Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1119

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1119 tat-12 ta’ Jannar 2023 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/188

    ĠU L 148, 8.6.2023, p. 29–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1119/oj

    8.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 148/29


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1119

    tat-12 ta’ Jannar 2023

    li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(8) u t-tieni subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Kooperazzjoni effiċjenti u f’waqtha bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti teħtieġ, fi ħdan il-kompetenzi superviżorji rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet, skambju adegwat ta’ informazzjoni bidirezzjonali. Sabiex jiġi appoġġat dan l-objettiv, jenħtieġ li jiġu stabbiliti formoli, mudelli u proċeduri operattivi standard, inkluż l-iskedi ta’ żmien, għall-iskambju ta’ informazzjoni. Peress li l-informazzjoni skambjata għandha tkun f’waqtha u aġġornata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu ħilithom biex jiskambjaw informazzjoni kemm jista’ jkun malajr, mingħajr dewmien żejjed, qabel l-iskadenza ta’ kwalunkwe skadenza massima ta’ rimessa.

    (2)

    Sabiex tiġi żgurata trażmissjoni effiċjenti ta’ informazzjoni lil persuni ta’ kuntatt rilevanti fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu, u regolarment jaġġornaw, listi ta’ persuni ta’ kuntatt.

    (3)

    Sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-superviżjoni tad-ditti tal-investiment fuq bażi transfruntiera, protezzjoni adegwata tal-klijenti u tas-swieq kif ukoll azzjonijiet korrettivi fil-pront, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti jinfurmaw lil xulxin mingħajr dewmien żejjed dwar kwalunkwe sitwazzjoni potenzjali li taffettwa l-istabbiltà finanzjarja jew il-funzjonament ta’ fergħa u jipprovdu l-informazzjoni essenzjali u rilevanti kollha rigward dik is-sitwazzjoni.

    (4)

    Ir-rekwiżiti dwar it-tip u n-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1117 (2). Għalhekk, jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għal tali rekwiżiti ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni jsegwi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-approċċ stabbiliti minn dak ir-Regolament Delegat u jieħu kont tal-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard li diġà huma implimentati permezz ta’ mekkaniżmi oħra bħal dawk stabbiliti f’konformità mal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni.

    (5)

    Il-qafas stabbilit bir-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 jispeċifika r-rekwiżiti għat-tip u n-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata mill-awtoritajiet kompetenti. Filwaqt li dan tal-aħħar jipprovdi l-elementi ewlenin li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, ma għandux l-għan li jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali skambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ kooperazzjoni wiesgħa bejn l-awtoritajiet kompetenti fuq bażi transfruntiera.

    (6)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) f’konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

    (7)

    L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Frekwenza tal-iskambju ta’ informazzjoni

    1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 għandha tkun disponibbli u aġġornata mill-inqas fuq bażi annwali. L-informazzjoni aġġornata għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena jew, mingħajr dewmien żejjed, wara bidla materjali.

    2.   L-informazzjoni rigward kwalunkwe sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti, kif speċifikat fl-Artikoli 3 sa 6 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 u l-applikazzjoni ta’ miżuri superviżorji jew sanzjonijiet amministrattivi oħra jew il-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 għandha tiġi pprovduta mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara d-determinazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, jew l-applikazzjoni tal-miżura superviżorja jew amministrattiva oħra, jew l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva.

    3.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 għandha tkun disponibbli u aġġornata mill-inqas fuq bażi annwali. L-informazzjoni aġġornata għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, abbażi tal-għeluq kontabilistiku mill-31 ta’ Diċembru jew, mingħajr dewmien żejjed, wara bidla materjali.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 3, f’sena kalendarja, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jlestu r-rieżami u l-evalwazzjoni superviżorji għad-ditti tal-investiment imwettqa f’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3 għandha tiġi pprovduta mhux aktar tard minn xahar wara t-tlestija tar-rapport.

    Artikolu 2

    Proċeduri operazzjonali għat-trażmissjoni tal-informazzjoni

    1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom iżommu u jaqsmu mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ospitanti lista ta’ kuntatt aġġornata rigward kull ditta tal-investiment li fiha l-persuni ta’ kuntatt u l-informazzjoni ta’ kuntatt rilevanti, inkluż kuntatti ta’ emerġenza, għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istati Membri ospitanti.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri ospitanti għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bil-persuni ta’ kuntatt u bl-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom u bi kwalunkwe bidla mingħajr dewmien żejjed. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-Istati Membri ospitanti għandhom jirrevedu u jaġġornaw il-lista ta’ kuntatti mill-inqas darba fis-sena.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti għandhom jiskambjaw informazzjoni bil-miktub jew f’forma elettronika u għandhom jindirizzaw l-informazzjoni lill-persuni ta’ kuntatt rilevanti identifikati fil-lista ta’ kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1 sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor minn awtorità kompetenti li titlob l-informazzjoni.

    4.   Meta l-informazzjoni tiġi skambjata f’forma elettronika, għandhom jintużaw kanali siguri ta’ komunikazzjoni sakemm, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 u tar-regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali, l-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu u jirċievu l-informazzjoni jaqblu, fejn xieraq, li jużaw kanali ta’ komunikazzjoni mhux siguri.

    5.   Skont l-urġenza ta’ sitwazzjoni speċifika, meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu identifikaw sejbiet dwar kwalunkwe problema u riskju potenzjali maħluqa minn ditta tal-investiment għall-protezzjoni tal-klijenti jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istat Membru ospitanti jew każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, l-informazzjoni li ġejja tistal-ewwel tiġi pprovduta bil-fomm qabel ma jiġu kkonfermati bil-miktub jew f’forma elettronika:

    (a)

    informazzjoni dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117;

    (b)

    informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri superviżorji jew miżuri oħra amministrattivi;

    (c)

    informazzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi;

    6.   Mal wasla tal-informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonfermaw li rċevewha. Fejn l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta f’forma elettronika permezz ta’ mezz sikur ta’ komunikazzjoni, il-konferma tal-wasla għandha tiġi pprovduta permezz tal-istess mezz. Ma għandhiex tkun meħtieġ konferma tal-wasla fil-każ ta’ informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta bil-fomm jew bl-użu ta’ kanal sikur ta’ komunikazzjoni li tippermetti lill-emittent li jirċievi konferma li r-riċevent ikun irċieva l-informazzjoni.

    7.   Meta kulleġġ ta’ superviżuri jkun ġie stabbilit f’konformità mal-Artikolu 48(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala membri jew parteċipanti oħra f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1118 (5), il-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw. F’tali każijiet, l-informazzjoni għandha tiġi skambjata f’konformità mal-Artikolu 48(6) tad-Direttiva (UE) 2019/2034.

    Artikolu 3

    Formoli standard li għandhom jintużaw għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar ditti tal-investiment li joperaw permezz ta’ fergħa

    1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 għandha tiġi skambjata permezz tal-mudell u l-formola stabbiliti fl-Anness.

    2.   L-informazzjoni u s-sejbiet dwar kwalunkwe problema u riskju potenzjali maħluqa mill-fergħa jew l-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru ospitanti li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tal-klijenti jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fil-forma meqjusa xierqa minn dawk l-awtoritajiet.

    3.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 u l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri superviżorji jew amministrattivi oħra jew sanzjonijiet amministrattivi kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu pprovduti fil-forma meqjusa xierqa mill-awtorità kompetenti li tipprovdi l-informazzjoni.

    Artikolu 4

    Talbiet ta’ informazzjoni dwar fornituri ta’ servizzi transfruntiera

    1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti, li fih ditta tal-investiment twettaq l-attivitajiet tagħha skont il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, li jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jipprovdu l-informazzjoni dwar dawk is-servizzi kif stabbilit bir-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 għandhom:

    (a)

    jipprovdu t-talba għal informazzjoni bil-miktub jew f’forma elettronika lill-persuna ta’ kuntatt rilevanti identifikata fil-lista ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 2(1);

    (b)

    jindikaw żmien raġonevoli sa meta r-rispons huwa mistenni li jkun disponibbli.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju li jirċievu t-talba msemmi fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed u għandhom jagħmlu kull sforz biex iwieġbu saż-żmien indikat fit-talba. Jekk dawk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jwieġbu saż-żmien indikat fit-talba, għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rikjedenti mingħajr dewmien żejjed biż-żmien li fih ser jipprovdu l-informazzjoni.

    Artikolu 5

    Talbiet ad hoc għal informazzjoni

    1.   Kwalunkwe talba oħra ad hoc għal informazzjoni li mhijiex speċifikata skont ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1117 għandha tiġi trażmessa bil-miktub jew f’forma elettronika lill-persuni ta’ kuntatt rilevanti identifikati fil-lista ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Awtoritajiet kompetenti li jagħmlu t-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispjegaw kif l-informazzjoni x’aktarx tiffaċilita s-superviżjoni jew il-monitoraġġ ta’ ditta tal-investiment jew il-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti li jitlobu l-informazzjoni għandhom jindikaw żmien raġonevoli sa meta r-rispons huwa mistenni li jkun disponibbli, filwaqt li titqies in-natura u l-urġenza tat-talba u l-informazzjoni mitluba.

    4.   Awtoritajiet kompetenti li jirċievu talba kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed u għandhom jagħmlu kull sforz biex iwieġbu saż-żmien indikat fit-talba. Jekk dawk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jwieġbu saż-żmien indikat fit-talba, għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rikjedenti mingħajr dewmien żejjed biż-żmien li fih ser jipprovdu l-informazzjoni.

    5.   Jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti li tjirċievu t-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu t-talba kif xieraq.

    Artikolu 6

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1117 tat-12 ta’ Jannar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti għat-tip u n-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti (ara l-paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1118 tat-12 ta’ Jannar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-kulleġġi tas-superviżuri jeżerċitaw il-kompiti tagħhom (ara l-paġna 17 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS

    Mudell għall-iskambju ta’ informazzjoni rigward ditti tal-investiment li għandu jiġi pprovdut mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti li jissorvelja fergħa:

    Awtorità Kompetenti:

    Test liberu

    Isem id-ditta tal-investiment:

    Test liberu

    Data ta’ referenza (JJ/XX/SSSS)

    Data ta’ referenza għall-informazzjoni.

    Data ta’ sottomissjoni (JJ/XX/SSSS):

    Data meta l-informazzjoni qed tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

    Informazzjoni pprovduta fuq bażi kkonsolidata (Iva/Le)

    Jekk jogħġbok niżżel “Iva” jekk l-informazzjoni f’dan il-mudell hija pprovduta fuq bażi kkonsolidata u mhux fil-livell tal-grupp ta’ ditti tal-investiment.

    Persuna ta’ kuntatt fl-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju

    L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ persuna li tipprovdi informazzjoni għal kwalunkwe mistoqsija ta’ segwitu possibbli

    Dikjarazzjoni dwar il-konformità tad-ditta tal-investiment mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/2033, filwaqt li jittieħed kont tal-arranġamenti tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dak ir-Regolament

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Test liberu li jwieġeb il-mistoqsija dwar id-data tar-rappurtar.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Jekk jogħġbok innota li kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti regolatorji minimi u kwalunkwe miżura superviżorja meħuda mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzawhom għandhom jiġu rrappurtati barra dan il-mudell fi skambju regolari ta’ informazzjoni u f’konformità mal-Artikolu 1(2).

    Dikjarazzjoni dwar il-konformità tad-ditta tal-investiment ma’ kwalunkwe rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost f’konformità mal-Artikolu 39(2), punt (a), tad-Direttiva (UE) 2019/2034

    Dikjarazzjoni dwar il-konformità tad-ditta tal-investiment ma’ kwalunkwe gwida dwar fondi proprji addizzjonali imposta f’konformità mal-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2019/2034

    Il-valur tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/2033

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Valur mir-rappurtar superviżorju.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Dikjarazzjoni dwar jekk il-valur ipprovdut fil-linja preċedenti ġiex stabbilit abbażi tal-Artikolu 11(1), punt (a), (b) jew (c) tar-Regolament (UE) 2019/2033

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Test liberu li jipprovdi l-bażi għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Il-valur ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost f’konformità mal-Artikolu 39(2), punt (a), tad-Direttiva (UE) 2019/2034, u r-raġunijiet għall-impożizzjoni

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Valur mir-rappurtar superviżorju.

    Test liberu li jipprovdi r-raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Il-valur ta’ kwalunkwe gwida dwar fondi proprji addizzjonali imposta f’konformità mal-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2019/2034.

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Valur mir-rappurtar superviżorju.

    Test liberu li jipprovdi r-raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ gwida dwar fondi proprji addizzjonali.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Dikjarazzjoni dwar il-konformità tad-ditta tal-investiment mar-rekwiżiti ta’ riskju tal-konċentrazzjoni stabbiliti fil-Parti Erbgħa tar-Regolament (UE) 2019/2033

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Test liberu li jwieġeb il-mistoqsija dwar id-data tar-rappurtar.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Jekk jogħġbok innota li kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti regolatorji minimi u kwalunkwe miżura superviżorja meħuda mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzawhom għandhom jiġu rrappurtati barra dan il-mudell fi skambju regolari ta’ informazzjoni u f’konformità mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament.

    Dikjarazzjoni dwar il-konformità tad-ditta tal-investiment mar-rekwiżiti ta’ likwidità stabbiliti fil-Parti Ħamsa tar-Regolament (UE) 2019/2033, filwaqt li jittieħed kont tal-arranġamenti tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 57(1) ta’ dak ir-Regolament

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Test liberu li jwieġeb il-mistoqsija dwar id-data tar-rappurtar.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Jekk jogħġbok innota li kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti regolatorji minimi u kwalunkwe miżura superviżorja meħuda mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzawhom għandhom jiġu rrappurtati barra dan il-mudell fi skambju regolari ta’ informazzjoni u f’konformità mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament.

    Sommarju tal-valutazzjoni ġenerali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-profil tar-riskju ta’ likwidità ta’ ditta tal-investiment u l-ġestjoni tar-riskju

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Test liberu li jwieġeb il-mistoqsija dwar id-data tar-rappurtar.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Sommarju ta’ kwalunkwe riskju materjali kif żvelat mir-rieżami u l-evalwazzjoni superviżorji mwettqa f’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 jew permezz ta’ kwalunkwe attività superviżorja oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    Test liberu li jwieġeb il-mistoqsija dwar id-data tar-rappurtar.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq

    Informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi skambjata dwar il-ġestjoni u s-sjieda tad-ditta tal-investiment u preparazzjonijiet għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    1.

    L-istruttura organizzattiva attwali (l-organigramma) tad-ditta tal-investiment inkluż il-linji ta’ negozju tagħha u r-relazzjoni tagħha mal-entitajiet fi ħdan il-grupp

    2.

    Dettalji ta’ kuntatt ta’ emerġenza ta’ persuni fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti li huma responsabbli għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u proċeduri ta’ komunikazzjoni li għandhom japplikaw f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq.

    Informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju li jissorveljaw ditti tal-investiment li mhumiex identifikati bħala ditti tal-investiment żgħar u mhux interkonnessi f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/2033

    Referenza ġuridika: L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1117.

    1.

    L-istruttura tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri, inkluż l-allokazzjoni tar-responsabbiltà għas-superviżjoni ta’ fergħa

    2.

    Lista ta’ azzjonisti u membri b’parteċipazzjoni kwalifikatorja

    Jekk ma jkun hemm l-ebda tibdil meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu għal informazzjoni diġà pprovduta jew aġġornament kif xieraq.


    Top