EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L2380

Direttiva (UE) 2022/2380 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/44/2022/REV/1

ĠU L 315, 7.12.2022, p. 30–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2380/oj

7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/30


DIRETTIVA (UE) 2022/2380 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Novembru 2022

li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Skont l-Artikolu 3(3), punt (a), ta’ dik id-Direttiva, wieħed mir-rekwiżiti essenzjali li jrid jikkonforma miegħu t-tagħmir tar-radju huwa li dan ikun kompatibbli mal-aċċessorji, b’mod partikolari maċ-ċarġers komuni. F’dak ir-rigward, id-Direttiva 2014/53/UE tindika li l-interoperabbiltà bejn it-tagħmir tar-radju u l-aċċessorji bħaċ-ċarġers tissimplifika l-użu tat-tagħmir tar-radju u tnaqqas l-iskart u l-ispejjeż bla bżonn u li l-iżvilupp ta’ ċarġer komuni għal kategoriji jew klassijiet partikolari ta’ tagħmir tar-radju huwa meħtieġ, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-konsumaturi u utenti finali oħra.

(2)

Mill-2009, saru sforzi fil-livell tal-Unjoni biex tiġi limitata l-frammentazzjoni tal-interfaċċi tas-suq tal-iċċarġjar għall-mowbajls u għal oġġetti simili tat-tagħmir tar-radju. Għalkemm inizjattivi volontarji reċenti żiedu l-livell ta’ konverġenza tal-apparati tal-iċċarġjar, li huma l-parti tal-provvista tal-enerġija esterna taċ-ċarġers, u naqsu l-għadd ta’ soluzzjonijiet ta’ ċċarġjar differenti disponibbli fis-suq, dawk l-inizjattivi ma jissodisfawx bis-sħiħ l-objettivi tal-politika tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-konvenjenza tal-konsumatur, biex jitnaqqas l-iskart elettroniku (e-skart), u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq għall-apparati tal-iċċarġjar.

(3)

L-Unjoni hija impenjata li tagħti spinta lill-użu effiċjenti tar-riżorsi billi timxi lejn ekonomija nadifa u ċirkolari permezz tal-introduzzjoni ta’ inizjattivi bħad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u aktar reċentement permezz tal-introduzzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif stabbilit mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019. Din id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas l-e-skart iġġenerat mill-bejgħ ta’ tagħmir tar-radju u li tnaqqas l-estrazzjoni ta’ materja prima u l-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati mill-produzzjoni, mit-trasport u mir-rimi ta’ ċarġers, u b’hekk tippromwovi ekonomija ċirkolari.

(4)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni, kif stabbilit mill-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Marzu 2020, ippreveda inizjattivi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti, fejn poġġa d-disinn tagħhom fil-mira tiegħu, filwaqt li ppromwova l-proċessi tal-ekonomija ċirkolari, rawwem il-konsum sostenibbli, u mmira li jiġi żgurat li r-riżorsi użati jinżammu fl-ekonomija tal-Unjoni għall-aktar żmien possibbli.

(5)

Il-Kummissjoni lestiet valutazzjoni tal-impatt, li wriet li s-suq intern ma huwiex qed jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu peress li l-frammentazzjoni kontinwa tas-suq għall-interfaċċi tal-iċċarġjar u għall-protokolli ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar għal mowbajls u tagħmir tar-radju simili ieħor qed jirriżulta f’nuqqas ta’ konvenjenza tal-konsumatur u f’żieda fl-e-skart.

(6)

L-interoperabbiltà bejn tagħmir tar-radju u aċċessorji bħal ċarġers hija mxekkla peress li hemm interfaċċi tal-iċċarġjar differenti għal ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju li jużaw iċċarġjar bil-fili bħal mowbajls li jinżammu fl-idejn, tablets, kameras diġitali, kuffji jew headsets, consoles tal-logħob bil-vidjo li jinżammu fl-idejn, speakers portabbli, qarrejja elettroniċi, tastieri, mice, sistemi ta’ navigazzjoni portabbli, earbuds u laptops. Barra minn hekk, hemm diversi tipi ta’ protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar rapidu li għalihom mhux dejjem ikun garantit livell minimu ta’ prestazzjoni. B’riżultat ta’ dan, hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni biex jiġi promoss grad komuni ta’ interoperabbiltà u l-għoti ta’ informazzjoni relatata mal-karatteristiċi tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju lill-konsumaturi u utenti finali oħra. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti xierqa fid-Direttiva 2014/53/UE rigward il-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, l-interfaċċa tal-iċċarġjar, jiġifieri r-reċipjent tal-iċċarġjar, ta’ ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi u utenti finali oħra dwar il-karatteristiċi tal-iċċarġjar ta’ dawk il-kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, bħall-informazzjoni dwar l-enerġija minima u massima meħtieġa biex tiċċarġja t-tagħmir tar-radju. L-enerġija minima jenħtieġ li tesprimi s-somma tal-enerġija meħtieġa mit-tagħmir tar-radju biex jibqa’ jaħdem u l-enerġija minima meħtieġa mill-batterija tiegħu biex tibda tiċċarġja. L-enerġija massima jenħtieġ li tesprimi s-somma tal-enerġija meħtieġa mit-tagħmir tar-radju biex jibqa’ jaħdem u l-enerġija meħtieġa biex tinkiseb il-veloċità massima tal-iċċarġjar.

(7)

In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar jista’ jwassal għal differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet jew il-prattiki amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-interoperabbiltà tal-mowbajls u kategoriji jew klassijiet simili ta’ tagħmir tar-radju bl-apparat tal-iċċarġjar tagħhom, u rigward il-provvista ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar.

(8)

Id-daqs tas-suq intern fil-mowbajls rikarikabbli u kategoriji jew klassijiet simili ta’ tagħmir tar-radju, il-proliferazzjoni ta’ tipi differenti ta’ apparati tal-iċċarġjar għal tali tagħmir tar-radju, in-nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparat tal-iċċarġjar u l-kummerċ transfruntier sinifikanti ta’ dawk il-prodotti jitolbu azzjoni leġiżlattiva aktar b’saħħitha fil-livell tal-Unjoni aktar milli azzjoni fil-livell nazzjonali jew inkella miżuri volontarji, sabiex jinkiseb il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, filwaqt li tiġi żgurata l-konvenjenza tal-konsumatur u jitnaqqas l-iskart ambjentali.

(9)

Għalhekk, huwa meħtieġ li l-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar jiġu armonizzati għal kategoriji jew għal klassijiet speċifiċi ta’ tagħmir tar-radju rikarikabbli permezz ta’ ċċarġjar bil-fili. Jeħtieġ ukoll li tiġi pprovduta l-bażi għall-adattament għal kwalunkwe progress xjentifiku u teknoloġiku futur jew żviluppi tas-suq, li ser jiġu mmonitorjati kontinwament mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-introduzzjoni tal-armonizzazzjoni tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u tal-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar jenħtieġ li fil-futur titqies ukoll fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor għajr l-iċċarġjar bil-fili inkluż l-iċċarġjar permezz tal-mewġ tar-radju (iċċarġjar mingħajr fili). Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ kategoriji jew klassijiet addizzjonali ta’ tagħmir tar-radju li jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili jenħtieġ li tiġi kkunsidrata b’mod sistematiku fil-kuntest tal-adattament futur tas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar armonizzati, dment li l-integrazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar armonizzati għal tali kategoriji jew klassijiet addizzjonali ta’ tagħmir tar-radju tkun teknikament fattibbli. L-armonizzazzjoni jenħtieġ li tindirizza l-objettivi li tiġi żgurata l-konvenjenza tal-konsumatur, jitnaqqas l-iskart ambjentali, u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq fost interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar differenti kif ukoll fost kwalunkwe inizjattiva fil-livell nazzjonali, li tista’ tikkawża ostakli għall-kummerċ fis-suq intern. L-adattament futur tal-armonizzazzjoni tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokoll tal-komunikazzjoni tal–iċċarġjar jenħtieġ li jkompli jindirizza dawk l-objettivi billi jiżgura li jinkorpora l-aktar soluzzjonijiet tekniċi xierqa għall-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għal kwalunkwe mezz ta’ ċċarġjar. Is-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar armonizzati jenħtieġ li jirriflettu l-aktar kombinazzjoni xierqa li jiksbu l-aċċettazzjoni tas-suq kif ukoll li jilħqu l-objettivi li tiġi żgurata l-konvenjenza tal-konsumatur, li jitnaqqas l-iskart ambjentali, u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq. L-istandards tekniċi rilevanti li jissodisfaw dawk l-objettivi u li ġew żviluppati fil-livell Ewropew jew internazzjonali jenħtieġ li jintużaw primarjament għall-għażla ta’ tali soluzzjonijiet tal-iċċarġjar. F’każijiet eċċezzjonali fejn ikun hemm il-ħtieġa li tiġi introdotta, miżjuda jew modifikata speċifikazzjoni teknika eżistenti fin-nuqqas ta’ standards Ewropej jew internazzjonali disponibbli pubblikament li jissodisfaw dawk l-objettivi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi oħra, dment li dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jkunu ġew żviluppati f’konformità mal-kriterji ta’ ftuħ, kunsens u trasparenza, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ newtralità u stabbiltà, kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-partijiet ikkonċernati settorjali rilevanti kollha rrappreżentati fil-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar it-Tagħmir tar-Radju jeħtieġ li jkunu involuti fil-proċess matul l-adattament tas-soluzzjonijiet armonizzati tal-iċċarġjar.

(10)

Madankollu, armonizzazzjoni bħal din ma tkunx kompluta, jekk ma tkunx ikkombinata ma’ rekwiżiti dwar il-bejgħ ikkombinat ta’ tagħmir tar-radju u ċ-ċarġers tiegħu, u rigward l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi u utenti finali oħra. Frammentazzjoni tal-approċċi fost l-Istati Membri fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kategoriji jew tal-klassijiet tat-tagħmir tar-radju kkonċernat u l-apparat tal-iċċarġjar tagħhom tfixkel il-kummerċ transfruntier f’dawk il-prodotti, pereżempju billi tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jippakkjaw mill-ġdid il-prodotti tagħhom skont l-Istat Membru, li fih għandhom jiġu fornuti l-prodotti. Dak min-naħa tiegħu jirriżulta f’aktar inkonvenjent għall-konsumaturi u jiġġenera e-skart bla bżonn u b’hekk jikkumpensa għall-benefiċċji li jirriżultaw mill-armonizzazzjoni tal-interfaċċa tal-iċċarġjar u l-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu imposti rekwiżiti biex jiġi żgurat li l-konsumaturi u utenti finali oħra ma jkunux obbligati jixtru apparat ġdid għall-iċċarġjar kull darba li jixtru mowbajl ġdid jew oġġett simili ta’ tagħmir tar-radju. Is-separazzjoni tal-bejgħ tal-apparati tal-iċċarġjar mill-bejgħ tat-tagħmir tar-radju tipprovdi għażliet sostenibbli, disponibbli, attraenti u konvenjenti għall-konsumaturi u utenti finali oħra. Abbażi tal-esperjenza tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti, ix-xejriet emerġenti tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra estensjoni tar-rekwiżit relatat mal-provvista tal-apparat tal-iċċarġjar flimkien mat-tagħmir tar-radju għall-kejbils u/jew l-introduzzjoni ta’ separazzjoni obbligatorja sabiex jiġi żgurat li jitwettqu bl-aktar mod effettiv l-objettivi tal-iżgurar tal-konvenjenza tal-konsumatur u tat-tnaqqis tal-iskart ambjentali. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-konsumaturi u utenti finali oħra jenħtieġ li jirċievu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-karatteristiċi tal-iċċarġjar meta jixtru mowbajl jew oġġett simili ta’ tagħmir tar-radju. Pittogramma ddedikata tippermetti lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra jiddeterminaw jekk apparat tal-iċċarġjar huwiex inkluż mat-tagħmir tar-radju jew le qabel dan jinxtara. Il-pittogramma jenħtieġ li tintwera fil-każ tal-forom kollha ta’ provvista, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod.

(11)

Huwa teknikament fattibbli li l-USB tat-Tip-C jiġi definit bħala r-reċipjent tal-iċċarġjar komuni għall-kategoriji jew għall-klassijiet rilevanti tat-tagħmir tar-radju, b’mod partikolari minħabba li huma diġà kapaċi jintegraw tali reċipjent. It-teknoloġija tal-USB tat-Tip-C, li tintuża globalment, ġiet adottata fil-livell tal-istandardizzazzjoni internazzjonali u ġiet trasposta fis-sistema Ewropea mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) skont is-serje tal-Istandard Ewropew EN IEC 62680-1-3:2021 Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku - Parti 1-3: Komponenti komuni - Speċifikazzjoni tal-Kejbil u tal-Konnettur tal-USB tat-Tip-C®’.

(12)

Il-USB tat-Tip-C hija teknoloġija li diġà hija komuni għal ħafna kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju peress li tipprovdi ċċarġjar u trasferiment tad-data ta’ kwalità għolja. Ir-reċipjent tal-iċċarġjar tal-USB tat-Tip-C, meta kkombinat mal-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar tal-Kunsinna tal-Enerġija tal-USB, ikun kapaċi jipprovdi sa 100 Watt ta’ enerġija u għalhekk iħalli biżżejjed spazju għal aktar żvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ ċċarġjar rapidu, filwaqt li jippermetti wkoll lis-suq jipprovdi għal apparati ta’ livell baxx li ma jeħtiġux iċċarġjar rapidu. Il-mowbajls u tagħmir tar-radju simili li jappoġġaw l-iċċarġjar rapidu jistgħu jinkorporaw il-karatteristiċi tat-Twassil tal-Enerġija tal-USB kif deskritti fl-Istandard Ewropew EN IEC 62680-1-2:2021 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku – Parti 1-2: Komponenti komuni - Speċifikazzjoni tat-Twassil tal-Enerġija bil-USB”. L-ispeċifikazzjonijiet tal-USB huma soġġetti għal żvilupp kontinwu. F’dan ir-rigward, il-Forum tal-Implimentaturi tal-USB żviluppa verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tat-Twassil tal-Enerġija bil-USB, li tippermetti li jiġu appoġġati potenzi sa 240 Watt. Saru wkoll adattamenti għall-ispeċifikazzjoni USB tat-Tip C, li ser jestendu r-rekwiżiti għall-konnetturi u l-kejbils biex jakkomodaw potenzi sa 240 Watt. Dan ser jippermetti li t-tagħmir tar-radju li jeħtieġ tali livelli ta’ potenza jiġi kkunsidrat għal inklużjoni potenzjali fil-lista ta’ tagħmir tar-radju kopert minn din id-Direttiva.

(13)

Fir-rigward tal-iċċarġjar b’mezzi oħrajn għajr l-iċċarġjar bil-fili, jistgħu jiġu żviluppati soluzzjonijiet diverġenti fil-futur, li jista’ jkollhom impatti negattivi fuq l-interoperabbiltà, fuq il-konvenjenza tal-konsumatur u fuq l-ambjent. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġu imposti rekwiżiti speċifiċi fuq tali soluzzjonijiet f’dan l-istadju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu azzjoni lejn il-promozzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ tali soluzzjonijiet biex tevita l-frammentazzjoni futura tas-suq intern.

(14)

Id-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar. Il-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju koperti speċifikament mid-dispożizzjonijiet il-ġodda jenħtieġ li jiġu spjegati aktar fid-dettall f’anness ġdid għal dik id-Direttiva. F’dawk il-kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, huwa kkonċernat biss tagħmir tar-radju b’batterija rikarikabbli inkorporata jew li tista’ titneħħa. Fir-rigward tal-kameras diġitali, it-tagħmir tar-radju kkonċernat huwa kwalunkwe kamera tar-ritratti diġitali u tal-vidjo inkluż kameras tal-azzjoni. Il-kameras diġitali ddisinjati esklużivament għas-settur awdjoviżiv jew għas-settur tas-sigurtà u s-sorveljanza jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jintegraw is-soluzzjoni armonizzata tal-iċċarġjar. Fir-rigward tal-earbuds, it-tagħmir tar-radju interessat jitqies flimkien mal-kaxxetta jew il-kaxxa tal-iċċarġjar iddedikati tiegħu, peress li l-earbuds rarament jew qatt ma jiġu dissoċjati mill-kaxxetta jew il-kaxxa tal-iċċarġjar tagħhom minħabba d-daqs u l-forma speċifiċi tagħhom. Il-kaxxetta jew il-kaxxa tal-iċċarġjar għal dak it-tip speċifiku ta’ tagħmir tar-radju ma jitqiesx bħala parti mill-apparat tal-iċċarġjar. Fir-rigward tal-laptops, it-tagħmir tar-radju kkonċernat huwa kwalunkwe kompjuter li huwa portabbli, inkluż laptops, notebooks, ultraportables, ibridi jew convertibles u netbooks.

(15)

Id-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li tiġi emendata wkoll sabiex jiġu introdotti rekwiżiti fir-rigward tal-provvista ta’ ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparati tal-iċċarġjar. Il-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet relatati mas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar, jenħtieġ li jiġu speċifikati f’anness ġdid għal dik id-Direttiva.

(16)

Id-Direttiva 2014/53/UE tipprevedi li l-informazzjoni tiġi inkluża fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw it-tagħmir tar-radju u, għalhekk, jenħtieġ li jiddaħħlu rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali fl-artikolu rilevanti ta’ dik id-Direttiva. Il-kontenut tar-rekwiżiti l-ġodda jenħtieġ li jiġi speċifikat fl-anness il-ġdid għal dik id-Direttiva. Ċertu informazzjoni jenħtieġ li tingħata fil-format viżivi għall-forom kollha ta’ provvista, inkluż permezz tal-bejgħ mill-bogħod. Tikketta ddedikata li tindika l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u l-apparati tal-iċċarġjar kompatibbli tippermetti lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra jiddeterminaw l-aktar apparat tal-iċċarġjar xieraq meħtieġ biex jiċċarġjaw it-tagħmir tar-radju tagħhom. Sabiex jiġi pprovdut sors ta’ referenza utli matul iċ-ċiklu tal-ħajja tat-tagħmir tar-radju, jenħtieġ li tiġi inkluża wkoll l-informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u l-apparati tal-iċċarġjar kompatibbli fl-istruzzjonijiet u fl-informazzjoni dwar is-sikurezza li jakkumpanjaw it-tagħmir tar-radju. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jiġu adattati fil-futur sabiex tiġi riflessa kwalunkwe bidla fir-rekwiżiti tat-tikkettar, b’mod partikolari għall-apparati tal-iċċarġjar, li tista’ tiġi introdotta skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, jenħtieġ li jirriflettu l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet armonizzati tal-iċċarġjar u jenħtieġ li jiġu adattati kif xieraq. F’dak il-kuntest, tista’ tiġi kkunsidrata wkoll l-inklużjoni ta’ sistema ta’ kodiċijiet tal-kulur.

(17)

Meta jitqies li l-importaturi u d-distributuri jistgħu wkoll ifornu tagħmir tar-radju direttament lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal obbligi identiċi għal dawk applikabbli għall-manifatturi fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta jew murija. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi kollha jkunu meħtieġa jissodisfaw l-obbligu fir-rigward tal-pittogramma li tindika jekk apparat tal-iċċarġjar huwiex inkluż mat-tagħmir tar-radju jew le meta jagħmlu t-tagħmir tar-radju disponibbli lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra, L-importaturi u d-distributuri jistgħu joffru pakketti, li jinkludu t-tagħmir tar-radju u l-apparat tal-iċċarġjar tiegħu, anki meta tali tagħmir tar-radju jiġi fornut mingħajr apparat tal-iċċarġjar mill-manifattur, dment li l-importaturi u d-distributuri joffru wkoll lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra l-possibbiltà li jakkwistaw it-tagħmir tar-radju mingħajr ebda apparat tal-iċċarġjar.

(18)

Id-Direttiva 2014/53/UE tistabbilixxi l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ li din tiġi emendata sabiex jiżdiedu referenzi għal rekwiżiti essenzjali ġodda. Il-manifatturi jenħtieġ li għaldaqstant ikollhom l-għażla li jużaw proċedura ta’ kontroll tal-produzzjoni intern sabiex juru l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali l-ġodda.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq ikollhom il-mezzi proċedurali biex jinfurzaw il-konformità mar-rekwiżiti l-ġodda rigward l-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar armonizzati kif ukoll dawk rigward il-provvista tat-tagħmir tar-radju soġġett għal tali armonizzazzjoni, lid-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li jiġu adattati skont dan. B’mod partikolari, jenħtieġ li tiġi inkluża referenza espliċita għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali, li jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u mal-apparati tal-iċċarġjar kompatibbli. Meta jitqies li dawk id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma rigward l-aspetti tal-interoperabbiltà, l-objettiv huwa li jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti dwar jekk il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 2014/53/UE tistax tiġi attivata wkoll fir-rigward tat-tagħmir tar-radju, li ma jippreżentax riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew għal aspetti oħra tal-protezzjoni tal-interess pubbliku.

(20)

Id-Direttiva 2014/53/UE tistabilixxi l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità formali. Peress li din id-Direttiva tintroduċi rekwiżiti ġodda applikabbli għal ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, id-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tippermetti l-infurzar effettiv mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq tal-konformità mar-rekwiżiti l-ġodda.

(21)

Id-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ ukoll li tiġi emendata sabiex jiġu aġġustati r-referenzi li jinsabu fiha għar-rekwiżiti l-ġodda introdotti b’din id-Direttiva.

(22)

Huwa neċessarju li tiġi żgurata l-interoperabbiltà komuni minima bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparat tal-iċċarġjar għal tali tagħmir tar-radju u biex jiġi indirizzat kwalunkwe żvilupp futur tas-suq, bħall-introduzzjoni ta’ kategoriji jew klassijiet ġodda ta’ tagħmir tar-radju li fir-rigward tagħhom iseħħ grad sinifikanti ta’ frammentazzjoni tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, u kwalunkwe żvilupp fit-teknoloġija tal-iċċarġjar. Huwa neċessarju wkoll li jiġu riflessi emendi futuri għar-rekwiżiti tat-tikkettar, bħal dawk għall-apparati u l-kejbils tal-iċċarġjar, jew progress teknoloġiku ieħor. Is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ għalhekk li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-kategoriji jew tal-klassijiet tat-tagħmir tar-radju u l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għal kull wieħed u waħda minnhom u fir-rigward tal-emendar tar-rekwiżiti tal-informazzjoni rigward l-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(23)

Għalhekk, id-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(24)

L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jipproċedu bl-adattamenti meħtieġa għat-tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li huma għandhom l-intenzjoni li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/53/UE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

tagħmir tar-radju jkun kompatibbli mal-aċċessorji għajr l-apparati tal-iċċarġjar għall-kategoriji jew il-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, speċifikati fil- Parti I tal-Anness Ia, li huma speċifikament imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;”

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   It-tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kategoriji jew fil-klassijiet speċifikati fil-Parti 1 tal-Anness Ia, għandu jinbena b’tali mod li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar stipulati f’dak l-Anness għall-kategorija jew għall-klassi rilevanti ta’ tagħmir tar-radju.

Fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 biex temenda l-Parti I tal-Anness Ia fid-dawl tal-progress xjentifiku u teknoloġiku jew żviluppi tas-suq, sabiex tiżgura interoperabbiltà komuni minima bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparati tal-iċċarġjar tiegħu, kif ukoll biex ittejjeb il-konvenjenza tal-konsumatur, biex tnaqqas l-iskart ambjentali u biex tevita l-frammentazzjoni tas-suq, billi:

(a)

timmodifika, iżżid jew tneħħi kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju;

(b)

timmodifika, iżżid jew tneħħi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inkluż ir-referenzi u d-deskrizzjonijiet, fir-rigward tar-reċipjent(i) tal-iċċarġjar u l-protokoll(i) tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, għal kull kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kontinwament l-iżviluppi tas-suq, il-frammentazzjoni tas-suq u l-progress teknoloġiku bil-ħsieb li jiġu identifikati kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili li l-inklużjoni tagħhom fil-Parti I tal-Anness Ia twassal għal konvenjenza sinifikanti tal-konsumatur u tnaqqis tal-iskart ambjentali.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar il- valutazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, għall-ewwel darba sat-28 ta’ Diċembru 2025 u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, u għandha tadotta atti delegati skont it-tieni subparagrafu, il-punt (a), kif xieraq.

Fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ mezzi li ma humiex l-iċċarġjar bil-fili, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 biex temenda l-Parti I tal-Anness Ia fid-dawl tal-progress xjentifiku u teknoloġiku jew żviluppi tas-suq sabiex tiżgura l-interoperabbiltà komuni minima bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparati tal-iċċarġjar tiegħu, kif ukoll biex ittejjeb il-konvenjenza tal-konsumatur, biex tnaqqas l-iskart ambjentali u biex tevita l-frammentazzjoni tas-suq billi:

(a)

tintroduċi, timmodifika, iżżid jew tneħħi kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju;

(b)

tintroduċi, timmodifika, iżżid jew tneħħi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inkluż ir-referenzi u d-deskrizzjonijiet, fir-rigward tal-interfaċċa/i tal-iċċarġjar u tal-protokoll(i) tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, għal kull kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha, f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u sat-28 ta’ Diċembru 2024, titlob organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar biex tabbozza standards armonizzati li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interfaċċa/i tal-iċċarġjar u għall-protokoll(i) tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ mezzi oħra għajr l-iċċarġjar bil-fili. F’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 45(1) ta’ din id-Direttiva. Ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tal-istandards armonizzati mitluba għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni, li għandha titwettaq mill-Kummissjoni, dwar l-istatus attwali tat-teknoloġiji tal-iċċarġjar mingħajr fili għat-tagħmir tar-radju, li tkopri b’mod partikolari l-iżviluppi tas-suq, il-penetrazzjoni tas-suq, il-frammentazzjoni tas-suq, il-prestazzjoni teknoloġika, l-interoperabbiltà, l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-iċċarġjar.

Meta tħejji l-atti delegati msemmija f’dan l-Artikolu fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili kif ukoll fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ mezzi oħra għajr l-iċċarġjar bil-fili, il-Kummissjoni għandha tqis il-grad ta’ aċċettazzjoni tas-suq tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jkunu qed jiġu kkunsidrati, il-konvenjenza tal-konsumatur li tirriżulta u l-livell ta’ tnaqqis tal-iskart ambjentali u frammentazzjoni tas-suq li jista’ jkunu mistennija minn tali speċifikazzjonijiet tekniċi. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li huma bbażati fuq standards Ewropej jew internazzjonali rilevanti disponibbli għandhom jitqiesu li jissodisfaw l-objettivi stabbiliti fis-sentenza preċedenti. Madankollu, fejn tali standards Ewropej jew internazzjonali ma jeżistux, jew fejn il-Kummissjoni tiddetermina, abbażi ta’ valutazzjoni teknika, li dawn ma jilħqux dawk l-objettivi bl-aħjar mod, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi oħra li jissodisfaw aħjar dawk l-objettivi.”

;

(2)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Il-possibbiltà għall-konsumaturi u għal utenti finali oħra li jakkwistaw ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar

1.

Meta operatur ekonomiku joffri lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra l-possibbiltà li jakkwistaw it-tagħmir tar-radju msemmi fl-Artikolu 3(4) flimkien ma’ apparat tal-iċċarġjar, l-operatur ekonomiku għandu joffri wkoll lill-konsumaturi u utenti finali oħra l-possibbiltà li jakkwistaw dak it-tagħmir tar-radju mingħajr ebda apparat tal-iċċarġjar.

2.

L-operaturi ekonomiċi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar jekk apparat tal-iċċarġjar huwiex inkluż jew le mat-tagħmir tar-radju msemmi fl-Artikolu 3(4) tintwera f’forma grafika bl-użu ta’ pittogramma faċli għall-utent u faċilment aċċessibbli kif stabbilit Parti III tal-Anness Ia, meta tali tagħmir tar-radju jkun disponibbli għall-konsumaturi u utenti finali oħra. Il-pittogramma għandha tiġi stampata fuq l-imballaġġ jew titwaħħal mal-imballaġġ bħala sticker. Meta t-tagħmir tar-radju jkun disponibbli għall-konsumaturi u utenti finali oħra, il-pittogramma għandha tintwera b’mod viżibbli u leġġibbli u, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, qrib l-indikazzjoni tal-prezz.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex temenda Parti III tal-Anness Ia„ bħala konsegwenza tal-emendi tal-Partijiet I u II ta’ dak l-Anness, jew bħala komsegwenza ta’ emendi futuri għar-rekwiżiti tat-tikkettar, jew fid-dawl tal-progress teknoloġiku, billi tintroduċi, timmodifika, iżżid jew tneħħi kwalunkwe element grafiku jew testwali.”

;

(3)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju jkun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza. L-istruzzjonijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa għall-użu tat-tagħmir tar-radju skont l-użu intiż tiegħu. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u il-komponenti, inkluż is-software, li jippermettu lit-tagħmir tar-radju jopera kif intiż. Tali struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza, kif ukoll kull tip ta’ tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u jintgħarfu.

Għandha tingħata wkoll l-informazzjoni li ġejja f’każ ta’ tagħmir tar-radju li intenzjonalment jibgħat mewġ tar-radju:

(a)

il-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju;

(b)

il-potenza massima tal-frekwenza tar-radju trażmessa fil-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju.

Fil-każ ta’ tagħmir tar-radju msemmi fl-Artikolu 3(4), l-istruzzjonijiet għandu jkollhom informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u l-apparati tal-iċċarġjar kompatibbli tat-tagħmir tar-radju, kif stabbilit fil-Parti II tal-Anness Ia,. Minbarra li tkun inkluża fl-istruzzjonijiet, meta l-manifatturi jagħmlu tali tagħmir tar-radju disponibbli għall-konsumaturi u utenti finali oħra, l-informazzjoni għandha tintwera wkoll fuq tikketta, kif stipulat fil-Parti IV tal-Anness Ia. It-tikketta għandha tiġi stampata fl-istruzzjonijiet u fuq l-imballaġġ jew titwaħħal fuq l-imballaġġ bħala sticker. Fin-nuqqas ta’ imballaġġ, l-isticker bit-tikketta għandha titwaħħal fuq it-tagħmir tar-radju. Meta t-tagħmir tar-radju jkun disponibbli għall-konsumaturi u utenti finali oħra, it-tikketta għandha tintwera b’mod viżibbli u leġġibbli u, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, qrib l-indikazzjoni tal-prezz. Meta d-daqs jew in-natura tat-tagħmir tar-radju ma jippermettux mod ieħor, it-tikketta tista’ tiġi stampata bħala dokument separat li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju.

L-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza msemmija fl-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragarfu għandhom ikunu b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex temenda l-Partijiet II u IV tal-Anness Ia, bħala konsegwenza tal-emendi tal-Parti I ta’ dak l-Anness, jew ta’ emendi futuri għar-rekwiżiti tat-tikkettar, jew fid-dawl tal-progress teknoloġiku, billi tintroduċi, timmodifika, iżżid jew tneħħi kwalunkwe dettall fir-rigward tal-informazzjoni, elementi grafiċi jew testwali kif stabbilit f’dan l-Artiklu.”

;

(4)

fl-Artikolu 12(4), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Meta jagħmlu t-tagħmir tar-radju msemmi fl-Artikolu 3(4) disponibbli għall-konsumaturi u utenti finali oħra, l-importaturi għandhom jiżguraw li:

(a)

tali tagħmir tar-radju juri, jew jiġi fornut, b’tikketta f’konformità mal-Artikolu 10(8), it-tielet subparagrafu;

(b)

dik it-tikketta tintwera b’mod viżibbli u leġġibbli u, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, qrib l-indikazzjoni tal-prezz.”

;

(5)

fl-Artikolu 13(2), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Meta jagħmlu t-tagħmir tar-radju msemmi fl-Artikolu 3(4) disponibbli għall-konsumaturi u utenti finali oħra, id-distributuri għandhom jiżguraw li:

(a)

tali tagħmir tar-radju juri, jew jiġi fornut, b’tikketta f’konformità mal-Artikolu 10(8), it-tielet subparagrafu;

(b)

dik it-tikketta tintwera b’mod viżibbli u leġġibbli u, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, qrib l-indikazzjoni tal-prezz.”

;

(6)

fl-Artikolu 17(2), parti introduttorja, il-kliem “fl-Artikolu 3(1)” huma sostitwiti bil-kliem “fl-Artikolu 3(1) u (4)”;

(7)

L-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Proċedura fil-livell nazzjonali għat-trattament ta’ tagħmir tar-radju li jippreżenta riskju jew li ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali”

;

(b)

il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru ikollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li t-tagħmir tar-radju kopert minn din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni jew għal aspetti oħra ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku koperti mid-Direttiva, jew li ma jikkonformax ma’ mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti essenzjali applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 3, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mat-tagħmir tar-radju kkonċernat li tkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għal dak l-iskop.”

;

(8)

fl-Artikolu 43, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti li ġejjin jiddaħħlu wara l-punt (f):

“(fa)

il-pittogramma kif imsemmija fl-Artikolu 3a(2), jew it-tikketta kif imsemmija fl-Artikolu 10(8), ma tfasslitx b’mod korrett;

(fb)

it-tikketta kif imsemmija fl-Artikolu 10(8) ma takkumpanjax it-tagħmir tar-radju kkonċernat;

(fc)

il-pittogramma jew it-tikketta ma tkunx imwaħħla jew murija f’konformità mal-Artikolu 3a(2) jew l-Artikolu 10(8) rispettivament;”

;

(b)

il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(8), id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 10(9) jew l-informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-użu, msemmija fl-Artikolu 10(10), ma takkumpanjax it-tagħmir tar-radju;”

;

(c)

il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

ma hemmx konformità mal-Artikolu 3a(1) jew l-Artikolu 5.”

;

(9)

L-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, is-sentenza li ġejja tiddaħħal wara l-ewwel sentenza:

“Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 3a (2) it-tieni subparagrafu u fl-Artikolu 10(8), il-ħames subparagrafu, għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-27 ta’ Diċembru 2022”

;

(b)

fil-paragrafu 3 l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 3a(2), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 10(8), il-ħames subparagrafu, tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*1).

(*1)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan l li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 3a(2), it-tieni subparagraph, l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(2) jewl-Artikolu 10(8), il-ħames subparagrafu, għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill jinformaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

;

(10)

fl-Artikolu 47, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Sat-28 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-impatt tal-possibbiltà li jinxtara tagħmir tar-radju mingħajr ebda apparat tal-iċċarġjar u mingħajr kejbils, b’mod partikolari fir-rigward tal-konvenjenza tal-konsumatur, it-tnaqqis tal-iskart ambjentali, il-bidliet fl-imġiba u l-iżvilupp tal-prattiki tas-suq. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva biex tiġi emendata din id-Direttiva biex tiġi introdotta separazzjoni obbligatorja tal-bejgħ tal-apparati u l-kejbils tal-iċċarġjar mill-bejgħ tat-tagħmir tar-radju.”

;

(11)

it-test stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva jiddaħħal bħala Anness Ia.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta’ Diċembru 2023, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih it-testi ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-28 ta’ Diċembru 2024 għall-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju msemmija, fil-Parti I, punti 1.1. sa 1.12, tal-Anness Ia, u mit-28 ta’ April 2026 għall-kategoriji jew għall-klassijiet tat-tagħmir tar-radju msemmija, fil-Parti I, punt 1.13, tal-Anness Ia.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strausburgu, it-23 ta’ Novembru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 82.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2022.

(3)  Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(4)  Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(5)  Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(6)  Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ANNESS

“ANNESS Ia

SPEĊIFIKAZZJONIJIET U INFORMAZZJONI RELATATI MAL-IĊĊARĠJAR APPLIKABBLI GĦAL ĊERTI KATEGORIJI JEW KLASSIJIET TA’ TAGĦMIR TAR-RADJU

PARTI I

Speċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar

1.

Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 u 3 ta’ din il-Parti taħt għandhom japplikaw għall-kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju li ġejjin:

1.1.

mowbajls li jinżammu fl-idejn;

1.2.

tablets;

1.3.

kameras diġitali;

1.4.

kuffji;

1.5.

headsets;

1.6.

consoles tal-logħob bil-vidjo li jinżammu fl-idejn;

1.7.

Speakers portabbli;

1.8.

qarrejja elettroniċi;

1.9.

tastieri;

1.10.

mice;

1.11.

sistemi ta’ navigazzjoni portabbli;

1.12.

earbuds;

1.13.

laptops.

2.

Sa fejn ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, il-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju msemmija fil-punt 1 ta’ din il-Parti għandhom:

2.1.

ikunu mgħammra bir-reċipjent USB tat-Tip-C, kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-3:2021 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku - Parti 1-3: Jenħtieġ li l-komponenti komuni - “Speċifikazzjoni tal-Kejbils u l-Konnetturi USB tat-Tip-C®", u dak ir-reċipjent għandu jibqa’ aċċessibbli u operattivi l-ħin kollu;

2.2.

ikunu kapaċi li jiġu ċċarġjati b’kejbils li jikkonformaw mal-istandard EN IEC 62680-1-3:2021 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-enerġija - Parti 1-3: Komponenti komuni - Speċifikazzjoni tal-Kejbils u l-Konnetturi USB tat-Tip-C®”.

3.

Sa fejn ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili b’vultaġġi ogħla minn 5 Volts, kurrenti ogħla minn 3 Amperes jew enerġija ogħla minn 15-il Watt, il-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju msemmija fil-punt 1 ta’ din il-Parti għandhom:

3.1.

jinkorporaw it-Twassil tal-Enerġija bil-USB, kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-2:2021 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku - Parti 1-2: Komponenti komuni - Speċifikazzjoni tat-Twassil tal-Enerġija bil-USB”;

3.2.

jiżguraw li kwalunkwe protokoll addizzjonali tal-iċċarġjar jippermetti l-funzjonalità sħiħa tal-Konsenja tal-Potenza USB imsemmija fil-punt 3.1., irrispettivament mill-apparat tal-iċċarġjar użat.

PARTI II

Informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u l-apparati tal-iċċarġjar kompatibbli

Fil-każ ta’ tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(4), l-ewwel subparagrafu, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi indikata f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(8), u tista’ ssir disponibbli wkoll permezz ta’ kodiċijiet QR jew soluzzjonijiet elettroniċi simili:

(a)

fil-każ tal-kategoriji jew il-klassijiet kollha ta’ tagħmir tar-radju li huma soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti I, deskrizzjoni tar-rekwiżiti tal-enerġija tal-apparati tal-iċċarġjar bil-fili li jistgħu jintużaw ma’ dak it-tagħmir tar-radju, inkluż l-enerġija minima meħtieġa biex jiġi ċċarġjat it-tagħmir tar-radju, u l-enerġija massima meħtieġa biex it-tagħmir tar-radju jiġi ċċarġjat bil-veloċità massima tal-iċċarġjar espressa f’Watts billi jintwera t-test: "il-potenza mwassla miċ-ċarġer trid tkun bejn minimu [xx] Watts meħtieġa mit-tagħmir tar-radju, u massimu [yy] Watts biex tinkiseb il-veloċità massima tal-iċċarġjar”. In-numru ta’ Watts għandu rispettivament jesprimi l-enerġija minima meħtieġa mit-tagħmir tar-radju, u l-enerġija massima meħtieġa mit-tagħmir tar-radju biex tinkiseb il-veloċità massima tal-iċċarġjar;

(b)

fil-każ ta’ tagħmir tar-radju li huwa soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3 tal-Parti I deskrizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju, sa fejn dan ikun jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz tal-iċċarġjar bil-fili b’vultaġġi ogħla minn 5 Volts jew kurrenti ogħla minn 3 amperes jew qawwa ogħla minn 15-il Watt, inkluża indikazzjoni li t-tagħmir tar-radju jappoġġa l-protokoll tal-iċċarġjar tat-Twassil tal-Enerġija bil-USB billi juri t-test “USB PD fast charging” [“USB PD iċċarġjar rapidu”] u indikazzjoni ta’ kwalunkwe protokoll ieħor tal-iċċarġjar appoġġat billi juri ismu f’format testwali.

PARTI III

Pittogramma li tindika jekk l-apparat tal-iċċarġjar huwiex inkluż flimkien mat-tagħmir tar-radju jew le

1.

Il-pittogramma għandu jkollha l-formati li ġejjin:

1.1.

Jekk apparat tal-iċċarġjar jiġi inkluż mat-tagħmir tar-radju:

Image 1

1.2.

Jekk ma jiġi inkluż l-ebda apparat tal-iċċarġjar mat-tagħmir tar-radju:

Image 2

2.

Il-pittogramma tista’ tvarja fl-apparenza(eż. fir-rigward tal-kulur, solidu jew vojt, ħxuna tal-linja), sakemm tibqa’ viżibbli u leġġibbli. Jekk il-pittogramma tiċċekken jew titkabbar, għandhom jiġu rispettati l-proporzjonijiet stabbiliti fl-istampi fil-punt 1 ta’ din il-Parti. Id-dimensjoni " a " msemmija fil-punt 1 ta’ din il-Parti għandha tkun ikbar minn jew daqs 7 mm, irrispettivament mill-varjazzjoni.

PARTI IV

Kontenut u format tat-tikketta

1.

It-tikketta għandu jkollha l-format li ġej:

Image 3

2.

L-ittri “XX” għandhom jiġu sostitwiti biċ-ċifra li tikkorrispondi għall-enerġija minima meħtieġa mit-tagħmir tar-radju biex jiċċarġja, li tiddetermina l-potenza minima li apparat tal-iċċarġjar jeħtieġ jipprovdi biex jiċċarġja t-tagħmir tar-radju. L-ittri “YY” għandhom jiġu sostitwiti biċ-ċifra li tikkorrispondi għall-enerġija massima meħtieġa mit-tagħmir tar-radju biex tinkiseb il-veloċità massima tal-iċċarġjar, li tiddetermina l-potenza li apparat tal-iċċarġjar jeħtieġ li tal-inqas jipprovdi biex tinkiseb dik il-veloċità massima tal-iċċarġjar. L-abbrevjazzjoni “USB PD” (USB Power Delivery [Twassil tal-Enerġija bil-USB]) għandha tiġi murija jekk it-tagħmir tar-radju jaċċetta dak il-protokoll ta’ komunikazzjoni għall-iċċarġjar. “USB PD” huwa protokoll li jagħraf l-aktar twassil mgħaġġel tal-kurrent mill-apparat tal-iċċarġjar għat-tagħmir tar-radju mingħajr ma titqassar il-ħajja tal-batterija.

3.

It-tikketta tista’ tvarja fl-apparenza (eż. fir-riward tal-kulur, solidu jew vojt, ħxuna tal-linja), sakemm tibqa’ viżibbli u leġġibbli. Jekk it-tikketta tiċċekken jew titkabbar, għandhom jinżammu l-proporzjonijiet stabbiliti fl-istampa fil-punt 1ta’ din il-Parti. Id-dimensjoni " a " msemmija fil-punt 1 ta’ din il-Parti għandha tkun ikbar minn jew daqs 7 mm, irrispettivament mill-varjazzjoni.

Top