Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L2041

Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

PE/28/2022/REV/1

ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2041/oj

25.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/33


DIRETTIVA (UE) 2022/2041 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Ottubru 2022

dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (b), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-għanijiet tal-Unjoni huma, fost l-oħrajn, li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha u li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa bbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li tfittex li tiżgura impjieg sħiħ u progress soċjali, livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent, filwaqt li tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha l-obbligu tqis, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, u mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

(2)

L-Artikolu 151 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħal dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea (KSE), għandhom bħala l-objettivi tagħhom, fost l-oħrajn, il-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jinżamm it-titjib, protezzjoni soċjali xierqa u djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema.

(3)

L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) (il-“Karta”) jipprevedi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu. L-Artikolu 27 tal-Karta jipprevedi d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni. L-Artikolu 28 tal-Karta jipprevedi li l-ħaddiema u l-impjegaturi, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi u l-prattiki nazzjonali, ikollhom dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fil-livelli xierqa. L-Artikolu 23 tal-Karta jipprevedi d-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, inklużi l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

(4)

Il-KSE tistabbilixxi li l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Hi tirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema kollha għal remunerazzjoni ġusta suffiċjenti għal standard tal-għajxien deċenti għalihom u għall-familji tagħhom. Tirrikonoxxi wkoll ir-rwol ta’ ftehimiet kollettivi konklużi liberament kif ukoll ta’ mekkaniżmi ta’ ffissar tal-pagi minimi statutorji, biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt, id-dritt tal-ħaddiema u tal-impjegaturi kollha li jorganizzaw f’organizzazzjonijiet lokali, nazzjonali u internazzjonali għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi u soċjali tagħhom u d-dritt li jinnegozjaw b’mod kollettiv.

(5)

Il-Kapitolu II tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pilastru”), ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jistabbilixxi sett ta’ prinċipji biex iservu ta’ gwida lejn l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Il-Prinċipju Nru 6 tal-Pilastru jafferma mill-ġdid id-dritt tal-ħaddiema għal pagi ġusti li jipprovdu standard tal-għajxien deċenti. Jipprevedi wkoll li pagi minimi adegwati għandhom ikunu żgurati, b’mod li jipprevedu li l-bżonnijiet tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom jiġu ssodisfati fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali nazzjonali, filwaqt li jissalvagwardjaw l-aċċess għall-impjiegi u l-inċentivi li jfittxu xogħol. Barra minn dan, ifakkar li l-faqar fost min għandu xogħol għandu jiġi evitat u li l-pagi kollha għandhom jiġu ffissati b’mod trasparenti u prevedibbli skont il-prattiki nazzjonali u fir-rispett tal-awtonomija tas-sħab soċjali. Il-Prinċipju Nru 8 tal-Pilastru jipprevedi li s-sħab soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ekonomiċi, tal-impjieg u soċjali skont il-prattiki nazzjonali, u għandhom jitħeġġu jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jiġu rispettati l-awtonomija u d-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva.

(6)

Il-Linja Gwida 5 fl-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 (5) jistieden lill-Istati Membri li jkollhom imwaqqfa mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar ta’ pagi minimi statutorji biex jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali fl-iffissar tal-pagi, jipprovdu pagi ġusti li jippermettu standard tal-għajxien deċenti, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi b’introjtu aktar baxx u medju, bl-għan li jkun hemm konverġenza ’l fuq. Dik il-Linja Gwida tistieden ukoll lill-Istati Membri jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bil-għan li jiġu ffissati l-pagi. Hi titlob ukoll lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom pagi adegwati u ġusti billi jibbenefikaw minn ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, u filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu, filwaqt li jitħarsu l-prattiki nazzjonali. Il- komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 intitolata ‘L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021’ tiddikjara li l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2019 intitolata ‘L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020’ fakkret li, fil-kuntest ta’ firdiet soċjali dejjem jikbru, hu importanti li jiġi żgurat li kull ħaddiem jaqla’ paga ġusta. Inħarġu rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi lil għadd ta’ Stati Membri fil-qasam tal-pagi minimi bil-għan li jittejbu l-iffissar u l-aġġornament ta’ pagi minimi.

(7)

Kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar, inkluż permezz ta’ pagi minimi adegwati, huma ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji fl-Unjoni, kif ukoll għas-soċjetà u l-ekonomija b’mod ġenerali u huma prerekwiżit biex jinkiseb tkabbir ġust, inklużiv u sostenibbli. L-indirizzar ta’ differenzi kbar fil-kopertura u l-adegwatezza tal-protezzjoni tal-paga minima jikkontribwixxi għat-titjib tal-ġustizzja tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni, għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-pagi u soċjali, u l-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali u konverġenza ’l fuq. Il-kompetizzjoni fis-suq intern jenħtieġ li tkun ibbażata fuq standards soċjali għoljin, inkluż fuq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, kif ukoll fuq innovazzjoni u titjib fil-produttività, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi.

(8)

Meta jiġu ffissati f’livelli adegwati, il-pagi minimi, kif previst fil-liġi nazzjonali jew fil-ftehimiet kollettivi, jipproteġu d-dħul ta’ ħaddiema, b’mod partikolari ta’ ħaddiema żvantaġġati, jgħinu biex jiġi żgurat għajxien deċenti kif inhu l-għan fil-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Iffissar tal-Paga Minima Nru 131 (1970). Il-pagi minimi li jipprevedu standard tal-għajxien deċenti u b’hekk jilħqu limitu ta’ deċenza, jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar fil-livell nazzjonali u għas-sostenn tad-domanda domestika u l-kapaċità tal-akkwist, isaħħu l-inċentivi għax-xogħol, inaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u l-faqar fost dawk li jaħdmu, u jillimitaw it-tnaqqis fl-introjtu matul reċessjonijiet ekonomiċi.

(9)

Il-faqar fost dawk li jaħdmu fl-Unjoni żdied matul l-aħħar għaxar snin u aktar ħaddiema qed jesperjenzaw il-faqar. Matul perjodi ta’ reċessjonijiet ekonomiċi, ir-rwol tal-pagi minimi xierqa fil-protezzjoni tal-ħaddiema b’paga baxxa huwa partikolarment importanti peress li huma aktar vulnerabbli għall-konsegwenzi ta’ tali reċessjonijiet, u huwa essenzjali għall-fini li jiġi appoġġjat irkupru ekonomiku sostenibbli u inklużiv, li jenħtieġ li jwassal għal żieda f’impjiegi ta’ kwalità. Bil-għan li jiġi żgurat irkupru sostenibbli, huwa essenzjali li n-negozji, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, jirnexxu. Minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-pagi f’setturi b’pagi baxxi, li wrew li huma essenzjali u ta’ valur soċjali kbir matul il-kriżi.

(10)

In-nisa, il-ħaddiema żgħażagħ, il-ħaddiema migranti, il-ġenituri waħedhom, il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabilità, u b’mod partikolari l-persuni li jbatu minn forom multipli ta’ diskriminazzjoni għad għandhom probabbiltà ogħla li jaqilgħu paga minima jew paga baxxa minn gruppi oħra. Minħabba r-rappreżentanza żejda tan-nisa f’impjiegi b’pagi baxxi, it-titjib tal-adegwatezza tal-pagi minimi jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet, kif ukoll joħroġ lin-nisa u l-familji tagħhom mill-faqar, u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni.

(11)

Il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-settur tas-servizzi, il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar, li għandhom sehem għoli ta’ ħaddiema li jaqilgħu paga baxxa u paga minima. Il-pagi minimi għalhekk huma importanti wkoll fid-dawl tax-xejriet strutturali li qed isawru mill-ġdid is-swieq tax-xogħol u li huma kkaratterizzati dejjem aktar minn sehem għoli ta’ forom ta’ xogħol prekarju u mhux standard, spiss bl-inklużjoni ta’ ħaddiema part-time, staġjonali, ta’ pjattaforma u ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Dawk ix-xejriet, f’ħafna każijiet, wasslu għal żieda fil-polarizzazzjoni tal-impjiegi li tirriżulta f’sehem dejjem jikber ta’ impjiegi u setturi b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ ħiliet fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, kif ukoll għal inugwaljanza akbar fil-pagi f’xi wħud minnhom. Huwa aktar diffiċli għall-ħaddiema b’kuntratti mhux standard li jorganizzaw ruħhom u jinnegozjaw ftehimiet kollettivi.

(12)

Għalkemm il-protezzjoni tal-paga minima teżisti fl-Istati Membri kollha, f’xi wħud minnhom din il-protezzjoni ġejja minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u permezz ta’ ftehimiet kollettivi filwaqt li f’oħrajn hija pprovduta esklużivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Jenħtieġ li t-tradizzjonijiet nazzjonali differenti fl-Istati Membri jiġu rrispettati.

(13)

Il-protezzjoni tal-paga minima pprovduta fi ftehimiet kollettivi f’impjiegi b’paga baxxa fil-parti l-kbira tal-każijiet hija adegwata u għalhekk tipprovdi standard tal-għajxien deċenti, u wriet li hija mezz effettiv li bih jitnaqqas il-faqar fix-xogħol. F’ħafna Stati Membri, il-pagi minimi statutorji huma normalment baxxi meta mqabbla ma’ pagi oħrajn fl-ekonomija. Fl-2018, il-paga minima statutorja nazzjonali ma kinitx tipprovdi dħul biżżejjed għal persuna waħda b’paga minima biex tilħaq il-limitu ta’ “f’riskju ta’ faqar” f’disa’ Stati Membri.

(14)

Mhux il-ħaddiema kollha fl-Unjoni huma protetti b’mod effettiv b’pagi minimi, peress li f’xi Stati Membri, xi ħaddiema, għalkemm huma koperti, jirċievu remunerazzjoni inqas mill-paga minima statutorja fil-prattika, minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli eżistenti. Instab li dan in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa, b’mod partikolari lin-nisa, lill-ħaddiema żgħażagħ, lill-ħaddiema b’ħiliet baxxi, lill-ħaddiema migranti, lill-ġenituri waħedhom, lill-persuni b’diżabilità, lill-ħaddiema b’forom mhux standard ta’ impjieg bħal ħaddiema temporanji u ħaddiema part-time, u lill-ħaddiema agrikoli u tal-ospitalità, li konsegwentement inaqqas il-pagi. Fi Stati Membri fejn il-protezzjoni tal-paga minima hi pprovduta biss fi ftehimiet kollettivi, is-sehem tal-ħaddiema mhux koperti huwa stmat li jvarja minn 2 % sa 55 % tal-ħaddiema kollha.

(15)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tirrikjedi li l-ħaddiema b’diżabilità, inklużi dawk f’impjieg protett, jirċievu remunerazzjoni ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Dak il-prinċipju huwa rilevanti wkoll fir-rigward tal-protezzjoni tal-paga minima.

(16)

Filwaqt li negozjar kollettiv b’saħħtu, b’mod partikolari fil-livell tas-settur jew transindustrijali, jikkontribwixxi biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-paga minima, f’dawn l-aħħar deċennji l-istrutturi tradizzjonali tan-negozjar kollettiv tnaqqru, minħabba, fost l-oħrajn, bidliet strutturali fl-ekonomija lejn setturi inqas junjonizzati u minħabba t-tnaqqis fis-sħubija fit-trade unions, b’mod partikolari, b’konsegwenza ta’ prattiki ta’ union-busting u ż-żieda fil-forom ta’ xogħol prekarju u mhux standard. Barra minn hekk, in-negozjar kollettiv fil-livell settorjali u transindustrijali kien taħt pressjoni qawwija f’xi Stati Membri fid-dawl tal-kriżi finanzjarja tal-2008. Madankollu, in-negozjar kollettiv fil-livell settorjali u transindustrijali huwa fattur essenzjali biex tinkiseb protezzjoni adegwata tal-paga minima u għalhekk jeħtieġ li jiġi promoss u msaħħaħ.

(17)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-maniġment u lill-ħaddiema fi proċess f’żewġ fażijiet fir-rigward ta’ azzjoni possibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-protezzjoni ta’ pagi minimi adegwati fl-Unjoni, skont l-Artikolu 154 tat-TFUE. Ma kien hemm ebda ftehim bejn is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, hu importanti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fl-Unjoni, b’mod partikolari l-adegwatezza tal-pagi minimi adegwati, filwaqt li jitqiesu l-eżiti tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali.

(18)

Bil-ħsieb li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, kif ukoll il-konverġenza soċjali ’l fuq fl-Unjoni, din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-livell tal-Unjoni u tfassal obbligi proċedurali għall-adegwatezza ta’ pagi minimi statutorji, u żżid aċċess effettiv tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima, fil-forma ta’ paga minima statutorja fejn teżisti, jew prevista fil-ftehimiet kollettivi kif iddefinit għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva tippromwovi wkoll negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi.

(19)

F’konformità mal-Artikolu 153(5) tat-TFUE, din id-Direttiva la għandha l-għan li tarmonizza l-livell tal-pagi minimi fl-Unjoni kollha u lanqas li tistabbilixxi mekkaniżmu uniformi għall-iffissar tal-pagi minimi. Hi ma tinterferixxix mal-libertà tal-Istati Membri li jiffissaw pagi minimi statutorji jew li jippromwovu l-aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali u l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru u b’rispett sħiħ għall-kompetenzi nazzjonali u d-dritt tas-sħab soċjali li jikkonkludu ftehimiet. Din id-Direttiva ma timponix u jenħtieġ li ma titqisx bħala li qed timponi obbligu fuq l-Istati Membri fejn il-formazzjoni tal-paga hija żgurata esklussivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi biex jintroduċu paga minima statutorja jew li tiddikjara l-ftehimiet kollettivi bħala applikabbli universalment. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tistabbilixxix il-livell tal-paga, li jaqa’ fi ħdan id-dritt tas-sħab soċjali li jikkonkludu ftehimiet fil-livell nazzjonali u fi ħdan il-kompetenza rilevanti tal-Istati Membri.

(20)

Din id-Direttiva tqis li, f’konformità mal-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Marittimu (2006) (6), kif emendata, l-Istati Membri li rratifikaw dik il-Konvenzjoni, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara, għandhom jistabbilixxu proċeduri għad-determinazzjoni tal-pagi minimi għall-baħħara. L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara għandhom jipparteċipaw f’tali proċeduri. Fid-dawl tan-natura speċifika tagħhom, l-atti tal-Istati Membri li jirriżultaw minn tali proċeduri jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għar-regoli dwar il-pagi minimi statutorji stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva. Tali atti jenħtieġ li ma jinterferixxux fin-negozjar kollettiv ħieles bejn is-sidien tal-bastimenti jew l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-organizzazzjonijiet tal-baħħara.

(21)

Filwaqt li jkun hemm konformità mar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, minn ftehimiet kollettivi jew minn prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru, billi jiġu kkunsidrati l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem. Dment li jissodisfaw dawk il-kriterji, il-ħaddiema kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku, kif ukoll il-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, il-ħaddiema tal-pjattaformi, it-trainees, l-apprendisti u ħaddiema oħra mhux standard, kif ukoll il-ħaddiema b’impjieg indipendenti fittizju u ħaddiema mhux iddikjarati jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-persuni li ġenwinament jaħdmu għal rashom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li ma jissodisfawx dawk il-kriterji. L-abbuż tal-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, kif definit fil-liġi nazzjonali, sew f’sitwazzjonijiet fil-livell nazzjonali jew transfruntiera, huwa forma ta’ xogħol iddikjarat b’mod falz li sikwit ikun assoċjat ma’ xogħol mhux iddikjarat. Impjieg indipendenti fittizju jseħħ meta persuna tkun iddikjarata bħala impjegata għal rasha filwaqt li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ impjieg, sabiex jiġu evitati ċerti obbligi legali jew fiskali. Dawn il-persuni jenħtieġ li jiġu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg jenħtieġ li tkun iggwidata mill-fatti relatati mat-twettiq effettiv tax-xogħol u mhux mid-deskrizzjoni tar-relazzjoni mill-partijiet.

(22)

Negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi li jiffunzjona tajjeb huwa mezz importanti li bih jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti b’pagi minimi adegwati li għalhekk jipprevedu standard tal-għajxien deċenti. Fl-Istati Membri b’pagi minimi statutorji, in-negozjar kollettiv jappoġġja l-iżviluppi ġenerali fil-pagi u għalhekk jikkontribwixxi għat-titjib tal-adegwatezza tal-pagi minimi kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema. Fl-Istati Membri fejn il-protezzjoni tal-paga minima hija pprovduta esklussivament permezz ta’ negozjar kollettiv, il-livell tagħha kif ukoll is-sehem ta’ ħaddiema protetti huma determinati direttament mill-funzjonament tas-sistema ta’ negozjar kollettiv u l-kopertura tan-negozjar kollettiv. Negozjar kollettiv b’saħħtu u li jiffunzjona tajjeb flimkien ma’ kopertura għolja ta’ ftehimiet kollettivi settorjali jew transindustrijali jsaħħu l-adegwatezza u l-kopertura tal-pagi minimi.

(23)

Il-protezzjoni tal-paga minima permezz ta’ ftehimiet kollettivi hija ta’ benefiċċju għall-ħaddiema u l-impjegaturi kif ukoll għan-negozji. F’ċerti Stati Membri ma hemmx pagi minimi statutorji. F’dawk l-Istati Membri, il-pagi, inkluża l-protezzjoni tal-paga minima, huma pprovduti esklussivament permezz tan-negozjar kollettiv bejn is-sħab soċjali. Il-pagi medji f’dawk l-Istati Membri huma fost l-ogħla fl-Unjoni. Dawk is-sistemi huma kkaratterizzati minn kopertura ta’ negozjar kollettiv għolja ħafna kif ukoll livelli għoljin ta’ affiljazzjoni kemm mal-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi kif ukoll mat-trade unions. Il-pagi minimi li huma previsti minn ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati applikabbli universalment mingħajr ebda diskrezzjoni tal-awtorità dikjaranti fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet applikabbli, jenħtieġ li ma jitqisux bħala pagi minimi statutorji.

(24)

F’kuntest ta’ tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv, huwa essenzjali li l-Istati Membri jippromwovu n-negozjar kollettiv, jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tan-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u b’hekk itejbu l-iffissar tal-pagi pprovdut minn ftehimiet kollettivi biex itejbu l-protezzjoni tal-paga minima tal-ħaddiema. L-Istati Membri rratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni Nru 87 (1948) u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv Nru 98 (1949). Id-dritt li jsir negozjar b’mod kollettiv huwa rikonoxxut skont dawk il-konvenzjonijiet tal-ILO, skont il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ir-Relazzjonijiet tax-Xogħol (Servizzi Pubbliċi) Nru 151 (1978) u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar in-Negozjar Kollettiv Nru 154 (1981), kif ukoll skont il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-KSE. L-Artikoli 12 u 28 tal-Karta jiggarantixxu, rispettivament, il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettivi. Skont il-preambolu tagħha, il-Karta tafferma mill-ġdid dawk id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill-Karti Soċjali adottati mill-Unjoni u mill-Kunsill tal-Ewropa. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu, kif xieraq u f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, miżuri li jippromwovu n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi. Tali miżuri jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess tar-rappreżentanti tat-trade unions għall-ħaddiema.

(25)

Stati Membri b’kopertura għolja ta’ negozjar kollettiv għandhom it-tendenza li jkollhom sehem żgħir ta’ ħaddiema b’pagi baxxi u għandhom pagi minimi għoljin. Stati Membri b’sehem żgħir ta’ dawk li jaqilgħu paga baxxa għandhom rata ta’ kopertura ta’ negozjar ’il fuq minn 80 %. Bl-istess mod, il-maġġoranza tal-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ pagi minimi meta mqabbla mal-paga medja għandhom kopertura ta’ negozjar kollettiv ta’ aktar minn 80 %. Għalhekk, kull Stat Membru b’rata ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv ta’ inqas minn 80 % jenħtieġ li jadotta miżuri bil-ħsieb li jsaħħu tali negozjar kollettiv. Kull Stat Membru b’kopertura ta’ negozjar kollettiv taħt livell limitu ta’ 80 % jenħtieġ li jipprovdi qafas li jippermetti l-kundizzjonijiet għan-negozjar kollettiv, u jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex jippromwovi n-negozjar kollettiv biex progressivament iżidu r-rata ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv. Sabiex tiġi rispettata l-awtonomija tas-sħab soċjali, li tinkludi d-dritt tagħhom għal negozjar kollettiv u teskludi kwalunkwe obbligu li jiġu konklużi ftehimiet kollettivi, il-livell limitu ta’ 80 % tal-kopertura tan-negozjar kollettiv jenħtieġ li jintuża biss bħala indikatur li jiskatta l-obbligu li jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni.

Il-pjan ta’ azzjoni jenħtieġ li jiġi rieżaminat fuq bażi regolari, mill-inqas kull ħames snin, u, jekk ikun meħtieġ, jiġi rivedut. Il-pjan ta’ azzjoni u kwalunkwe aġġornament tiegħu jenħtieġ li jiġu notifikati lill-Kummissjoni u jiġu ppubblikati. Kull Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jiddeċiedi dwar il-forma xierqa tal-pjan ta’ azzjoni tiegħu. Pjan ta’ azzjoni li ġie adottat minn Stat Membru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, jista’ jkun meqjus bħala pjan ta’ azzjoni skont din id-Direttiva dment li jkun fih azzjonijiet li jippromwovu b’mod effettiv in-negozjar kollettiv u jkun jissodisfa l-obbligi skont din id-Direttiva. Kull Stat Membru jenħtieġ li jistabbilixxi tali pjan ta’ azzjoni wara li jiġu kkonsultati s-sħab soċjali jew bi ftehim magħhom, jew, wara t-talba konġunta tas-sħab soċjali, kif maqbul bejniethom. Ir-rati ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv tal-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti minħabba għadd ta’ fatturi, inklużi t-tradizzjoni u l-prattika nazzjonali kif ukoll il-kuntest storiku. Dan jenħtieġ li jitqies meta jiġi vvalutat il-progress lejn kopertura ta’ negozjar kollettiv ogħla, b’mod partikolari fir-rigward tal-pjan ta’ azzjoni previst f’din id-Direttiva.

(26)

Hemm bżonn ta’ regoli, proċeduri u prattiki effettivi għall-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji biex ikunu pprovduti pagi minimi adegwati, filwaqt li jiġu salvagwardjati opportunitajiet ta’ impjieg eżistenti u jinħolqu oħrajn ġodda, kundizzjonijiet ekwi u l-kompetittività tal-kumpaniji inklużi l-intrapriżi mikro, l-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi ta’ daqs medju (SMEs). Dawk ir-regoli, proċeduri u prattiki jinkludu għadd ta’ komponenti li jikkontribwixxu għall-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji, inklużi kriterji biex jiggwidaw l-Istati Membri fl-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji u indikaturi għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tagħhom, aġġornamenti regolari u f’waqthom, l-eżistenza ta’ korpi konsultattivi u l-involviment tas-sħab soċjali. Involviment f’waqtu u effettiv ta’ dawn tal-aħħar fl-iffissar u fl-aġġornament tal-pagi minimi statutorji kif ukoll fl-istabbiliment jew il-modifika ta’ mekkaniżmi ta’ indiċjar awtomatiku, fejn dawn jeżistu, huwa element ieħor ta’ governanza tajba li jippermetti proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat u inklużiv. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lis-sħab soċjali b’informazzjoni rilevanti dwar l-iffissar u l-aġġornament tal-paga minima statutorja. Il-fatt li s-sħab soċjali jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu opinjonijiet, u li jirċievu tweġiba motivata għall-opinjonijiet espressi qabel il-preżentazzjoni ta’ proposti, dwar l-iffissar u l-aġġornament tal-paga minima statutorja u qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni jista’ jikkontribwixxi għall-involviment xieraq tas-sħab soċjali f’dak il-proċess.

(27)

L-Istati Membri li jużaw mekkaniżmu ta’ indiċjar awtomatiku, inklużi mekkaniżmi semiawtomatiċi li fihom tkun mill-inqas garantita żieda obbligatorja minima tal-paga minima statutorja, jenħtieġ li, mill-inqas kull erba’ snin, iwettqu wkoll il-proċeduri għall-aġġornament tal-pagi minimi statutorji. Dawk l-aġġornamenti regolari jenħtieġ li jikkonsistu f’evalwazzjoni tal-paga minima filwaqt li jitqiesu l-kriterji ta’ gwida, segwiti, jekk ikun meħtieġ, minn modifika tal-ammont. Il-frekwenza tal-aġġustamenti tal-indiċjar awtomatiku minn naħa waħda, u l-aġġornamenti tal-pagi minimi statutorji min-naħa l-oħra jistgħu jvarjaw. L-Istati Membri li fihom ma jeżistux mekkaniżmi ta’ indiċjar awtomatiċi jew semiawtomatiċi jenħtieġ li jaġġornaw il-paga minima statutorja tagħhom mill-inqas kull sentejn.

(28)

Il-pagi minimi huma meqjusin bħala adegwati jekk ikunu ġusti fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-pagi fl-Istat Membru rilevanti u jekk jipprovdu standard tal-għajxien deċenti għall-ħaddiema abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg full-time. L-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji hija ddeterminata u vvalutata minn kull Stat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi nazzjonali tiegħu, inklużi t-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività u l-iżviluppi reġjonali u settorjali. Għall-fini ta’ dik id-determinazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-kapaċità tal-akkwist, il-livelli u l-iżviluppi fil-produttività nazzjonali fit-tul, kif ukoll il-livelli tal-pagi, id-distribuzzjoni tal-pagi u t-tkabbir tal-pagi.

Fost strumenti oħra, sett ta’ oġġetti u servizzi bi prezzijiet reali stabbilit fil-livell nazzjonali jista’ jkun strumentali biex jiġi ddeterminat l-għoli tal-ħajja bil-għan li jinkiseb standard tal-għajxien deċenti. Minbarra n-neċessitajiet materjali bħall-ikel, il-ħwejjeġ u l-akkomodazzjoni, tista’ titqies ukoll il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali, edukattivi u soċjali. Huwa xieraq li jiġu kkunsidrati l-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji b’mod separat mill-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-introjtu. L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw indikaturi u valuri ta’ referenza assoċjati biex jiggwidaw il-valutazzjoni tagħhom tal-adegwatezza tal-paga minima statutorja. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu fost l-indikaturi użati b’mod komuni fil-livell internazzjonali u/jew l-indikaturi użati fil-livell nazzjonali. Il-valutazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq valuri ta’ referenza użati b’mod komuni fil-livell internazzjonali, bħall-proporzjon tal-paga minima grossa għal 60 % tal-paga medja grossa u l-proporzjon tal-paga minima grossa għal 50 % tal-paga medja grossa, li bħalissa mhumiex issodisfati mill-Istati Membri kollha, jew il-proporzjon tal-paga minima netta għal 50 % jew 60 % tal-paga medja netta. Il-valutazzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq valuri ta’ referenza assoċjati ma’ indikaturi użati fil-livell nazzjonali, bħat-tqabbil tal-paga minima netta mal-limitu tal-faqar u l-kapaċità tal-akkwist tal-pagi minimi.

(29)

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-paga minima statutorja u li jippermettu varjazzjonijiet u tnaqqis, huwa importanti li jiġi evitat li l-varjazzjonijiet u t-tnaqqis jintużaw b’mod wiesa’, peress li hemm ir-riskju li jkollhom impatt negattiv fuq l-adegwatezza tal-pagi minimi. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-varjazzjonijiet u t-tnaqqis jirrispettaw il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità. Għalhekk, il-varjazzjonijiet u t-tnaqqis jenħtieġ li jsegwu għan leġittimu. Eżempji ta’ tali tnaqqis jistgħu jkunu l-irkupru ta’ ammonti sopravvalutati mħallsa jew tnaqqis ordnat minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva. Tnaqqis ieħor, bħal dak relatat mat-tagħmir meħtieġ biex jitwettaq impjieg jew tnaqqis ta’ allowances in natura, bħall-akkomodazzjoni, jippreżenta riskju għoli li jkun sproporzjonat. Barra minn hekk, jenħtieġ li xejn f’din id-Direttiva ma jinftiehem bħala impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-Istati Membri biex jintroduċu varjazzjonijiet fil-pagi minimi jew tnaqqis minnhom.

(30)

Sistema effettiva ta’ infurzar, inklużi monitoraġġ affidabbli, kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, hija neċessarja biex tiżgura l-funzjonament tal-oqfsa nazzjonali tal-paga minima statutorja u l-konformità magħhom. Biex tissaħħaħ l-effettività tal-awtoritajiet tal-infurzar, hija meħtieġa wkoll kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, inkluż biex jiġu indirizzati sfidi kritiċi bħal dawk relatati mas-sottokuntrattar abbużiv, il-ħaddiema b’impjieg indipendenti fittizju, is-sahra mhux irreġistrata jew ir-riskji tas-saħħa u tas-sikurezza marbuta ma’ intensità tax-xogħol miżjuda. Il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar jenħtieġ li jiġu żviluppati wkoll, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ u gwida. Żjarat ta’ rutina u mhux imħabbra, proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi u penali fil-każ ta’ ksur huma mezzi importanti li bihom l-impjegaturi jiġu skoraġġuti milli jiksru r-regoli.

(31)

L-implimentazzjoni effettiva tal-protezzjoni tal-paga minima ffissata permezz ta’ dispożizzjonijiet legali jew previsti fil-ftehimiet kollettivi hija essenzjali fl-għoti u fit-twettiq tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku u ta’ konċessjoni. In-nuqqas ta’ rispett tal-ftehimiet kollettivi li jipprovdu l-protezzjoni tal-paga minima jista’ tabilħaqq iseħħ fl-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti jew fil-katina tas-sottokuntrattar minn hemm ’il quddiem, li jirriżulta f’ħaddiema li jitħallsu inqas mil-livell ta’ paga miftiehem fil-ftehimiet kollettivi settorjali. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn, f’konformità mal-Artikoli 30(3) u 42(1) tad-Direttiva 2014/23/UE (8), l-Artikoli 18(2) u 71(1) tad-Direttiva 2014/24/UE (9) u l-Artikoli 36(2) u 88(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-awtoritajiet kontraenti tal-akkwist pubbliku u l-entitajiet kontraenti għandhom jieħdu miżuri xierqa, inkluża l-possibbiltà li jintroduċu kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt, u jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi japplikaw għall-ħaddiema tagħhom il-pagi previsti fil-ftehimiet kollettivi għas-settur u ż-żona ġeografika rilevanti u jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions li jirriżultaw mill-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni Nru 87 (1948) u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv Nru 98 (1949), kif imsemmi f’dawk id-Direttivi, sabiex jiġu rispettati l-obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol. Madankollu, din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligu addizzjonali fir-rigward ta’ dawk id-Direttivi.

(32)

Għall-applikanti għall-appoġġ finanzjarju mill-fondi u l-programmi tal-Unjoni, taħt ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u l-kundizzjonijiet abilitanti fih, ir-regoli għall-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet jenħtieġ li jiġu applikati b’mod adegwat, inkluż fir-rigward tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi.

(33)

Monitoraġġ affidabbli u l-ġbir tad-data huma essenzjali għal protezzjoni effettiva tal-pagi minimi. Għall-finijiet ta’ ġbir tad-data, l-Istati Membri jistgħu jiddependu minn kampjuni ta’ stħarriġiet rappreżentattivi biżżejjed, bażijiet ta’ data nazzjonali, data armonizzata mill-Eurostat u sorsi oħra aċċessibbli għall-pubbliku bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi. F’każijiet eċċezzjonali fejn ma tkunx disponibbli data preċiża, l-Istati Membri jistgħu jużaw stimi. L-impjegaturi, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u SMEs oħra, jenħtieġ li ma jġorrux piż amministrattiv bla bżonn fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ġbir tad-data. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta kull tieni sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-analiżi tagħha tal-livelli u tal-iżviluppi fl-adegwatezza u l-kopertura tal-pagi minimi statutorji kif ukoll il-kopertura tan-negozjar kollettiv abbażi tad-data u l-informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri.

Barra minn dan, il-progress jenħtieġ li jiġi mmonitorjat fil-qafas tal-proċess tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fil-livell tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, f’konformità mal-Artikoli 150 u 160 tat-TFUE rispettivament, biex jeżaminaw, fil-qasam ta’ kompetenza rispettiv tagħhom, l-iżvilupp tal-kopertura tan-negozjar kollettiv u l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji fl-Istati Membri abbażi tar-rapport prodott mill-Kummissjoni u għodod oħra ta’ sorveljanza multilaterali bħall-valutazzjoni komparattiva. Matul tali eżami, il-Kumitati għandhom jinvolvu lis-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni, inklużi s-sħab soċjali transsettorjali, f’konformità mal-Artikoli 150 u 160 tat-TFUE rispettivament.

(34)

Il-ħaddiema jenħtieġ li jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni komprensiva dwar il-pagi minimi statutorji kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-paga minima prevista fil-ftehimiet kollettivi applikabbli universalment biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inkluż għall-persuni b’diżabilità f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(35)

Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi dawk li huma membri jew rappreżentanti ta’ trade union, jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta jkunu nkisru d-drittijiet tagħhom relatati mal-protezzjoni tal-paga minima previsti fil-liġi nazzjonali jew fil-ftehimiet kollettivi. Sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, previsti fil-liġi nazzjonali jew fi ftehimiet kollettivi, u mingħajr preġudizzju għal forom speċifiċi ta’ rimedju u soluzzjoni tat-tilwim previsti fil-ftehimiet kollettivi, inklużi sistemi ta’ soluzzjoni tat-tilwim kollettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva, f’waqtha u imparzjali u dritt għal rimedju, kif ukoll protezzjoni ġudizzjarja u/jew amministrattiva effettiva minn kwalunkwe forma ta’ detriment, jekk jiddeċiedu li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. L-involviment tas-sħab soċjali fl-iżvilupp ulterjuri ta’ mekkaniżmi imparzjali għas-soluzzjoni tat-tilwim fl-Istati Membri jista’ jkun ta’ benefiċċju. Il-ħaddiema jenħtieġ li jiġu infurmati dwar il-mekkaniżmi ta’ rimedju għall-fini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju.

(36)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni li tipprovdi l-bażi għal rieżami dwar l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenħtieġ li jiġu infurmati bir-riżultati ta’ dik ir-rieżami.

(37)

Ir-riformi u l-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jippromwovu protezzjoni adegwata tal-paga minima tal-ħaddiema, filwaqt li huma passi fid-direzzjoni t-tajba, ma kinux dejjem komprensivi u sistematiċi. Barra minn hekk, azzjoni meħuda fil-livell tal-Unjoni, biex titjieb l-adegwatezza u l-kopertura tal-pagi minimi tista’ tikkontribwixxi għal aktar titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fl-Unjoni u tista’ ttaffi t-tħassib dwar l-impatti ekonomiċi negattivi possibbli li jirriżultaw minn miżuri iżolati tal-Istati Membri. Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(38)

Din id-Direttiva tistabbilixxi obbligi proċedurali bħala rekwiżiti minimi, u għalhekk tħalli l-prerogattiva tal-Istati Membri sabiex jintroduċu u jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. Id-drittijiet akkwistati skont il-qafas legali nazzjonali eżistenti jenħtieġ li jkomplu japplikaw, diment li ma jkunux introdotti dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tintuża biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti għall-ħaddiema, u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fil-qasam kopert b’din id-Direttiva, inkluż, b’mod partikolari, fir-rigward tat-tnaqqis jew tal-abolizzjoni tal-pagi minimi.

(39)

Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali bla bżonn, b’mod partikolari jekk dawn iżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs. L-Istati Membri huma għalhekk imħeġġa jevalwaw l-impatt tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq l-SMEs biex jiżguraw li dawn ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-mikrointrapriżi u lill-piż amministrattiv, u jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet. Jekk l-Istati Membri jsibu li l-SMEs huma affettwati b’mod sproporzjonat bil-miżuri ta’ traspożizzjoni, huma jenħtieġ li jikkunsidraw li jintroduċu miżuri biex jappoġġjaw lill-SMEs biex jaġġustaw l-istrutturi ta’ remunerazzjoni tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(40)

Ir-Regolamenti (UE) 2021/240 (13) u (UE) 2021/1057 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma disponibbli għall-Istati Membri biex jiżviluppaw jew itejbu l-aspetti tekniċi tal-oqfsa tal-paga minima, inkluż dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza, il-monitoraġġ u l-ġbir ta’ data, it-twessigħ tal-aċċess, kif ukoll dwar l-infurzar u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali relatati mal-implimentazzjoni ta’ dawk l-oqfsa. Skont ir-Regolament (UE) 2021/1057, l-Istati Membri għandhom jallokaw ammont xieraq għall-bini tal-kapaċità tas-sħab soċjali,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fl-Unjoni, b’mod partikolari l-adegwatezza tal-pagi minimi għall-ħaddiema sabiex tikkontribwixxi għal konverġenza soċjali ’l fuq u jitnaqqsu l-inugwaljanza fil-pagi, din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għal:

(a)

l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol deċenti;

(b)

il-promozzjoni ta’ negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi;

(c)

it-tisħiħ tal-aċċess effettiv tal-ħaddiema għad-drittijiet ta’ protezzjoni tal-paga minima fejn previst fil-liġi nazzjonali u/jew minn ftehimiet kollettivi.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-rispett sħiħ tal-awtonomija tas-sħab soċjali, kif ukoll għad-dritt tagħhom li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi.

3.   F’konformità mal-Artikolu 153(5) tat-TFUE, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-livell ta’ pagi minimi, kif ukoll għall-għażla tal-Istati Membri li jiffissaw pagi minimi statutorji, biex jippromwovu l-aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima prevista fi ftehimiet kollettivi, jew fit-tnejn li huma.

4.   L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun f’konformità sħiħa mad-dritt tan-negozjar kollettiv. Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jinftiehem li jimponi obbligu fuq xi Stat Membru:

(a)

fejn il-formazzjoni tal-pagi huwa żgurat esklużivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi, biex jintroduċu paga minima statutorja; jew

(b)

biex jiddikjara kwalunkwe ftehim kollettiv bħala applikabbli universalment.

5.   L-atti li bihom Stat Membru jimplimenta l-miżuri li jikkonċernaw il-pagi minimi tal-baħħara perjodikament stabbiliti mill-Kummissjoni Marittima Konġunta jew korp ieħor awtorizzat mill-Korp Governattiv tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol ma għandhomx ikunu soġġetti għall-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva. Tali atti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ negozjar kollettiv u għall-possibbiltà li jiġu adottati livelli ogħla ta’ paga minima.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema fl-Unjoni li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“paga minima” tfisser ir-remunerazzjoni minima stabbilita bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi li impjegatur, inkluż fis-settur pubbliku, hu mitlub iħallas lill-ħaddiema għax-xogħol imwettaq matul perjodu partikolari;

(2)

“paga minima statutorja” tfisser paga minima stabbilita mil-liġi, jew minn dispożizzjonijiet legali vinkolanti oħra, bl-esklużjoni tal-pagi minimi ffissati minn ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati bħala applikabbli universalment mingħajr ebda diskrezzjoni tal-awtorità dikjaranti fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet applikabbli;

(3)

“negozjar kollettiv” tfisser in-negozjati kollha li jsiru skont il-liġi u l-prattika nazzjonali f’kull Stat Membru bejn impjegatur, grupp ta’ impjegaturi jew organizzazzjoni tal-impjegaturi waħda jew aktar, fuq naħa waħda, u trade union waħda jew aktar, fuq in-naħa l-oħra, biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg;

(4)

“ftehim kollettiv” tfisser ftehim bil-miktub rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg konklużi mis-sħab soċjali li għandhom il-kapaċità li jinnegozjaw f’isem il-ħaddiema u l-impjegaturi rispettivament skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, inklużi ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati bħala applikabbli universalment;

(5)

“kopertura tan-negozjar kollettiv” tfisser is-sehem ta’ ħaddiema fil-livell nazzjonali li għalihom japplika ftehim kollettiv, ikkalkulat bħala l-proporzjon tal-għadd ta’ ħaddiema koperti minn ftehimiet kollettivi għall-għadd ta’ ħaddiema li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jistgħu jiġu rregolati minn ftehimiet kollettivi f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

Artikolu 4

Promozzjoni ta’ negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi

1.   Bil-għan li jżidu l-kopertura tan-negozjar kollettiv u jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt għan-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi, l-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali, u f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, għandhom:

(a)

jippromwovu l-bini u t-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab soċjali biex jinvolvu ruħhom f’negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi, b’mod partikolari fil-livell settorjali jew transindustrijali;

(b)

jinkoraġġixxu negozjati kostruttivi, sinifikanti u infurmati dwar il-pagi bejn is-sħab soċjali, fuq bażi ugwali, fejn iż-żewġ partijiet ikollhom aċċess għal informazzjoni xierqa sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tan-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi;

(c)

jieħdu miżuri, kif xieraq, biex jipproteġu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u biex jipproteġu lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tat-trade unions minn atti li jiddiskriminaw kontrihom fir-rigward tal-impjieg tagħhom abbażi tal-parteċipazzjoni jew tal-parteċipazzjoni mixtieqa tagħhom f’negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi;

(d)

għall-fini tal-promozzjoni tan-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi, jieħdu miżuri, kif xieraq, biex jipproteġu t-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi li jipparteċipaw jew li jixtiequ jipparteċipaw f’negozjar kollettiv kontra kwalunkwe att ta’ interferenza minn xulxin jew mill-aġenti jew mill-membri ta’ xulxin fl-istabbiliment, fil-funzjonament jew fl-amministrazzjoni tagħhom.

2.   Barra minn hekk, kull Stat Membru li fih ir-rata tal-kopertura tan-negozjar kollettiv hi taħt il-livell limitu ta’ 80 % għandu, jipprevedi qafas li jippermetti l-kundizzjonijiet għan-negozjar kollettiv, jew bil-liġi wara li jikkonsulta lis-sħab soċjali jew bi ftehim magħhom. Tali Stat Membru għandu wkoll jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex jippromwovi n-negozjar kollettiv. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi tali pjan ta’ azzjoni wara li jikkonsulta lis-sħab soċjali, jew bi ftehim mas-sħab soċjali, jew, wara talba konġunta mis-sħab soċjali, kif maqbul bejn is-sħab soċjali. Il-pjan ta’ azzjoni għandu jistabbilixxi skeda ta’ żmien ċara u miżuri konkreti biex tiżdied progressivament ir-rata ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv, b’rispett sħiħ għall-awtonomija tas-sħab soċjali. L-Istat Membru għandu jirrieżami l-pjan ta’ azzjoni tiegħu regolarment u għandu jaġġornah jekk ikun hemm bżonn. Fejn Stat Membru jaġġorna l-pjan ta’ azzjoni tiegħu, huma għandu jagħmel hekk wara li jikkonsulta lis-sħab soċjali jew bi ftehim magħhom, jew, wara talba konġunta mis-sħab soċjali, kif miftiehem bejn is-sħab soċjali. Fi kwalunkwe każ, tali pjan ta’ azzjoni għandu jiġi rieżaminat talanqas darba kull ħames snin. Il-pjan ta’ azzjoni u kwalunkwe aġġornament tiegħu għandu jsir pubbliku u jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

KAPITOLU II

PAGI MINIMI STATUTORJI

Artikolu 5

Proċedura għall-iffissar ta’ pagi minimi statutorji adegwati

1.   L-Istati Membri b’pagi minimi statutorji għandhom jistabbilixxu l-proċeduri meħtieġa għall-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji. Tali stabbiliment u aġġornament għandhom ikunu ggwidati minn kriterji stabbiliti biex jikkontribwixxu għall-adegwatezza tagħhom, bil-għan li jinkiseb standard tal-għajxien deċenti, jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu, kif ukoll jiġu promossi l-koeżjoni soċjali u l-konverġenza soċjali ’l fuq, u titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dawk il-kriterji skont il-prattiki nazzjonali tagħhom fil-liġi nazzjonali rilevanti, f’deċiżjonijiet tal-korpi kompetenti tagħhom jew fi ftehimiet bejn tliet partijiet. Il-kriterji għandhom jiġu definiti b’mod ċar. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-piż relattiv ta’ dawk il-kriterji, inklużi l-elementi imsemmija fil-paragrafu 2, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi nazzjonali tagħhom.

2.   Il-kriterji nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi minimi statutorji, filwaqt li jitqies l-għoli tal-ħajja;

(b)

il-livell ġenerali tal-pagi u d-distribuzzjoni tagħhom;

(c)

ir-rata ta’ tkabbir tal-pagi;

(d)

il-livelli u l-iżviluppi tal-produttività nazzjonali fit-tul.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jużaw barra minn hekk mekkaniżmu awtomatiku għall-aġġustamenti tal-indiċjar tal-pagi minimi statutorji, abbażi ta’ kwalunkwe kriterju xieraq u f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, dment li l-applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu ma twassalx għal tnaqqis tal-paga minima statutorja.

4.   L-Istati Membri għandhom jużaw valuri ta’ referenza indikattivi biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji tagħhom. Għal dak il-għan, huma jistgħu jużaw valuri ta’ referenza indikattivi użati komunement fil-livell internazzjonali bħal 60 % tal-paga medjana grossa u 50 % tal-paga medja grossa, u/jew valuri ta’ referenza indikattivi użati fil-livell nazzjonali.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li aġġornamenti regolari u f’waqthom tal-pagi minimi statutorji jsiru mill-inqas kull sentejn jew, għall-Istati Membri li jużaw mekkaniżmu ta’ indiċjar awtomatiku kif imsemmi fil-paragrafu 3, mill-inqas kull erba’ snin.

6.   Kull Stat Membru għandu jaħtar jew jistabbilixxi korp konsultattiv wieħed jew aktar biex jagħti pariri lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet relatati mal-pagi minimi statutorji, u għandu jippermetti l-funzjonament operazzjonali ta’ dawk il-korpi.

Artikolu 6

Varjazzjonijiet u tnaqqis

1.   Meta l-Istati Membri jippermettu rati differenti ta’ paga minima statutorja għal gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema jew tnaqqis li jbaxxi ir-remunerazzjoni mħallsa għal livell inqas minn dak tal-paga minima statutorja rilevanti, huma għandhom jiżguraw li dawk il-varjazzjonijiet u t-tnaqqis jirrispettaw il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità u dan tal-aħħar għandu jinkludi l-insegwiment ta’ għan leġittimu.

2.   Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jinftiehem bħala impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-Istati Membri biex jintroduċu varjazzjonijiet fil-pagi minimi statutorji jew tnaqqis minnhom.

Artikolu 7

Involviment tas-sħab soċjali fl-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jinvolvu lis-sħab soċjali fl-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji b’mod f’waqtu u effettiv u li jipprevedi l-parteċipazzjoni volontarja tagħhom fid-diskussjonijiet matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kollu, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-korpi konsultattivi imsemmija fl-Artikolu 5(6) u b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

l-għażla u l-applikazzjoni tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-livell tal-paga minima statutorja, u l-istabbiliment ta’ formula ta’ indiċjar awtomatiku u l-modifika tagħha fejn teżisti tali formula, imsemmija fl-Artikolu 5(1), (2) u (3);

(b)

l-għażla u l-applikazzjoni tal-valuri ta’ referenza indikattivi msemmija fl-Artikolu 5(4) għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji;

(c)

l-aġġornamenti tal-pagi minimi statutorji msemmija fl-Artikolu 5(5);

(d)

l-istabbiliment ta’ varjazzjonijiet u tnaqqis fil-pagi minimi statutorji msemmija fl-Artikolu 6;

(e)

id-deċiżjonijiet kemm fuq il-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji u analiżijiet biex tingħata informazzjoni lill-awtoritajiet u lill-partijiet rilevanti oħra involuti fl-iffissar tal-pagi minimi statutorji.

Artikolu 8

Aċċess effettiv tal-ħaddiema għal pagi minimi statutorji

L-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali, għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin biex itejbu l-aċċess effettiv tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima statutorja kif xieraq, inkluż, fejn xieraq it-tisħiħ tal-infurzar tagħha:

(a)

jipprevedu l-kontrolli effettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-ispettorati tax-xogħol jew il-korpi responsabbli għall-infurzar tal-pagi minimi statutorji;

(b)

jiżviluppaw il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ u bl-għoti ta’ gwida, biex b’mod proattiv iżommu fil-mira tagħhom u jsegwu impjegaturi mhux konformi.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Artikolu 9

Akkwist pubbliku

Skont id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li, fl-għoti u fit-twettiq ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, l-operaturi ekonomiċi u s-sottokuntratturi tagħhom jikkonformaw mal-obbligi applikabbli b’rabta mal-pagi, mad-dritt ta’ organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi, fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali, minn ftehimiet kollettivi jew dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi soċjali u tax-xogħol, inkluż il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni Nru 87 (1948) u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar id-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv Nru 98 (1949).

Artikolu 10

Monitoraġġ u ġbir ta’ data

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ għodod effettivi għall-ġbir tad-data għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tal-pagi minimi.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull tieni sena, qabel l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena ta’ rapportar, id-data u l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-rata u l-iżvilupp ta’ kopertura ta’ negozjar kollettiv;

(b)

għall-pagi minimi statutorji:

(i)

il-livell tal-paga minima statutorja u s-sehem tal-ħaddiema koperti biha;

(ii)

deskrizzjoni tal-varjazzjonijiet u t-tnaqqis eżistenti u r-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom u s-sehem tal-ħaddiema koperti minn varjazzjonijiet, sa fejn id-data tkun disponibbli;

(c)

għall-protezzjoni tal-paga minima prevista biss fil-ftehimiet kollettivi:

(i)

ir-rati tal-paga l-aktar baxxi previsti fil-ftehimiet kollettivi li jkopru lil dawk li jaqilgħu paga baxxa jew stima tagħhom, jekk id-data preċiża ma tkunx disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, u s-sehem ta’ ħaddiema koperti minnhom jew stima tagħhom, jekk id-data preċiża ma tkunx disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli;

(ii)

il-livell tal-pagi mħallsa lill-ħaddiema li mhumiex koperti minn ftehimiet kollettivi u r-relazzjoni tiegħu mal-livell tal-pagi mħallsa lill-ħaddiema koperti minn ftehimiet kollettivi.

L-Istati Membri li huma soġġetti għall-obbligi ta’ rappurtar imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), għandhom ikunu meħtieġa li jirrappurtaw id-data msemmija fil-punt (i) tiegħu mill-inqas fir-rigward ta’ ftehimiet kollettivi settorjali, ġeografiċi u oħrajn bejn għadd ta’ impjegaturi, inklużi ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati applikabbli universalment.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istatistika u l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, id-diżabilità, id-daqs tal-kumpanija u s-settur sa fejn dawn ikunu disponibbli.

L-ewwel rapport għandu jkopri 2021, 2022 u 2023 u għandu jasal sal-1 ta’ Ottubru 2025. L-Istati Membri jistgħu jħallu barra statistika u informazzjoni li ma tkunx disponibbli qabel il-15 ta’ Novembru 2024.

3.   Il-Kummissjoni għandha tanalizza d-data u l-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u fil-pjanijiet ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2). Hija għandha tirrapporta f’dan ir-rigward kull tieni sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u fl-istess ħin għandha tippubblika d-data u l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-paga minima

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-pagi minimi statutorji kif ukoll il-protezzjoni tal-pagi minimi prevista fil-ftehimiet kollettivi applikabbli universalment, inkluża informazzjoni dwar mekkaniżmi ta’ rimedju, tkun disponibbli għall-pubbliku, fejn meħtieġ fl-aktar lingwa rilevanti, kif determinat mill-Istat Membru, b’mod komprensiv u faċilment aċċessibbli, inkluż għall-persuni b’diżabilità.

Artikolu 12

Dritt għal rimedju u protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għal forom speċifiċi ta’ rimedju u soluzzjoni tat-tilwim previsti, fejn applikabbli, fi ftehimiet kollettivi, il-ħaddiema, inklużi dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun intemmet, ikollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva, f’waqtha u imparzjali u dritt għal rimedju, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet relatati mal-pagi minimi statutorji jew mal-protezzjoni tal-paga minima, meta drittijiet ta’ dan it-tip huma previsti fil-liġi nazzjonali jew fi ftehimiet kollettivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, inkluż dawk li huma membri jew rappreżentanti tat-trade unions jew, minn kwalunkwe trattament negattiv mill-impjegatur u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq quddiem l-impjegatur jew li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment mibdi bil-għan li tiġi infurzata l-konformità fil-każ li jkun hemm ksur tad-drittijiet relatati mal-protezzjoni tal-paga minima, meta drittijiet ta’ dan it-tip huma previsti mil-liġi nazzjonali jew minn ftehimiet kollettivi.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-drittijiet u l-obbligi li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sa fejn dawk id-drittijiet u l-obbligi huma previsti fil-liġi nazzjonali jew fi ftehimiet kollettivi. Fl-Istati Membri mingħajr pagi minimi statutorji, dawk ir-regoli jistgħu jinkludu jew ikunu limitati għal referenza għal kumpens u/jew penali kuntrattwali previsti, fejn applikabbli, fir-regoli dwar l-infurzar ta’ ftehimiet kollettivi. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Tixrid tal-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ relatati mas-suġġett kif stabbilit fl-Artikolu 1, jinġiebu għall-attenzjoni tal-ħaddiema u l-impjegaturi, inklużi l-SMEs.

Artikolu 15

Evalwazzjoni u rieżami

Sal-15 ta’ Novembru 2029, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni, twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta minn hemm ’il quddiem rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jagħmel rieżami tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tipproponi, fejn xieraq, emendi leġiżlattivi.

Artikolu 16

Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fl-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tat-tnaqqis jew l-abolizzjoni tal-pagi minimi.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema. Dan ma għandux jiġi interpretat li jipprevjeni lill-Istati Membri milli jżidu l-pagi minimi statutorji.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt mogħti lill-ħaddiema b’atti legali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 17

Traspożizzjoni u implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-15 ta’ Novembru 2024. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali bil-ħsieb tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għal dak il-għan, huma jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali b’dik l-implimentazzjoni, jew kompletament jew ta’ parti minnha, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment ta’ pjan ta’ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(2) meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li l-obbligi previsti minn din id-Direttiva jkunu rispettati f’kull mument.

4.   Il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi deskrizzjoni tal-involviment tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Opinjoni tal-25 ta’ Marzu 2021 (ĠU C 220, 9.6.2021, p. 106).

(2)  Opinjoni tad-19 ta’ Marzu 2021 (ĠU C 175, 7.5.2021, p. 89).

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022.

(4)   ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 344, 19.10.2020, p. 22).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/431/KE tas-7 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(8)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(10)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).


Top