsi, u għat-tneħħija tal-iskart mis-sistema. L-obbligazzjoni estiża għall-partijiet komponenti ta’ prodott ikun ifisser li r-riżorsi moħlija jibqa’ jkollhom sid mhux biss b’responsabbiltà imma wkoll b’vantaġġ kompetittiv għall-użu mill-ġdid tar-riżorsa.

4.4.3

Huma meħtieġa miżuri aktar b’saħħithom biex tiżdied id-domanda għal materja prima sekondarja. Il-Kummissjoni kienet impenjat ruħha fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi għal miżuri aktar ambizzjużi, bħall-valutazzjoni tal-introduzzjoni ta’ “rati ta’ materjal riċiklat” minimi għall-prodotti ewlenin.

4.4.4

It-titjib fl-użu tal-materja prima sekondarja fil-produzzjoni ta’ prodotti ġodda tista’ tkun ukoll qasam għal sħubijiet pubbliċi-privati fil-livell tal-UE, bħall-Isħubija għall-Innovazzjoni Ewropea dwar il-Materja Prima. Ċerti setturi Ewropej jidhru li huma lesti għal impenji b’rabta mal-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, l-industrija tal-karta Ewropea dan l-aħħar ħabbret li ser timpenja ruħha li żżid ir-rata attwali tar-riċiklaġġ tal-karti ta’ kważi 72 % (36).

4.5    Oqsma ta’ prijorità

Il-KESE jieħu nota tal-allokazzjoni li tidher arbitrarja ta’ ħames oqsma ta’ prijorità, bl-esklużjoni notevoli tal-identifikazzjoni tal-“ilma” bħala qasam ta’ prijorità.

Plastik

4.5.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbir ta’ strateġija għall-plastik ippjanata għall-2017 u jistenna bil-ħerqa li jagħti kontribut dettaljat għal din l-istrateġija.

4.5.2

Ser ikun kruċjali li tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tniġġis marittimu mill-plastik f’din l-istrateġija u ser jinħtieġu miri speċifiċi f’dan il-qasam. L-azzjoni speċifika biex jitnaqqas l-iskar tal-baħar identifikata fl-anness, b’konformità mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli, ser tittejjeb ħafna bl-iffissar ta’ mira kwantifikabbli fl-istrateġija dwar il-plastik.

4.5.3

Hemm ukoll opportunità li tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-sjieda u l-EPR speċifikament fir-rigward tal-plastik. Dan huwa kruċjali peress li bħalissa qed ngħixu f’epoka ġeoloġika, l-Antropoċenu, li x’aktarx ser tkun uffiċjalment rikonoxxuta mil-livelli tal-plastik fis-saffi ġeoloġiċi li qed jiġu ffurmati issa.

Ħela tal-ikel

4.5.4

Il-KESE ma jaċċettax li l-kejl tal-ikel mormi huwa diffiċli wisq biex isir u lanqas li għadu kmieni wisq biex tiġi stabbilita mira f’dan il-qasam. Ix-xogħol dwar l-istabbiliment tal-kriterji għall-valutazzjoni tal-livelli ta’ ħela tal-ikel li sar diġà (37).

4.5.5

Ir-referenza għall-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli mhijiex biżżejjed waħidha biex jinkiseb tnaqqis fil-ħela tal-ikel. L-istadji importanti għandhom jiġu inklużi bi skedi ta’ żmien biex jintlaħqu, sabiex il-progress ikun jista’ jitkejjel sas-sena 2030, b’evalwazzjonijiet interim.

Materja prima kritika

4.5.6

L-eżempju li jissemma ta’ spiss tal-mowbajl jenfasizza l-kwistjoni dwar l-irkupru tal-materja prima kritika. Tali prodott ubikwu ser iservi ta’ barometru interessanti għas-suċċess ta’ ħafna aspetti tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, mill-ekodisinn sal-obsolenza u l-irkupru ta’ materja prima kritika.

Xogħol ta’ bini u twaqqigħ tal-bini

4.5.7

L-għażla tal-irdim għandha titneħħa.

4.5.8

Bini eżistenti għandu jiġi ġestit bħala r-riżorsa li jikkostitwixxi, u għandhom jiġu stabbiliti strateġiji sabiex isir l-aqwa użu mill-ġdid u riċiklaġġ possibbli tar-riżorsi abbundanti li fih.

Oqsma oħra

4.5.9

L-ilma bħala riżorsa għandu jkun parti importanti tal-ekonomija ċirkolari (38). L-użu ta’ ċrieki magħluqa, it-tnaqqis tal-iskart, u t-tneħħija ta’ sustanzi li jniġġsu huma aspetti essenzjali tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma f’mudell ċirkolari. Jinħtieġu dettalji ta’ kif se jsir dan.

4.6

Il-monitoraġġ tal-progress lejn ekonomija ċirkolari

4.6.1

Fil-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari preċedenti (39), il-Kummissjoni kienet ħabbret li kienet ser tivvaluta r-rakkomandazzjoni tal-Pjattaforma għall-Użi Effiċjenti tar-Riżorsi li tiġi intrododtta mira ewlenija għall-effiċjenza fir-riżorsi fir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan ikun mod biex dan l-aspett jiġi integrat f’setturi ewlenin tal-politika. Ir-riżultat ta’ dawn il-valutazzjonijiet għandu jiġi ppubblikat u għandha tiġi żviluppata metrika użabbli għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari.

4.6.2

Il-proċess tas-Semestru Ewropew huwa mekkaniżmu eżistenti li jista’ juża kemm l-Analiżi Speċifika għall-Pajjiż tal-Isfidi fl-Investiment, kif ukoll ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż biex juża d-data mill-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali u bażijiet ta’ data oħra biex tiġi promossal-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni mill-mudell lineari attwali li mhuwiex sostenibbli. Il-proċess tas-Semestru Ewropew u s-sett ta’ għodod tiegħu għandhom jintużaw bħala l-istrumenti tal-politika biex jiġu xprunati l-implimentazzjoni u l-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari. It-tħaddir mill-ġdid tal-proċess tas-Semestru Ewropew huwa element kritiku biex jintlaħqu l-miri stabbiliti. Il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni tat-tneħħija gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u l-inklużjoni ta’ rakkomandazzjoni li għażliet fiskali għandhom jintużaw sabiex tiġi promossal-ekonomija ċirkolari, bħall-użu ta’ taxxi ambjentali.

4.6.3

In-natura transsettorjali tal-Ekonomija Ċirkolari titlob li jiġi stabbilit korp tal-monitoraġġ transsettorjali. Dan ikun jeħtieġ li jkollu mandat biex jeżamina l-integrazzjoni orizzontali meħtieġa kif ukoll l-integrazzjoni vertikali meħtieġa biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni.

4.6.4

Kull Stat Membru għandu jidentifika punt ta’ kuntatt speċifiku għar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni għat-tranżizzjoni sabiex din isseħħ fuq l-iskala li l-Kummissjoni identifikat bħala meħtieġa.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  SWD(2015) 259 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99.

(3)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, b’mod partikolari punt 5.

(4)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.

(5)  Ara, pereżempju, il-proġett FP7 EU FUSIONS: http://www.eu-fusions.org/index.php

(6)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, b’mod partikolari punt 4.

(7)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1.

(8)  COM(2011) 571 final.

(9)  Deċiżjoni 1386/2013/UE.

(10)  Ellen MacArthur Foundation, McKinsey, “Growth within: A circular economy vision for a competitive Europe”, p. 32, p. 39, http://www.mckinsey.com/client_service/sustainability/latest_thinking/growth_within_-_a_circular_economy_vision_for_a_competitive_europe

(11)  Għal sfidi sistematiċi, ara l-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, “The European environment – State and Outlook 2015”, rapport ta’ sinteżi, 2015, p. 141, http://www.eea.europa.eu/soer

(12)  SWD(2015) 259 final.

(13)  Eżempji proposti għar-referenza jinkludu: Ellen MacArthur Foundation, McKinsey, “Growth within”, op. cit., p. 34, tabella 1, dokumentazzjoni magħżula dwar l-impatt makroekonomiku tal-ekonomija ċirkolari, inkluż “Circular Economy & Benefits for Society”, rapport mill-Club of Rome, Ottubru 2015 (EN), http://www.clubofrome.org/?p=8851

(14)  http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/re_platform/index_en.htm.

(15)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, punt 1.3.

(16)  COM(2015) 614/2, p. 20.

(17)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, punt 4 u ĠU C 230, 14.7.2015, p. 91, punti 1.5 u 4.8.

(18)  COM(2014) 446 final.

(19)  Parlament Ewropew, Leasing Society, Novembru 2012, studju disponibbli hawnhekk: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/etudes/join/2012/492460/IPOL-ENVI_ET%282012%29492460_EN.pdf

(20)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 99, b’mod partikolari punt 5.

(21)  2009/125/KE.

(22)  COM(2011) 571 final, Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, Kapitolu 5.

(23)  ĠU C 67, 06/03/2014, p. 26. Ara wkoll SIRCOME Agency, l-Università ta’ South Brittany u l-Università tal-Boħemja t’Isfel, “The Influence of Lifespan Labelling on Consumers”, studju kkummissjonat mill-KESE, Marzu 2016.

(24)  Kapitolu 3.1.

(25)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 1.

(26)  A8-0215/2015.

(27)  Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/98/KE.

(28)  Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(29)  Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(30)  Direttiva (UE) 2015/720.

(31)  SWD(2015) 259 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(32)  SWD(2015) 259 final, pp. 13, 15 u 17 (mhux disponibbli bil-Malti).

(33)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2015) 260 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(34)  Ir-rapport tal-EEA dwar l-Ekonomija Ċirkolari, paġna 25.

(35)  Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(36)  http://www.cepi.org/pressrelease/CircularEconomyDec2015

(37)  Ara, pereżempju, il-proġett FP7 EU FUSIONS: http://www.eu-fusions.org/index.php

(38)  Kummissjoni Ewropea, “The Junction of Health, Environment and the Bioeconomy: Foresight and Implications for European Research & Innovation Policies”, 2015, p. 43.

(39)  COM(2014) 398 final, p. 14.


Top