Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0516

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/516 tas-26 ta’ Ottubru 2021 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

    C/2021/7538

    ĠU L 104, 1.4.2022, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/516/oj

    1.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 104/51


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/516

    tas-26 ta’ Ottubru 2021

    li jemenda l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 (1) tal-11 ta’ Ġunju 2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura, u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 jistabbilixxi qafas li jirregola l-prattiki fl-akkwakultura fir-rigward ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evalwat u mnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt possibbli tagħhom u ta’ kwalunkwe speċi assoċjata mhux fil-mira fuq il-ħabitats akkwatiċi.

    (2)

    L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 jelenka l-ispeċijiet li spiss intużaw fl-akkwakultura għal żmien twil f’ċerti partijiet tal-Unjoni u b’hekk jibbenefikaw minn trattament differenzjali li jiffaċilita l-iżvilupp tagħhom mingħajr ebda piż amministrattiv addizzjonali, kif previst fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament.

    (3)

    L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex iżżid speċijiet fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 f’konformità mal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (KE) Nru 708/2007. Ir-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiżdiedu l-ispeċijiet fl-Anness IV huma speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2008 (2).

    (4)

    Il-Greċja talbet li tiżdied l-ispeċi Paġella ħamra, magħrufa wkoll bħala l-Pagru tal-Ġappun (Pagrus major) fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007, skont ir-regoli dettaljati tar-Regolament (KE) Nru 535/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu. Studju ppreżentat mat-talba kkonkluda li din l-ispeċi ilha tintuża fl-akkwakultura Griega għal żmien twil mingħajr ebda effett avvers. Wara l-valutazzjoni ta’ din it-talba, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba hija ġġustifikata u sostanzjata bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

    (5)

    L-emenda għall-Anness IV b’segwitu għat-talba mill-Greċja tipprovdi opportunità biex isiru aġġustamenti fit-terminoloġija użata fl-Anness. L-isem bil-Latin tal-isturjun Russu (Acipenser gueldenstaedtii) ġie miktub ħażin u għandu jiġi sostitwit bl-isem korrett. L-aġġornament tal-isem bil-Latin tal-Karpjun ta’ rasu kbira minn Aristichthys nobilis għal Hypophthalmichthys nobilis huwa wkoll opportun.

    (6)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza, nota f’qiegħ il-paġna miżjuda mal-Anness IV tispjega li l-ibridi tal-ispeċijiet elenkati f’dan l-anness ma jibbenefikawx awtomatikament mit-trattament differenzjali pprovdut lill-ispeċijiet elenkati. Sabiex wieħed jibbenefika minn dak it-trattament, għandha tiġi segwita l-proċedura taż-żieda ta’ speċijiet fl-anness.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Parti A – Ġenerali, tiżdied l-ispeċi li ġejja: Pagrus major, Paġella ħamra, magħrufa wkoll bħala l-Pagru tal-Ġappun.

    (2)

    L-isem bil-Latin tal-ispeċi Acipenser gueldenstaeti huwa sostitwit b’Acipenser gueldenstaedtii.

    (3)

    L-isem bil-Latin tal-ispeċi Aristichthys nobilis huwa sostitwit b’Hypophthalmichthys nobilis.

    (4)

    Tiżdied nota f’qiegħ il-paġna mat-titolu fl-Anness IV bit-test li ġej: “L-ibridi tal-ispeċijiet inklużi f’dan l-Anness ma għandhomx jitqiesu bħala parti minn din il-lista.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2008 tat-13 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 156, 14.6.2008, p. 6).


    Top