EUR-Lex L'accesso al diritto dell'Unione europea

Torna alla homepage di EUR-Lex

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 52015AE6766

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015” (COM(2015) 572 final)

ĠU C 264, 20.7.2016, pagg. 117–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/117


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015”

(COM(2015) 572 final)

(2016/C 264/16)

Rapporteur:

is-Sur Stéphane BUFFETAUT

Nhar it-18 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2015”

(COM(2015) 572 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tat-28 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’137 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fi Frar 2015 tnieda l-qafas strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija. Għaldaqstant din ser tibda tieħu forma fl-2016. Hija oriġinat mir-riflessjonijiet li saru minn diversi gruppi ta’ riflessjoni jew personalitajiet Ewropej dwar il-kunċett ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija, proġett imressaq mill-Istitut Jacques Delors u mis-Sur Jerzy Buzek b’mod partikolari. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien, sa mill-bidu, ta l-appoġġ sħiħ tiegħu għal din l-inizjattiva.

1.2

Il-kunċett ma tantx intlaqa’ tajjeb minn għadd ta’ Stati Membri peress li kien jimplika reviżjoni tat-Trattati, proċedura tal-inqas riskjuża f’dan iż-żmien ta’ ewroxettiċiżmu. Madankollu, l-idea ta’ koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-enerġija, il-ħtiġijiet ta’ diplomazija enerġetika effikaċi, il-prijoritajiet tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iż-żieda fid-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-enerġija, il-ħtieġa li jiġu minimizzati l-pressjonijiet esterni fuq il-provvista, l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika u l-appoġġ soċjali tas-setturi milquta minn din it-tranżizzjoni kienu jitolbu inizjattiva fil-livell Ewropew. Minn hawn twieldet l-Unjoni tal-Enerġija, sottili fil-livell istituzzjonali iżda mmirata lejn l-effiċjenza permezz tal-implimentazzjoni ta’ konverġenzi konkreti u impenji mħarsa.

1.3

Ta’ min ifakkar li l-KESE minn kmieni appoġġa l-approċċ lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija u, tal-inqas, lejn koordinazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-enerġija (1) id-diplomazija fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni tal-enerġija, waqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ konsultazzjoni sħiħa mas-soċjetà ċivili, ikkonċernata direttament mhux biss bħala konsumatur, iżda wkoll bħala attur tat-tranżizzjoni tal-enerġija li ma tistax tirnexxi mingħajr l-involviment jew l-impenn tas-soċjetà ċivili, li fil-ġejjieni iżjed milli hi llum ser tkun produttur tal-enerġija deċentralizzata.

1.4

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tevalwa l-ewwel disa’ xhur tal-Unjoni tal-Enerġija. Huwa ovvju li dan ir-rapport jista’ jkun biss parzjali u mhux verament sinifikanti meta wieħed iqis l-isfidi kbar u l-bidliet radikali li jridu jsiru. Għaldaqstant jeħtieġ li l-ewwel indikazzjonijiet jittieħdu b’kawtela, għaliex dawn huma biss il-bidu ta’ politika li trid titwettaq b’perseveranza għal żmien twil, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri.

1.5

Jibqa’ l-fatt li l-kuntest li fih trid titwettaq din il-politika huwa magħruf: impenji meħudin waqt il-COP21, l-instabbiltà ġeopolitika qawwija fil-qasam tal-enerġija, l-objettivi Ewropej għall-klima u għall-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji Ewropej, l-iżvilupp tal-infrastrutturi, u t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija. Wieħed jista’ jara li l-isfidi politiċi huma enormi u li ma jistgħux jingħelbu permezz ta’ approċċ amministrattiv u regolatorju sempliċi. Dak li neħtieġu hija rieda politika qawwija u viżjoni b’saħħitha iżda realistika u kondiviża mill-Istati Membri, li tqis is-sitwazzjoni ekonomika u l-opportunitajiet tekniċi disponibbli, meta l-fatti jimponu ruħhom fuq ir-rieda politika.

1.6

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli dan l-ewwel rapport dwar l-istat tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2015, iżda jiddispjaċih dwar ċerti lakuni fl-analiżi tal-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva. Li dawn jiġu korretti għandu jsaħħaħ l-approċċ li l-Kummissjoni qed tipproponi u x’aktarx isaħħaħ l-appoġġ qalb is-soċjetà ċivili għal dan il-proġett, li jinvolvi tranżizzjoni tal-enerġija li tista’ tkun sors ta’ tħassib.

1.7

Il-Kumitat iqis li l-punti sinifikanti għal analiżi msemmija mill-Kummissjoni huma importanti iżda jridu jiġu kompluti. Fl-istat attwali tat-test, dawn huma:

id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija,

l-effiċjenza enerġetika bħala kontribut għall-moderazzjoni fid-domanda għall-enerġija,

is-suq intern tal-enerġija kompletament integrat,

is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja,

ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività,

l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-KESE huwa tal-fehma li d-dimensjoni soċjali tal-Unjoni tal-Enerġija mhijiex enfasizzata biżżejjed u li dan l-aspett irid ikun parti mill-kriterji tal-valutazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Fil-fatt, minn naħa din l-Unjoni jrid ikollha impatt favorevoli fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, il-kompetittività u l-innovazzjoni, imma min-naħa l-oħra tista’ tolqot ċerti setturi ta’ attività, li jista’ jesiġi miżuri ta’ appoġġ soċjali u ta’ taħriġ. Huwa importanti li dawn il-miżuri jkunu preventivi sabiex jiġi evitat il-qgħad fost il-persunal kkonċernat u li t-taħriġ implimentat jantiċipa l-iżviluppi futuri tas-settur tal-enerġija. Għaldaqstant ikun tajjeb li għar-rapport annwali li jmiss, tiġi inkluża din id-dimensjoni soċjali fil-kriterji ta’ valutazzjoni. Bl-istess mod, huwa kruċjali li jiġu previsti l-konsegwenzi ekonomiċi tal-għażliet li ġġib magħha t-tranżizzjoni tal-enerġija, speċjalment minħabba li l-impatti soċjali huma marbuta mill-qrib mal-konsegwenzi ekonomiċi tal-għażliet meħuda.

1.8

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-Kummissjoni Ewropea tqis li din fiha nnifisha tkun sors ta’ enerġija. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li din il-formulazzjoni ma tinżammx, għaliex toħloq konfużjoni u mhijiex preċiża mil-lat xjentifiku għaliex l-ebda sors ta’ enerġija primarja ma jista’ qatt jiġi “sostitwit” minn iffrankar ta’ enerġija. Dan il-kumment ma jneħħi xejn mill-fatt li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija ta’ importanza kbira għall-ġejjieni tas-sistema enerġetika Ewropea. Li tissaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-oqsma kollha fejn tintuża l-enerġija jista’ jkun mod b’saħħtu biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-ekonomija Ewropea.

1.9

Il-Kumitat jixtieq li barra l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili tkun ukoll assoċjata mal-proċess tar-rapport annwali. L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-familja rappreżentattivi, ir-rappreżentanti tad-dinja ekonomika, il-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet ambjentalisti, ix-xjenzati u r-riċerkaturi, fil-qosor is-soċjetà ċivili, huma interessati bis-sħiħ f’dan il-proċess Ewropew. Din hija r-raġuni għalfejn il-KESE huwa favur l-implimentazzjoni ta’ djalogu Ewropew dwar l-enerġija sabiex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fir-riflessjoni u l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-enerġija. Dan id-djalogu jista’ jiġi strutturat madwar l-okkażjoni tar-rapport annwali dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija u għandu jiffoka fuq il-punti ewlenin definiti sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tagħha.

1.10

Fir-rigward tad-data statistika, il-KESE jinnota li ċerta statistika hija pjuttost antika jew lanqas biss teżisti. Dan ifisser li għandhom isiru sforzi sabiex tinkiseb, mingħand l-Istati Membri, data aktar aġġornata, li mingħajrha l-monitoraġġ tal-effetti tad-dħul fis-seħħ tal-Unjoni tal-Enerġija ser ikun diffiċli.

1.11

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-proċeduri amministrattivi ta’ monitoraġġ u ta’ informazzjoni waħidhom ma jistgħux jikkostitwixxu l-Unjoni tal-Enerġija. Dawn huma għodda utli u meħtieġa, għas-servizz ta’ politika li l-objettivi tagħha għandhom jiġu kondiviżi mill-Istati Membri bl-appoġġ tas-soċjetà ċivili.

2.   Kontenut tad-dokument u l-metodoloġija tal-Kummissjoni Ewropea

2.1

Id-dokument huwa qabel kollox rapport ta’ progress biex tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija u mhux test politiku. Ir-rapport jgħaddi d-data miġbura mill-Istati Membri mill-għarbiel tal-kriterji politiċi magħżula mill-Kummissjoni. Il-metodoloġija tal-Kummissjoni għalhekk tissejjes fuq l-analiżi u l-monitoraġġ, permezz ta’ indikaturi ewlenin, tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Dan il-monitoraġġ jista’ jiġi definit bħala delikat, peress li d-deċiżjonijiet politiċi dwar l-enerġija jiddependu fuq l-iżvilupp fis-swieq u fuq l-avvenimenti ġeopolitiċi li l-Istati Membri jridu jirreaġixxu għalihom b’ċerta ħeffa. L-għanijiet fit-tul jistgħu għalhekk jixxekklu mill-ħtiġijiet fuq żmien qasir u għalhekk il-monitoraġġ m’għandux ikun riġidu.

2.2

Madankollu, il-Kummissjoni identifikat sitt temi, sitt angoli ta’ analiżi strateġika biex tkejjel l-implimentazzjoni konkreta tal-impenji tal-Istati fit-twettiq ta’ din l-Unjoni tal-Enerġija:

id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija,

l-effiċjenza enerġetika bħala kontribut għall-moderazzjoni fid-domanda għall-enerġija,

il-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija kompletament integrat;

is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja,

Unjoni tal-Enerġija għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kompetittività,

l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.3

Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn it-temi li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipprovdi l-ewwel miżura tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Rigward id-dekarbonizzazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Unjoni Ewropea hija l-aktar effiċjenti fost l-ekonomiji ewlenin fid-dinja fuq il-bażi tal-fatt li l-PDG globali taż-żona, bejn l-1990 u l-2014, żdied b’46 % u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra naqsu bi 23 %. Madankollu jeħtieġ li jitkejlu l-effetti tal-kriżi li laqtet lid-dinja u b’mod partikolari lill-Ewropa, tal-apatija ekonomika kontinwa, tad-deindustrijalizzazzjoni tal-UE, fuq dawn iċ-ċifri li x’aktarx huma inqas promettenti milli jidhru!

3.2

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-Unjoni Ewropea tipproduċi aktar minn nofs l-elettriku tagħha mingħajr emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra. Infakkru li dan ir-riżultat ma kienx ikun possibbli mingħajr il-kontribut ta’ enerġija li kultant tiġi kkontestata jew abbandunata f’ċerti Stati Membri (l-enerġija nukleari jew l-enerġija idroelettrika prodotta mid-digi, pereżempju).

3.3

L-għan iddikjarat jibqa’ li “ma tibqax aktar ekonomija li sserraħ fuq il-fjuwils fossili”. F’dan ir-rigward, it-tnaqqis attwali u l-volatilità fil-prezz taż-żejt mhumiex elementi pożittivi, anke jekk il-mira ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli fl-2020 tidher li tista’ tintlaħaq. Iżda politika tal-enerġija ma tistax tkun ibbażata fuq approċċ negattiv u restrittiv. Għalhekk, il-KESE jittama li jiġi vvalutat, sa fejn hu possibbli, ir-rwol li jistgħu jaqdu fil-futur ir-riżorsi bħall-enerġija mir-riħ, l-enerġija mill-baħar, l-idroġenu, eċċ., u li l-iżvilupp tagħhom jiġi appoġġat minn politika ambizzjuża ta’ riċerka u żvilupp.

3.4

Il-Kummissjoni nnutat li t-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija b’intensità ta’ karbonju baxxa sejra teħtieġ investimenti sostanzjali. F’dan ir-rigward, kollass kontinwu fil-prezzijiet taż-żejt jagħmel l-ispiża komparattiva ta’ dawn l-investimenti ferm akbar. B’hekk, l-implimentazzjoni konkreta tal-impenji meħudin f’Pariġi bħala parti mill-COP sejra tkun eżaminata b’attenzjoni.

3.5

Il-KESE jenfasizza li r-riżultati tal-COP21 jipprovdu għall-ewwel darba l-bażijiet ta’ protezzjoni tal-klima koordinata fuq livell dinji u għalhekk jilleġittimizzaw l-isforzi sinifikanti tal-Ewropa li kien ikollhom biss impatt żgħir fuq it-tibdil fil-klima globali li kieku d-dinja ma segwietx l-istess direzzjoni. Nistgħu għalhekk insegwu l-pjan direzzjonali Ewropew fl-ispirtu tal-Ftehim ta’ Pariġi u niżguraw li kull Stat Membru jkun jista’ jagħti kontribut sħiħ għall-protezzjoni tal-klima skont il-kapaċitajiet tiegħu.

3.6

Il-Kummissjoni tindika li hija żviluppat għodod u istrumenti li jqisu l-effiċjenza fl-enerġija bħala sors fiha nnifisha. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li din il-formulazzjoni ma tinżammx, għaliex toħloq konfużjoni u barra minn hekk mhijiex preċiża mil-lat xjentifiku, minħabba li l-ebda sors ta’ enerġija primarja ma jista’ qatt jiġi sostitwit mill-iffrankar tal-enerġija. L-iffrankar tal-enerġija huwa tabilħaqq ħtieġa iżda mhuwiex enerġija. Jibqa’ l-fatt li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija parametru importanti fis-sistema enerġetika Ewropea tal-futur. Li titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-oqsma kollha fejn tintuża l-enerġija jaf ikun mod b’saħħtu biex jitnaqqsu l-ispejjeż żejda għall-ekonomija Ewropea. Idealment, żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija proporzjonali maż-żieda fl-ispejjeż ta’ sors ta’ enerġija partikolari taf tistabbilizza l-prezzijiet fil-livell attwali tagħhom.

3.7

Iżda żieda sinifikanti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija teħtieġ inevitabbilment investimenti sostanzjali min-naħa tal-konsumaturi, l-industrija u l-organizzazzjonijiet pubbliċi (bini, infrastruttura, vetturi, eċċ.). Minn naħa, il-limitazzjoni ġenerali tal-investiment ser tiddetermina b’liema ħeffa jsir it-titjib. Min-naħa l-oħra, ċerti setturi tas-soċjetà Ewropea jistgħu jappoġġaw investimenti kbar u japprofittaw minn iffrankar kbir, filwaqt li oħrajn ser isibuha impossibbli li jagħmlu dan. Dan jista’ jkabbar id-distakk f’termini ekonomiċi bejn il-partijiet differenti tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ appoġġ biex jiġi żgurat li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

3.8

It-twettiq tas-suq intern tal-enerġija sejjer ikun jeħtieġ infrastrutturi ġodda ta’ trasport tal-enerġija, linji tal-elettriku jew pajpijiet tal-gass. Jiġifieri, ser ikun jeħtieġ investimenti għaljin. Il-Kummissjoni hija ġustament kuntenta bil-progress li ntlaħaq f’dan il-qasam bħalma hija kuntenta bit-tnedija tal-Forum ta’ Copenhagen, li żgur huwa utli biex jidentifika l-problemi iżda li mhuwiex soluzzjoni fih innifsu. Ġew implimentati għadd ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn diversi Stati, bħal dawk bejn il-Polonja u l-Litwanja u bejn in-Norveġja u l-Iżvezja. Nafu madankollu li seta’ kien hemm xi opinjonijiet differenti bejn ċerti Stati Membri dwar proġetti bħal Nord-Stream, li dwaru ġew espressi fehmiet kritiċi fil-Polonja, fil-pajjiżi Baltiċi u fl-Iżvezja. Jeħtieġ għalhekk li niżguraw li ċerti deċiżjonijiet ta’ investiment ma jmorrux kontra l-ispirtu tal-Unjoni tal-Enerġija. Barra minn hekk, ċerti deċiżjonijiet politiċi jistgħu jkollhom importanza konsiderevoli għall-investimenti, li jimplika li dawn l-għażliet għandhom jiġu determinati b’ċertu ħsieb u mwieżna bi prudenza xjentifika u teknika.

3.9

Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-konsumaturi — individwi, familji jew impriżi — jixtiequ aktar trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija li, barra minn hekk, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-kompetituri prinċipali tagħna. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa dan il-proċess ta’ informazzjoni trasparenti u sempliċi li huwa spiss talab. Madankollu, fi żmien meta qiegħed jiżdied il-faqar enerġetiku, jeħtieġ li ntennu l-ħtieġa ta’ servizz universali tal-enerġija u li jkollna indikaturi speċifiċi dwar ir-rwol li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jista’ jkollhom f’dan ir-rigward. Is-soċjetajiet tagħna jgħixu fuq l-enerġija, li taffettwa l-kumdità tal-ħajja tagħna, il-moviment tagħna, il-komunikazzjoni tagħna, il-ħajja tal-impriżi tagħna. Il-KESE jixtieq li s-soċjetà ċivili tiġi rrappreżentata fl-entitajiet fejnjiġu ddefiniti, fuq livell Ewropew, il-kundizzjonijiet operattivi tas-servizzi universali. Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fid-definizzjoni ta’ dan is-servizz universali u jkollhom il-mezzi biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni prattika tiegħu.

3.10

Il-KESE huwa konxju dejjem iżjed dwar il-ħtieġa li tinbeda, minn din il-perspettiva, diskussjoni ulterjuri dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-produzzjoni tal-enerġija mnedija lejn l-aħħar tas-snin 90. Din il-liberalizzazzjoni kienet akkumpanjata, b’mod insidjuż u abbażi ta’ argumenti ġeneralment relevanti, minn strumenti li mhumiex konformi mas-suq, bħas-sussidji (għall-produzzjoni ta’ enerġija sostenibbli) u restrizzjonijiet (pereżempju fir-rigward tas-CO2). Għall-intrapriżi u l-ħaddiema tas-settur, is-sikurezza tal-qafas li jirregola l-investimenti hija importanti, peress li huma involuti somom konsiderevoli u l-perjodu tar-redditu fuq l-investiment huwa twil. L-inċertezza li tinħoloq minn modifiki kostanti tal-politika tal-enerġija ma tinkoraġġix it-teħid ta’ riskji u tfixkel l-innovazzjoni teknoloġika li trawwem l-iżvilupp sostenibbli fis-settur tal-enerġija fl-Ewropa.

3.11

Għaċ-ċittadini, is-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija sejjer jitkejjel ukoll minn elementi aktar konkreti, b’mod partikolari l-livell tal-prezzijiet, li huma primarjament ir-riżultat tat-taxxi fuq l-enerġija, l-aċċessibbiltà għan-netwerks, is-sigurtà tal-provvista (jiġu evitati l-qtugħ jew il-ħsarat ġenerali), l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-materjal li jużaw, li trid tkun sempliċi u tinftiehem mill-ewwel (tikketti enerġetiċi għall-apparat elettroniku jew domestiku, kejl ta’ konsum għall-karozzi) (2).

3.12

Jeħtieġ ukoll jiġi enfasizzat li l-impjegati tal-impriżi huma kompletament affettwati mill-għażliet li jsiru rigward il-politika tal-enerġija. It-tranżizzjoni tal-enerġija tinvolvi mutazzjonijiet u bidliet teknoloġiċi. Sejrin jitfaċċaw xogħlijiet ġodda, oħrajn aktarx jispiċċaw minħabba l-għeluq jew it-tnaqqis ta’ ċerti tipi ta’ azjendi (minjieri tal-faħam jew impjanti tal-enerġija nukleari). Xogħlijiet oħrajn sejrin jevolvu jew jinbidlu, pereżempju, min iwaħħal il-madum jew is-soqfa ser ikollu jitgħallem kif jinstalla l-pannelli solari. Jeħtieġ għalhekk li tiġi kkunsidrata, fl-implimentazzjoni tad-diversi kapitoli tal-Unjoni tal-Enerġija, il-ħtieġa tal-isforz ta’ taħriġ li għandu jingħata lill-impjegati u lill-artiġjani tas-setturi kkonċernati direttament jew indirettament. Jeħtieġ ukoll li jinżammu l-kompetenzi ta’ livell għoli u siewja ħafna fil-kompetizzjoni ekonomika (pereżempju fil-qasam tal-enerġija nukleari). Iżda jeħtieġ ukoll li jiġu previsti l-appoġġ u r-riklassifikazzjoni ta’ impjegati li jistgħu jitilfu xogħolhom minħabba l-bidliet li ġġib magħha t-tranżizzjoni tal-enerġija. Bl-istess mod, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni sa mill-bidu nett tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-għażliet politiċi li jkumu saru, sabiex jitkejlu l-effetti tagħhom kif imiss, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kompetizzjoni globali ħarxa ħafna.

3.13

F’dak li jirrigwarda l-impriżi nfushom, il-miri ta’ dekarbonizzazzjoni, ta’ effiċjenza fl-enerġija u ta’ moderazzjoni tad-domanda għandhom jieħdu kont sħiħ tal-kompetizzjoni globali, l-aktar f’dak li jirrigwarda l-industriji li jużaw ħafna enerġija (l-azzar, l-aluminju, l-industrija tat-tajers, il-kimika…). Is-settur tat-trasport joffri sfida partikolari f’dak li jirrigwarda l-miri ta’ emissjoni tal-karbonju. Il-mezzi kollha tat-trasport għandhom jikkontribwixxu, skont l-intensità ta’ konsum tal-karburanti fossili tagħhom, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Fil-fatt it-tekniki disponibbli joffru soluzzjonijiet nodfa vijabbli għall-vjaġġi qosra u għalhekk, fil-prattika, għall-vjaġġi urbani. Il-vjaġġi twal, minbarra t-trasport bil-ferrovija elettrika, jiddependu fuq il-karburanti fossili. Il-bidla modali tista’ tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni, iżda dan huwa diffiċli fl-Ewropa. Għal dan il-għan, l-investimenti għandhom jiġu ffukati aħjar b’mod li jiġu integrati modi differenti ta’ trasport fejn tingħata preferenza lil dawk li l-inqas iniġġsu. L-enerġija hija wkoll arma ġeopolitika u d-dipendenza f’attivitajiet strateġiċi hija perikoluża fuq il-livell politiku għan-nazzjonijiet ikkonċernati iżda wkoll għaċ-ċittadini tagħhom li huma impjegati, konsumaturi, jew imprendituri. Jeħtieġ għalhekk li jiġu evitati d-delokalizzazzjonijiet li jtellfu kemm is-saħħa ekonomika, kif ukoll ħiliet siewja u l-indipendenza.

3.14

Is-sigurtà tal-enerġija, is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri huma elementi essenzjali tas-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija f’dinja instabbli ħafna fil-livell tal-ġeopolitika enerġetika. Ma nistgħux ma nappoġġjawx l-idea li aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, aktar enerġiji rinnovabbli u aktar enerġiji indiġeni jgħinu biex tonqos id-dipendenza u l-vulnerabbiltà tal-Unjoni Ewropea. Huwa ovvju. Madankollu rridu naslu għal dan f’kundizzjonijiet ekonomiċi sostenibbli.

3.15

L-istabbilizzazzjoni neċessarja tar-relazzjonijiet diplomatiċi tal-UE mal-imsieħba tagħha tal-Lvant, tan-Nofsinhar, tal-Lvant Nofsani u tal-Punent hija element ta’ żvilupp u ta’ indipendenza għall-Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE jaħseb li huwa essenzjali li jkollna diplomazija fl-enerġija ċara u unifikata fir-rigward tal-pajjiżi terzi, orjentata lejn l-interessi mifhuma sew tal-Unjoni Ewropea.

3.16

B’mod ġust ħafna, il-Kummissjoni tenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali jekk wieħed irid iħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija. F’diversi okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam u li jitnedew proġetti komuni biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jinqasmu r-riżultati tar-riċerka. Huwa ċertament permezz tal-progress tar-riċerka u tal-iżvilupp u bir-regolamentazzjoni li ser inkunu nistgħu nilħqu l-miri tagħna fil-qasam tal-enerġija. F’dan ir-rigward, waħda mill-miri tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija għandha tkun li jiġu mmobilizzati l-isforzi fuq proġetti komuni u li jiġi evitat it-tixrid tal-mezzi li jmur kontra l-effiċjenza xjentifika, teknika u ekonomika. Dan jirrikjedi ovvjament il-mobilizzazzjoni tal-fondi iżda huwa pjuttost improbabbli li llum il-ġurnata tista’ tkun biżżejjed is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li taħdem b’mod mhux sodisfaċenti. Is-sistema ta’ kummerċ tal-emissjonijiet hija mxekkla fil-fatt minn prezz baxx wisq taċ-ċertifikati tal-karbonju minħabba l-provvista żejda ta’ drittijiet disponibbli, li xejn ma jippermetti li jintlaħaq l-objettiv mixtieq ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, u l-effett ikkawżat mis-sussidji għal ċerti enerġiji ħodor.

3.17

Il-KESE jsostni l-approċċ tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda parteċipazzjoni mill-qrib tal-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ tranżizzjoni tal-enerġija li ovvjament sejjer jirrikjedi sforzi ta’ taħriġ u adattament għal teknoloġiji ġodda u għal xogħlijiet ġodda. Ebda tranżizzjoni tal-enerġija ma tista’ tirnexxi mingħajr il-mobilizzazzjoni tal-atturi tal-ħajja soċjali u ekonomika. Barra minn hekk jeħtieġ li jingħataw il-mezzi biex ikunu aġenti tal-bidla u mhux biss jgħaddu minnha b’mod passiv jew b’mod rassenjat. Għandhom jiġu proposti wkoll kwalifiki ġodda għal dawk l-impjegati li jkunu ser jitilfu l-impjiegi tagħhom fis-settur tal-enerġija.

3.18

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa l-viżjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Hija tappella għal proċess ta’ governanza affidabbli u trasparenti. Madankollu, hija żżid li dan il-proċess għandu jkun ankrat fil-leġiżlazzjoni; il-KESE huwa tal-fehma li politika ma tistax tkun limitata għal proċeduri leġiżlattivi jew għal ippjanar amministrattiv. Is-suċċess ta’ politika dwar l-enerġija jista’ jiġi assigurat biss permezz tal-azzjoni politika tal-gvernijiet ikkonċernati, il-konformità tal-popli ma’ għanijiet ċari u li jinftiehmu, il-kunsiderazzjoni tar-realtajiet ekonomiċi, l-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-appoġġ tas-soċjetà ċivili u l-użu tal-mekkaniżmi tal-ekonomija tas-suq. Għalkemm l-idea ta’ rapport annwali ta’ monitoraġġ hija meħtieġa, mhijiex biżżejjed fiha nfisha. Rapport jibqa’ dejjem dokument formali u jista’ jaqa’ fl-astrazzjoni teknokratika. Biex tiġi evitata din il-problema, il-KESE jaħseb li jeħtieġ li naslu għal djalogu Ewropew ġenwin dwar l-enerġija li jista’ jinvolvi liċ-ċittadini, kemm jekk ikunu konsumaturi, kif ukoll rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent, impjegati, imprendituri, bdiewa, persuni li jgħixu fl-ibliet u fl-irħula, pensjonanti, jiġifieri (3) s-soċjetà ċivili li kollha kemm hi hija kkonċernata kuljum u b’mod konkret ħafna minn kwistjonijiet ta’ enerġija. Din hija kwistjoni ta’ tħejjija għall-futur u mhux biss li ngħaddu minnu b’mod passiv; madankollu, f’dan il-futur, ser ikun hemm il-prosumaturi, il-konsumaturi u l-produtturi tal-enerġija u “dawk li jiffrankaw” l-enerġija. L-Unjoni tal-Enerġija ser issib il-kundizzjonijiet tas-suċċess tagħha billi taqbeż il-burokrazija u timpenja ruħha bil-qawwa f’azzjoni politika.

Brussell, it-28 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22.

(2)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 6.

(3)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 15; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 1; ĠU C 291, 4.9.2015, p. 8; ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84.


In alto