EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE6789

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi” [COM(2015) 750 final — 2015/0269 (COD)]

ĠU C 264, 20.7.2016, p. 77–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi”

[COM(2015) 750 final — 2015/0269 (COD)]

(2016/C 264/09)

Relatur:

is-Sur Paulo BARROS VALE

Nhar l-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 91/477/KEE tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi”

[COM(2015) 750 final — 2015/0269 (COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 8 voti kontra u 20 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Minħabba li l-kwistjonijiet li huma relatati mal-armi huma dejjem suġġett kontroversjali, l-avvenimenti traġiċi fl-Ewropa wasslu għal diskussjoni saħansitra aktar taħraq dwar din il-kwistjoni. Madankollu, il-valutazzjoni tar-reviżjoni tad-direttiva għandha bilfors titqies bl-aktar mod iżjed oġġettiv u mingħajr daqstant passjoni, fejn il-kwistjonijiet tas-sigurtà u tas-suq jiġu analizzati b’mod bilanċjat, u l-kwistjoni ewlenija tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata titħalla għal diskussjonijiet oħrajn li huma aktar adegwati minħabba l-gravità tagħhom.

1.2

Skont l-istudju Study on Firearms (studju dwar l-armi tan-nar) tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (1), ġew irreġistrati madwar 875 miljun arma fl-2007, li minnhom 3 % biss kienu miżmuma mill-pulizija u 23 % mill-militar. F’industrija ta’ dan id-daqs, huwa fid-dmir tal-leġislatur li jsib u li jimponi l-mezzi li jkunu kapaċi jtaffu l-periklu involut bil-pussess ta’ numru daqshekk kbir ta’ armi.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni tad-direttiva inkwistjoni li tiċċara d-definizzjonijiet, tintroduċi rekwiżiti ġodda u regoli aktar konsistenti dwar l-immarkar u l-qerda tal-armi, iżda li tissuġġerixxi wkoll azzjonijiet li huma meqjusin li jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini.

1.4

Fl-industrija tal-armamenti, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri f’setturi oħra, li dwarhom l-Unjoni Ewropea diġà lleġislat bil-bosta, ir-regoli imposti għadhom lura minn dak li seta’ nkiseb mil-lat tas-sigurtà kif ukoll tal-ittraċċar tal-armi u l-munizzjon u tal-individwi involuti f’atti kriminali. Għalhekk, f’qasam tant sensittiv bħalma hi s-sigurtà, għandna nkunu ċari fl-għanijiet li jeħtieġ li jintlaħqu.

1.5

Meta jitqies li l-importanza tat-traċċabilità ma tgħoddx biss għall-armi, iżda tgħodd ukoll għall-munizzjon, il-KESE huwa favur li, fuq perjodu medju jew twil ta’ żmien, tiġi eżaminata l-possibbiltà li l-industrija tiġi imbuttata tevolvi, bil-għan li timmarka l-balal b’mod li ma jitħassarx u f’post fejn ma jiġix distrutt bl-użu. Jekk dan huwa teknikament possibbli, din id-data u d-data l-oħra dwar l-armi, li għandhom ikunu disponibbli f’bażijiet tad-data interoperabbli mill-awtoritajiet responsabbli li japplikaw il-liġi, ikunu jistgħu jikkontribwixxu ħafna għal investigazzjonijiet effiċjenti. Dawn il-bażijiet tad-data ma għandhomx ikunu limitati għal sempliċi reġistri nazzjonali, iżda pjuttost ikun bażi tad-data f’livell Ewropew, li l-awtoritajiet tal-Istati Membi kollha jkunu jistgħu jaċċessaw u jikkobntribwixxu għalih.

1.6

Il-KESE jemmen li l-Ewropa tista’ teżamina l-possibbiltà li ssegwi l-eżempju Awstraljan u Brittaniku fil-programmi tax-xiri tal-armi tagħhom, b’hekk tkun tista’ tneħħi miċ-ċirkolazzjoni eluf ta’ armi. Ma tistax tingħata prova tar-relazzjoni diretta bejn in-numru ta’ armi fl-idejn u n-numru ta’ reati, iżda statistikament, il-probabbilità li jitwettqu reati, li jseħħu inċidenti u li l-armi jaqgħu f’idejn il-kriminali, tkun iżgħar.

1.7

L-evoluzzjoni teknoloġika tal-istampar 3D hija sors ta’ periklu għaliex tista’ tagħti lok għall-produzzjoni ta’ armi, letali daqs l-oħrajn, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ kontroll jew traċċabilità. Barra minn hekk, dawn l-armi jkunu magħmulin prinċipalment minn materjal li ma jinqabadx mis-sistemi tradizzjonali ta’ sigurtà. Iħeġġeġ biex din il-kwistjoni titpoġġa fuq l-aġenda tas-sigurtà tal-pajjiżi li, flimkien, ikunu jistgħu jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni fir-rigward tal-proliferazzjoni mingħajr ebda kontroll ta’ armi letali.

2.   Kuntest tal-proposta

2.1

Fil-kuntest attwali fejn is-sigurtà hija ta’ tħassib speċjali, il-Kummissjoni tipproponi li temenda d-Direttiva 91/477/KEE (2) dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE (3).

2.2

Din il-bidla tifforma parti mill-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà, li ġiet ippreżentata fit-28 ta’ April 2015, bil-għan li tiżgura tweġiba effiċjenti u koordinata fil-livell Ewropew fir-rigward ta’ theddid għas-sigurtà. L-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà identifikat id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali bħala ostaklu għall-effikaċja tal-kontrolli u l-kooperazzjoni tal-pulizija tal-Istati Membri, u għalhekk qiegħda titlob ir-reviżjoni tal-liġijiet dwar l-armi tan-nar kif ukoll dwar ir-regoli għad-diżattivar tal-armi.

2.3

L-għan tad-Direttiva huwa li tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini, li tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern tal-armi tan-nar, li tistabbilixxi regoli li għandhom jiġu adottati matul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjet l-armi tan-nar, mill-produzzjoni sal-qerda tagħhom.

2.4

Id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li kull Stat Membru għandu jimponi fir-rigward tal-akkwist, il-pussess u t-trasferiment ta’ armi ta’ nar ta’ kategoriji differenti, inklużi dawk l-armi li huma maħsubin għall-attivitajiet ta’ kaċċa u ta’ sparar bħala sport.

2.5

Bħala bażi għar-reviżjoni tal-qafas ġuridiku attwali, saru tliet studji dwar l-adegwatezza tal-leġislazzjoni fis-seħħ li kkonkludew li jkun rilevanti li ssir l-adozzjoni ta’ standards minimi fil-livell tal-UE dwar il-kuntrabandu ta’ armi u li ssir reviżjoni tad-Direttiva fis-seħħ, sabiex:

jiġu armonizzati r-regoli tal-immarkar tal-armi tan-nar;

jiġu adottati standards u proċeduri komuni u jiġu introdotti obbligi ta’ reġistrazzjoni ta’ armi tan-nar diżattivati;

jiġu definiti proċeduri għal konvertibilità ta’ armi tal-allarm, ta’ armi tas-sinjal u ta’ armi repliki;

jiġi promoss l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, u l-istabbiliment u l-manteniment ta’ bażijiet ta’ data dwar il-manifattura, il-pussess u d-diżattivar tal-armi;

jiġi żviluppat approċċ komuni għall-klassifikazzjoni ta’ armi għall-kaċċa u għall-isparar bħala sport.

2.6

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati, partikolarment ir-rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej li jimmanifatturaw l-armi tan-nar u l-munizzjon għall-użu ċivili, il-parteċipanti fil-kummerċ ċivili tal-armi, il-kaċċaturi, il-kollezzjonisti, l-NGOs u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. L-Istati Membri u l-NGOs qablu fuq l-utilità tad-Direttiva attwali sabiex timpedixxi milli l-armi tan-nar jiġu żvijjati għas-suq illegali, filwaqt li dawk li intervjenew mis-settur privat esprimew it-tħassib dwar l-emendar tal-kategoriji ta’ armi tan-nar u dwar l-impatt ta’ dan fuq l-intrapriżi ż-żgħar u medji.

2.7

Il-partijiet interessati kkonsultati mill-Kummissjoni huma tal-fehma li l-irkupru ta’ armi tan-nar diżattivati huwa sors importanti ta’ armi li jintużaw għal skopijiet kriminali, u għalhekk għandha tingħata prijorità biex ir-regoli dwar id-diżattivar biex tiġi miġġielda din il-prattika jiġu armonizzati.

2.8

Il-ħtieġa li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-Istati Membri, li ssir armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u li jiġu definiti standards minimi għal-linji gwida għad-diżattivar tal-armi huma punti ta’ konverġenza tal-partijiet interessati kkonsultati.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

Il-ġrajjiet traġiċi ta’ dan l-aħħar wasslu sabiex jiġi aċċellerat id-dibattitu dwar il-kummerċ u l-użu tal-armi. Minkejja li s-sigurtà taċ-ċittadini – li qiegħda tiġi mhedda dejjem aktar mit-terroriżmu – ma għandhiex tiġi konfuża mal-pussess tal-armi – jinħtieġ li tiġi miġġielda b’konvinzjoni l-possibbiltà li jinkisbu b’mod faċli armi tan-nar li qegħdin jispiċċaw f’idejn gruppi radikali, f’idejn il-kriminalità organizzata u f’idejn individwi disturbati b’motivazzjoni li diffiċli wieħed jifhimha, li mbagħad jużaw dawn l-armi tan-nar biex iwettqu reati barbari. Lanqas ma nistgħu ninsew il-kriminalità inġenerali, is-suwiċidji u l-inċidenti bl-armi tan-nar.

3.1

Il-kjarifiki li issa ġew proposti jtejbu b’mod sinifikanti d-Direttiva preċedenti u għaldaqstant huma approvati mill-KESE. Dawn il-proposti m’għandhomx l-għan li jipprojbixxu l-armi tan-nar iżda li jarmonizzaw l-istandards applikati fir-rigward tal-akkwist u l-pussess tal-armi, tul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tagħhom, bil-għan li s-suq jiġi rregolat u tiġi garantita s-sigurtà.

Madankollu, il-KESE, wara li kkonsulta l-partijiet interessati, jiġifieri l-forzi tal-pulizija, ir-rappreżentanti tal-industrija, il-kummerċjanti, l-utenti, il-kollezzjonisti u l-NGOs li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà taċ-ċittadini, huwa tal-fehma li għandu jkun hemm iktar ambizzjoni fil-leġislazzjoni rigward il-problemi ta’ sigurtà li għadhom jeżistu. Il-Kummissjoni ma għandhiex tilleġisla biss bħala tweġiba immedjata għall-ġrajjiet terroristiċi reċenti, iżda għandha tagħmel dan bil-għan li tissolva l-kwistjoni tas-sigurtà tal-armi tan-nar legali.

3.2

Saru studji differenti dwar il-kontroll tal-armi. Filwaqt li xi wħud jindikaw li r-restrizzjoni tal-armi tnaqqas il-vjolenza (4), l-inċidenti (5) u s-suwiċidji (6), oħrajn jaffermaw li jekk iċ-ċittadini b’kondotta tajba jew problemi mentali jiġu awtorizzati jżommu l-armi, dan inaqqas il-kriminalità vjolenti, mingħajr ma madankollu jkun hemm żieda sinifikanti fis-suwiċidji jew l-inċidenti (7).

3.2.1

Il-każ Awstraljan huwa paradigmatiku fil-kontroll tal-armi. Wara li raġel b’żewġ armi tan-nar daħal f’kafetterija u qatel 35 persuna u darab 23 persuna oħra, l-Awstralja bdiet, fl-1997, riforma kbira fir-regoli dwar l-użu u l-pussess tal-armi tan-nar, b’effetti viżibbli fit-tnaqqis tal-imwiet li kien ġej mill-użu ta’ armi tan-nar. Ipprojbixxiet ċerti tipi ta’ armi, daħħlet l-obbligu li wieħed ikollu raġuni leġittima għala jkollu arma tan-nar fil-pussess tiegħu (li ma tistax tkun sempliċiment awtodifiża) u ffinanzjat programm ta’ xiri ta’ armi min-naħa tal-Istat. Din l-inizjattiva neħħiet miċ-ċirkolazzjoni kważi 700 000 arma u, flimkien ma’ restrizzjonijiet ġodda, naqqset b’mod drammatiku r-rata ta’ omiċidji li fihom intużaw armi tan-nar (8).

3.2.2

Il-programm Awstraljan ta’ xiri tal-armi huwa bbażat fuq l-idea li d-disponibbiltà kbira tal-armi tippermetti aktar faċilment li l-impuls assassin ta’ individwu jinbidel f’wieħed ta’ qtil tal-massa.

3.2.3

Bħall-Awstralja u wara l-qtil ta’ 15-il persuna fi sparar bl-addoċċ fejn indarbu wkoll 15-il persuna oħra, ir-Renju Unit ukoll ipprojbixxa l-użu ta’ ċerti tipi ta’ armi, introduċa r-reġistrazzjoni obbligatorja għas-sidien u ffinanzja programm ta’ xiri ta’ armi. Dawn il-miżuri ma kellhomx l-istess effett bħall-programm Awstraljan fuq in-numru ta’ mwiet mill-armi tan-nar (9).

3.2.4

L-aħħar studju kbir imwettaq dwar il-kontroll tal-armi, ippubblikat fi Frar 2016, analizza 130 studju ieħor li saru f’10 pajjiżi differenti, bejn l-1950 u l-2014 (10). L-awturi jqisu li, minkejja li ma ntweriex li l-liġijiet restrittivi jnaqqsu l-vjolenza, id-data tissuġġerixxi li, f’ċerti pajjiżi, l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni li għandha l-għan li tnaqqas l-aċċess għat-tipi differenti ta’ armi hija assoċjata mat-tnaqqis ta’ numru ta’ mwiet bl-armi tan-nar. L-applikazzjoni tal-liġijiet li jillimitaw il-kondizzjonijiet dwar l-akkwist tal-armi tan-nar (pereżempju l-verifika tal-preċedenti personali) jew l-aċċess għall-armi (partikolarment il-ħażna) hija wkoll marbuta ma’ tnaqqis, rispettivament, tar-reati ta’ passjoni u tal-imwiet aċċidentali tat-tfal.

3.3

Billi jikkunsidra dawn l-eżempji u dawn l-istudji, il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġu osservati regoli stretti għall-akkwist tal-liċenzja għall-użu u l-ġarr ta’ armi, l-akkwist tal-armi u l-munizzjon, għall-projbizzjoni u d-diżattivar ta’ ċerti tipi ta’ armi kif ukoll fir-rigward tal-programm ta’ xiri ta’ armi min-naħa tal-Istati Membri bil-għan li dawn jinqerdu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-inizjattiva tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Direttiva hija l-iżjed forma adatta, peress li huwa dubjuż jekk l-Istati Membri hux ser ikunu lesti jaċċettaw regolament.

4.2

Id-Direttiva fis-seħħ tibdel diversi artikoli tad-Direttiva preċedenti, billi tiċċara u ddaħħal fis-seħħ rekwiżiti ġodda li jtejbu b’mod sinifikanti l-liġi preċedenti, u għaldaqstant, tintlaqa’ b’sodisfazzjon mill-KESE.

4.3

Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ eżamijiet mediċi obbligatorji. li jkunu ta’ kwalità tajba u jinvolvu rekwiżiti Ewropej minimi, li jevalwaw is-saħħa fiżika u mentali għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ permessi għall-użu u l-ġarr ta’ arma, prattika li diġà ġiet adottata f’xi Stati Membri. Madankollu, josserva, li d-Direttiva tista’ wkoll tesiġi taħriġ regolari għall-immaniġġjar tal-armi tan-nar u tipprevedi esiġenzi għall-ħażna sigura tagħhom (billi jsir obbligu li l-armi jinħażnu f’armarju speċjali, kif diġà qed jiġri f’ċerti Stati Membri) u t-trasport sigur tal-armi u tal-komponenti tagħhom.

4.4

L-Unjoni Ewropea kienet kapaċi tilleġisla fuq ħafna u ħafna kwistjonijiet. Huwa paradigmatiku l-każ tal-industrija tal-karozzi li ġiet imġiegħla tissodisfa r-rekwiżiti għas-sikurezza (tal-okkupanti u tal-ambjent) b’investimenti kbar fir-riċerka u fl-iżvilupp. Il-kunċetti rigward l-immarkar tal-armi u tal-komponenti tagħhom huma estiżi wkoll. Il-KESE jissuġġerixxi li, fuq perjodu medju u twil ta’ żmien, jista’ jsir pass ieħor ‘il quddiem fl-immarkar tal-balal, u tiġi studjata l-possibbiltà li l-industrija tiġi inkoraġġita tagħmel marka li ma titħassarx f’post li ma jinqeridx bl-użu, pereżempju fil-ġewwieni tal-balla u b’hekk tippermetti t-traċċabbiltà sħiħa tagħha. Normalment, fuq il-post tar-reat tibqa’ l-balla u mhux l-arma u din il-marka tista’ tkun sors importanti ta’ informazzjoni fl-investigazzjoni tal-pulizija.

4.5

Fir-rigward tal-bażijiet tad-data dwar l-armi tan-nar, il-KESE jappoġġja l-formulazzjoni l-ġdida li testendi l-ambitu tar-rekords sal-qerda tal-arma tan-nar. Dan huwa ta’ vantaġġ u għodda importanti fil-monitoraġġ u fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-awtoritajiet billi tħeġġeġ sabiex dawn ir-rekords ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u f’ħin reali, biex b’hekk tiffaċilita l-ksib tal-evidenza u tippermetti l-iskambju ta’ malajr u effiċjenti ta’ tagħrif ewlieni ta’ data li jgħin fl-identifikazzjoni u fl-intraċċar ta’ armi tan-nar.

4.6

Inklużi wkoll fil-kategorija ta’ armi pprojbiti, hemm is-semiawtomatiċi għall-użu ċivili, “li jixbhu lill-armi b’mekkaniżmi awtomatiċi”. Il-kunċett ta’ “xebh” ma jidhirx li huwa objettiv biżżejjed, u qabel xejn għandu jiġi definit, bi kriterji ċari, x’jiġifieri “li jixbhu” qabel ma dawn l-armi jiġu inklużi fil-kategorija ta’ armi tan-nar ipprojbiti.

4.7

Issa għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk l-armi tal-allarm u tas-sinjal, armi tas-salut u armi akustiċi, u r-repliki għandhomx jiġu inklużi fil-Kategorija C (armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni). Kif diġà antiċipat f’ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali, il-KESE stess għandu dubji dwar ir-rilevanza ta’ din l-inklużjoni peress li, minħabba l-fatt li mhumiex imniżżla bħala “arma tan-nar” fil-Protokoll tan-NU, u fil-każ fejn tali leġislazzjoni ma tkunx għadha ddeterminat id-dikjarazzjoni obbligatorja, din tkun tinvolvi spejjeż amministrattivi konsiderevoli, għal tip ta’ arma li r-riskju għas-sigurtà pubblika tagħha ma jidhirx li jkun wisq kbir.

4.8

Ir-riskji għas-sigurtà taċ-ċittadini maħluqa minn dawn l-armi u oħrajn, pereżempju armi ta’ arja kkumpressata, għandhom ikunu s-suġġett ta’ studju li jevalwa l-periklu tal-istess arma u l-possibbiltajiet tat- trasformazzjoni tagħha f’armi ta’ kapaċità letali ikbar. Dan l-istudju jista’ jservi ta’ bażi għall-impożizzjoni ta’ regoli tekniċi u legali ġodda dwar is-sigurtà, it-trasformazzjoni, it-trasformazjzoni, id-diżattivar u l-qerda ta’ armi.

4.9

F’soċjetà diġitali huwa meħtieġ li wieħed iħares lejn il-perikli tal-kummerċ elettroniku fuq it-tranżazzjonijiet ta’ armi u munizzjon. Facebook jew Instagram ħabbru restrizzjonijiet fuq il-bejgħ ta’ armi fin-netwerks soċjali tagħhom, fejn huma jipprojbixxu lill-utenti tagħhom milli jirreklamaw jew jikkombinaw bejgħ ta’ armi permezz ta’ pubblikazzjonijiet, ta’ gruppi ta’ diskussjoni jew ta’ messaġġi privati. Il-KESE jemmen li, minkejja li huwa previst li l-kummerċ elettroniku ta’ xi tipi ta’ armi huwa permess għan-negozjanti jew is-sensara, it-transazzjoni għandha tkun permessibbli biss b’xhieda ta’ ħaddieħor, b’hekk jiġi żgurat kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

4.10

L-innovazzjoni teknoloġika wasslet għall-iżvilupp tal-printers 3D. L-armi ma kinux l-għan ta’ din it-teknoloġija, madankollu malajr dehru struzzjonijiet u programmi fuq l-Internet biex jippermettu l-istampar ta’ armi b’kapaċità letali. Għalhekk, mingħajr xi tip ta’ leġislazzjoni li tirregola l-istampar tal-armi, din it-teknoloġija tikkostitwixxi theddida reali li għalissa għadha ma ngħatatx l-importanza meħtieġa. Il-pajjiżi għandhom jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu din il-kwistjoni, jissorveljaw l-Internet jew saħansitra l-kontroll tax-xiri tal-materjal li jintuża għall-produzzjoni ta’ armi bħal dawn u jikkunsidraw bis-serjetà li jipprojbixxu l-produzzjoni tagħhom.

4.11

Id-direttiva tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-korpi kkonċernati bl-aspetti kulturali u storiċi tal-armi u rikonoxxuti bħala tali mill-Istat Membru li jistgħu jżommu fil-pussess tagħhom armi tan-nar ikklassifikati fil-Kategorija A mixtrija qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, diment li dawn ikunu ġew diżattivati. Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti speċjali biex id-direttiva tiġi applikata fil-każ ta’ kollezzjonijiet fil-mużewijiet li l-attivitajiet tagħhom huma rikonoxxuti bħala importanti għall-Istati Membri, bil-kundizzjoni li s-sigurtà u l-ordni pubblika ma jiġux ipperikolati. Tali arranġamenti jkunu jesiġu regoli stretti dwar il-wiri, ir-reġistrazzjoni, il-ħażna u l-immaniġġjar tal-armi, iżda jevitaw il-qerda tal-armi tal-Kategorija A b’valur storiku importanti.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, Study on Firearms 2015 – A Study on the transnational nature of and routes and modus operandi used in trafficking in firearms.

(2)  Id-Direttiva 91/477/KEE: ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51 (Edizzjoni speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 011 p. 3 – 10); Opinjoni tal-KESE: ĠU C 35, 8.2.1988, p. 25 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Id-Direttiva 2008/51/KE: ĠU L 179, 8.7.2008, p. 5; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 318, 23.12.2006, p. 83 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Hepburn, Lisa; Hemenway, David. Firearm availability and homicide: A review of the literature; Aggression and Violent Behavior: A Review Journal, 2004; 9:417-40, kwotazzjoni ta’ Harvard T.H. Chan School of Public Health: http://www.hsph.harvard.edu/hicrc/firearms-research/guns-and-death/

(5)  Miller, Matthew; Azrael, Deborah; Hemenway, David. Firearm availability and unintentional firearm deaths; Accident Analysis and Prevention, 2001; 33:477-84, kwotazzjoni ta’ Harvard T.H. Chan School of Public Health: http://www.hsph.harvard.edu/hicrc/firearms-research/gun-threats-and-self-defense-gun-use/

(6)  Miller, Matthew; Hemenway, David. Gun prevalence and the risk of suicide: A review; Harvard Health Policy Review, 2001; 2:29-37, kwotazzjoni ta’ Harvard T.H. Chan School of Public Health: http://www.hsph.harvard.edu/hicrc/firearms-research/gun-ownership-and-use/

(7)  John R. Lott., Jr. u David B. Mustard, Crime, Deterrence, and Right-to-Carry Concealed Hand Guns, Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Chicago, Mejju 1998.

(8)  Alpers, Philip, Amélie Rossetti u Marcus Wilson, Guns in Awstralja: Total Number of Gun Deaths, 2016, Sydney School of Public Health, l-Università ta’ Sydney, GunPolicy.org, 7 ta’ Marzu, ikkonsultat fl-10 ta’ Marzu 2016: http://www.gunpolicy.org/firearms/compareyears/192/total_number_of_gun_deaths

(9)  Alpers, Philip, Amélie Rossetti u Marcus Wilson, Guns in the United Kingdom: Total Number of Gun Deaths, 2016, Sydney School of Public Health, l-Università ta’ Sydney, GunPolicy.org, 23 ta’ Frar, ikkonsultat fl-10 ta’ Marzu 2016: http://www.gunpolicy.org/firearms/compareyears/192/total_number_of_gun_deaths

(10)  Julian Santaella-Tenorio, Magdalena Cerdá, Andrés Villaveces, u Sandro Galea, What Do We Know About the Association Between Firearm Legislation and Firearm-Related Injuries?, ippubblikat mill-Oxford University Press mill-Johns Hopkins Bloomberg School of Public Health.


Top