This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0580
European Parliament resolution of 11 December 2013 on the European Retail Action Plan for the benefit of all actors (2013/2093(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha (2013/2093(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha (2013/2093(INI))
ĠU C 468, 15.12.2016, p. 140–145
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 468/140 |
P7_TA(2013)0580
Pjan ta' azzjoni Ewropew għas-settur tal-konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha (2013/2093(INI))
(2016/C 468/18)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2013 bl-isem “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi” (COM(2013)0036), |
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2013 dwar “Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa” (COM(2013)0037), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2010 bl-isem “Eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni – Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust sal-2020” (COM(2010)0355), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 bl-isem – “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir” (COM(2012)0225), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur (2), |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2012 bl-isem “Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur – Konsumaturi li jħossuhom komdi fis-suq uniku: Monitoraġġ tal-integrazzjoni tas-suq uniku tal-konsumaturi u l-kundizzjonijiet tal-konsumatur fl-Istati Membri” (SWD(2012)0165), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2012 bl-isem “Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv – Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv” (COM(2012)0702), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar Prattiki ta' riklamar qarrieqa (3), |
— |
wara li kkunsidra l-ħidma tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari li Taħdem Aħjar u tal-Pjattaforma Esperta dwar Prattiki Kuntrattwali B2B, |
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2013 bl-isem “Consultation of Social Partners under Article 154 TFEU on enhancing EU cooperation in the prevention and deterrence of undeclared work” (Konsultazzjoni mal-Imsieħba Soċjali skont l-Artikolu 154 TFUE dwar it-titjib fil-kooperazzjoni tal-UE fil-prevenzjoni u d-deterrenza ta’ xogħol mhux iddikjarat) (C(2013)4145), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 bl-isem “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (COM(2009)0591), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (4), |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedji tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea (5), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-suq uniku diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (COM(2011)0942), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 (6) u tal-4 ta’ Lulju 2013 (7) dwar l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi” (8), |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2013 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa” (9), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur (10), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (11), u r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (12), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (13), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-transazzjonijiet kummerċjali (14), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (15), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0374/2013), |
A. |
billi l-importanza tas-suq tal-konsumaturi qatt ma tista’ tiġi vvalutata aktar milli mistħoqq, minħabba li dan jirrappreżenta 11 % tal-PDG tal-UE u joħloq iżjed minn 15 % tal-impjiegi kollha fl-Ewropa, inkluż il-ħaddiema tas-sengħa u dawk bla sengħa, u jikkontribwixxi għan-nisġa soċjali tas-soċjetà; |
B. |
billi l-importanza strateġika tas-settur tal-bejgħ bl-imnut għandha tiġi rikonoxxuta b’mod sħiħ bħala l-ixprun tat-tkabbir, il-kompetittività u l-innovazzjoni, kif ukoll għat-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew; |
C. |
billi f’soċjetà li dejjem iżjed qed tkun ikkaratterizzata mill-kuntatti virtwali permezz tal-internet, il-ħwienet għadhom il-post fejn nies jiltaqgħu ma’ nies oħra u b’mod partikolari t-toroq ewlenin u ċ-ċentri tal-ibliet kif ukoll il-bejgħ dirett mill-produtturi jistgħu jipprovdu l-ambjent għall-qsim tal-esperjenzi, u jservu bħala l-punt ċentrali tal-identità lokali, is-sens ta' kburija komunitarja, il-patrimonju komuni u l-valuri kondiviżi; billi, madankollu, il-kummerċ elettroniku u l-istabbilimenti tradizzjonali ma jeskludux lil xulxin u fil-fatt jikkomplementaw lil xulxin; |
D. |
billi l-kriżi ekonomika attwali qed tħalli effett negattiv qawwi fuq is-settur tal-konsumaturi, u taffettwa b’mod partikolari l-ħwienet indipendenti, l-aktar żgħar; |
E. |
billi l-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) ikomplu jeżistu u jaffettwaw b’mod negattiv il-katina tal-provvista kollha, inklużi l-bdiewa u l-SMEs; billi l-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) għandhom ukoll impatt negattiv fuq l-interessi tal-konsumaturi kif ukoll fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; |
1. |
Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi stabbilit mill-Kummissjoni; |
2. |
Jiddikjara li l-Pjan ta’ Azzjoni kellu jindirizza b'aktar attenzjoni l-effetti tal-kriżi ekonomika attwali fuq is-settur tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, fuq il-ħwienet indipendenti ż-żgħar; |
3. |
Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq Grupp permanenti dwar il-Kompetittività fis-Settur tal-Konsumaturi, imma jenfasizza l-importanza ta’ rappreżentazzjoni bilanċjata, inkluż, fost l-oħrajn, kemm il-bejjiegħa l-kbar kif ukoll iż-żgħar, il-fornituri, il-kooperattivi, il-konsumaturi u gruppi ta' interess ambjentali u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ olistiku għall-bejgħ bl-imnut, tevita d-duplikazzjoni u l-burokrazija żejda, u tiżgura l-koerenza u l-koordinazzjoni mill-qrib mal-fora eżistenti l-oħrajn, bħal-Laqgħa ta’ Diskussjoni dwar is-Suq tal-Konsumaturi organizzata ta’ kull sena; |
4. |
Jilqa’ l-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Innovazzjoni fis-Settur tal-Konsumatur u jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi malajr ir-rakkomandazzjonijiet li se jitressqu mill-grupp biex tippromwovi ulterjorment l-intraprenditorija, tistimola l-innovazzjoni u toħloq impjiegi u tkabbir fl-Ewropa; |
5. |
Jappoġġja l-Laqgħa ta’ Diskussjoni dwar is-Suq tal-Konsumaturi, organizzata mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, kif ukoll il-forum istituzzjonali bl-għan li l-bejgħ bl-imnut jibqa’ prijorità fl-aġenda politika tal-UE, jiġi rivedut il-progress fl-implimentazzjoni tal-aspetti rilevanti tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Settur tal-Konsumaturi, ikun hemm rappurtar dwar ix-xogħol tal-Grupp permanenti dwar il-Kompetittività fis-Settur tal-Konsumaturi u jkun hemm aġġornamenti dwar il-progress fi pjattaformi oħrajn attwali u f'mekkaniżmi ta’ djalogu informali; jitlob lill-Grupp permanenti dwar il-Kompetittività fis-Settur tal-Konsumaturi jaħdem mill-qrib mal-Parlament sabiex jorganizza l-Laqgħa ta’ Diskussjoni annwali dwar is-Suq tal-Konsumaturi; |
6. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri ma jieħdux miżuri, fil-kuntest tal-politiki ta' awsterità, li jimminaw il-fiduċja tal-konsumaturi u jagħmlu ħsara diretta lill-interessi tas-settur tal-konsumaturi, bħal żieda fir-rata tal-VAT, klassifikazzjoni mill-ġdid ta' prodotti u ta' rati ta' prodotti jew żieda fl-ispejjeż għall-ħwienet; itenni l-importanza ta' aċċess imtejjeb għall-finanzi, partikolarment għall-SMEs fil-kummerċ fis-settur tal-konsumatur u bl-ingrossa; jilqa' f'dan ir-rigward il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 u l-proposti leġiżlattivi reċenti bl-għan li jinżamm il-fluss ta' kreditu għall-SMEs u jitjieb l-aċċess tagħhom għas-swieq tal-kapital; |
7. |
Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżommu milli jwettqu miżuri diskriminatorji, bħal liġijiet tal-kummerċ u tat-taxxi li jaffettwaw biss ċerti setturi jew mudelli tan-negozju u jfixklu l-kompetizzjoni; |
8. |
Jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed jiddiskriminaw kontra n-negozji barranin billi joħolqu ostakoli ġodda li jagħmluha diffiċli għalihom biex jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru partikolari, li jikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipji tas-suq intern; |
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu l-ogħla prominenza politika lis-settur tal-konsumaturi bħala l-pilastru tas-Suq Uniku, inkluż is-Suq Uniku Diġitali, u jneħħu l-ostakli regolatorji, amministrattivi u prattiki li jfixklu l-bidu ta' negozji, l-iżvilupp u l-kontinwità, u jagħmluha diffiċli għall-bejjiegħa li jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern; iqis li l-leġiżlazzjoni tas-suq tal-konsumatur għandha sserraħ fuq l-evidenza, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-settur, kif ukoll tibbaża b'mod partikolari fuq eżami u fehim tal-impatt tagħha fuq in-negozji żgħar; |
10. |
Jitlob lill-Istati Membri jittrasponu r-regoli tas-suq intern b’mod koerenti u konsistenti u jimplimentaw b'mod sħiħ u koerenti r-regoli u l-leġiżlazzjoni tas-suq intern; jenfasizza l-fatt li r-rekwiżiti għal testijiet u reġistrazzjonijiet addizzjonali, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ċertifikati u standards, restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista u miżuri simili joħolqu spejjeż żejda għall-konsumaturi u l-bejjiegħa, b’mod partikolari għall-SMEs, u b’hekk iċaħħdu liċ-ċittadini Ewropej milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, bil-għan li tiżgura governanza aħjar, biex tħaddem politika ta’ tolleranza żero ma’ dawk l-Istati Membri li jonqsu milli japplikaw kif xieraq ir-regoli tas-suq intern u, fejn ikun xieraq, tibda proċeduri ta’ ksur u tħaffef dawk il-proċeduri bl-użu ta' approċċ rapidu; |
11. |
Jitlob li t-tabella ta’ valutazzjoni tas-suq intern tiġi estiża biex tkopri l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi; |
12. |
Jinkoraġġixxi federazzjonijiet kummerċjali u assoċjazzjonijiet tal-konsumatur biex jipprovdu iktar informazzjoni, taħriġ u pariri legali lill-partijiet interessati dwar id-drittijiet tagħhom u l-istrumenti li jsolvu l-problemi għad-dispożizzjoni tagħhom, bħal SOLVIT, u jappoġġjaw l-iskambju tal-aħjar prattiki bejniethom; |
13. |
Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa strumenti li jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi għal informazzjoni trasparenti, faċli tinftiehem, kumparabbli u affidabbli dwar il-prezzijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodotti u s-servizzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi database aċċessibbli b’mod faċli li jkun fiha r-rekwiżiti kollha tat-tikkettar tal-UE u nazzjonali; fl-istess ħin iwissi kontra l-multiplikazzjoni tat-tikketti u r-rekwiżiti tat-tikkettar u jitlob għas-simplifikazzjoni, inkluż billi jingħaqdu flimkien id-diversi aspetti tas-sostenibbiltà f’tikketta waħda, filwaqt li jitnaqqsu d-differenzi fir-rekwiżiti tat-tikkettar obbligatorji nazzjonali u jiġu stabbiliti, fejn xieraq, parametri referenzjarji/kriterji komuni fil-livell tal-UE; |
14. |
Jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha, biex tagħti attenzjoni partikolari għal azzjonijiet li għandhom l-għan li jappoġġaw il-bejjiegħ indipendenti; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromwovu azzjonijiet li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess indaqs u biex joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-bejjiegħa indipendenti, f’rispett sħiħ tal-kompetizzjoni ħielsa u ġusta, bħal: l-inkoraġġiment tal-prinċipju “adotta ħanut” li permezz tiegħu l-bejjiegħa l-kbar jagħmluha ta’ “mentors” għall-ħwienet iż-żgħar fl-istess lokalità, partikolarment għall-atturi l-ġodda fis-suq; il-promozzjoni ta’ gruppi ta’ bejjiegħa indipendenti, inkluż il-kooperattivi, li jibbenefikaw mill-assistenza reċiproka u ċertu ekonomiji ta’ skala, filwaqt li jżommu l-indipendenza sħiħa tagħhom; u r-rispett tad-dritt tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jistimulaw il-klima favur il-ħwienet indipendenti ż-żgħar li huma tipikament stabbiliti fiċ-ċentri tal-irħula, billi jbaxxu r-rati tal-enerġija – inkluż għal sinjali mixgħula bil-lejl – u l-kera permezz ta’ sħubiji pubbliċi-privati, u bl-introduzzjoni ta’ skontijiet fuq ir-rati għan-negozju tal-ispejjeż lokali li jħallsu n-negozji ż-żgħar u l-bejjiegħa indipendenti f’konformità mar-regoli applikabbli tal-UE dwar il-kompetizzjoni tal-għajnuna mill-istat u l-akkwist pubbliku fis-suq intern u bil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn id-diversi ħwienet f’dik iż-żona; |
15. |
Ifakkar li, filwaqt li l-konċentrazzjoni ta’ ħwienet barra miċ-ċentri tal-bliet tista’ tkun konvenjenti għal xi konsumaturi, din tista' tħalli effetti ambjentali negattivi u tista' toħloq diffikultà għal konsumaturi oħrajn, partikolarment għal nies anzjani, nies b’mobilità ridotta jew dawk mingħajr karozza; jitlob, għalhekk, biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jadottaw approċċ bilanċjat, filwaqt li jikkunsidraw il-fatt li f'ħafna reġjuni, speċjalment minħabba l-kriżi ekonomika, il-punt ta' saturazzjoni diġà ntlaħaq; jenfasizza li l-iżviluppaturi bl-imnut għandhom ikomplu jassumu r-responsabbiltà kondiviża biex jippromovu s-sostenibbiltà, il-libertà vera tal-għażla għall-konsumaturi u aċċess għas-suq għal ħwienet żgħar; jinnota li r-renti taċ-ċentri tax-xiri barra ċ-ċentri tal-bliet jistgħu jkunu ferm għoljin għal ħwienet żgħar indipendenti u jenfasizza l-ħtieġa li jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali għal dawk il-ħwienet, pereżempju billi r-renta tkun ibbażata fuq perċentwali tal-fatturat, f'każijiet fejn dik mhijiex diġà prattika eżistenti; |
16. |
Jirrikonoxxi l-kompetenza tal-awtoritajiet lokali fir-rigward tal-ippjanar urban; jenfasizza, madankollu, li l-ippjanar urban m’għandux jintuża bħala pretest biex jiġi evitat id-dritt għall-istabbiliment liberu; ifakkar, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-infurzar xieraq tad-Direttiva dwar is-Servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli għall-moviment ħieles u jiftħu s-swieq tagħhom, sabiex jistimulaw il-kompetittività u jippromwovu d-diversità fost il-ħwienet, li hija essenzjali jekk iż-żoni kummerċjali – b’mod partikolari fiċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet – iridu jibqgħu attraenti; |
17. |
Jenfasizza r-rwol importanti tas-sħubijiet pubbliċi-privati li jiżguraw żoni nodfa, sikuri u aċċessibbli fiċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet, inter alia, billi jiġu indirizzati l-effetti negattivi tal-bini vojt fiż-żoni kummerċjali, eż. billi dawn il-postijiet ikunu disponibbli għan-negozji li jkunu għadhom jibdew b’kera iżjed baxxa mis-soltu, f’konformità mar-regoli applikabbli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u l-akkwist pubbliku; |
18. |
Jinnota li l-iżvilupp rapidu tal-kummerċ elettroniku ġab benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi u n-negozji f’termini ta’ innovazzjoni, opportunitajiet ġodda għas-suq u tkabbir, għażla mtejba, kompetizzjoni mtejba u prezzijiet aktar baxxi; jinnota madankollu li l-ħwienet issa qed jiffaċċjaw sfidi ġodda, li jrendu għalhekk l-istrateġiji tas-settur tal-konsumaturi diversifikati dejjem iżjed importanti; jinkoraġġixxi lill-bejjiegħa, fid-dawl tar-rwol soċjali u kulturali tas-settur tal-konsumatur, jiżviluppaw mudelli tan-negozju ġodda online għall-klijentela tagħhom filwaqt li jespandu wkoll l-esperjenza tax-xiri fil-ħanut fiżiku, fost l-oħrajn, billi jżidu l-livelli tas-servizz, kemm qabel kif ukoll wara x-xiri; |
19. |
Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkoraġġixxi l-kummerċ elettroniku; jiddispjaċih madankollu dwar in-nuqqas ta’ objettiv biex is-servizzi u l-prodotti online jsiru aċċessibbli għall-konsumaturi mill-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija biex iżżomm lill-bejjiegħa milli jadottaw politiki diskriminatorji fil-prattiki tal-kummerċ elettroniku tagħhom, u b’hekk jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-kummerċ online transkonfinali; |
20. |
Jenfasizza li l-kummerċ elettroniku huwa importanti sabiex tiġi żgurata l-għażla għall-konsumatur u l-aċċess għal prodotti u servizzi, b’mod partikolari fiż-żoni l-aktar imbiegħda; jenfasizza l-fatt li għandha tittieħed azzjoni xierqa biex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tiegħu, fosthom permezz tat-titjib tal-aċċess għall-internet fl-iktar żoni mbiegħda tal-UE; jappoġġja l-miżuri mitluba fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 dwar il-kummerċ elettroniku biex titjieb il-fiduċja, tiġi ssimplifikata r-reġistrazzjoni tad-dominji madwar il-fruntieri, jitjiebu l-pagamenti online sikuri u s-servizzi ta’ konsenja, jiġi ffaċilitat l-irkupru tad-djun transkonfinali u titjieb l-informazzjoni għall-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, partikolarment dawk li jittrattaw il-każijiet fejn il-konsumatur jirritorna l-oġġett u l-possibilitajiet għall-appell; |
21. |
Itenni l-importanza tat-tneħħija tal-ostakoli (inkluż lingwistiċi, amministrattivi u dawk relatati ma' nuqqas ta' informazzjoni) li jillimitaw il-potenzjal tan-negozji fil-kummerċ transkonfinali online u jnaqqsu l-fiduċja tal-konsumaturi fis-Suq Uniku; |
22. |
Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-Tariffa Multilaterali tal-Interkambju (MIF) u jenfasizza l-importanza li jitneħħew ir-regoli dwar l-iskemi tal-kards li jsaħħu l-effetti ta' kontra l-kompetizzjoni tal-MIF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri li diġà għandhom sistemi trasparenti, kompetittivi u innovattivi u biex dawn tużahom bħala l-aħjar prattiki fl-iżvilupp ulterjuri ta’ suq tal-pagamenti aktar ekonomiku u ġust fl-Ewropa; |
23. |
Jenfasizza r-responsabbiltà tas-settur tal-bejgħ bl-imnut rigward is-sostenibbiltà; jilqa’ l-fatt li l-bejjiegħa u l-fornituri kienu minn ta’ quddiem rigward ir-responsabbiltà ekoloġika, b’mod partikolari rigward l-iskart, l-użu tal-enerġija, it-trasport u t-tnaqqis tas-CO2; iqis li huma meħtieġa iżjed sforzi f’dan il-qasam; |
24. |
Jilqa’ b’mod partikolari l-inizjattivi volontarji u l-impenji meħuda mill-bejjiegħa u l-fornituri biex titnaqqas il-ħela tal-ikel; |
25. |
Itenni l-importanza li jiġi preservat is-settur tal-kummerċ tal-konsumatur f'bankarelli u fis-swieq f’ żoni pubbliċi, settur li prinċipalment hu magħmul minn eluf ta' intrapriżi żgħar immexxija minn familji u fl-istess ħin jirrappreżenta karatteristika partikolari tal-ekonomija Ewropea; |
26. |
Jenfasizza l-fatt li l-bejjiegħa qed joffru modi diversi u moderni għax-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti u servizzi li jikkontribwixxu biex il-konsumatur ikollu għażla aktar wiesa’ u opportunitajiet ta’ impjieg flessibbli, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u għal persuni li ilhom qiegħda; |
27. |
Jitlob biex jingħata aktar appoġġ u inkoraġġiment lill-SMEs u lill-kooperattivi, b'mod partikolari dawk innovativi u li jikkontribwixxu għall-ekonomija soċjali, li jindirizzaw il-ħtiġijiet ġodda tas-suq u huma involuti f'attivitajiet favur l-ambjent u soċjalment responsabbli, sabiex tiżdied il-kompetittività tas-settur tal-konsumaturi tal-UE, jitbaxxew il-prezzijiet għall-konsumaturi, titjieb il-kwalità tas-servizz u jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg ġodda; |
28. |
Ifakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol eżistenti; jitlob kundizzjonijiet ugwali għan-negozjanti fis-suq intern biex jiġu miġġielda x-xogħol mhux dikjarat u l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi soċjali; |
29. |
Jilqa’ l-franchising bħala mudell ta’ negozju li jappoġġja n-negozji ġodda u s-sjieda ta’ negozji żgħar; jinnota, madankollu, l-eżistenza ta' termini ta' kuntratt inġusti f'ċerti każijiet u jitlob għat-trasparenza u kuntratti ġusti; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, b’mod partikolari, għall-problemi li jiffaċċjaw il-konċessjonarji li jkunu jixtiequ jbiegħu n-negozju tagħhom jew jibdlu l-formola tan-negozju tagħhom, filwaqt li jibqgħu attivi fl-istess settur; jitlob li l-Kummissjoni teżamina l-projbizzjoni ta’ mekkaniżmi tal-iffissar tal-prezzijiet fis-sistemi tal-franchising u l-effetti tal-klawżoli tal-kompetizzjoni fit-tul, l-għażliet ta’ xiri u l-projbizzjoni tal-multi-franchising u biex tqis mill-ġdid f’dan ir-rigward l-eżenzjoni attwali mir-regoli tal-kompetizzjoni għall-partijiet kontraenti li għandhom sehem mis-suq ta’ inqas minn 30 %; |
30. |
Jinsab imħasseb dwar l-iżvilupp rapidu tat-tikketti privati; jenfasizza li t-tikketti privati għandhom jiġu żviluppati b’tali mod li jipprovdu għażla mtejba għall-konsumatur, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasparenza, il-kwalità tal-informazzjoni u d-diversità, u biex jipprovdu opportunitajiet tajbin għall-SMEs biex jiġġeddu u jespandu; |
31. |
Jappoġġja l-ħidma tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari li Taħdem Aħjar u tal-Pjattaforma Esperta tiegħu dwar prattiki kuntrattwali B2B; iqis li l-Parlament għandu b’urġenza jirrisolvi l-kwistjonijiet pendenti relatati mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ħidma tal-Forum; jenfasizza li l-UTPs iseħħu wkoll fil-katina tal-provvista mhux alimentari; jitlob lill-Kummissjoni u lill-federazzjonijiet tan-negozju, f'dan il-kuntest, biex isegwu djalogu kostruttiv u bejn is-setturi fil-fora attwali, li jinkludi wkoll il-Laqgħa ta’ Diskussjoni dwar is-Suq tal-Konsumaturi organizzata ta’ kull sena u l-Grupp dwar il-Kompetittività tas-Settur li jmiss tal-Konsumatur tal-Kummissjoni; |
32. |
Jilqa’ l-prinċipji ta’ prattika tajba u l-lista ta’ eżempji ta’ prattiki ġusti u inġusti f’relazzjonijiet kummerċjali vertikali fil-katina tal-provvista alimentari, kif ukoll il-qafas għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dawn il-prinċipji; jilqa’ r-rikonoxximent mill-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ dwar il-ħtieġa għall-infurzar u jenfasizza li, jekk il-mekkaniżmu ta’ infurzar għandu jkollu effett prattiku, huwa vitali li jkollu r-rispett tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista alimentari u li l-atturi kollha, inkluż l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa kif ukoll l-industriji tal-manifattura u tad-distribuzzjoni bl-ingrossa, jipparteċipaw; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-effetti prattiċi tal-inizjattiva volontarja, inkluż l-infurzar tal-prinċipji ta' prattika tajba, fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tagħha; |
33. |
Jinnota li l-kwistjonijiet dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali vertikali jitqajmu wkoll f’konnessjoni mal-arranġamenti ta’ distribuzzjoni selettivi u esklussivi fil-bejgħ tal-prodotti b’marka kummerċjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bejjiegħa u tas-sidien tal-ħwienet li għandhom saħħa ta’ negozjar aktar limitata; |
34. |
Iqis li atturi tas-suq aktar dgħajfa, partikolarment bdiewa u fornituri oħra, ta' spiss iqisuha bħala diffikultà li jilmentaw dwar UTPs u jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet, li għandhom ikunu jistgħu jressqu tali ilmenti f'isimhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta' ombudsman jew aġġudikatur, kif ukoll teżamina jekk tali uffiċċju għandux ikollu s-setgħa li jieħu azzjoni ex-officio fil-każ ta' prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) ibbażati fuq evidenza; |
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura d-dritt tal-fornituri ż-żgħar li jistabbilixxu gruppi ta' produtturi mingħajr ma jiġu ppenalizzati mill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni minħabba li l-importanza ta’ dawn il-gruppi tiġi vvalutata abbażi tal-produzzjoni nazzjonali waħedha; |
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni attwali dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-provvista territorjali imposti mill-fornituri fuq il-konsumaturi tagħhom; |
37. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 9.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0239.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0436.
(4) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 22.
(5) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0468.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0327.
(8) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions.26063.
(9) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions.26065.
(10) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(11) ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.
(12) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(13) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.
(14) ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.
(15) ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.