Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1798

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1798 tal-10 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/689 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istat ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/4572

    ĠU L 233, 21.9.2023, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1798/oj

    21.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 233/24


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1798

    tal-10 ta’ Lulju 2023

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/689 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istat ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29, il-punti (a) u (d), l-Artikolu 37(5), l-Artikolu 39 u l-Artikolu 41(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard tal-annimali li huwa trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin, inklużi regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni, għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u għaż-żamma tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard.

    (2)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (2) jissupplimenta r-regoli dwar is-sorveljanza, il-programmi ta’ eradikazzjoni u l-istatus ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti ta’ annimali terrestri, akkwatiċi u oħrajn kif stipulat fir-Regolament (UE) 2016/429.

    (3)

    F’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/689, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jispeċifikaw il-popolazzjonijiet tal-annimali fil-mira rilevanti għal tipi differenti ta’ sorveljanza. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 jispeċifika l-kategoriji ta’ annimali li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal sorveljanza. Fil-kuntest tal-epiżootika attwali tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI), ir-rapport xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-influwenza avjarja ta’ Diċembru 2022 — Marzu 2023, ippubblikat fl-20 ta’ Marzu 2023 (3), irrakkomanda li tiġi estiża u msaħħa s-sorveljanza kemm fil-mammiferi selvaġġi, b’mod partikolari fil-karnivori, kif ukoll fl-annimali tar-razzett, b’mod partikolari fil-mink Amerikan, f’żoni ta’ riskju ogħla fejn l-HPAI hija preżenti fl-għasafar selvaġġi u fil-pollam. L-ispeċijiet ta’ mammiferi mhumiex inklużi fil-kategoriji soġġetti għas-sorveljanza prevista fir-Regolament Delegat (UE) 2020/689. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet eżistenti relatati mal-ispeċijiet fil-mira u mas-sorveljanza tal-influwenza avjarja jenħtieġ li jiġu emendati biex jindirizzaw din ir-rakkomandazzjoni fir-rigward tar-riskju maħluq mill-HPAI H5N1 attwali u jippermettu u jappoġġaw ulterjorment lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu sorveljanza strutturata għall-HPAI f’ċerti speċijiet ta’ mammiferi kif xieraq.

    (4)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 jipprevedi perkorsi differenti biex jinkiseb status ta’ ħelsien mill-mard. Għal diversi mardiet, mhuwiex possibbli li jinkiseb dak l-istatus mingħajr ma jkun ġie implimentat minn qabel programm ta’ eradikazzjoni approvat, peress li l-Istati Membri ma jistgħux isegwu l-perkors abbażi ta’ data storika u ta’ sorveljanza, minħabba ċerti limitazzjonijiet li japplikaw fir-rigward tal-mardiet li jistgħu jkunu soġġetti għal dak il-perkors, kif ukoll minħabba l-perjodu ta’ żmien limitat li fih jenħtieġ li jsiru tali applikazzjonijiet biex jinkiseb l-istatus.. L-esperjenza miksuba mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 uriet li dan l-approċċ mhuwiex adegwat peress li mhux neċessarjament jipprovdi assigurazzjonijiet addizzjonali għall-għoti tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/689 jiġi emendat biex jipprovdi l-possibbiltà li Stat Membru jikseb l-istatus ta’ ħelsien mill-mard għall-mardiet rilevanti kollha abbażi ta’ data storika u ta’ sorveljanza u mingħajr limitu ta’ żmien.

    (5)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 jipprevedi diversi rekwiżiti biex jinżamm l-istatus ta’ ħelsien mill-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle mingħajr tilqim. L-esperjenza miksuba mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 uriet li d-dispożizzjonijiet rilevanti jeħtieġu kjarifika ulterjuri fir-rigward tal-kriterji applikabbli.

    (6)

    Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza tad-dritt, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/689 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2020/689

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

    “3.   L-awtorità kompetenti għandha tinkludi fil-popolazzjoni tal-annimali fil-mira, annimali miżmuma jew selvaġġi ta’ speċijiet li mhumiex elenkati għall-fini tal-marda elenkata rilevanti meta l-awtorità kompetenti tqis li dawn jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem.”

    ;

    (2)

    fl-Artikolu 70, il-paragrafi 4, 5 u 6 jitħassru.

    (3)

    fl-Artikolu 76, il-paragrafi 3 u 4 jitħassru.

    (4)

    L-Annessi II u V tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istat ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 211).

    (3)  EFSA Journal 2023;21(3): 7917


    ANNESS

    L-Annessi II u V tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huma emendati kif ġej:

    (1)

    fl-Anness II, il-Parti I hija emendata kif ġej:

    (a)

    l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

    “PARTI I

    SORVELJANZA TAL-INFLUWENZA AVJARJA FL-ANNIMALI” ;

    (b)

    Fit-Taqsima 1, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TERRITORJALI

    Is-sorveljanza trid tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha”;

    (c)

    l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

    Taqsima 2

    Objettivi għas-Sorveljanza” ;

    (d)

    It-Taqsima 10 li ġejja tiżdied wara t-Taqsima 9:

    Taqsima 10

    Sorveljanza fl-ispeċijiet li mhumiex elenkati għall-HPAI

    Is-sorveljanza tal-HPAI trid tinkludi attivitajiet ta’ sorveljanza fl-annimali miżmuma u selvaġġi ta’ speċijiet mhux elenkati meta s-sitwazzjoni epidemjoloġika tindika li dawk l-ispeċijiet jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem.”;

    (2)

    fl-Anness V, fil-Parti IV, fit-Taqsima 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    B’deroga mill-paragrafu 1, l-istat ta’ ħelsien mill-infezzjoni bl-NDV mingħajr tilqim mogħti lil Stat Membru jew lil żona jista’ jinżamm fil-każ ta’ konferma ta’ tifqigħat tal-infezzjoni bl-NDV jekk:

    (a)

    l-awtorità kompetenti tkun innotifikat biss għadd limitat ta’ tifqigħat primarji matul sena kalendarja;

    (b)

    l-awtorità kompetenti tkun ikkonkludiet li kien hemm biss numru limitat ta’ tifqigħat sekondarji marbuta epidemjoloġikament ma’ kull tifqigħa primarja; u

    (c)

    il-miżuri għall-kontroll tal-mard ġew applikati għal durata mhux itwal minn 3 xhur għal kull tifqigħa primarja u tifqigħat sekondarji relatati.”.


    Top