This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D1009
Council Decision (EU) 2023/1009 of 15 May 2023 authorising the opening of negotiations with the Plurinational State of Bolivia for an agreement between the European Union and the Plurinational State of Bolivia on the exchange of personal data between the European Union Agency for Law Enforcement Cooperation (Europol) and the Bolivian authorities competent for fighting serious crime and terrorism
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1009 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet Bolivjani kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1009 tal-15 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet Bolivjani kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
ST/8523/2023/INIT
ĠU L 136, 24.5.2023, p. 61–62
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
24.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 136/61 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1009
tal-15 ta’ Mejju 2023
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet Bolivjani kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16(2) u 88, flimkien mal-Artikoli 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġie adottat fil-11 ta’ Mejju 2016,huwa applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2017 (1), u ġie emendat bir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(2) |
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/794, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ data personali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, jipprevedu li l-Europol tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jagħti prova ta’ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi. |
(3) |
Jinħtieġ li jinfetħu n-negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet Bolivjani kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (‘il-Ftehim’). |
(4) |
Kif imsemmi fil-Premessa 35 tar-Regolament (UE) 2016/794, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tikkonsulta wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) waqt in-negozjati tal-Ftehim u, fi kwalunkwe każ, qabel ma jiġi konkluż il-Ftehim. |
(5) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta. Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(6) |
Jenħtieġ li l-Ftehim ma jaffettwax it-trasferiment tad-data personali jew forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u ma jkunx ta’ preġudizzju għalihom. |
(7) |
L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2016/794 u għalhekk qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(8) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(9) |
L-EDPS ġie kkonsultat dwar din id-Deċiżjoni u l-addendum għaliha u ħareġ opinjoni fit-3 ta’ Mejju 2023, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tiftaħ in-negozjati mal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet Bolivjani kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu.
2. In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni hija b’dan nominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.
Artikolu 3
1. In-negozjati msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Infurzar tal-Liġi – Pulizija (LEWP-Pulizija), soġġett għal kwalunkwe gwida li l-Kunsill jista’ sussegwentement jipprovdi lill-Kummissjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar kemm it-tmexxija kif ukoll l-eżitu tan-negozjati fuq bażi regolari u kull meta tintalab mill-Kunsill, u għandha tibgħatlu d-dokumenti rilevanti kmieni kemm jista’ jkun sabiex il-membri tal-Kunsill ikollhom żmien raġonevoli biex iħejju ruħhom kif xieraq għan-negozjati li ġejjin.
Fejn adatt, jew meta mitlub mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport bil-miktub.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. FORSSMED
(1) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(2) Ir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (ĠU L 169, 27.6.2022, p. 1–).