Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE1416

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-eradikazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 351, 15.11.2012, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 351/21


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-eradikazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2012/C 351/05

    Relatur: is-Sur SOARES

    Nhar l-24 ta’ Mejju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    L-eradikazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2012.

    Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Fl-2006, il-KESE kien diġà ta fehmtu dwar il-vjolenza domestika fuq in-nisa (1), billi esprima t-tħassib tas-soċjetà ċivili fir-rigward ta’ din il-kwistjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet li tħejjew dik id-darba għadhom japplikaw u għalhekk ma reġgħux issemmew f’din l-opinjoni.

    1.2

    Il-KESE, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili u waqt li huwa konxju li l-problema tal-vjolenza sessista, b’mod partikolari l-vjolenza domestika, hija kwistjoni li tolqot lil kulħadd, jerġa’ jafferma l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra din il-pjaga permezz tal-mezzi kollha possibbli, u b’mod speċjali jara l-possibbiltà li darba kull sentejn jiġi organizzat dibattitu dwar din il-problema.

    1.3

    Il-KESE jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri:

    1.3.1

    id-drittijiet tal-bniedem: tiġi indirizzata l-vjolenza sessista fil-kuntest domestiku bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, peress li dan jippermetti li tinstab risposta globali u multisettorjali għall-problema;

    1.3.2

    il-paradigmi tas-sigurtà u tar-riskji: jiġu adottati miżuri li għandhom l-għan li jbiddlu l-paradigmi tas-sigurtà u tar-riskji, billi tiddaħħal il-konvinzjoni li l-vjolenza kontra n-nisa fil-kuntest domestiku m’hijiex problema individwali, iżolata u li tagħmel parti mill-isfera privata, iżda hija kwistjoni ta’ sigurtà u tal-ordni pubbliku;

    1.3.3

    il-prevenzjoni: tiġi żviluppata politika ta’ prevenzjoni tal-vjolenza domestika billi jinħolqu żoni multidixxiplinarji ta’ appoġġ, attrezzati b’riżorsi u persunal speċjalizzat, kif ukoll bi pjani ta’ azzjoni interministerjali li jinvolvu lill-irġiel u liż-żgħażagħ fl-isforzi biex tiġi eradikata l-vjolenza domestika;

    1.3.4

    il-politiki ta’ protezzjoni: jiġi garantit lin-nisa vittmi tal-vjolenza aċċess prijoritarju għall-akkomodazzjoni, għall-għajnuna ekonomika, għat-taħriġ kif ukoll għal impjieg deċenti fejn jiġi applikat il-prinċipju ta’ “għall-istess xogħol, l-istess salarju”;

    1.3.5

    l-armonizzazzjoni tal-kriterji statistiċi: jiġu armonizzati l-kriterji sabiex jiġu rreġistrati l-każijiet ta’ vjolenza sessista, biex id-data miġbura tkun tista’ titqabbel;

    1.3.6

    l-edukazzjoni: jiġi garantit li l-edukazzjoni tikkontribwixxi biex tinbidel il-mentalità, jiġifieri, fost affarijiet oħra, jiġu implimentati programmi verament edukattivi sabiex jieqaf il-lingwaġġ sessist fil-kotba tal-iskola kif ukoll biex l-għalliema jingħatalhom taħriġ inizjali u permanenti li jkopri l-problema tal-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika;

    1.3.7

    il-mezzi tax-xandir: tiġi garantita applikazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (2), b’mod li ma tibqax tixxandar, b’mod speċjali mill-mezzi tax-xandir, u b’mod partikolari permezz tar-reklami, immaġni negattiva tal-mara;

    1.3.8

    is-saħħa: tissaħħaħ l-idea li l-vjolenza domestika kontra n-nisa hija varjant tar-riskju fuq is-saħħa;

    1.3.9

    il-koresponsabbilizzazzjoni: jissaħħu u jiġu appoġġjati l-miżuri li jippromovu r-responsabbiltà konġunta tal-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-kura tat-tfal, tal-ġenituri anzjani jew ta’ dawk bi bżonnijiet speċjali;

    1.3.10

    l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet li jaħdmu favur in-nisa vittmi tal-vjolenza domestika jew li jippromovu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni jew taħriġ fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

    1.3.11

    Is-sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista: tiġi ddedikata sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

    1.3.12

    il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika: Il-KESE iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw din il-konvenzjoni li ġiet adottata fl-2011.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Kwalunkwe vjolenza fuq persuna hija attentat fuq id-dinjità tagħha, fuq l-integrità fiżika u psikoloġika tagħha, fuq id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ bażi ta’ soċjetà demokratika.

    2.2

    Peress li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jirrispettaw, jipproteġu u jippromovu d-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom, dawn għandhom jinvestu riżorsi pubbliċi importanti f’servizzi u persunal speċjalizzat sabiex din il-missjoni titwettaq.

    2.3

    Il-vjolenza pubblika hija kkundanata mis-soċjetà, u s-soċjetà tappoġġja l-azzjonijiet tal-Istat li jittieħdu sabiex jitrażżnu u jiġu kkastigati l-ħatja.

    2.4

    Madankollu teżisti vjolenza oħra, aktar silenzjuża, li titwettaq ġewwa d-djar u li tolqot lill-vittmi tagħha b’mod xi kultant aktar brutali: il-vjolenza domestika.

    Il-membri kollha ta’ familja jistgħu jkunu vittmi okkażjonali jew permanenti ta’ tipi differenti ta’ vjolenzi, li jistgħu jwasslu għall-mewt.

    2.5

    Jekk dawn kollha jistħoqqilhom l-attenzjoni, it-tħassib u t-teħid ta’ miżuri min-naħa tal-awtoritajiet, huwa veru wkoll li l-grupp l-aktar milqut sistematikament huwa dak tan-nisa. Il-vjolenza domestika tibqa’ waħda mill-kawżi prinċipali tal-mewt fost in-nisa fid-dinja. Huwa għalhekk li din l-opinjoni tikkonċerna l-vjolenza domestika fuq in-nisa.

    2.6

    L-Unjoni Ewropea tiddefinixxi l-vjolenza fuq in-nisa bħala “kwalunkwe att ta’ vjolenza sessista li twassal, jew li tista’ twassal, għal dannu jew sofferenza fiżiċi, sesswali jew psikoloġiċi fuq in-nisa, inklużi theddid ta’ atti bħal dawn, il-koerċizzjoni jew id-deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk iseħħu fil-pubbliku kif ukoll fil-ħajja privata” (3).

    2.7

    Minkejja l-isforzi li saru matul l-aħħar għexieren ta’ snin mill-awtoritajiet pubbliċi u diversi setturi tas-soċjetà, organizzati u mhux, din il-forma ta’ vjolenza għadha titqies bħala problema privata, għalkemm fil-verità din hija problema pubblika.

    2.8

    Il-vjolenza domestika hija reat li għandu jiġi penalizzat mil-liġi. Il-KESE jagħraf l-isforz li sar minn pajjiżi differenti tal-Unjoni sabiex dawk li jikkommettu dan ir-reat jiġu penalizzati bl-aktar miżuri severi. Madankollu huwa importanti wkoll li jiġu identifikati l-kawżi profondi li huma l-bażi ta’ dan il-fenomenu u li jiġu definiti l-istrateġiji meħtieġa biex jikkumbattuh, inkluż permezz ta’ fehim aħjar tal-fenomenu mill-irġiel.

    2.9

    Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika qiegħda tolqot serjament il-politiki soċjali f’diversi pajjiżi tal-UE. Is-servizzi pubbliċi bażiċi, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali qegħdin jitnaqqsu meta l-familji, b’mod partikolari n-nisa, jeħtiġuhom iktar. Qegħdin jingħalqu servizzi ta’ assistenza speċjali għan-nisa u ċentri ta’ akkoljenza għan-nisa msawta, qegħdin jitnaqqsu l-baġits tas-servizzi nazzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, qegħdin jitneħħew proġetti ta’ prevenzjoni u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-mezzi tax-xandir, eċċ.

    2.10

    L-inugwaljanzi ekonomiċi u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa f’oqsma bħall-impjieg, is-salarji, l-aċċess għal riżorsi ekonomiċi oħra u n-nuqqas ta’ indipendenza ekonomika iżda wkoll il-persistenza tal-isterjotipi sessisti u ta’ soċjetà patrijarkali qegħdin inaqqsu l-kapaċità tal-mara li tirreaġixxi u qegħdin jenfasizzaw il-vulnerabbiltà tagħha fir-rigward tal-vjolenza domestika.

    2.11

    Il-kriżi ekonomika attwali u l-politiki fis-seħħ li suppost qegħdin jiġġilduha, flimkien mal-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji u l-privatizzazzjoni tas-settur pubbliku, mhux biss għandhom l-effett li jsaħħu d-diviżjoni sessista tax-xogħol iżda qegħdin iżidu l-inugwaljanzi filwaqt li jaggravaw il-fatturi li jipprovokaw il-vjolenza.

    2.12

    L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (4) irrikonoxxiet l-effetti dannużi tal-globalizzazzjoni fuq l-istrutturi soċjali. Globalizzazzjoni mingħajr regoli tista’ twassal għal forom agħar ta’ vjolenza fuq in-nisa, b’mod partikolari fil-forma tat-traffikar tal-bnedmin.

    2.13

    In-nisa li jagħmlu parti minn gruppi ta’ minoranza, il-migranti nisa, in-nisa foqra li jgħixu f’komunitajiet rurali jew remoti, in-nisa li qegħdin il-ħabs, in-nisa fl-istituti, in-nisa b’diżabbilitajiet mentali u fiżiċi u n-nisa anzjani huma aktar fir-riskju li jesperjenzaw il-vjolenza.

    2.14

    Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tħejji paragun tal-vjolenza domestika fuq in-nisa fl-Ewropa, tippreżenta viżjoni tal-miżuri kollha li ttieħdu u tqajjem kuxjenza soċjali aktar akuta tal-problema.

    2.15

    Il-KESE, li huwa l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata, huwa lest biex, flimkien mal-organizzazzjonijiet impenjati kontra din it-tip ta’ vjolenza, jorganizza forum ta’ dibattitu sabiex jiġu diskussi proposti għall-eradikazzjoni ta’ din il-vjolenza, u biex isir skambju ta’ eżempji ta’ prattika tajba li jwasslu għal miżuri effettivi ta’ prevenzjoni.

    3.   Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa – strument li għandu jiġi ratifikat u applikat

    3.1

    Fl-2011, il-Kunsill tal-Ewropa adotta Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (5). Dan huwa l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti li joħloq qafas legali globali sabiex tiġi prevenuta l-vjolenza, jitħarsu l-vittmi u jiġu kkundannati l-aggressuri. Dan huwa appell imniedi favur aktar ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, peress li l-vjolenza kontra n-nisa għandha għeruq profondi fl-inugwaljanzi kontra s-sessi u li tkompli minħabba li qed tiġi perpetwata minn kultura patrijarkali u indifferenza fir-rigward ta’ din ir-realtà.

    3.2

    Din il-Konvenzjoni tqis it-tipi kollha ta’ vjolenza (fiżika, psikoloġika, fastidju sesswali, żwieġ furzat, mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa, fastidju, sterilizzazzjoni jew abort furzat) mingħajr distinzjoni fl-età, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, l-oriġini soċjali, is-sitwazzjoni migratorja jew l-orjentazzjoni sesswali tal-vittma.

    3.3

    S’issa, huma 20 pajjiż biss li ffirmaw (6) din il-Konvenzjoni, uħud minnhom b’xi riservi (il-Ġermanja, is-Serbja u Malta), u pajjiż wieħed biss għadu rratifikaha (7). Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u japplikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul kemm jista’ jkun malajr.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    45 % tan-nisa fl-UE jiddikjaraw li xi darba jew oħra kienu vittma tal-vjolenza sessista. Bejn 40 u 45 % fost dawn jiddikjaraw li kienu vittmi ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol. Huwa stmat li fl-Ewropa seba’ nisa kuljum imutu kawża ta’ vjolenza sessista (8).

    4.2

    Barra minn hekk dan huwa fenomenu li għandu impatt ekonomiku qawwi. Fil-fatt huwa stmat li l-vjolenza fuq in-nisa fis-47 pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandha spiża annwali ta’ madwar EUR 32 biljun.

    4.3

    Stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru fl-2010 wera li ċ-ċittadini huma konxji ta’ dan il-fenomenu (98 % tal-persuni mistħarrġa) u li huwa mifrux ħafna (persuna kull erbgħa tgħid li taf b’mara vittma ta’ vjolenza domestika u persuna kull ħamsa tiddikjara li taf lil xi ħadd li jwettaq dawn il-vjolenzi).

    4.4

    Diġà fl-1980, it-tieni Konferenza Dinjija dwar l-istatut legali u soċjali tal-mara stabbilixxiet li l-vjolenza fuq in-nisa hija r-reat l-aktar silenzjuż fid-dinja. Tlettax-il sena wara, il-Konferenza Dinjija dwar id-drittijiet tal-bniedem ta’ Vjenna rrikonoxxiet id-drittijiet tal-mara bħala drittijiet tal-bniedem. L-Istati Membri tal-UE ħadu l-impenn li jilħqu l-objettivi fundamentali tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Bejġing tal-1995.

    4.5

    Fid-dikjarazzjoni finali tat-tieni Summit Ewropew tan-Nisa fil-Poter (Cadiz, Marzu 2010) (9), 25 ministru mara u diversi mexxejja politiċi mill-UE kollha rrikonoxxew li l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha trid tiġi konkretizzata fil-fatti u li l-vjolenza fuq in-nisa hija problema persistenti u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Id-dokument jafferma li l-isterjotipi sessisti jkomplu jiġġeneraw id-diskriminazzjoni u jwissi kontra l-fatt li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qegħdin jikkupjaw imġiba sessista.

    4.6

    L-istituzzjonijiet Ewropej ħarġu diversi dokumenti ta’ analiżi u ta’ azzjoni, li huma msemmija hawn taħt b’mod mhux eżawrjenti:

    4.6.1

    Il-Kunsill Ewropew:

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar L-eradikazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni Ewropea (8 ta’ Marzu 2010) li jappellaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u sabiex jippromovu miżuri li jiffinanzjaw dawn l-isforzi.

    4.6.2

    Il-Parlament Ewropew:

    Riżoluzzjoni dwar il-prijoritajiet u d-definizzjoni ta’ qafas politiku ġdid tal-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2011).

    F’Settembru 2011, il-Parlament Ewropew appoġġja l-għoti tal-Ordnijiet tal-Protezzjoni Ewropea lill-vittmi tal-vjolenza sessista, il-fastidju sesswali, is-sekwestru u l-attentat ta’ qtil. Din il-miżura kienet pass importanti sabiex tinbena żona Ewropea għall-protezzjoni tan-nisa.

    4.6.3

    Il-Kummissjoni Ewropea:

    Karta tan-Nisa (2009), Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma (2010), Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015.

    Saru diversi studji dwar il-vjolenza fuq in-nisa sabiex jiġi approfondit l-għarfien ta’ din il-problema.

    Fit-18 ta’ Mejju 2011 ġew adottati numru ta’ proposti li għandhom l-għan li jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi ta’ reat (Direttiva orizzontali li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità; Regolament relatat mal-għarfien reċiproku tal-miżuri ta’ protezzjoni fil-qasam ċivili).

    Finanzjament ta’ programmi speċifiċi bħal Daphne III, kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet Ewropej għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (Lobby Ewropew tan-Nisa).

    4.7

    Barra minn hekk, l-Istati Membri, għalkemm mhux kollha, adottaw liġijiet bil-għan li l-vjolenza domestika ssir reat, li jittieħdu miżuri aktar drastiċi kontra l-aggressuri, li l-vjolenza domestika tiġi kklassifikata fost ir-reati relatati mal-ordni pubbliku, eċċ.

    4.8

    Minkejja li fil-livell nazzjonali u Ewropew għad hemm nuqqas ta’ data affidabbli u paragunabbli dwar il-vjolenza domestika, iċ-ċifri magħrufa huma allarmanti biżżejjed sabiex ma jkunx hemm dubju li l-problema hija kbira (10).

    4.9

    Minkejja ċ-ċifri u tħejjija aktar rigoruża tal-leġislazzjoni, huwa veru li hemm l-idea ġeneralizzata li qed ngħixu f’soċjetà ta’ ugwaljanzi, u dan jista’ jikkorrompi d-dibattitu mhux biss dwar il-vjolenza domestika iżda dwar tipi oħra ta’ vjolenza u inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, bħalma huma d-differenzi fis-salarji, il-promozzjonijiet fl-iżvilupp tal-karrieri, eċċ.

    4.10

    Forma ta’ vjolenza minsija minħabba li hija inviżibbli għad-dinja ta’ barra hija l-vjolenza psikoloġika. Issa wasal iż-żmien li niksru s-silenzju u nagħrfu li din il-forma ta’ vjolenza tikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għandha tiġi integrata fil-leġislazzjoni relatata mal-vjolenza sessista.

    4.11

    In-nisa li jissopravvivu l-vjolenza psikoloġika, li ta’ spiss jibqgħu trawmatizzati tul ħajjithom kollha, jeħtieġu għajnuna globali multidixxiplinarja f’ambjent sigur ta’ riabilitazzjoni. Meta jkollhom bilfors jgħixu iżolati mis-soċjetà, mingħajr prova tanġibbli ta’ atti ta’ vjolenza, dawn jibżgħu li ħadd mhu ser jemminhom. Sabiex dawn jerġgħu jadattaw, huwa essenzjali li dawk li jagħtuhom il-kura jemmnuhom.

    4.12

    Il-vjolenza domestika għandha impatt mhux biss fuq il-vittma diretta iżda tmiss ukoll lil dawk li jgħinuha jew li jafu bil-problema, u b’mod speċjali t-tfal li l-fraġilità emozzjonali tagħhom tagħmilhom partikolarment vulnerabbli, u li l-effetti fuqhom jistgħu jippersistu tul ħajjithom kollha.

    4.13

    Minkejja li r-reati domestiċi mhumiex biss l-aggressjonijiet kontra n-nisa, tajjeb li nkunu nafu li reati oħra li jsiru fl-ambjent domestiku, bħall-pedofilija (90 % tal-każijiet jitwettqu minn membri tal-familja) jitqiesu bħala diżgustanti filwaqt li fil-każ tal-vjolenza domestika, għadna qegħdin infittxu r-raġunijiet li jimbuttaw lill-aggressur sabiex iwettaq dawn l-atti.

    5.   Kummenti partikolari u proposti għal azzjoni

    5.1

    Huwa importanti li jkun hemm risposta għall-mistoqsija fundamentali dwar għalfejn dawn ir-reati ta’ spiss jitqiesu bħala soċjalment skużabbli u għalfejn ir-raġuni għall-vjolenza titpoġġa f’ħoġor il-mara li tkun ġiet attakkata. Ir-raġunijiet kulturali u soċjali li ta’ spiss jingħataw, apparti li jkunu ħżiena, ma jagħmlu xejn ħlief li jiffavorixxu ż-żamma tal-istatus quo.

    5.2

    L-idea li l-vjolenza domestika għandha l-għeruq tagħha f’kultura u tradizzjoni antiki ssaħħaħ il-preżunzjoni skorretta li l-kultura hija għadd statiku ta’ twemmin u prattiki. Għall-kuntrarju, din tiżviluppa u tissawwar mingħajr waqfien, u hija kapaċi tevolvi preċiżament peress li hija eteroġenea u tinkorpora valuri li jikkompetu bejniethom.

    5.3

    Il-kultura hija strettament marbuta mal-eżerċizzju tal-poter: l-istandards u l-valuri jiksbu awtorità meta dawk li jiddefenduhom ikollhom il-poter jew pożizzjonijiet ta’ influwenza.

    5.4

    In-nisa wkoll huma l-protagonisti hawnhekk u jinfluwenzaw il-kultura li jgħixu fiha. Il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fil-kultura hija essenzjali sabiex jinbidlu l-mentalitajiet, il-prattiki u l-użanzi li jagħmlu ħsara lill-immaġni u lis-sitwazzjoni tagħhom.

    5.5

    Dan jispjega l-importanza li ngħatat sabiex jiġi diskuss il-fatt li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-livelli differenti tal-poter. Sakemm din il-problema ma tkunx solvuta tajjeb u n-nisa ma jkollhomx rappreżentanza ekonomika, soċjali u politika li, minħabba n-numru u l-kapaċitajiet tagħhom, għandhom dritt għaliha, il-problema tal-atti vjolenti li jitwettqu fuq in-nisa ser tkun diffiċli biex tiġi solvuta jew inkella ser tiġi solvuta bil-mod wisq. Minkejja li l-politiki pubbliċi kontra l-vjolenza sessista jaqdu rwol importanti, l-immaġni tradizzjonali tar-rwol tagħhom fis-soċjetà jista’ jinbidel biss meta n-nisa jkollhom l-istess aċċess għall-poter bħall-irġiel.

    5.6

    Il-mudelli ta’ identifikazzjoni skont il-ġeneru, li tul is-sekli rrendew virtujiet tan-nisa l-passività, l-abbandun u s-sottomissjoni, u bħala virtujiet tal-irġiel l-aggressività, il-forza u l-azzjoni, ikkontribwixxew biex jinħoloq kunċett ta’ relazzjoni affettiva li, tul is-sekli, poġġew lill-mara f’pożizzjoni ta’ inferjorità u dipendenza.

    5.7

    Relazzjoni bbażata fuq il-mudelli ta’ identità li jippreżupponu s-sottomissjoni ta’ element għal ieħor mhijiex aktar tollerabbli. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa għandhom jirriflettu dwar x’pożizzjoni jieħdu meta jiffaċċaw dawn il-mudelli. Din ir-riflessjoni għandha tibbaża fuq l-affermazzjoni tal-valuri tal-libertà, l-awtonomija u l-iżvilupp personali.

    5.8

    F’numru kbir ta’ “femminiċidju” (11), proporzjon kbir tal-vittmi kienu diġà rrappurtaw atti ta’ vjolenza jew theddid. Dan juri kemm hija importanti l-ħidma preventiva. F’wisq ħafna każijiet ma tittieħdet l-ebda miżura li tipproteġi lill-vittma kontra l-aggressur tagħha.

    5.9

    Il-ħidma ta’ prevenzjoni tista’, u għandha, tinkludi, fost oħrajn:

    azzjoni terapewtika fuq l-aggressur, jew l-aggressur potenzjali. Mhux il-każ li nsibu skuża jew ċirkustanza attenwanti għall-att vjolenti, u lanqas li l-vittma tiġi esposta għal sitwazzjonijiet inkontrollabbli, iżda li jkun hemm ħidma tajba fuq il-kawżi u li jkun hemm tentattiv biex jinqabad l-aggressur, fatt li jkollu riżultati li jibbenefikaw lil kulħadd;

    it-tnedija ta’ pjani ta’ azzjoni interministerjali għall-identifikazzjoni bikrija u l-protezzjoni mill-vjolenza domestika permezz ta’ sistema ta’ riferimenti u ta’ informazzjoni li taħdem fi ħdan is-servizzi tal-edukazzjoni, soċjali u tas-saħħa;

    jiġu involuti b’mod attiv irġiel u subien fl-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

    jiġu involuti b’mod attiv iż-żgħażagħ permezz ta’ kampanja edukattiva għal approċċ olistiku ta’ prevenzjoni u intervenzjoni bikrija u jingħata aktar taħriġ lill-professjonisti li jaħdmu mill-qrib maż-żgħażagħ;

    jiġu monitorjati każijiet ta’ koppji separati minħabba l-vjolenza domestika, bil-għan li jiġu protetti nisa li qegħdin fir-riskju ta’ fastidju u insegwiment malizzjuż, li ta’ spiss iwasslu għall-mewt.

    5.10

    Is-servizzi speċjalizzati fil-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika għandhom jibbenefikaw minn persunal b’taħriġ speċifiku kif ukoll minn riżorsi li jiggarantixxu li l-miżuri adottati jistgħu jiġu implimentati, inkella dawn il-miżuri ma jkunux effettivi.

    5.11

    Huwa importanti li jinħolqu żoni multidixxiplinarji ta’ appoġġ sabiex in-nisa jiġu mismugħa, mifhuma u emmnuti. Fil-fenomenu tal-vjolenza domestika jinteraġixxu fatturi psikoloġiċi, kulturali u reliġjużi kif ukoll drawwiet li rabbew l-għeruq matul is-sekli. M’hemmx kawża unika waħda u ma tistax tiġi indirizzata esklużivament b’miżuri polizjeski jew penali. Appoġġ multidixxiplinarju kkoordinat li jevita li n-nisa jiġu esposti għal vjolenza ripetuta huwa element fundamentali fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa li għandhom diżabbiltà u lill-immigranti nisa, li huma l-aktar vulnerabbli. Dawn l-ispazji ta’ appoġġ għandhom jinkludu wkoll b’mod sistematiku l-vittmi indiretti tal-vjolenza, l-aktar it-tfal.

    5.12

    Huwa importanti li tinbidel il-paradigma tas-sigurtà li hija wisq marbuta mal-kriminalità organizzata, mat-terroriżmu, mal-attakki fuq il-persuni u l-oġġetti, mat-traffikar tad-drogi u kważi qatt mal-periklu li ħafna nisa jiffaċċjaw f’darhom jew fuq il-post tax-xogħol. Kieku fis-sigurtà ġew inkorporati aktar kriterji umanisti, bi prijorità fuq il-prevenzjoni, kienu jiġu salvati ħafna ħajjiet. It-teknoloġiji l-ġodda jistgħu joffru protezzjoni miżjuda, bħall-brazzuletti elettroniċi li jimpedixxu lil aggressur li ngħata l-libertà milli jersaq lejn il-vittmi tiegħu meta jkun fuq ordni ta’ trażżin.

    5.13

    L-istatistika dwar il-vjolenza domestika ma tiddeskrivix tajjeb il-fenomenu peress li ma tistax tqis id-dimensjoni reali tal-problema. Għal din ir-raġuni huwa importanti li l-kriterji għar-reġistrazzjoni tal-vjolenza domestika jiġu standardizzati sabiex id-data tkun tista’ titqabbel fil-livell Ewropew.

    5.14

    Il-gvernijiet għandhom jivvalorizzaw u jappoġġjaw, anke finanzjarjament, il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (organizzazzjonijiet tan-nisa, dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, it-trejdjunjins, eċċ.) mingħajr ma jaqgħu fit-tentazzjoni li jikkontrollawhom jew li jnaqqsulhom l-awtonomija tagħhom.

    5.15

    Qasam partikolarment importanti huwa dak tal-edukazzjoni. Din tista’ kemm tipperpetwa l-mudelli u l-prattiki diskriminatorji kif ukoll tkun attiva fit-trasformazzjoni tal-mentalitajiet u l-attitudnijiet individwali u kollettivi. L-iskola għandha tippromovi edukazzjoni mhux sessista u approċċ koedukattiv ibbażat fuq l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-opportunitajiet, biex jinkiseb l-iżvilupp sħiħ tal-persuna, ’il bogħod mill-isterjotipi u r-rwoli marbuta mas-sessi, filwaqt li tiġi rifjutata kull forma ta’ diskriminazzjoni li hija ta’ ħsara għan-nisa. L-iskola tista’ tkun mezz kif titkisser l-immaġni sterjotipata tar-rwol tal-mara u r-raġel kif sfruttata fil-mezzi tax-xandir, kif ukoll osservatorju eċċellenti tal-vjolenza domestika.

    5.16

    Sabiex l-iskola tkun tista’ tiżviluppa dan ir-rwol pożittiv, huwa essenzjali li t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema jinkludi wkoll il-vjolenza sessista, partikolarment dik domestika. Ir-reviżjoni perjodika tal-programmi u l-kotba għandha tkun prattika kostanti sabiex jitneħħa kwalunkwe tip ta’ lingwaġġ sessist.

    5.17

    Is-settur tas-saħħa wkoll huwa importanti ħafna. Bit-tqegħid tan-nisa u l-adoloxxenti fil-qalba tal-istrateġiji tas-saħħa huwa possibbli li tissaħħaħ il-konvinzjoni li l-vjolenza fuq in-nisa fil-kuntest domestiku huwa varjant tar-riskju u mhux problema iżolata.

    5.18

    Huwa neċessarju li titwettaq reviżjoni perjodika u sistematika tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u notifikazzjoni, b’tali mod li jiġu evitati skemi fejn il-professjonisti jkollhom jerfgħu l-piżijiet amministrattivi, u skemi li la huma flessibbli u lanqas sostenibbli. Dawn il-proċeduri għandhom joffru l-possibbiltà li l-problemi tas-saħħa jiġu reġistrati bħala varjant tar-riskju (pereżempju fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet tal-ippjanar familjali jew tat-tqala) u li jkun hemm divrenzjar ċar bejn il-bżonnijiet urbani u dawk rurali.

    5.19

    Fis-setturi kollha marbutin mal-problema tal-vjolenza sessista, huwa importanti li jiġi assigurat li s-sensibilizazzjoni u t-taħriġ huma effikaċi u adattati għar-realtà permezz tal-mezzi u r-riżorsi neċessarji. Hemm bżonn ukoll li regolarment ikun hemm stampa ċara tas-sitwazzjoni sabiex l-informazzjoni disponibbli tkun konformi mar-realtà.

    5.20

    Fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ, huwa importanti li jkun hemm distinzjoni bejn is-sensibilizzazzjoni (immirata lejn il-persunal kollu li jaħdem f’organizzazzjoni), it-taħriġ (li jingħata lil dawk kollha li jiġu f’kuntatt mal-vittmi u li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jindunaw bi problema) u t-taħriġ speċifiku (li għandu jkollhom dawk kollha li jassistu lill-vittmi). Għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-taħriġ tal-aġenti tal-pulizija u l-imħallfin minħabba r-rwol li għandhom meta jirċievu lment u fl-għoti tas-sentenza kontra l-aggressur. L-azzjoni tagħhom tista’ tgħin biex esperjenza trawmatika tinbidel f’tama ġdida. Jeħtieġ ukoll li l-istituzzjonijiet penitenzjarji jiżviluppaw programmi interni għan-nisa vittmi tal-vjolenza sessista u għall-irġiel li huma responsabbli għal dawn ir-reati, kif ukoll li l-persunal tal-ħabs fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni jsir aktar konxji dwar din il-kwistjoni.

    5.21

    Fl-aħħar, jekk il-problema tal-vjolenza domestika fuq in-nisa tiġi indirizzata bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, dan iżid ir-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-prevenzjoni, l-eradikazzjoni u l-penalizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ vjolenza kif ukoll l-obbligu li jkunu responsabbli dwar kif dawn l-obbligazzjonijiet jiġu rispettati.

    5.22

    Il-fatt li l-vjolenza sessista tintrabat mad-drittijiet tal-bniedem jippermetti li jkun hemm aċċess għal numru kbir ta’ mekkaniżmi sabiex l-Istati Membri jinżammu responsabbli fil-livell internazzjonali u reġjonali, mill-korpi tat-Trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem, it-tribunali penali internazzjonali, sas-Sistemi Reġjonali Ewropej tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – mekkaniżmu tal-Kunsill tal-Ewropa).

    5.23

    Jekk il-vjolenza fuq in-nisa tiġi indirizzata bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, dan iwassalna għal risposta globali u multisettorjali li żżid id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem mal-isforzi li jitwettqu mis-setturi kollha. Dan jisfurzana nsaħħu u naċċelleraw l-inizjattivi fl-oqsma kollha għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, inklużi fil-qrati, fil-qasam tas-saħħa, fil-kuntest tal-politiki ta’ żvilupp lokali u reġjonali, fl-għajnuna umanitarja, eċċ.

    Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  CESE 416/2006, GU C 110, 9.5.2006, p. 89-94. (mhux disponibbli bil-Malti)

    (2)  Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010.

    (3)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/16173cor.en08.pdf. (mhux disponibbli bil-Malti)

    (4)  WHO Multi-Country Study on Women’s Health and Domestic Violence Against Women: Initial Results on Prevalence, Health Outcomes and Women’s Responses (L-Istudju tal-WHO f’diversi pajjiżi dwar is-saħħa tan-nisa u l-vjolenza domestika fuq in-nisa: ir-riżultati inizjali dwar il-prevalenza, ir-riżultati tas-saħħa u r-risposti tan-nisa) (Ġinevra, WHO, 2005).

    (5)  Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa adottata fil-11 ta’ Mejju 2011 f’Istanbul (it-Turkija) (www.coe.int/conventionviolence).

    (6)  L-Albanija, il-Ġermanja, l-Awstrija, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Islanda, il-Lussemburgu, Dik Li Qabel Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Malta, il-Montenegro, in-Norveġja, il-Portugall, ir-Renju Unit, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja u l-Ukraina.

    (7)  It-Turkija.

    (8)  Barometru 2011, “National Action Plan on Violence against Women in the EU” (Pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-vjolenza fuq in-nisa) European Women’s Lobby, Awwissu 2011 (www.womenlobby.org).

    (9)  http://www.igualdad.us.es/pdf/Docuemta_Otros_Cumbre.pdf.

    (10)  Ara r-rapport “Il-ġlieda kontra r-reati tal-unur fl-Ewropea”, ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2012, il-Jum Dinji tal-Mara, mill-Fondazzjoni Surgir (istituzzjoni bla skop ta’ profitt bis-sede tagħha fl-Isvizzera).

    (11)  Skont id-definizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-“femminiċidju” huwa l-mewt ta’ mara għax hija mara. Il-“femminiċidju” jitqies bħala l-vjolenza kontinwa fuq mara fi ħdan jew barra ċ-ċirku tal-familja, li jwassal għall-qtil tagħha. Ir-riċerki dwar il-fenomenu tal-“femminiċidju” li saru f’diversi pajjiżi juru li dawn ir-reati huma l-aktar frekwenti fil-kuntest privat, fir-relazzjonijiet intimi.


    Top