EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE2321

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rio+20: analiżi u perspettivi” (opinjoni addizzjonali)

ĠU C 44, 15.2.2013, p. 64–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rio+20: analiżi u perspettivi” (opinjoni addizzjonali)

2013/C 44/11

Relatur: is-Sur WILMS

Nhar l-14 ta’ Novembru 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura, li jfassal opinjoni addizzjonali dwar

Rio+20: analiżi u perspettivi

(opinjoni addizzjonali).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2012.

Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-13 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjonijiet

1.1.1

Id-dokument finali tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f’Rio de Janeiro din is-sena (il-konferenza Rio+20), “Il-futur li rridu”, huwa ħafna iktar dgħajjef milli xtaq il-KESE. Huwa ma jikkunsidrax biżżejjed b’mod partikolari l-urġenza tas-sitwazzjoni ta’ kriżi li tinsab fiha l-pjaneta tagħna. Madanakollu fih ukoll bosta elementi li fuqhom tista’ tkompli tibni l-UE. Nistgħu nenfasizzaw b’mod partikolari l-ftehim globali dwar ekonomika ekoloġika bħala strument importanti tal-iżvilupp sostenibbli, il-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni soċjali u l-ftehim dwar proċess li għandu jwassal għal għanijiet globali tas-sostenibbiltà b’koordinazzjoni mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.

1.1.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-mobilizzazzjoni pożittiva tas-soċjetà ċivili fil-konferenza ta’ Rio li ġġenerat ħafna ideat innovattivi u wasslet għal alleanzi ġodda.

1.1.3

Fit-tħejjija tiegħu għal u matul il-konferenza ta’ Rio+20, il-KESE qeda verament ir-rwol tiegħu ta’ intermedjarju bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-isforzi li għamel il-KESE sabiex jippromovi d-djalogu tas-soċjetà ċivili fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha ntlaqgħu b’mod pożittiv mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

1.2   Rakkomandazzjonijiet

1.2.1

Il-KESE huwa tal-fehma li s-segwitu u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Rio+20 għandhom isiru bl-involviment u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Huwa jilqa’ għalhekk l-isforzi kollha tal-istituzzjonijiet l-oħra f’din id-direzzjoni. Hekk kif għamel qabel il-konferenza ta’ Rio+20, il-KESE ser ikompli jappoġġja d-djalogu tas-soċjetà ċivili dwar il-kwistjonijiet marbuta mas-sostenibbiltà, anki billi jinvolvi l-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili u l-kunsilli nazzjonali, ekonomiċi, soċjali u tas-sostenibbiltà.

1.2.2

Il-KESE ser jikkontribwixxi b’mod attiv fl-iżvilupp tal-għanijiet globali tas-sostenibbiltà billi, kif għamel qabel il-konferenza ta’ Rio+20, ikompli jippromovi d-djalogu tas-soċjetà ċivili fl-UE iżda anki mal-imsieħba soċjali barra l-UE. Huwa ser jaħdem b’mod partikolari biex jinvolvi minn naħa l-atturi involuti fil-proċess tas-sostenibbiltà u min-naħa l-oħra l-atturi tal-proċess tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Barra minn hekk, permezz tal-esperjenza u l-kompożizzjoni tiegħu l-KESE jista’ jagħti kontribut fit-tfassil konkret tal-ekonomija ekoloġika, inkluż id-dimensjoni soċjali u d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-livell globali.

1.2.3

Il-KESE jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-konferenza Rio+20, li jħabbru l-miżuri ta’ segwitu ambizzjużi ta’ Rio+20 li għandhom iseħħu permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE kif ukoll ir-reviżjoni li tħabbret tal-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE. Il-KESE jqis li hemm bżonn dibattu wiesa’ tas-soċjetà ċivili dwar l-iżvilupp sostenibbli fl-UE u ser ikompli jippromovih fil-ħidma futura tiegħu.

2.   Il-kontribut tal-KESE fil-konferenza Rio+20

2.1

Fl-opinjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2011 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar” (CESE 1386/2011) (1), il-KESE ppreżenta l-ideat tiegħu dwar it-temi skedati għall-konferenza Rio+20 fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll adotta pjan ta’ azzjoni għall-perjodu sal-konferenza Rio+20. L-għan kien li jippromovi b’mod partikolari d-djalogu tas-soċjetà ċivili dwar it-temi ta’ Rio kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li fid-dawl tat-talbiet tal-KESE tagħti rendikont tal-konferenza ta’ Rio+20 u tippreżenta perspettivi ta’ segwitu.

2.2

Fir-rigward tal-konferenza ta’ Rio+20 il-KESE segwa approċċ fuq żewġ binarji.

2.2.1

Fil-livell Ewropew, il-KESE, abbażi tal-opinjoni tiegħu li ġiet adottata f’Settembru 2011, fittex djalogu soċjali mal-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili u b’mod partikolari fi Frar 2012 meta organizza konferenza kbira tas-soċjetà ċivili. Din il-konferenza wasslet għall-adozzjoni ta’ bosta talbiet prinċipali lin-negozjaturi ta’ Rio li wara ġew adottati mill-KESE f’forma ta’ Opinjoni intitolata “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar it-tħejjija tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli” (Rio+20) (CESE 486/2012) (2) eżatt qabel ma l-Kunsill tal-UE stabbilixxa n-negozjati f’Marzu 2012. Permezz ta’ dan, il-KESE qeda l-funzjoni tiegħu ta’ medjatur bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-UE.

2.2.2

Fl-istess waqt il-KESE ddiskuta t-temi ta’ Rio b’mod bilaterali mal-imsieħba istituzzjonali tiegħu b’mod partikolari fil-Brażil, iċ-Ċina u r-Russja. Matul laqgħa multilaterali f’Mejju 2012 intlaħaq ftehim dwar punti ewlenin komuni li wara, matul il-konferenza ta’ Rio, servew ta’ bażi għad-djalogu tas-soċjetà ċivili mar-rappreżentanti ta’ pajjiżi oħra.

2.3

Il-KESE pparteċipa b’mod attiv fil-konferenza ta’ Rio+20 billi organizza tliet attivitajiet popolari, żewġ djalogi organizzati mal-Kunsill tal-Brażil għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Brażil u ieħor mal-Istati BRIC u avveniment dwar il-mudelli tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-paviljun tal-UE bil-parteċipazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Matul il-konferenza Rio+20, il-membri tad-delegazzjoni tal-KESE ffurmaw parti integrali tad-delegazzjoni tal-UE fejn nibtet ix-xewqa ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali msaħħa anki fir-rigward tas-segwitu ta’ Rio.

3.   L-evalwazzjoni tal-KESE tal-konferenza Rio+20

3.1

Il-KESE jqis li d-dokument finali tal-konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret din is-sena f’Rio de Janeiro (il-konferenza Rio+20) “Il-futur li rridu” jiddokumenta l-impenn globali favur l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjoni ekoloġika, soċjali u ekonomika tiegħu. Il-KESE jiddispaċih madanakollu li r-riżultat tan-negozjati b’mod ġenerali huma inqas vinkolanti milli xtaqu kemm is-soċjetà ċivili kif ukoll il-KESE. Ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed b’mod partikolari l-urġenza tas-sitwazzjoni ta’ kriżi li tinsab fiha l-pjaneta tagħna. Il-KESE jiddispjaċih li d-dokument finali ma jsemmix il-piż massimu li qed iġġorr il-pjaneta tagħna.

3.2

Fl-istess waqt il-konferenza Rio+20 ħolqot mobilizzazzjoni mifruxa tas-soċjetà ċivili li tmur lil hinn minn dak li ġie nnegozjat fil-livell politiku. B’segwitu ta’ Rio, huwa importanti li din il-mobilizzazzjoni tkompli tintuża sabiex nippromovu u nkomplu nagħtu għamla lill-proċessi li bdew f’Rio. Il-konferenza ta’ Rio ma kinitx biss laqgħa tal-mexxejja politiċi iżda post fejn iltaqgħu nies b’rieda u kreattività li jew qed jitolbu bla heda għal bidla paradigmatika fl-azzjoni ekonomika tagħna jew iniedu bosta inizjattivi konkreti għal rikostruzzjoni.

3.3

Madanakollu d-dokument finali fih ukoll bosta elementi li tista’ tibni fuqhom l-UE. Nistgħu nsemmu b’mod partikolari l-ftehim globali dwar ekonomija ekoloġika bħala strument importanti tal-iżvilupp sostenibbli, il-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni soċjali u l-ftehim dwar proċess li għandu jwassal għal għanijiet globali tas-sostenibbiltà b’koordinazzjoni mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.

3.4

Fid-dawl tal-kwistjonijiet ċentrali ta’ tħassib tal-KESE fit-tħejjija għall-konferenza Rio+20, jistgħu jsiru dawn l-istqarrijiet fir-rigward tad-dokument finali:

3.4.1

Prijorità kbira tal-KESE għal Rio+20 kienet il-ġlieda kontra l-faqar. Il-Kumitat saħaq favur l-aċċess għal biżżejjed ikel, ilma nadif u enerġija sostenibbli. Dan il-qasam jaqdi rwol importanti fid-dokument finali minkejja li f’għajnejn ħafna l-kwistjonijiet tal-finanzjament ma ġewx kjarifikati biżżejjed. Id-dokument saħaq mill-ġdid fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u l-impenji li ttieħdu f’dan ir-rigward. Il-Kumitat jiddispjaċih madanakollu min-nuqqas ta’ enfasi fuq id-drittijiet tan-nisa.

3.4.2

Prijorità oħra tal-KESE għal Rio+20 kienet id-dimensjoni soċjali tal-bidla. Il-KESE talab tranżizzjoni ġusta lejn ekonomika iktar sostenibbli u jilqa’ l-fatt li din issemmiet għall-ewwel darba f’test tan-NU. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn dawn l-elementi tad-dokument finali: ir-rikonoxximent tal-imsieħba soċjali u b’mod partikolari l-ħaddiema bħala dawk li qed jaġixxu b’mod attiv għall-bidla, l-affermazzjoni tal-ħidma tajba, l-ugwaljanza bejn is-sessi, ir-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.4.3

Fil-perjodu ta’ qabel il-konferenza u anki matul Rio+20 stess, il-KESE enfasizza kemm-il darba l-bżonn tal-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili. It-test ta’ Rio fih xi żviluppi pożittivi f’dan ir-rigward. Il-KESE xtaq madanakollu konkretizzazzjoni tal-istqarrijiet ġenerali bħal pereżempju l-integrazzjoni ta’ fora ta’ bosta partijiet interessati bħall-kunsilli ekonomiċi u soċjali fl-iżvilupp tal-politiki nazzjonali dwar l-ekonomija sostenibbli. Fir-rigward ta’ talba aħjar li ressaq il-KESE dwar il-kwistjonijiet ta’ gvernanza, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ medjatur għall-ġenerazzjonijiet futuri sabiex jiġu kkunsidrati l-perspettivi fuq perjodu twil li hemm bżonn għall-politiki tas-sostenibbiltà, il-konferenza talbet lis-segretarju ġenerali tan-NU jwettaq analiżi oħra.

3.4.4

Fid-dawl tat-talbiet prinċipali tiegħu, il-KESE jilqa’ l-ftehim dwar qafas ta’ għaxar snin għall-konsum u t-tendenzi ta’ produzzjoni sostenibbli, ir-referenza għall-prinċipju tal-ħarsien tar-riżorsi, l-aħbar li l-PDG għandu jiġu akkumpanjat minn indikaturi oħra u r-rikonoxximent tar-rwol tal-intrapriżi.

4.   Segwitu ta’ Rio+20 fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea

4.1

Il-KESE huwa konvint li s-suċċess tal-konferenza Rio+20 ser jidher meta jiġu implimentanti d-deċiżjonijiet ta’ Rio u l-proċessi li nediet il-konferenza. Il-KESE huwa tal-fehma li dan għandu jsir bl-involviment u l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili.

4.2

Fil-bidu tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta’ din is-sena li saret f’New York, bdew ukoll il-proċessi għat-twaqqif ta’ forum politiku ta’ livell għoli dwar l-integrazzjoni tat-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli u d-definizzjoni tal-għanijiet globali tas-sostenibbiltà. Fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li jiġi rrimarkat li l-involviment tas-soċjetà ċivili f’dawn il-proċessi, minkejja l-istqarrijiet pożittivi fil-konferenza Rio+20, fid-dokument finali ma jissemmix b’mod sodisfaċenti.

4.3

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-għanijiet tas-sostenibbiltà, l-attenzjoni attwalment qed tingħata lill-kwistjonijiet proċedurali mhux biss dawk relatati mal-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili iżda mar-rabta bejn il-proċess li diġà tnieda tal-aġenda tal-iżvilupp wara l-2015 u l-proċess il-ġdid tal-għanijiet tas-sostenibbiltà. Id-dokument finali tal-konferenza Rio+20 jitkellem dwar il-bżonn ta’ rabta bejn iż-żewġ proċessi, madanakollu l-atturi kkonċernati minn kull naħa għadhom fi proċess ta’ riċerka.

4.4

F’Lulju 2012, il-KESE kien diġà organizza avveniment importanti tas-soċjetà ċivili sabiex iwassal ir-riżultati ta’ Rio fi Brussell. Dan wera biċ-ċar li l-iżvilupp tal-għanijiet tas-sostenibbiltà huwa tema prijoritarja tas-segwitu ta’ Rio li tirrikjedi d-dibattitu tas-soċjetà ċivili. Ħarġet ċara wkoll it-talba tal-parteċipanti li mill-bidu jmexxu flimkien il-proċess tad-definizzjoni tal-għanijiet tas-sostenibbiltà u r-reviżjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju sabiex tkun tista’ titfassal aġenda komprensiva ta’ żvilupp għall-wara l-2015. Barra minn hekk, matul dan l-avveniment, kif ġara f’attivitajiet oħra ta’ segwitu ta’ Rio tas-soċjetà, ġiet enfasizzata repetutament li hawnhekk fl-UE għandna nagħmlu dak li tlabna li jsir f’Rio. Il-KESE jinsab konvint mill-bżonn li jiġi verifikat jekk l-istrateġiji fundamentali tal-UE jikkorrispondux mat-talbiet tal-UE f’Rio+20 kemm fil-każ tad-dimensjoni tas-sostenibbiltà tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll tal-Istrateġija tal-UE tas-Sostenibbiltà.

4.5

Fid-diskussjonijiet interistituzzjonali li organizza l-KESE wara l-konferenza Rio+20 ħarġu fid-dieher ir-rieda għall-kooperazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili.

4.6

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-konsultazzjoni li organizzat il-Kummissjoni fuq l-internet fi tħejjija għal komunikazzjoni prevista għar-Rebbiegħa 2013 dwar il-miżuri ta’ segwitu ta’ Rio+20 u ser jorganizza avvenimenti konġunti li jikkumplementaw din l-azzjoni. Fir-Rebbiegħa 2013 mistennija wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġenda tal-iżvilupp wara l-2015. Il-KESE bħalissa qed iħejji opinjoni dwar din it-tema kumplessa. Skont il-Kummissarju responsabbli, l-aspetti ambjentali ta’ Rio jeħtieġ li jiġu implimentati fil-qafas tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li mistenni jiġi ppubblikat qabel l-aħħar tas-sena.

4.7

Il-KESE jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar Rio+20 b’mod partikolari l-enfasi fuq il-bżonn tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jilqa’ wkoll it-tħabbira ta’ miżuri ta’ segwitu ambizzjużi ta’ Rio+20 li għandhom jitwettqu fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Istrateġija tas-Sostenibbiltà tal-UE. Dwar l-Istrateġija tas-Sostenibbiltà, il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li din għandha tiġi riveduta fid-dawl tar-riżultati ta’ Rio. Din kienet talba li ressaq il-KESE fl-opinjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2011.

5.   Ir-rwol tal-KESE fil-proċess ta’ wara Rio

5.1

Il-parteċipazzjoni attiva tal-KESE fil-proċess ta’ segwitu tal-konferenza Rio+20 talbuha kemm l-atturi tas-soċjetà ċivili kif ukoll istituzzjonijiet oħra tal-UE.

5.2

Hawnhekk il-KESE jista’ jagħti kontribut importanti billi jibqa’ post li fi ħdanu jseħħ dibattitu soċjali dwar il-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà u medjatur bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE bl-involviment ukoll tal-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċvili kif ukoll il-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali u l-kunsilli tas-sostenibbiltà.

5.3

Mill-esperjenza tiegħu, il-KESE jista’ jagħti kontribut partikolari wkoll lill-kwistjonijiet tal-istruttura tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili li tirrikjedi pereżempju drittijiet konkreti ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u l-ipproċessar.

5.4

Il-KESE huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li waqqaf korp speċifiku tal-iżvilupp sostenibbli b’mod li dan iqis in-natura trasversali tat-tema. Issa wara Rio dan huwa iktar opportun minn qatt qabel. Fir-rigward tal-ekonomija ekoloġika, il-KESE, grazzi għall-kompożizzjoni tiegħu, jista’ jressaq proposti konkreti dwar il-kundizzjonijiet qafas li jridu jinħolqu għal dan il-għan. B’mod partikolari l-KESE jista’ jagħti kontribut ukoll sabiex jikkonkretizza d-dimensjoni soċjali tal-iżvilupp sostenibbli billi jelabora proposti operattivi għal tranżizzjoni ġusta lejn żvilupp sostenibbli. Qasam tal-proċess ta’ segwitu li jitlob il-kontribut urġenti tal-KESE huwa t-tfassil tal-għanijiet globali tal-sostenibbiltà. Il-KESE, kif għamel qabel il-konferenza ta’ Rio+20, jista’ jaqdi rwol importanti fil-promozzjoni tad-djalogu tas-soċjetà ċivili fl-UE iżda anki mal-imsieħba soċjali tiegħu barra l-UE.

5.5

Il-KESE jqis li huwa neċessarju dibattu wiesa’ tas-soċjetà ċivili dwar l-iżvilupp sostenibbli fl-UE u ser ikompli jippromovih fil-ħidma futura tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti relatati ma’ Rio tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-reviżjoni tal-istrateġija tas-sostenibbiltà tal-UE.

Brussell, 13 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 102-109.

(2)  ĠU C 143, 22.5.2012 p. 39-42.


Top