EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2434

Regolament (UE, Euratom) 2022/2434 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ġenerali ta’ teħid b’self

PE/62/2022/REV/1

ĠU L 319, 13.12.2022, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2434/oj

13.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/1


REGOLAMENT (UE, Euratom) 2022/2434 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ Diċembru 2022

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ġenerali ta’ teħid b’self

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 220 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-“Regolament Finanzjarju”) jistipula li l-Kummissjoni għandha s-setgħa, fl-att bażiku rilevanti, li tissellef f’isem l-Unjoni jew l-Euratom bl-iskop li ssellef l-ammonti korrispondenti lil Stati Membri benefiċjarji jew lil pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet applikabbli għat-teħid b’self. F’dan ir-rigward, il-flussi tal-flus bejn il-fondi mislufa u s-self jitqabblu wieħed ma’ wieħed. Dan ifisser li l-Unjoni trid twettaq operazzjonijiet tas-suq abbażi tal-ħtiġijiet ta’ żborż għal kull każ speċifiku ta’ self, li jillimita l-possibbiltà li jiġu ppjanati b’mod koerenti diversi operazzjonijiet ta’ teħid b’self u li jiġu strutturati maturitajiet biex jinkisbu l-aħjar kostijiet.

(2)

Il-finanzjament ta’ programmi individwali ta’ assistenza finanzjarja permezz ta’ metodi separati ta’ finanzjament joħloq kostijiet u kumplessità billi programmi differenti ta’ assistenza finanzjarja jikkompetu għal għadd limitat ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament. Dan jifframmenta l-provvista tat-titoli ta’ dejn tal-Unjoni u jnaqqas il-likwidità u l-interess tal-investituri fil-programmi separati, minkejja li t-titoli ta’ dejn kollha tal-Unjoni għandhom l-istess kwalità kreditizja għolja. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tiġi organizzata taħt metodu uniku ta’ finanzjament li jsaħħaħ il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.

(3)

Il-ħtieġa ta’ metodu uniku ta’ finanzjament huwa enfasizzat b’mod partikolari fil-kuntest ta’ appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna minħabba l-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti tagħha. L-esperjenza reċenti fil-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-Ukrajna enfasizzat l-iżvantaġġi ta’ approċċ frammentat għall-organizzazzjoni tad-dejn tal-Unjoni. Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni bħala emittent ta’ dejn denominat f’euro, huwa ta’ importanza kbira li l-ħruġ ġdid kollu jiġi organizzat permezz ta’ metodu uniku ta’ finanzjament.

(4)

Il-mudell għal metodu uniku ta’ finanzjament, u l-biċċa l-kbira tal-elementi tal-infrastruttura meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu, diġà ġew stabbiliti fil-forma ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (4). Dik l-istrateġija ppermettiet il-mobilizzazzjoni b’suċċess ta’ fondi għal għotjiet u self skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u għal firxa ta’ programmi oħra tal-Unjoni msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (6). Fid-dawl tal-kumplessità mistennija tal-operazzjonijiet meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti tal-Ukrajna, u biex jiġu antiċipati l-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self futuri possibbli, huwa xieraq li tiġi stabbilita strateġija diversifikata ta’ finanzjament bħala l-metodu uniku ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self.

(5)

L-użu ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata għandu jippermetti l-implimentazzjoni flessibbli tal-programm ta’ finanzjament, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tan-newtralità baġitarja u l-bilanċ baġitarju kif stabbilit fl-Artikolu 310(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li l-kostijiet tal-programm ta’ finanzjament jiġġarrbu kompletament mill-benefiċjarji abbażi ta’ metodoloġija unika għall-allokazzjoni tal-kostijiet li tiżgura l-allokazzjoni trasparenti u proporzjonali tal-kostijiet. Jenħtieġ li obbligi ta’ ripagament jibqgħu tal-benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja, f’konformità mal-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament Finanzjarju.

(6)

L-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata tirrikjedi li jiġi segwit sett uniku ta’ regoli fir-rigward tal-programmi kollha ta’ għoti u teħid b’self li jiddependu fuqha. Għaldaqstant, jenħtieġ li dawn ir-regoli jiżdiedu mar-regoli finanzjarji orizzontali stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE.

(7)

Jenħtieġ li strateġija ta’ finanzjament diversifikata tipprovdi lill-Kummissjoni b’aktar flessibbiltà fir-rigward taż-żmien u l-maturità tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament uniku u tippermetti żborżi regolari u kostanti lil pajjiżi benefiċjarji differenti. Jenħtieġ li tali strateġija tkun ibbażata fuq il-ġbir flimkien ta’ strumenti ta’ finanzjament. Dan jagħti lill-Kummissjoni l-flessibbiltà li torganizza pagamenti lill-benefiċjarji indipendentement mill-kundizzjonijiet tas-suq fiż-żmien tal-iżborż, filwaqt li jnaqqas ir-riskju li l-Kummissjoni jkollha biex tiġbor ammonti fissi f’kundizzjonijiet volatili jew avversi.

(8)

L-għoti ta’ din il-flessibbiltà lill-Kummissjoni jkun jeħtieġ l-istabbiliment ta’ pula komuni ta’ likwidità. Tali funzjoni ta’ likwidità ċentralizzata tagħmel il-kapaċità ta’ finanzjament tal-Unjoni aktar reżiljenti, u kapaċi tiflaħ għad-diskrepanzi temporanji bejn il-flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ kollha, abbażi ta’ kapaċità robusta ta’ tbassir ta’ likwidità.

(9)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta t-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa bl-għan li jkun hemm preżenza regolari fis-suq tal-kapital, li tikseb l-aħjar kostijiet ta’ finanzjament possibbli u li tiffaċilita t-tranżazzjonijiet f’titoli ta’ dejn tal-Unjoni u tal-Euratom.

(10)

Bl-estensjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għal firxa usa’ ta’ programmi, huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha. Jenħtieġ li dawk l-arranġamenti jinkludu qafas ta’ governanza, proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju, u metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet, li jenħtieġ li jirrispettaw l-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament Finanzjarju . Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’mod regolari u komprensiv, tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tagħha tat-teħid b’self u l-ġestjoni ta d-dejn.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Finanzjarju jiġi emendat.

(12)

Fl-interess taċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali fir-rigward tal-assistenza finanzjarja diġà mogħtija u fir-rigward tal-assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) …/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (7), dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-programmi ta’assistenza finanzjarja li l-atti bażiċi tagħha jidħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2022 jew wara.

(13)

Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(14)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 220, jitħassru l-paragrafi 2 u 7;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 220a

Strateġija ta’ finanzjament diversifikata

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta strateġija ta’ finanzjament diversifikata li tinkludi t-teħid b’self awtorizzat skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (*1) u, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ġestjoni tad-dejn biex tiffinanzja programmi ta’ assistenza finanzjarja. L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata għandha tiġi implimentata permezz tat-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa mmirati lejn preżenza regolari fis-suq tal-kapital, għandha tkun ibbażata fuq l-ippuljar ta’ strumenti ta’ finanzjament u għandha tagħmel użu minn pula ta’ likwidità komuni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata. Il-Kummissjoni, b’mod regolari u komprensiv, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tagħha tat-teħid b’self u l-ġestjoni tad-dejn.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).”"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja li għalihom l-atti bażiċi jidħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2022 jew wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)  Opinjoni tat-22 ta’ Novembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2022 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23).

(7)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.


Top