This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1802
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — The EU Strategy towards the Eradication of Trafficking in Human Beings 2012-16’ COM(2012) 286 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016” COM(2012) 286 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016” COM(2012) 286 final
ĠU C 44, 15.2.2013, p. 115–118
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/115 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016”
COM(2012) 286 final
2013/C 44/20
Relatur: is-Sinjura OUIN
Nhar id-19 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016
COM(2012) 286 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2012.
Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-13 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’104 voti favur u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrateġija li għandha l-għan li teqred it-traffikar tal-bnedmin u jixtieq jikkollabora fiha. Madankollu jenfasizza li l-kelma “qerda” ftit li xejn tidher realistika fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-fenomenu, il-klima ta’ tolleranza relattiva f’dan ir-rigward u d-dgħufija tar-riżorsi allokati għal din il-ġlieda. |
1.2 |
Il-Kumitat jenfasizza li din l-istrateġija ma tistax tiġi applikata mingħajr l-għajnuna attiva tas-soċjetà ċivili, f’kuntatt mal-vittmi. L-assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi għandhom bżonn mezzi finanzjarji biex iwettqu ħidmiethom. |
1.3 |
Il-Kumitat jipproponi li ssir distinzjoni bejn it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet ta’ sfruttament sesswali u għal finijiet oħra (xogħol, l-isfruttament tal-bnedmin bħala tallaba, żwiġijiet fittizji u t-traffikar tal-organi) biex kulħadd ikun jaf b’mod ċar x’għandu jiġi miġġieled. Jipproponi li tiġi introdotta tikketta għall-bliet ostili għall-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal. |
1.4 |
Bl-istess mod, il-Kumitat jixtieq li jkun hemm trattament divrenzjat għat-tfal (il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal). |
1.5 |
Il-pajjiżi Ewropej għandhom jirratifikaw minnufih il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, kif ukoll il-konvenzjonijiet internazzjonali kollha relatati ma’ dan is-suġġett. |
1.6 |
Il-Kumitat jinsisti li l-protezzjoni tal-vittmi tkun biżżejjed biex tippermettilhom jintegraw mill-ġdid fl-isfera legali tas-soċjetà li minnha kienu esklużi (protezzjoni meta jressqu lmenti, aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-kura tas-saħħa, eċċ.). Sabiex tkun vijabbli, tali integrazzjoni mill-ġdid għandha toffri lill-vittmi l-possibbiltà li jsibu impjieg f’suq tax-xogħol inklużiv iffinanzjat minn fondi pubbliċi. |
1.7 |
Il-ġlieda kontra l-isfruttament għandha tissawwar bħala politika trasversali, b’politika soċjali ġenwina, flimkien mal-eliminazzjoni tat-traffikar. Jeħtieġ li jinħolqu sinerġiji mal-istrateġiji l-oħra: favur l-integrazzjoni tar-Rom, il-ġlieda kontra l-faqar, l-abbuż tad-droga u l-abuż sesswali li t-tfal huma vittmi tiegħu, eċċ. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
L-iskjavitu ma naqrawx dwaru biss fil-kotba tal-istorja, għadu jeżisti u saħansitra fl-aktar pajjiżi żviluppati. Il-persistenza u saħansitra l-iżvilupp tat-traffikar tal-bnedmin fit-territorju tal-Unjoni Ewropea huma kankru li jherri l-pedamenti demokratiċi tal-Unjoni. Meta f’pajjiżi rregolati mill-istat tad-dritt il-bnedmin jinbiegħu minn oħrajn għal finijiet ta’ sfruttament sesswali, ta’ xogħol, biex jiġu sfurzati jittallbu jew, dan l-aħħar, anke għat-traffikar tal-organi u żwiġijiet fittizji u meta t-traffikanti jaqilgħu dħul konsiderevoli mill-attività tagħhom, tiġi affettwata l-kredibbiltà tal-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, liema prinċipji l-Unjoni tistinka tant biex ixxerred madwar id-dinja. |
2.2 |
It-traffikar tal-bnedmin huwa speċifikament ipprojbit mill-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ladarba tiġi trasposta mill-Istati Membri sas-6 ta’ April 2013, id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tadotta approċċ komprensiv li jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-vittmi u tinkludi dimensjoni tal-ġeneru, għandha tippermetti li din il-kwistjoni tiġi indirizzata aħjar. Jeżistu strumenti legali oħra, kemm dwar id-drittijiet tal-vittmi, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-isfruttament sesswali tat-tfal kif ukoll kontra dawk li konxjament iħaddmu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, li jippermettu l-insegwiment tat-traffikanti tal-bnedmin. |
2.3 |
Dawn l-istrumenti legali kollha, frammentati, u li x’aktarx huma duplikati, ma jiffurmawx politika waħda. Għalhekk, hemm bżonn li tiġi adottata strateġija biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, jingħalqu d-distakki u biex it-testi differenti jkunu koerenti. Dan hu l-għan tal-istrateġija li qed tiġi analizzata. |
2.4 |
Bħalissa teżistidistanza kbira bejn il-prinċipji li ġew affermati u r-realtà fil-post. Fil-prinċipju, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u ċ-ċittadini huma ferm kontra t-traffikar tal-bnedmin, li huwa kkunsidrat bħala forma ta’ skjavitu moderna. Madankollu, fil-prattika lkoll kemm aħna, sew jekk ċittadin ordinarju, tabib, assistent soċjali, pulizija, jew rappreżentant elett, nistgħu niltaqgħu mal-vittmi tat-traffikar – tfajliet żgħar barranin jitlajjaw fit-toroq tal-bliet Ewropej, tfal jittallbu – jew nipparteċipaw indirettament fl-isfruttament tal-bnedmin billi nixtru prodotti li tant ikunu rħas li nafu li fi stadju jew ieħor tal-produzzjoni x’aktarx kien hemm xogħol furzat. Fir-realtà hemm tolleranza kollettiva kbira u silenzju qawwi fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin. Il-biċċa l-kbira tan-nies jagħlqu għajnejhom, ma jridux jaraw, ma jħossuhomx ikkonċernati mentri kulħadd għandu rwol x’jaqdi. |
2.5 |
F’dan it-test, il-Kummissjoni tipproponi strateġija ta’ azzjoni biex tkun aktar effikaċi. Din hija xi ħaġa li l-Kumitat jappoġġja peress li kien talab għal tali approċċ b’rabta mal-Proposta għal Direttiva (1). |
2.6 |
Din l-istrateġija tista’ biss tirnexxi jekk is-soċjetà ċivili tkun l-imsieħeb ewlieni. F’dan il-qasam, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma dawk li jifhmu l-aktar din il-kwitsjoni, biex jgħinu fl-identifkazzjoni tal-vittmi u jaġixxu għall-prevenzjoni. Il-pulizija, is-sistema tal-ġustizzja, l-ispettorat tax-xogħol, eċċ. lkoll huma indispensabbli però jekk is-servizzi tal-Istat waħedhom jistgħu jeradikaw it-traffikar tal-bnedmin, kieku dan il-fenomenu diġà sparixxa. Li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija huwa l-unika mezz kif nistgħu nkunu effikaċi. L-organizzazzjonijiet li jgħinu lill-vittmi jirrikjedu appoġġ finanzjarju. |
2.7 |
It-test jipproponi ħames prijoritajiet: l-identifikazzjoni, il-ħarsien u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar; l-intensifikar tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin; iż-żieda fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti; koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin u koerenza politika; għarfien akbar dwar tħassib emerġenti relatat ma’ kull għamla ta’ traffikar tal-bnedmin u reazzjoni effettiva għalih, b’mod partikolari l-użu tal-internet min-netwerks kriminali. |
3. Kummenti tal-Kumitat
3.1 |
Il-Kumitat diġà esprima l-opinjoni tiegħu dwar suġġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin f’bosta opinjonijiet, fost l-oħrajn l-Opinjonijiet dwar l-abbuż sesswali tat-tfal (2), dwar id-drittijiet tal-vittmi fl-UE (3), u dwar l-approċċ globali għall-migrazzjoni u l-mobilità (4). |
L-identifikazzjoni tal-vittmi
3.2 |
Fl-Opinjoni ta’ Ottubru 2012, il-Kumitat saħaq fuq il-protezzjoni tal-vittmi malli jiġu identifikati bħala vittmi. Il-problema ewlenija hija l-identifikazzjoni u l-oneru tal-provi li huma r-responsabbiltà ta’ persuni vulnerabbli, li ma jitkellmux il-lingwa, li huma kontrollati minn dawk li jisfruttawhom, li jibżgħu, li ma jafux id-drittijiet tagħhom u li ma jafux lil min għandhom jikkuntattjaw. Jeħtieġ li jsir progress fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-vittmi, sabiex jingħataw widen. Xi organizzazzjonijiet trejdjunjonistiċi wettqu azzjonijiet pilota biex iħarrġu lill-ħaddiema li jistgħu jiġu f’kuntatt mal-vittmi tax-xogħol furzat sabiex jidentifikawhom, ikunu jafu kif jistgħu jikkuntattjawhom, jakkumpanjawhom u jipproteġuhom. L-awtoritajiet pubbliċi u l-assoċjazzjonijiet għandhom iwettqu l-istess tip ta’ azzjoni ma’ persuni li jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għal finijiet ta’ sfruttament sesswali (madwar 80 % tal-vittmi). L-għodda eżistenti, it-taħriġ, il-linji gwida u l-gwidi ta’ proċeduri għandhom ikunu mifruxa iżjed biex l-individwi jkunu jafu kif u lil min għandhom jikkuntattjaw f’każ ta’ suspett ta’ traffikar tal-bnedmin. |
3.3 |
Jeħtieġ li jinbidel l-approċċ attwali: meta vittma tikkuntattja lil assoċjazzjoni ta’ għajnuna, sikwit tintbagħat għand assoċjazzjoni oħra kkunsidrata aktar kompetenti. B’hekk xi vittmi jkollhom jirrakkontaw l-istorja tagħhom lil għexieren ta’ persuni qabel ma’ jiġu megħjuna. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li kulħadd iħossu kapaċi jisma’ u jgħin lill-vittmi. Għal dan jeħtieġ li kulħadd ikun infurmat, imħarreġ u mgħammar biex ikun jaf x’għandu jgħid u jagħmel u biex l-assoċjazzjonijiet u s-servizzi soċjali jaħdmu flimkien. |
3.4 |
Jinħtieġu wkoll approċċi speċjalizzati skont il-vittmi, b’mod partikolari fil-każ tat-tfal fejn il-prinċipju ewlieni huwa l-interess tat-tifel jew tifla. Il-ġlieda kontra l-fenomenu ta’ tfal Rom li jiġu furzati jittallbu għandu jiġi inkluż fl-Istrateġija Ewropea għall-integrazzjoni tar-Rom. |
Insaħħu l-prevenzjoni
3.5 |
Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li ssir enfasi fuq id-dimensjoni tal-ġeneru. Fil-fatt, madwar 80 % tal-vittmi tat-traffikar huma nisa u l-biċċa l-kbira tagħhom jiġu sfurzati fid-dinja tal-prostituzzjoni. L-isfruttament sesswali jirrappreżenta 76 % tat-traffikar tal-bnedmin. Il-persistenza ta’ dan it-tip ta’ traffikar għal finijiet ta’ sfruttament sesswali toħroġ fid-dieher l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-fatt li n-nisa, sikwit tfaljiet żgħar, jinġiebu fl-aktar bliet għonja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ prostituzzjoni jqajjem il-mistoqsija ta’ x’immaġni għandhom il-klijenti ta’ dawn in-nisa – u tan-nisa b’mod ġenerali – u jdgħajjef l-azzjonijiet li qed jittieħdu f’oqsma oħra favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. |
3.6 |
Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li ssir distinzjoni ċara bejn it-tipi differenti ta’ traffikar tal-bnedmin għal finijiet sesswali, għal finijiet ta’ xogħol, ta’ traffikar tal-organi u biex jiġu sfurzati jittallbu. Jirrakkomanda li ssir distinzjoni wkoll fir-rigward tal-isfruttament sesswali tat-tfal. Il-biċċa l-kbira tat-traffikar tal-bnedmin (80 %) tikkonċerna l-isfruttament sesswali. Għalhekk huwa importanti li ssir referenza ċara għal din il-kwistjoni sabiex inkunu ċari f’dak li għandu jiġi miġġieled. Jista’ jagħt l-każ li t-traffikanti jitqiesu bħala grupp vag, imbiegħed u li ma jistax jinqabad, iżda l-klijenti u l-vittmi huma persuni li kollha niltaqgħu magħhom fit-toroq tal-bliet tal-Ewropa. |
3.7 |
It-tisħiħ tal-prevenzjoni jfisser li l-ewwel u qabel kollox tiġi indirizzata d-domanda. Sakemm ikun hemm klijenti, ser ikun hemm it-traffikanti. Sabiex tonqos id-domanda hemm bżonn li l-pubbliku minn kwalunkwe sfera tal-ħajja jiġi edukat dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa minn età kemm jista’ jkun żgħira u għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm taħlita akbar ta’ nisa u rġiel fil-post tax-xogħol. Meta jkun hemm taħlita ta’ nisa u rġiel fil-post tax-xogħol u t-tnejn iwettqu l-istess xogħol, ikollhom l-istess livell ta’ responsabbiltà jkun aktar diffiċli li wieħed ikollu perċezzjonijiet irreali tan-nisa, u li dawn jitqiesu bħala oġġetti sesswali li jistgħu jinxtraw. L-edukazzjoni sesswali li tikkunsidra d-dimensjoni emottiva u d-dinjità tal-bniedem hija essenzjali. Jekk il-ġenituri ma jitkellmux dwar ir-relazzjonijiet sesswali, iż-żgħażagħ ser ifittxu l-informazzjoni fuq l-internet u hemm ir-riskju li jkunu esposti għal rappreżentazzjonijiet negattivi li jistgħu jinfluwenzaw il-fehma futura tagħhom tar-relazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel. |
3.8 |
Id-dimensjoni tal-ġeneru hija importanti però jinħtieġ approċċ divrenzjat għat-tfal u l-adulti. Ta’ min ifakkar li r-relazzjonijiet sesswali mat-tfal jikkostitwixxu reat. Jeħtieġ li jiġu allokati aktar riżorsi għal din il-kwistjoni fid-dawl taż-żieda fin-numru ta’ siti pornografiċi fuq l-internet li jinkludu stampi ta’ tfal u tal-fatt li ċerti adulti jinsew jew jinjoraw il-liġi. Jeħtieġ ukoll li t-tfal jiġu edukati dwar is-sesswalità u jiġu mgħallma li huma stess jistħoqqilhom jiġu rispettati (5). |
3.9 |
Il-prevenzjoni tfisser ukoll il-ġlieda kontra l-faqar li jwassal biex l-individwi jispiċċaw mingħajr dar u kontra t-traffikanti tal-bnedmin li japprofittaw minn tali ċirkostanzi. Attirati bil-ħolma li jkollhom il-ġid tal-Punent, l-immigranti illegali f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, mingħajr karti, mingħajr flus, mingħajr ma jkunu jistgħu jikkomunikaw, imbeżża’ li jinqabdu mill-pulizija, isibu ruħhom taħt il-ħakma tat-traffikanti li jdaħħluhom fl-iskjavitu mentri jkunu ġew bir-rieda tagħhom u mhux maħtufa bil-forza minn darhom. |
3.10 |
Iż-żieda tax-xogħol furzat hija ta’ tħassib. Jeħtieġ ukoll li jiġi indirizat l-abbuż billi jiġi ċċarat l-istatus tax-xogħol “au pair” u tax-xogħol li jwettqu l-pellegrini għall-istituzzjonijiet reliġjużi, għaliex il-fruntiera bejn ix-xogħol volontarju u x-xogħol furzat xi kultant tista’ tkun ambigwa. |
Il-prosekuzzjoni tat-traffikanti
3.11 |
Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu, il-Kumitat saħaq fuq l-aspett finanzjarju tal-investigazzjonijiet u dan għadu rilevanti. Fil-fatt dan it-tip ta’ kriminalità huwa wieħed minn dawk li l-aktar iħallu qligħ. L-istima tal-profitti annwali globali magħmula mill-isfruttament tal-vittmi tat-traffikar għal finijiet ta’ xogħol furzat hija ta’ USD 31,6 biljun. Minn dan l-ammont, USD 15,5 biljun, jiġifieri 49 % huma ġġenerati fl-ekonomiji industrijalizzati (6). L-investigazzjonijiet finanzjarji fil-livell Ewropew huma parti essenzjali tal-insegwiment tat-traffikanti. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu kkonfiskati l-assijiet iġġenerati mit-traffikar tal-bnedmin u li dawn il-fondi jintużaw biex jiġu kkumpensati l-vittmi u għall-ġlieda kontra t-traffikar. |
3.12 |
Il-protezzjoni tal-vittmi li tikkunsidra d-dimensjoni tal-ġeneru hija sfida li għandha tiġi indirizzata. Ir-rwol tal-vittmi fil-proċeduri kriminali kontra t-traffikanti huwa importanti u għalhekk il-proċeduri għandhom isiru b’mod kunfidenzjali. Il-protezzjoni tagħhom għandha tinkludi wkoll l-aċċess għall-akkomodazzjoni, għall-kura tas-saħħa u s-sigurtà personali. Sabiex tkun vijabbli, din l-integrazzjoni mill-ġdid għandha toffri lill-vittmi l-possibbiltà li jsibu l-impjieg f’suq tax-xogħol inklużiv li huwa ffinanzjat minn fondi pubbliċi. B’hekk, ikunu jistgħu jakkwistaw esperjenza u drawwiet tax-xogħol, li huma prerekwiżit għal suċċess fir-riabilitazzjoni u t-transizzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ. Wara li jkunu ġew sfurzati jgħixu fix-xifer tas-soċejtà l-vittmi għandhom jiġu megħjuna biex jintegraw fis-soċjetà legali. |
3.13 |
Jeħtieġ li jiġu ffirmati konvenzjonijiet mal-Istati tal-oriġini tal-immigranti illegali biex jiġu megħjuna jiġġieldu b’mod aktar effettiv kontra t-traffikanti, li ma jiġux imħarrka għat-traffikar tal-bnedmin għalkemm jipprovdu vittmi potenzjali lin-netwerks kriminali. |
Intejbu l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koerenza
3.14 |
Il-Kumitat jilqa’ l-pjan li tiġi stabbilita koalizzjoni Ewropea tan-negozju kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-impenn tal-intrapriżi huwa essenzjali għall-ġlieda kontra x-xogħol furzat mhux biss fil-pajjiżi terzi, iżda wkoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Din il-koalizzjoni għandha tiġi estiża għall-intrapriżi żgħar li jkunu s-sottokuntratturi ta’ kumpaniji kbar fis-setturi fejn ix-xogħol mhux iddikjarat huwa konsiderevoli: is-settur tal-catering, il-bini u l-agrikoltura. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hija dimensjoni essenzjali tar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi. Din tinkludi wkoll il-ġlieda kontra x-xogħol illegali u x-xogħol furzat fil-pajjiżi terzi u fi ħdan is-sottokuntratturi kollha fl-istadji kollha tal-katina tal-produzzjoni. Peress li l-proċessi huma globalizzati, l-intrapriżi multinazzjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jivverifikaw il-mod kif jiġu manifatturati l-prodotti kollha li jużaw. |
3.15 |
Bl-istess mod, il-ftehimiet kummerċjali għandhom jinkludu b’mod espliċitu klawżoli li jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti u servizzi li jkunu frott ix-xogħol furzat. |
3.16 |
Fis-servizzi, b’mod partikolari s-servizzi domestiċi, nafu li l-iskjavitu ma għebietx għalkollox. F’Ġunju 2011, l-ILO adottat strument għall-ġlieda kontra l-abbuż permezz tal-Konvenzjoni Nru 189 dwar “xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi” (7). Il-KESE jirrakkomanda li s-27 Stati Membri għandhom jirratifikaw minnufih din il-Konvenzjoni kif ukoll l-istrumenti internazzjonali kollha li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin (8). |
3.17 |
Il-Kumitat jabel mal-ħolqien ta’ pjattaforma tas-soċjetà ċivili li tista’ tippermetti li, f’kull assoċjazzjoni li tista’ tkun ikkonċernata u mogħnija bl-għarfien espert meħtieġ, jiġu provduti informazzjoni u taħriġ dwar it-traffikar tal-bnedmin. |
3.18 |
Huwa essenzjali li jkun hemm relaturi nazzjonali u ġbir aħjar tal-informazzjoni. Il-ġbir tal-informazzjoni għandu jkun armonizzat bil-għan li jitwettaq bl-istess mod f’kull pajjiż. Ir-relaturi nazzjonali, peress li jkunu responsabbli prinċipalment għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, jistgħu jikkoordinaw l-azzjonijiet tad-diversi servizzi u assoċjazzjonijiet ikkonċernati iżda li mhux dejjem jaħdmu flimkien: is-servizzi tal-immigrazzjoni, il-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, l-ispettorat tax-xogħol, l-assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, eċċ. Il-Europol għandu rwol importanti x’jaqdi għaliex il-kunċett ta’ fruntieri ma jeżistix fost it-traffikanti. |
3.19 |
Il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet esterni tal-UE u l-fatt li nitkellmu espliċitament dwar it-traffikar tal-bnedmin fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jistgħu biss jiġbdu l-attenzjoni għal dan il-fenomenu, li sikwit jinħeba jew jiġi sottovalutat. |
3.20 |
Peress li jinsabu eqreb tar-realtajiet fil-post, l-awtoritajiet pubbliċi lokali, b’mod partikolari l-muniċipalitajiet tal-bliet il-kbar, jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġieldu kontra l-isfruttament sesswali illegali tal-vittmi tat-traffikar. Il-Kumitat jirrakkomanda li awtorità indipendenti toħloq tikketta għall-aktar bliet ostili għat-traffikar tal-bnedmin, li jiġġieldu ħafna kontra l-prostituzzjoni u l-fenomenu ta’ bnedmin sfurzati jittallbu. Jeżistu tikketti għall-kwalità tal-arja u tal-ilma; l-ambjent uman mhuwiex daqstant importanti wkoll? |
3.21 |
Huwa indispensabbli li tiġi valutata l-effikaċja tal-fondi allokati mill-UE u li jitfasslu, jixxerrdu u jiġu tradotti gwidi ta’ prattika tajba u proċeduri effikaċi adatti għall-atturi differenti, inklużi l-pulizija, is-sistema tal-ġustizzja, il-muniċipalitajiet u l-assoċjazzjonijiet. |
Nindirizzaw il-punti ġodda ta’ tħassib
3.22 |
Ir-reklutaġġ ta’ vittmi u klijenti mill-internet huwa riskju ġdid. Jeħtieġ li dan jiġi analizzat u miġġieled billi jintużaw l-internet u n-netwerks soċjali biex jinxtered diskors dwar ir-responsabbiltà u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. Ikun ħasra li niffukaw biss fuq il-perikli reali tal-internet meta din l-għodda ġdida tista’ tintuża wkoll biex tippromovi t-tixrid ta’ messaġġi pożittivi u tkun mezz ta’ prevenzjoni. |
Brussell, 13 ta’ Diċembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) ĠU C 51, 17.2.2011, p. 50–54.
(2) ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138–144.
(3) ĠU C 43, 15.2.2012, p. 39–46.
(4) ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134–141.
(5) ĠU C 24, 28.1.2012, p. 154–158.
(6) Patrick Belser, Forced Labor and Human Trafficking: Estimating the Profits (Ix-xogħol sfurzat u t-traffikar tal-bnedmin: stima tal-profitti), dokument ta’ ħidma, Ġinevra, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2005.
(7) Il-Konvenzjoni tal-ILO għadha ma ġiet irratifikata mill-ebda pajjiż Ewropew (żewġ pajjiżi rratifikawha: l-Urugwaj u l-Filippini).
(8) Il-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, Ġabra ta’ Trattati, vol. 2237, p. 319; il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (STCE no 197), Varsavja, 16.5.2005; il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, New York, 18 ta’ Diċembru 1979. Ġabra ta’ Trattati, vol. 1249, p. 13; il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 20 ta’ Novembru 1989, Nazzjonijiet Uniti, Ġabra ta’ Trattati, vol. 1577, p. 3; il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29); il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105); il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182).