This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0409
Freight transport in Europe European Parliament resolution of 4 September 2008 on Freight transport in Europe (2008/2008(INI))
It-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 4 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa (2008/2008(INI))
It-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 4 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa (2008/2008(INI))
ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 79–83
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 295/79 |
Il-Ħamis, 4 ta' Settembru 2008
It-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa
P6_TA(2008)0409
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa (2008/2008(INI))
2009/C 295 E/19
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Aġenda tal-UE fil-qasam tat-Trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa” (COM(2007)0606), “Pjan ta' azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija” (COM(2007)0607), “Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija” (COM(2007)0608), u “Kuntratti multi-annwali għall-kwalità tal-infrastruttura ferrovjarja” (COM(2008)0054),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-’Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa — is-soluzzjoni għall-mobilità sostenibbli’ (COM(2006)0336),
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta' sistema ta' kmand ta' kontroll u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja ERTMS/ETCS (COM(2005)0298),
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 u t-30 ta' Novembru u tat-3 ta' Diċembru 2007 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-’Pjan ta' azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija’ kif ukoll tas-7 ta' April 2008 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-bini ta' “Netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija”,
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni “Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana” (COM(2007)0551),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-5 ta' Settembru 2007 dwar il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija fl-Ewropa — is-soluzzjoni għall-mobilità sostenibbli (1),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008“Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana” (2),
wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0326/2008),
A. |
billi s-settur tat-trasport huwa responsabbli għal kważi 30 % tal-emissjonijiet CO2 fl-UE — daqs 40 % fl-ibliet — u minkejja l-ftit sforzi li saru fl-iżvilupp teknoloġiku u fl-innovazzjoni, l-emissjonijiet CO2 żdiedu b'26 % bejn l-1990 u l-2005, filwaqt li f'oqsma oħra dawn tnaqqsu b'10 % bis-saħħa ta' investimenti sostanzjali (li jlaħħqu l-biljuni ta' Euro), |
B. |
billi t-trasport tal-merkanzija sostenibbli u effiċjenti fl-Ewropa għandu rwol vitali biex ikun hemm ekonomija ta' suċċess u kompetittiva, biex jintlaħqu t-talbiet tal-konsumaturi u fil-ħolqien ta' numru konsiderevoli ta' impjiegi u tal-ġid għaċ-ċittadini Ewropej, |
C. |
billi hija prevista żieda ta' madwar 50 % (f'tonne-kilometres (tkm)) bejn l-2000 u l-2020, kif tbassar il-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu 'Politika Ewropea tat-trasport għall-2010: “Il-waqt li niddeċiedu” (COM(2001)0370), u billi t-trasport tal-merkanzija bejn l-1995 u l-2005 żdied bi 30 % aktar mill-GDP; billi, barra minn hekk, it-tkabbir tat-trasport tal-merkanzija b'mod ġenerali kien ir-riżultat ta' żieda sproporzjonata tat-trasport bl-ajru u fuq it-toroq meta mqabbel ma' mezzi oħra tat-trasport, |
D. |
billi soluzzjonijiet immirati lejn loġistiki aktar sostenibbli u effiċjenti u s-sistemi ta' trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u fl-integrazzjoni intermodali tal-mezzi kollha tat-trasport mhux biss iwasslu għal titjib fl-ekonomija u fis-sigurtà, iżda jilħqu wkoll l-objettivi tal-UE fl-oqsma tal-bidla fil-klima u l-iffrankar ta' enerġija li trid tintlaħaq sa l-2020, |
E. |
billi, sabiex jilħqu dawn l-obbjettivi, l-UE u l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest attwali ta' riżorsi baġitarji inadegwati, jistabilixxu numru ta' prijoritajiet koordinati għalihom stess, li jikkonċentraw ir-riżorsi tagħhom fuq numru limitat ta' miżuri mmirati lejn is-sostenibilità u l-intermodalità fit-trasport tal-merkanzija u li jqisu ir-reġjuni sensittivi, |
F. |
billi n-netwerk Ewropew tal-kurituri għandu jiġi żviluppat b'mod aktar effettiv, ibbażat fuq in-netwerk u strutturi u teknoloġiji eżistenti u li jinkorpora wkoll il-“kurituri li jirrispettaw l-ambjent” għall-mezzi kollha tat-trasport tal-merkanzija, bi kriterji ambjentali sostenibbli u ambizzjużi, |
G. |
billi l-għan tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tal-Merkanzija msemmi hawn fuq irid ikun li jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta' trasport fl-Ewropa u lil hinn minnha għall-benefiċċju tal-kumpaniji Ewropej kollha u għall-kompetittività Ewropea kollha, |
1. |
Jenfasizza li s-sistemi Ewropej tat-trasport tal-merkanizija għandhom jiffaċċjaw sfidi kbar biex iżidu l-integrazzjoni u s-sostenibilità effettiva tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa, billi jagħtu kontribuzzjoni akbar lejn it-titjib tal-mobilità, l-effiċċjenza fl-enerġija, u t-tnaqqis tal-konsum taż-żejt, tal-emmissjonijiet li jniġġsu u tal-ispejjeż esterni, u għalhekk jilqa' l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija aktar 'l fuq; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija biex fil-futur jappoġġjaw politika tat-trasport tal-merkanzija li tkun aktar sostenibbli f'termini ta' mobilità, ta' ambjent, ta' klima, ta' ekonomija, ta' sikurezza u ta' interessi soċjali, billi jintużaw sistemi loġistiċi aktar effiċjenti, fil-kuntest ta' Unjoni Ewropea akbar, bħala parti mill-integrazzjoni gradwali ta' kurituri transkonfinali tal-merkanzija bil-ferrovija li jkollhom prijorità, ċentri ta' interkonnessjoni u netwerks konvenzjonali permezz tal-promozzjoni tal-prinċipji tal-utent u min iniġġes iħallas għall-modi kollha tat-trasport; |
2. |
Jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-komodalità u l-intermodalità għandhom jibqgħu fatturi ewlenin fil-ħolqien ta' trasport tal-merkanzija sostenibbli u effiċjenti fl-Ewropa; |
3. |
Madankollu jinnota li l-kompetenzi u r-riżorsi tal-UE għat-titjib fis-swieq tat-trasport tal-merkanzija huma limitati, jinnota li partijiet ewlenin tan-netwerk diġà qed ikunu użati fil-kapaċità sħiħa tagħhom; għalhekk iħeġġeġ lill-ministri tat-trasport responsabbli għar-rotot Ewropej ewlenin biex iqajmu l-kwistjoni tal-investimenti fl-infrastruttura u għallinqas jiftehmu biex jikkoordinaw il-Pjanijiet Nazzjonali ta' Investiment tagħhom fir-rigward tal-kurituri rispettivi tagħhom; |
4. |
Jinsab konvint li l-loġistika tat-trasport urban tal-merkanzija teħtieġ strateġija speċifika; jispera li d-dibattitu dwar il-Green Paper imsemmija hawn fuq dwar il-Mobilità Urbana, flimkien mal-Pjan ta' azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija, jista' jirriżulta fi skambju ta' prattiki tajba bejn il-bliet sabiex jinstabu modi sostenibbli biex il-provvisti jiġu ttrasportati fl-ibliet; |
5. |
Għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tipproponi, mhux aktar tard minn tmiem l-2008 programm għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri responsabbli għall-proġetti f'din iż-żona, u li tiffaċilita u tevalwa soluzzjonijiet għall-intoppi kurrenti, b'attenzjoni partikulari għat-trasport tal-oġġetti, filwaqt li tqis il-valur miżjud tal-element tal-loġistika; |
6. |
Jappoġġja l-idea ta' netwerks iddedikati għall-ġarr tal-merkanzija, li għandhom jisfruttaw in-netwerks tat-traffiku konvenzjonali eżistenti li qed jiġu lliberati bħala riżultat tal-progress li qed isir mill-ferroviji ta' veloċità kbira; |
7. |
Jenfasizza li n-netwerks tal-ferrovija għat-trasport tal-merkanzija għandhom ikunu bbażati fuq il-kurituri tal-merkanzija l-aktar “relevanti għas-suq” filwaqt li jqisu l-kurituri ERTMS (Sistema Ewropea ta' Mmaniġġjar tat-Traffiku tal-Ferroviji) eżistenti u n-netwerk TEN-T (Trasport Trans-Ewropew), (jiġifieri estiżi kif meħtieġ sabiex ikunu inklużi oqsma speċifiċi li jiġġeneraw volumi kbar ta' traffiku, pereżempju l-portijiet); iqis li għandhom jinħatru “koordinaturi ta' livell għoli tal-kurituri”, kull fejn dan ikun għadu ma sarx; jistieden lill-AgenzijaFerrovjarja Ewropea, bħala l-awtorità tal-ERTMS, sabiex tassigura li dawn ir-rotot isiru interoperabbli; |
8. |
Jistenna li l-Kummissjoni tiddefinixxi r-“kurituri ħodor” bħala proġetti eżemplari ta' mobilità u intermodalità biex it-trasport jiġi ttrasferit għal mezzi li jħarsu l-ambjent sabiex jitnaqqsu l-inċidenti b'mod globali, il-ħsejjes, it-tniġġis tal-arja tossiku u mhux tossiku lokali, l-emissjonijiet tas-CO2, l-użu ta' art agrikola u l-konsum tal-enerġija kif ukoll iż-żieda fl-użu ta' għejun ta' enerġija li tiġġedded (b'mod partikolari ta' enerġija mir-riħ u mix-xemx) skond il-leġiżlazzjoni tal-UE, l-għanijiet tagħha u s-sistemi intelliġenti tat-trasport; |
9. |
Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex joffru inċentivi aktar qawwija għall-promozzjoni tal-kompatibilità ambjentali fil-mezzi kollha tat-trasport u għall-appoġġ tal-kombinazzjonijiet l-aktar effiċjenti tagħhom, li għandu jwassal għall-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent fuq kollox fil-kurituri ’ħodor’; |
10. |
Jipproponi li tiġi appoġġjata l-integrazzjoni tal-ippjanar reġjonali, il-proċessi ta' produzzjoni u l-istruttura tas-suq — u saħansitra l-fatt li jiġi evitat l-użu tat-trasport bla ħtieġa — u biex jingħata kontribut favur distanzi qosra u/jew aġġustament fil-veloċità fit-trasport tal-merkanzija; huwa tal-fehma li għandu jiġi evitat “stop-go” fit-trasport tal-merkanzija li jirrekjedi l-ħin u l-enerġija bis-saħħa ta' aġġustament kompjuterizzat tal-veloċità; |
11. |
Iqis li t-titjib ta' implimentazzjoni u tisħiħ xieraq tal-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża u kontaminanti sorveljata u kkontrollata aħjar hija prijorità; |
12. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimxu 'l quddiem bl-iskambju tal-aħjar prattiki f'żoni transkonfinali sensittivi (żoni muntanjużi u urbani), kif ukoll fi bliet, billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-riżolużżjoni msemmija aktar 'l fuq dwar il-mobilità urbana u l-esperjezza miksuba mill-programm CIVITAS dwar trasport aktar nadif u aħjar fl-ibliet, billi jittejjeb l-aspett loġistiku; |
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra il-kofinanzjament tal-UE dwar l-effiċjenza, l-interoperabilità u t-tijib tal-infrastruttura ferrovjarja, iċ-ċentri ta' interkonnessjoni ta' mezzi ta' trasport differenti ta' merkanzija; |
14. |
Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fl-istennija tal-eżami bir-reqqa tal-baġit tal-Unjoni Ewropea mistenni għall-2009, biex jikkunsidraw minn issa l-pożizzjoni tat-trasport f'dak il-baġit, sabiex ikun evitat kwalunkwe repetizzjoni ta' żbalji tal-passat u biex jiżguraw investimenti ġejjienin biżżejjed f'infrastrutturi strateġiċi sabiex jinkisbu l-objettivi li l-Unjoni poġġiet lilha nnifisha fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet; |
15. |
Jisħaq li sistemi interoperabbli ta' tariffi għat-trasport huma tal-akbar importanza għat-trasport tal-merkanzija effiċjenti fl-Ewropa; |
16. |
Iqis li konnessjoni aħjar bejn il-portijiet kostali u interni man-netwerk ferrovjarju u tat-toroq ta' ġewwa l-pajjiż hija komponent importanti għall-infrastruttura tat-trasport; jenfasizza l-importanza tal-irwol tal-pjattaformi interni u tat-tarzni; |
17. |
Huwa konvint mill-potenzjal tal-ibħra interni fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tassigura implimentazzjoni xierqa tal-programm ta' azzjoni NAIADES dwar il-promozzjoni ta' trasport fl-ilmijiet navigabbli interni tal-Ewropa; |
18. |
Jenfasizza li investimenti fit-terminals tal-parti interna tal-pajjiż jistgħu jiġu realizzati b'mod flessibbli u fi żmien qasir u b'kekk jiġu megħluba l-postijiet ta' konġestjoni fil-katina sħiħa tal-mezzi differenti ta' trasport; |
19. |
Jitlob għar-rispett u/jew l-introduzzjoni ta' normi intermodali stabbli għal dak li għandu x'jaqsam mad-dimensjonijiet u t-toqol tal-vetturi, tal-containers u istallazzjonijiet ta' trasbord biex ikunu kkunsidrati li huma ta' importanza strateġika biex it-trasport tal-merkanzija jiġi trasferit fuq il-binarji u r-rotot fuq l-ilma li jkunu sostenibbli, sabiex b'dan il-mod jonqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura; |
20. |
Jinnota li sistemi tekniċi orizzontali differenti, li jissimplifikaw il-possibilitajiet ta' trasferiment ta' tagħbija minn trakkijiet għal fuq vetturi ferrovjarji kif ukoll biex it-tagħbija tgħaddi minn binarji ta' wisa' differenti, spiss ma jkunux standardizzati; għalhekk iħeġġeġ lill-entitajiet leġiżlattivi internazzjonali u Ewropej biex jistandardizzaw dawn is-sistemi tekniċi b'mod partikolari sabiex tiżdied l-effiċjenza u jonqsu l-ispejjeż; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jkun adottat malajr standard dinji għall-unitajiet ta' tagħbija intermodali; |
21. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tifformula linji gwida għall-għoti ta' sussidji għall ambjent u għas-settur ferrovjarju b'mod li jiġi ffaċilitat l-investiment fit-trasport ferrovjarju sostenibbli tal-merkanzija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza strateġika li għandu l-kofinanzjament fit-tnaqqis tal-ħsejjes, anki fis-sors (il-modernizzar tal-vaguni), kif diġà huwa l-każ għall-makkinarju ERTMS tal-materjal fuq ir-roti; |
22. |
Huwa konvint li l-ġestjoni tal-infrastruttura u l-forniment tas-servizzi għandha tkun transkonfinali, mhux diskriminatorja u trasparenti, sabiex tippermetti loġistika tal-merkanzija effikaċi, interoperabbli u mingħajr diffikultajiet; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tat-twettiq ulterjuri tas-suq tat-trasport intern għall-mezzi kollha tat-trasport; jilqa f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' ’spazju ta' trasport Ewropw marittimu mingħajr ostakli’ u jappoġġja l-idea ta' dokument uniku tat-trasport u ta' ’punt ta' kuntatt uniku’ għall-mezzi tat-trasport kollha; |
23. |
Jenfasizza li suq intern fit-trasport tal-merkanzija bit-triq li jaħdem b'mod effettiv jista' jgħin biex it-trasport ikun aktar effiċjenti u jnaqqas in-numru ta' vjaġġi bla tagħbija; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforza b'mod strett il-liġi tal-UE dwar is-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq u tal-kabotaġġ; jagħraf li l-Istati Membri huma permessi li jillimitaw il-kabotaġġ taħt ċerti kundizzjonijiet, imma jitlob lill-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattat, biex tieħu azzjoni stretta kontra restrizzjonijiet u penalitajiet mhux proporzjonati li numru ta' Stati Membri qed jinponu fuq trasportaturi barranin f'dan ir-rigward; |
24. |
Jqappella lill-Kummissjoni biex fil-kuntratti multi-annwali għall-kwalità tal-infrastruttura ferrovjarja, tfassal kundizzjonijiet ta' qafas għal standards minimi Ewropej tal-kwalità; jipproponi lill-Istati Membri biex jorbtu l-għoti ta' fondi għall-bini, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja ma' dawn l-istandards ta' kwalità u biex iqishom bħala pakkett inseparabbli, biex b'hekk jingħata kontribut għaż-żieda fl-effiċjenza u għat-tnaqqis tal-ispejjeż; |
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja u tippromwovi l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-aħjar prattika dwar kuntratti multiannwali għall-kwalità tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Kommunikazzjoni COM(2008)0054 tagħha msemmija hawn fuq, sabiex tiżviluppa format għall-ħolqien ta' punti ta' riferiment għas-servizzi tal-infrastruttura b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-maniġers tal-infrastruttura, inkluża l-pubblikazzjoni ta' indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni; |
26. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rakkomandazzjonijiet aktar b'saħħithom għall-kuntratti multiannwali għall-kwalità u għall-kapaċità tal-infrastruttura (ibbażati fuq il-monitoraġġ trasparenti tal-implimentazzjoni attwali tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14/KE (3)); f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawn l-oqsfa ta' finanzjament multiannwali sabiex tiġi garantita stabilità finanzjarja lill-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-bżonnijiet ta' tiġdid tagħhom (li tinvolvi finanzjament pubbliku adegwat); |
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja proġetti dwar l-użu differenzjat ta' linji ta' veloċità kbira, pereżempju għal trasporti ta' tagħbija ħafifa; |
28. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq studju dwar il-vetturi tat-trasport attrezzati b'sistema ta' navigazzjoni bis-satellita fl-Unjoni Ewropea, sabiex tevalwa fuq din il-bażi l-interoperabilità jew il-kompatibilità transkonfinali ta' dawn is-sistemi ma' sistemi tekniċi eżistenti, biex tinstalla navigazzjoni bis-satellita interoperabbli għall-vaguni l-ġodda u tippromwovi l-attrezzament tal-vaguni tat-trasport li diġa qed joperaw; jappoġġa l-fatt li jiġu adottati l-aħjar prattiki fit-teknika ta' tagħbija, b'hekk li jiffurmaw il-katina intermodali mill-bidu sa l-aħħar tal-proċess ta' trasbord u tagħbija, b'mod li tiżdied l-effikaċja tas-settur kollu kemm hu; |
29. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċeduri amministrattivi tal-awtoritajiet involuti fis-suq tat-trasport tal-merkanzija jiġu standardizzati u simplifikati, flimkien ma' regoli u proċeduri simplifikati tad-dwara fil-fruntieri; jilqa' b'mod partikulari d-deċiżjoni li jitwaqqaf spazju marittimu Ewropew mingħajr ostakli, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappella lill-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjoni internazzjonali xierqa biex jiżviluppaw dokument wieħed intermodali; |
30. |
Jenfasizza li hemm nuqqas ta' edukazzjoni tajba dwar il-loġistika min-naħa tal-universitajiet u għalhekk jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità assoluta lill-edukazzjoni ogħlja fis-settur tal-loġistika u tat-trasport tal-merkanzija; |
31. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja proġetti u riċerka u taħdem lejn flussi ta' informazzjoni standard sabiex tiżgura l-integrazzjoni u l-interoperabilità tal-modi fuq livell ta' dejta; |
32. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 154.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0356.
(3) Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità ferrovjarja, it-tariffi fuq l-infrastruttura ferrovjarja u ċ-ċertifikazzjoni fir-rigward tas-sigrutà (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29).