Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1381

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” COM(2010) 573 finali

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/74


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

    COM(2010) 573 finali

    2011/C 376/14

    Relatur: is-Sinjura BISCHOFF

    Korelatur: is-Sur PÎRVULESCU

    Nhar id-19 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

    COM (2010) 573 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2011.

    Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'158 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    Il-KESE:

    1.1

    iqis li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kultura tad-drittijiet fundamentali fil-livell tal-UE, speċjalment bi proċeduri ta’ monitoraġġ biex tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha u l-proċess leġisattiv kollu, kif ukoll l-atti kollha li tadotta, ikunu kompatibbli mal-Karta u jiġu osservati fl-Istati Membri. Peress li kien hemm każijiet ta’ ksur serju tal-Karta, hemm ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita strateġija ta’ monitoraġġ u li tittieħed azzjoni mill-aktar fis,

    1.2

    jenfasizza l-obbligu legalment vinkolanti li jiġu promossi d-drittijiet fundamentali, liema obbligu għandu jsir wieħed mill-iktar elementi importanti tal-istrateġija ta’ implimentazzjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ inizjattivi ġodda u mmirati; jenfasizza n-natura dinamika tad-drittijiet fundamentali li huma d-dawl tas-soċjetajiet tagħna u l-karatteristika tal-Unjoni Ewropea (1),

    1.3

    iqis li d-drittijiet soċjali fundamentali huma “indiviżibbli” mid-drittijiet ċivili u politiċi u għalhekk jirrikjedu attenzjoni strateġika speċjali; jemmen li b'hekk it-testi tad-dokumenti rilevanti eżistenti huma diġà vinkolanti u għandhom jiġu promossi,

    1.4

    jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-ugwaljanza, b'mod partikolari bejn l-irġiel u n-nisa, u li jiġu indirizzati b'mod speċifiku l-gruppi vulnerabbli kollha,

    1.5

    jenfasizza li, fil-livell tal-UE, l-obbligi tal-Karta japplikaw għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha,

    1.6

    iħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu kultura bbażata fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livelli governattivi kollha u fl-isferi politiċi u leġiżlattivi kollha u biex jeżaminaw u jidentifikaw l-impatt speċifiku fuq id-drittijiet fundamentali matul il-proċess ta’ traspożizzjoni,

    1.7

    huwa mħasseb ħafna dwar it-tixrid ta’ ċerti attitudnijiet politiċi li jistgħu jwasslu, u f'ċerti każijiet effettivament iwasslu, għal tfixkil fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali,

    1.8

    iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex taġixxi b'mod effettiv fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati u biex tuża l-proċedura ta’ ksur mingħajr ma tqis il-kunsiderazzjonijiet politiċi,

    1.9

    jipproponi iktar miżuri u attivitajiet promozzjonali biex titjieb l-effettività tal-istrateġija ta’ implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali,

    1.10

    jistieden lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE u lill-Istati Membri kollha involuti fil-promulgazzjoni tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-Kummissjoni, biex jippromovu bis-sħiħ l-aspett parteċipattiv tas-soċjetà ċivili.

    2.   Preżentazzjoni u sfond

    2.1   L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li jispjega l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Karta fl-ambjent legali l-ġdid li ilu jeżisti sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. L-għan tal-politika tal-Kummissjoni hu li d-drittijiet fundamentali pprovduti fil-Karta jsiru effettivi kemm jista' jkun.

    2.2   L-ewwel parti tal-komunikazzjoni tiffoka fuq il-fatt li l-Unjoni Ewropea qed tħabrek biex tkun impekkabbli u eżemplari f'dan ir-rigward u li, għaldaqstant, il-Karta trid isservi bħala kumpass għall-politiki tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri f'kull stadju tal-proċedura.

    2.2.1   L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kultura tad-drittijiet fundamentali tal-Kummissjoni, speċjalment bi proċeduri ta’ monitoraġġ biex tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha u l-atti li tadotta jkunu kompatibbli mal-Karta. It-tieni nett, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kull wieħed mill-atti tal-proċess leġiżlattiv josserva d-dispożizzjonijiet tal-Karta. Dan ifisser li kwalunkwe emenda li ssir minn xi wieħed mill-koleġiżlaturi, kif ukoll id-djalogu interistituzzjonali, għandhom ukoll ikunu konformi mal-Karta.

    2.2.2   Finalment, jeħtieġ jiġi żgurat li l-Istati Membri jirrispettaw il-Karta meta jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.

    2.3   It-tieni parti tal-komunikazzjoni tiddiskuti l-ħtieġa li l-pubbliku jiġi pprovdut b'informazzjoni aħjar. Biex dan l-għan jinkiseb, huma meħtieġa miżuri ta’ komunikazzjoni mmirati li huma adattati għal diversi sitwazzjonijiet speċifiċi.

    2.4   It-tielet sezzjoni tad-dokument tal-Kummissjoni tiffoka fuq rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta, u l-ewwel rapport ta’ dan it-tip għadu kif ġie adottat mill-Kummissjoni (2). Ir-rapport għandu żewġ għanijiet: min-naħa li jivvaluta l-progress b'mod trasparenti, kontinwu u konsistenti, u min-naħa l-oħra li jippermetti skambju annwali ta’ fehmiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Il-KESE jagħti importanza assoluta lid-drittijiet fundamentali. Huwa jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”. Il-KESE jqis dan l-approċċ bħala kontribut importanti għall-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE għal kull min jgħix fl-UE.

    3.1.1   Il-prinċipji li jinsabu fl-istrateġija huma importanti ħafna u l-KESE jagħti importanza speċifika lill-prinċipji tal-effettività, l-universalità u l-indiviżibbiltà kif ukoll lil dawk tal-viżibbiltà u l-prevedibbiltà. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li diversi aspetti importanti ġew injorati jew ma ġewx diskussi daqshekk fid-dettall, u għalhekk hemm bżonn titjib f'dan ir-rigward.

    3.1.2   Madankollu, tajjeb jiġu enfasizzati numru ta’ prinċipji oħrajn. Kif osserva f'opinjonijiet preċedenti, “il-KESE jipprova jiżgura l-konsistenza globali u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, flimkien mat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni, indipendentement mill-kategorija professjonali tal-ħaddiema immigranti.” (3) Barra minn hekk, il-liġi tal-UE ma għandhiex tikkostitwixxi miżuri li jnaqqsu l-livell diġà miksub fl-implimentazzjoni tal-prinċipji (4). Għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha possibbli biex il-gvernijiet tal-Polonja, ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka jirtiraw mill-protokolli ta’ esklużjoni (opt-out) u jadottaw dawk ta’ parteċipazzjoni (opt in) għal applikazzjoni ġenerali tal-Karta.

    3.1.3   Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir id-diversi elementi addizzjonali inklużi fl-istrateġija li huma relatati ma’ atti leġiżlattivi. B'mod partikolari, il-KESE jappoġġja n-natura “eżemplari” tal-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, anki fir-rigward tal-politiki esterni tagħha, b'mod partikolari dawk kummerċjali. B'mod ġenerali, l-UE m'għandhiex biss tkun eżempju, iżda għandha wkoll tkun promotur attiv tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem – dawk ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali – u għandha tuża l-pożizzjoni vantaġġuża tagħha fil-livell internazzjonali biex tippromovi dan.

    3.1.4   Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni u tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE biex jirrevedu bir-reqqa l-proċeduri leġiżlattivi u ta’ ħidma tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-istima tal-impatt u l-korpi rilevanti, biex b'hekk jiżguraw li l-kontribut tagħhom ikun konformi mal-prinċipji u l-kontenut speċifiku tal-Karta. Madankollu, jekk irridu niżguraw il-protezzjoni u l-promozzjoni effettivi tad-drittijiet fundamentali, huwa importanti ħafna li niffukaw fuq l-implimentazzjoni u l-attitudnijiet proattivi min-naħa tal-Istati Membri. Rigward il-klawżola soċjali orizzontali (Artikolu 9 tat-TFUE) u d-drittijiet soċjali fundamentali, il-valutazzjoni tal-impatt jiġi ezaminat iżjed fil-fond f'opinjoni oħra tal-KESE (5).

    3.2   Perikli ġodda: il-kriżi u l-lakuni fil-qasam tas-sigurtà

    3.2.1   L-istrateġija tal-Kummissjoni ma tirreaġixxix għat-theddid għall-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali minħabba varjetà ta’ perikli ġodda sinifikattivi. Għalhekk, l-istrateġija għandha tikkunsidra dawn l-iżviluppi u tistabbilixxi rispons koerenti u komprensiv.

    3.2.2   F'dan ir-rigward, il-KESE diġà enfasizza li “(f)i żmien ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa importanti li tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati, l-aġenti ekonomiċi, u ċ-ċittadini u r-rispett tad-dinjità u d-drittijiet taċ-ċittadini”. (6)“Barra minn hekk, il-KESE għandu d-dubji tiegħu, f'dan il-perijodu ta’ kriżi, dwar ir-riżorsi baġitarji li l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom u dwar il-livell ta’ dawn ir-riżorsi li huma lesti joħorġu, fuq livell nazzjonali u Ewropew, sabiex il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem … ikun effettiv. (7)

    3.2.3   Il-KESE, fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar il-politika tal-UE kontra t-terroriżmu, qasam ta’ politika li jinvolvi numru sostanzjali ta’ drittijiet fundamentali (id-dinjità tal-bniedem, il-protezzjoni mit-tortura, il-protezzjoni tad-data, il-prinċipju tan-non-refoulement), identifika d-diffikultajiet prattiċi tar-razzjonalizzar tal-prinċipju tad-drittijiet fundamentali matul il-proċess tal-formulazzjoni u tal-ħolqien tal-politika. Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li r-rispett tad-drittijiet fundamentali llum il-ġurnata sar prijorità orizzontali f'dan il-qasam ferm sensittiv. Madankollu, l-impenn tal-Kummissjoni li tirrispetta d-drittijiet fundamentali għandu jkun akkumpanjat minn impenn simili min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali m'għandhiex tkun limitata għat-tfassil u t-tħejjija tal-istrumenti, iżda għandha tinkludi wkoll l-implimentazzjoni tagħhom (8).

    3.3   Dimensjoni ġdida kruċjali: L-obbligu legalment vinkolanti li jiġu promossi d-drittijiet fundamentali.

    3.3.1   Issa l-Kummissjoni għandha tindirizza mhix biss kif għandhom jiġu protetti bl-aħjar mod id-drittijiet fundamentali fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha, iżda kif għandhom jiġu promossi bl-aħjar mod id-drittijiet fundamentali permezz ta’ inizjattivi ġodda mmirati.

    3.3.2   Fl-Artikolu 51(1), il-Karta tistabbilixxi wkoll l-obbligu tal-“promozzjoni tal-applikazzjoni” tad-drittijiet fundamentali. Dan l-element huwa importanti immens għall-KESE. Il-KESE josserva li, filwaqt li l-Kummissjoni f'ċerti aspetti tirreferi għall-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, hija ma tenfasizzax l-importanza strateġika ta’ dan l-obbligu. L-istrateġija għandha tattribwixxi tal-inqas l-istess livell ta’ orjentazzjoni strateġika lil dan l-aspett li hija tattribwixxi lill-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

    3.4   Id-drittijiet soċjali fundamentali huma “indiviżibbli” mid-drittijiet ċivili u politiċi u għalhekk jeħtieġu attenzjoni strateġika speċjali.

    3.4.1   Filwaqt li jfakkar l-importanza tan-natura indiviżibbli tad-drittijiet fundamentali espressa fil-Komunikazzjoni nnifisha u enfasizzata f'diversi opinjonijiet (9) il-KESE jinnota n-nuqqas ta’ approċċ strateġiku fir-rigward tad-drittijiet soċjali fundamentali.

    3.4.2   Meta nikkunsidraw l-importanza partikolari tad-drittijiet soċjali fundamentali (10) u l-istorja twila tal-iżviluppi fi ħdan l-UE, inqisu li dan huwa inaċċettabbli. L-iżvilupp tal-Karta legalment vinkolanti, liema Karta bdiet bħala l-“Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema” (1989) u kienet tinkludi kontributi mill-KESE (11) seħħ ukoll fir-rigward tal-Karta Soċjali Ewropea, li permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam ġiet inkorporata fil-liġi primarja tal-UE (12). Dan jindika li d-drittijiet soċjali fundamentali, b'mod partikolari fl-iktar forma “innovattiva” tagħhom fil-parti tal-Karta intitolata “Solidarjetà” (fejn is-solidarjetà ġiet rikonoxxuta bħala waħda mill-valuri tal-Unjoni), jeħtieġu attenzjoni speċjali u strateġika.

    3.4.3   Il-KESE diġà enfasizza wkoll ir-rwol speċifiku tas-servizzi pubbliċi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali (13). Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tad-drittijiet u l-prinċipji tat-“tielet ġenerazzjoni” inklużi fil-Karta, b'mod partikolari l-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumaturi. Dawn id-drittijiet u l-prinċipji għandhom jiġu osservati u promossi b'mod konsistenti, anke meta tkun qed tiġi mfassla u implimentata l-politika esterna u kummerċjali.

    3.4.4   Rigward il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-valuri tad-drittijiet soċjali fundamentali vis-à-vis il-libertajiet ekonomiċi, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-liġi primarja b'mod partikolari għandha tiżgura dan l-approċċ. Il-KESE jinnota li t-tielet premessa tal-preambolu u speċifikament l-Artikolu 151 tat-TFUE huma intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol “sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib”. Huwa jitlob espressament li “Protokoll tal-Progress Soċjali” jiddaħħal fit-Trattati sabiex il-prinċipju tal-ugwaljanza jiġi ankrat mad-drittijiet soċjali u l-libertajiet ekonomiċi u b'hekk jiġi ċċarat li la l-libertà ekonomika u lanqas ir-regoli tal-kompetizzjoni m'għandu jkollhom prijorità fuq id-drittijiet soċjali. Barra minn hekk, fil-protokoll għandu jiġi definit b'mod ċar l-impatt tal-għan tal-Unjoni li jinkiseb progress soċjali (14).

    3.5   Għandha tiġi żgurata l-ugwaljanza, b'mod partikolari bejn l-irġiel u n-nisa, u l-gruppi vulnerabbli kollha għandhom jiġu indirizzati b'mod speċifiku.

    3.5.1   Bħalma d-drittijiet (soċjali) fundamentali kollha għandhom jiġu indirizzati individwalment, huwa daqstant ieħor importanti li jiġu eżaminati u żgurati l-applikazzjoni u l-promozzjoni tagħhom fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li diġà ġiet rikonoxxuta fl-għanijiet tal-Unjoni u fl-Artikolu 23 tal-Karta. Barra minn hekk, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha tiġi adottata fl-attivitajiet kollha.

    3.5.2   Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandha tindirizza b'mod speċifiku lill-gruppi vulnerabbli. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-aħħar opinjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni (15) u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali, b'mod partikolari d-dritt li jsiru strajkijiet (16). Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-“Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni”.

    3.5.3   Il-KESE jqis id-drittijiet tal-bniedem bħala drittijiet universali u indiviżibbli li għandhom jiġu protetti u garantiti għal kulħadd, mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE. “Ewropa li tħaddan id-drittijiet u l-ġustizzja” ma tistax tkun limitata biss għan-nies ta’ nazzjonalità ta’ xi Stat Membru tal-UE, iżda għandha tkopri lil kull min jgħix fit-territorju tal-UE. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-ambitu personali taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE ma tkunx kompatibbli mal-valuri u l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, it-trattament ugwali u s-solidarjetà li fuqhom issejset l-Unjoni Ewropea (17). L-UE għandha tiżgura li tkun proattiva fis-salvagwardjar tad-drittijiet fundamentali ta’ kull individwu, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu jew tagħha.

    3.5.4   In-natura dinamika tad-drittijiet fundamentali għandha tiġi affermata u d-drittijiet għandhom jibbenefikaw minn mezzi ta’ protezzjoni ġodda li jikkorrespondu mal-iżviluppi soċjali. Hekk kif diġà stqarr, il-KESE jemmen li, fil-qafas tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, is-soċjetà diġitali, pereżempju, għandha ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi li jistgħu jiġu koperti minn testi ġodda (18).

    3.5.5   Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar il-minoranzi etniċi, speċjalment ir-Roma, qed ikunu fil-mira ta’ azzjoni min-naħa tal-gvernijiet u l-pulizija. Ir-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ ċerti Stati Membri tal-UE, kif enfasizzati fir-Rapport tal-2010, kienet f'waqtha iżda fl-aħħar mill-aħħar ineffettiva. Gruppi ta’ Roma tkeċċew, filwaqt li l-Karta tipprojbixxi b'mod espliċitu kwalunkwe tkeċċija kollettiva. L-UE għandha tiżgura li l-Istati Membri ma jkomplux isegwu dawn it-tipi ta’ politiki.

    3.6   Għandha titjieb l-importanza strateġika tal-atti mhux leġiżlattivi.

    3.6.1   Il-Komunikazzjoni ma tantx tagħmel referenza għall-atti mhux leġiżlattivi. Meta jitqies l-ambitu estensiv tal-attivitajiet politiċi u finanzjarji tal-UE, b'mod partikolari fil-każ tal-Kummissjoni, dan l-aspett importanti jeħtieġ approċċ strateġiku sabiex jikkonforma mal-obbligi tal-Karta f'dawn l-oqsma, anke f'oqsma ta’ politika sensittivi bħall-kummerċ li jinvolvi pajjiżi terzi. L-istrateġija għandha tkopri wkoll il-possibbiltà ta’ ommissjonijiet u kondotta (ħażina).

    3.7   Fil-livell tal-UE, l-obbligi tal-Karta japplikaw għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha, li kollha kemm huma għandhom il-qasam ta’ responsabbiltà speċifiku tagħhom.

    3.7.1   Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni tirreferi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'diversi okkażjonijiet. Madankollu, dan l-aspett mhux meqjus b'mod sistematiku. Ta' min jinnota li l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni huwa definit fl-Artikolu 13(1) tat-TUE u li huwa “maħsub sabiex jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-objettivi tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kontinwità tal-politika u tal-azzjonijiet tagħha”. Il-Kummisjoni – bħala l-gwardjan tat-Trattati – għandha tiżgura approċċ konsistenti u effettiv. Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li r-rwol speċifiku tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huwa dak ta’ gwardjan tal-valuri tal-Unjoni.

    3.7.2   Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li, b'mod speċifiku, tissorvelja u tiżgura li l-aġenziji u l-korpi kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha jirrispettaw u jippromovu d-drittijiet fundamentali. B'mod partikolari, dan japplika għall-OLAF, il-FRONTEX eċċ. Il-KESE esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward ta’ din l-aħħar aġenzija fl-opinjonijiet reċenti tiegħu. Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar sensiela ta’ prattiki min-naħa tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-aġenzija FRONTEX fir-rigward tat-tkeċċija ta’ persuni li jista' jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali (19). Dawn l-operazzjonijiet, li żdiedu fil-frekwenza u l-iskala tagħhom, għandhom jitwettqu f'kondizzjonijiet ta’ trasparenza u responsabbiltà assoluti. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-FRONTEX u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jaħdmu id f'id biex jipprevjenu b'mod effettiv kwalunkwe tip ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. It-tkeċċija ta’ persuni lejn pajjiżi jew żoni fejn is-sikurezza tagħhom hija mhedda tikkostitwixxi ksur evidenti tal-prinċipju tan-non-refoulement. Barra minn hekk, il-KESE ssuġġerixxa wkoll li l-persunal tal-FRONTEX għandu jingħata taħriġ speċjali biex jiġi żgurat standard ogħla ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (20).

    3.7.3   L-istituzzjonijiet l-oħra kollha xorta għandhom jiddedikaw parti sostanzjali mill-attivitajiet tagħhom għall-iżvilupp ta’ strateġija koerenti u effettiva għar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, u għandhom jikkunsidraw titjib tat-testi li diġà ġew adottati (21) f'konformità ma’ din l-opinjoni. B'mod partikolari, il-Kunsill għandu jieħu r-rwol speċifiku tiegħu b'mod serju ladarba huwa l-pjattaforma tal-Istati Membri għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    3.8   Fil-livell tal-Istati Membri

    3.8.1   Ladarba d-drittijiet fundamentali huma prerekwiżit u impenn ewlieni għas-sħubija fl-UE, l-Istati Membri għandhom rwol importanti li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jsiru effettivi. Għalhekk, il-KESE jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem għal strateġija ta’ prevenzjoni, filwaqt li tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw il-Karta meta jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni. Jeħtieġ li tinħoloq kultura bbażata fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livelli governattivi kollha u fl-isferi politiċi u leġiżlattivi kollha, u li jiġi eżaminat u identifikat l-impatt speċifiku fuq id-drittijiet fundamentali matul il-proċess ta’ traspożizzjoni. Madankollu, sabiex ma jinħolqux tamiet foloz, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri – għalkemm huma xorta jibqgħu marbuta fuq gradi differenti minn atti internazzjonali importanti li rratifikaw dwar il-protezzjoni tad-drittijiet – huma obbligati jipproteġu u jippromovu d-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta unikament fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.

    3.8.2   Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex taġixxi b'mod effettiv fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati u biex tuża l-proċedura ta’ ksur mingħajr ma tqis kunsiderazzjonijiet politiċi. Fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-proċedura attwali hija kajmana wisq u kompletament inadegwata. Meta jitqiesu l-importanza ta’ dan il-qasam u r-riskji possibbli għall-ħajja, is-sigurtà, il-benessri u d-dinjità tal-individwi, l-azzjoni tal-UE għandha tkun pronta, fil-ħin u deċiżiva, u hija għandha tuża kwalunkwe setgħat istituzzjonali mogħtija mingħajr dewmien.

    3.8.3   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevita li, fil-proċeduri ta’ ksur, tagħti prijorità lil każijiet li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ prinċipju jew li għandhom impatt negattiv partikolarment mifrux fuq iċ-ċittadini tal-UE. Id-drittijiet kollha li jinsabu fil-Karta, b'mod partikolari d-drittijiet soċjali, għandhom l-istess importanza u l-ebda istituzzjoni, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, ma għandha d-dritt jew il-kapaċità li tagħti prijorità lil ċerti drittijiet.

    3.8.4   Fl-opinjoni tal-KESE, “opt-outs” individwali għall-Istati Membri huma inaċċettabbli, peress li tali eżenzjonijiet jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet fejn il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-ħaddiema inklużi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jew l-infurzar ta’ dawn id-drittijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu affettwati serjament. Il-Kummissjoni, kif ukoll l-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE, għandhom jeżaminaw il-possibilità li jħeġġu lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma jaderixxux mal-Karta biex jaċċettaw kompletament l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dan l-istrument ta’ drittijiet fundamentali u biex jirrapportaw annwalment dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri kkonċernati biex jimplimentaw b'mod effettiv id-drittijiet fundamentali stipulati fil-Karta.

    3.9   Ir-rwol ta’ obbligi internazzjonali oħrajn huwa sottovalutat.

    3.9.1   Il-Komunikazzjoni tagħmel għadd ta’ referenzi għal obbligi internazzjonali oħrajn. Għal darba oħra, dan ma twettaqx b'mod komprensiv. Għalhekk hemm ukoll il-ħtieġa ta’ approċċ strateġiku. Dan huwa rikjest b'mod partikolari mill-Artikolu 53 tal-Karta tal-UE bħala livell minimu ta’ protezzjoni fir-rigward tal-Konvenzjonijiet tan-NU, il-Karta Soċjali Ewropea (Riveduta) u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif enfasizzat fl-Artikolu 52(3). Fil-prinċipju, l-istess japplika għall-ġurisprudenza ta’ korpi internazzjonali oħrajn, b'mod partikolari l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala livell minimu ta’ protezzjoni.

    3.10   Miżuri oħrajn

    3.10.1   Il-KESE enfasizza l-importanza ta’ miżuri ta’ infurzar effettivi (22). Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi rinfurzat fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-Karta, u anke fir-rigward tal-protokolli rilevanti. Bmod partikolari, il-ġurisprudenza tagħha għandha ssir pubblika, anke fir-rigward tal-protokolli rilevanti.

    3.10.2   Bil-għan li d-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti bmod effettiv, l-istandards kostituzzjonali kollha għandhom jiġu żviluppati u rispettati bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fir-rapporti regolari. Dan jinkludi wkoll bmod partikolari l-awtorità tal-qrati li jressqu l-istandards legali u l-miżuri tal-amministrazzjoni statali qudddiem korp ġudizzjarju ogħla biex jiġi ċċekkjat jekk ikunux inkisru d-drittijiet fundamentali jew tal-bniedem. Bl-istess mod, għandu jiġi garantit id-dritt taċ-ċittadini li jikkritikaw il-każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali quddiem il-qrati nazzjonali u Ewropej kompetenti.

    3.10.3   Jeħtieġ li r-riżorsi kollha meħtieġa jiġu attribwiti lill-istrutturi rilevanti. Primarjament dan jirrigwarda lill-KESE nnifsu, lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE. Il-Komunikazzjoni mhijiex speċifika ftermini ta’ miżuri istituzzjonali speċifiċi ta’ titjib tal-kapaċità. Il-proċess li bih l-azzjoni tal-UE tipproteġi d-drittijiet fundamentali u ssaħħaħ il-proċess leġiżlattiv u politiku jeħtieġ iż-żmien u riżorsi sinifikanti (pereżempju taħriġ tal-persunal). Il-Komunikazzjoni turi li mhemm l-ebda pjan konkret ta’ tranżizzjoni għal dan l-istadju. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li – mingħajr impenn ċar u bsaħħtu għall-bini ta’ kapaċitajiet – il-maġġoranza tal-għanijiet ta’ din il-politika se jiddgħajfu bi kbir, tal-inqas fuq perjodu qasir ta’ żmien. Dan japplika għall-Kummissjoni nnifisha (23) kif ukoll għall-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali (FRA – Fundamental Rights Agency), pereżempju (24). Għalhekk, l-FRA b'mod partikolari għandha tissaħħaħ u tiġi inkorporata fil-miżuri ta’ sinerġija kollha. Barra minn hekk, għandu jiġi ppjanat li l-Kumitati Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Ombudsmen u d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem jkunu involuti b'mod attiv.

    3.11   Attivitajiet promozzjonali

    3.11.1   L-Unjoni għandha taħdem biex issaħħaħ il-qafas legali tad-drittijiet soċjali fundamentali. Dan se jkun jirrikjedi l-adeżjoni tal-UE mal-Karta Soċjali Ewropea Riveduta u l-Protokolli tagħha. Fir-rigward tal-Istati Membri, l-Unjoni għandha tirrakkomanda r-ratifika tal-istrumenti rilevanti kollha tad-drittijiet (soċjali) fundamentali (inklużi protokolli li jemendaw u protokolli addizzjonali/fakultattivi). Meta jidher li ma tkunx tista' ssir ratifika min-naħa tal-UE, il-mezzi kollha għandhom jiġu esplorati u użati biex il-kontenut tagħhom isir legalment vinkolanti.

    3.11.2   Integrazzjoni tfisser li kull unità amministrattiva mhux biss se tintalab tiskrutinizza attivitajiet regolari (speċjalment leġiżlattivi) iżda se tkun mistennija tipproponi miżuri konkreti ta’ promozzjoni annwalment. Barra minn hekk, ic-“Check-List” tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi żviluppata iżjed, u għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari l-obbligu tal-“promozzjoni”, l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-iżvilupp sostenibbli.

    3.11.3   Il-Kummissjoni għandha tniedi iktar proġetti. Dawn il-proġetti għandhom ikopru wkoll il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Għandhom jitjiebu kemm il-kooperazzjoni interna kif ukoll dik esterna. Il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu li fiha jitlob li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jingħataw iktar importanza fil-politiki tal-Unjoni Ewropea bl-użu ta’ strumenti ġeografiċi u tematiċi disponibbli, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem bħala strument kumplimentari, li żgura li d-djalogu soċjali kien rikonoxxut bħala prijorità (25). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha titlob pariri mingħand organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

    3.11.4   Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta’ għarfien pubbliku dwar il-Karta u d-drittijiet fundamentali. Hemm il-ħtieġa ta’ sforz kbir biex titjieb il-viżibbiltà. Il-Karta hija dokument prinċipali u l-kontenut tagħha għandu jiġi ppubbliċizzat u jkun punt ta’ referenza għall-maġġoranza assoluta tal-Ewropej. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex taffronta din l-isfida. F'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni mal-pubbliku m'għandhiex tiffoka fuq it-tixrid tar-rapporti, iżda pjuttost fuq it-teħid ta’ miżuri attivi biex jiġi żgurat li l-Karta ssir dokument ta’ referenza għal kull ċittadin tal-UE.

    3.11.5   Filwaqt li l-KESE jilqa' bi pjaċir l-attivitajiet kollha mmirati lejn it-taħriġ speċifiku tal-gruppi interessati kollha, inklużi dawk l-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri – u li għandhom l-għan li jipprovdu lill-pubbliku b'informazzjoni aħjar, dan huwa biss aspett wieħed biss tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni meħtieġa. Huwa importanti ħafna li wieħed ikun kapaċi jikkomunika direttament mal-pubbliku. Dan iktar u iktar japplika meta jitqiesu l-esperjenzi tas-SOLVIT, li għalih il-Kummissjoni tirreferi biex b'mod attiv tfittex informazzjoni, inkluża dik mingħand il-partijiet interessati rilevanti. Għandu jittieħed l-istess approċċ fir-rigward tad-drittijiet fundamentali inġenerali u d-drittijiet soċjali b'mod partikolari.

    3.12   “It-test tal-istress”

    3.12.1   L-effikaċja tad-drittijiet fundamentali għandha tintwera fil-prattika, b'mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika jew fejn ikun hemm pressjoni politika qawwija. Il-KESE huwa mħasseb l-iktar dwar it-tixrid ta’ ċerti attitudnijiet politiċi li jistgħu jwasslu, u f'ċerti każijiet effettivament iwasslu, għal ksur serju kif ukoll għal tfixkil fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    3.12.2   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà ttrattat kwistjonijiet importanti dwar id-drittijiet fundamentali billi invalidat leġiżlazzjoni sekondarja pereżempju fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni (26) u l-protezzjoni tad-data (27) jew billi pprekludiet leġiżlazzjoni nazzjonali milli timponi sentenza ta’ ħabs fuq “ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin f'pajjiż illegalment” (28).

    3.12.3   Barra minn hekk, il-KESE jinsab imħasseb dwar it-tkeċċija tal-massa tar-Roma, it-trattament ta’ persuni ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa, ir-restrizzjonijiet tal-libertà tal-espressjoni, speċjalment fil-midja, eċċ. Il-leġiżlazzjoni kollha li tippermetti l-esklużjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet (soċjali) fundamentali (pereżempju, id-dritt għal limitu tan-numru massimu ta’ sigħat ta’ xogħol) se jkollha tiġi riveduta b'mod speċifiku.

    3.12.4   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika qed tagħmel pressjoni konsiderevoli fuq id-drittijiet soċjali fundamentali. Il-patti, il-pjani ta’ rkupru u l-miżuri l-oħra kollha tal-UE u/jew tal-Istati Membri bl-ebda mod m'għandhom imorru kontra d-drittijiet (soċjali) fundamentali, bħal pereżempju d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, għan-negozjar kollettiv u għall-azzjoni kollettiva bl-awtonomija sħiħa tal-imsieħba soċjali, kif ukoll għas-servizzi pubbliċi u soċjali, iżda għall-kuntrarju għandhom jirrispettawhom u jippromovuhom.

    3.13   Soċjetà ċivili: l-aspett parteċipattiv għandu jissaħħaħ bil-qawwa.

    3.13.1   B'mod ġenerali, l-istrateġija tirreferi għall-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-fehmiet tal-partijiet interessati. F'ħafna opinjonijiet, il-KESE enfasizza dan l-aspett importanti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali (29). Jidher li t-terminu “partijiet interessati” huwa wiesa' biżżejjed biex iħaddan l-entitajiet kollha. Madankollu, għall-KESE huwa ta’ importanza assoluta li r-rwol tiegħu ta’ korp konsultattiv ikun ikkunsidrat b'mod espliċitu. L-istess japplika għall-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE (l-Artikolu 152 tat-TFUE).

    3.13.2   L-individwi b'mod partikolari u s-soċjetà ċivili b'mod ġenerali huma dawk li l-aktar jiġu affettwati mill-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw rwol viżibbli. Għalhekk għandhom ikunu involuti b'mod regolari, sħiħ u effettiv f'dan il-proċess.

    3.13.3   B'mod partikolari, il-KESE għandu jkun involut u kkonsultat b'mod regolari u fil-ħin, partikolarment fir-rigward tar-rapport annwali li għandu jitħejja mill-Kummissjoni. Bħala gwardjan tal-valuri tal-UE u rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, il-Kumitat qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex jikkomunika mas-soċjetà ċivili.

    3.13.4   Il-KESE ser ifassal kull sena opinjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (b'kunsiderazzjoni speċjali tad-drittijiet fundamentali soċjali), tal-klawżoli orizzontali soċjali (l-Artikoli 8, 9 u 10 tat-TFUE), tad-dispożizzjonijiet l-oħra li għandhom x'jaqsmu mal-politika soċjali fit-Trattat ta’ Lisbona (b'mod partikolari l-Artikoli 145 sa 166 u 168 tat-TFUE), kif ukoll tal-liġi sekondarja u miżuri legali u ta’ politika oħra mill-aspett tar-rispett u l-promozzjoni tal-għanijiet u l-miri stabbiliti. B'hekk huwa ser jeżamina u jevalwa kemm dawn qed jagħtu kontribut għall-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali u tal-politika soċjali fl-UE. L-opinjoni ser tinkludi wkoll, fejn ikun hemm bżonn, rakkomandazzjonijiet dwar kif permezz ta’ miżuri konkreti, l-għanijiet u l-miri jistgħu jintlaħqu aħjar.

    Barra mill-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti ta’ interessi diversi, ogranizzazzjonijiet kbar u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mis-settur soċjali jistgħu jippreżentaw l-opinjonijiet u r-rapporti tagħhom matul konsultazzjoni li għandha tiġi organizzata qabel ma titfassal l-opinjoni. Dawn l-opinjonijiet annwali tal-KESE ser jiġu komunikati u spjegati lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE b'mod partikolari l-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew.

    Ser jiġu organizzati wkoll konferenzi dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-Karta. Permezz ta’ dawn il-konferenzi għandhom jissaħħu l-kuntatti mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali.

    3.13.5   Ir-Rapport Annwali huwa għodda utli għall-valutazzjoni tal-progress tal-politika. L-aċċess għal dan ir-rapport għandu jkun faċli. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-FRA biex jieħdu l-opportunità jinvolvu lis-soċjetà ċivili fit-tħejjija tar-rapport, u biex ikunu lesti jilqgħu reviżjonijiet indipendenti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livell tal-UE u lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-Kumitat, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, huwa lest li jiffaċilita l-proċess u li jikkontribwixxi għar-reviżjoni annwali. Ir-Rapport Annwali għandu jieħu f'kunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet li, għal raġunijiet differenti, ma jkunux is-suġġett ta’ petizzjonijiet jew ta’ kawżi fil-qrati. F'dan ir-rigward, ir-rapport għandu jilqa' b'sodisfazzjon – u għandu wkoll ikun ibbażat fuq – il-kontribuzzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet differenti li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

    3.13.6   Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tar-Rapport Annwali, huwa jħoss li l-ewwel rapport annwali ma jiffukax b'mod konsistenti fuq id-drittijiet fundamentali kollha li hemm fil-Karta. Ir-Rapport jenfasizza numru ta’ oqsma ewlenin fit-taqsima dwar “L-iktar żviluppi importanti”, iżda l-kriterji tal-għażla mhumiex ċari. Dan l-approċċ selettiv ma jgħinx biex jiġu identifikati nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u agħar minn hekk jista' jindika li wħud mid-drittijiet fundamentali qed jingħataw iktar prijorità minn oħrajn.

    Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u l-promozzjoni internazzjonali tal-Mudell Soċjali Ewropew”, ĠU C 51/20, 17.2.2011.

    (2)  COM(2011)160 finali, adottata fit-30.3.2011.

    (3)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29 punt 4.2.3.

    (4)  L-opinjoni tal-KESE “Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali”, ĠU C C 367, 20.12.2000, p. 26 punt 3.1.3 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (5)  L-opinjoni tal-KESE dwar “It-tisħiħ tal-koeżjoni tal-UE u l-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-UE”, (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

    (6)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80 punt 4.2.4.2.

    (7)  L-opinjoni tal-KESE dwar ‘Id-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni’, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29 punt 4.3.4.

    (8)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Politika tal-UE kontra t-Terroriżmu”, (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU) - SOC/388 punti 4.5.1-4.5.2.

    (9)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali”, ĠU C C 367, 20.12.2000 p. 26 punt 3.1.1; l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali”, ĠU C 88, 11.4.2006, p. 37 punt 2.1; l-opinjoni tal-KESE dwar “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80 punt 3.5.

    (10)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali”, ĠU C 367, 20.12.2000 p. 26 punt.3.1.3.

    (11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet soċjali bażiċi tal-Komunità”ĠU C 126, 23.5.1989, p. 4 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (12)  Il-ħames premessa tat-TUE u l-Artikolu 151(1) tat-TFUE.

    (13)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29 punt 4.3.4.

    (14)  L-opinjoni tal-KESE dwar l-“Aġenda soċjali”, ĠU C 182, 04.08.2009, p. 65 u l-opinjoni dwar “Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern”, ĠU C 44, 11.02.2011, p. 90.

    (15)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.

    (16)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80 punt 4.1.9.

    (17)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80 punt 3.5.

    (18)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali”, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9 punt 7.

    (19)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil”, ĠU C 44, 11.2.2011 p. 17 punt 4.19.

    (20)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali”, ĠU C 18, 19.1.2011 p. 85 punt 4.2.1.9.

    (21)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2010; il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta’ Frar 2011.

    (22)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali”, ĠU C 367, 20.12.2000 p. 26 punti 3.1.4 u 3.3.3 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (23)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80 punt 1.4; l-opinjoni tal-KESE dwar “Id-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29 punt 2.15.

    (24)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80 punt 3.7; l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali”, ĠU C 88, 11.4.2006 p. 37.

    (25)  L-opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)” (opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess), punti 1.1 u 1.2.

    (26)  Sentenza (Awla Magna) 1 ta’ Marzu 2011 - Kawża C-236/09 - Association belge des Consommateurs Test-Achats ASBL (is-sess bħala fattur li jitqies fl-istima tar-riskji tal-assigurazzjoni).

    (27)  Sentenza (Awla Magna) 9 ta’ Novembru 2010 - Kawżi C-92/09 u C-93/09 - Volker und Markus Schecke (l-ipproċessar ta’ data personali fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna agrikola).

    (28)  Sentenza (Awla Magna) 28 ta’ April 2011 - Kawża C-61/11 PPU - El Dridi (leġiżlazzjoni li “tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ piena ta’ ħabs għal ċittadin ta’ pajjiż terz b'residenza irregolari sempliċement minħabba l-fatt li dan, bi ksur ta’ ordni li jħalli t-territorju ta’ dan l-Istat f'terminu stabbilit, baqa' fuq l-imsemmi territorju mingħajr motivazzjoni ġustifikata”.)

    (29)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Lejn Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali”, ĠU C 367, 20.12.2000 p. 26 punt 3.4; l-opinjoni tal-KESE dwar “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80 punt 4.3.


    Top