EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2461

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2461 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tirrikonoxxi l-iskema “KZR INiG” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti tal-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/603 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/9178

ĠU L 321, 15.12.2022, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2461/oj

15.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/38


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2461

tal-14 ta’ Diċembru 2022

li tirrikonoxxi l-iskema “KZR INiG” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti tal-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/603

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi r-rekwiżiti għal ċerti karburanti, jiġifieri l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti tal-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat. Dawn ir-rekwiżiti jiżguraw li dawn il-karburanti jistgħu biss jingħaddu mal-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva jekk ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jekk jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-karburanti fossili. L-Artikolu 29 ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi u għall-karburanti tal-bijomassa. Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tad-Direttiva u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 (2) jistabbilixxu l-kriterji biex jiġi ddeterminat: (i) liema materja prima għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi jew għall-karburanti tal-bijomassa għandha riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art; u (ii) liema bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet jistgħu jiġu ċċertifikati li għandhom riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art. L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat li jintużaw fit-trasport. L-Artikolu 28(2) tad-Direttiva jirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni f’bażi tad-data tal-Unjoni dwar it-tranżazzjonijiet magħmula u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà ta’ għadd ta’ karburanti rinnovabbli (il-bijokarburanti, il-bijogass u l-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika) u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-kalkolu tal-kontribut tal-elettriku rinnovabbli għall-miri tat-trasport. B’mod partikolari, l-Artikolu 27(3) ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi regoli dwar kif għandu jiġi kkalkulat dan il-kontribut meta l-elettriku jintuża direttament biex jagħti l-enerġija lill-vetturi elettriċi u meta jintuża biex jiġu prodotti l-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika li jintużaw fit-trasport.

(3)

L-iskemi volontarji kellhom rwol sinifikanti fil-forniment ta’ evidenza tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex: (i) tiġi ċċertifikata l-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa, inklużi l-karburanti gassużi u solidi, mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dik id-Direttiva; (ii) tiġi pprovduta data akkurata dwar l-iffrankar tagħhom tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; (iii) tiġi ċċertifikata l-konformità tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat flimkien mal-kriterji tagħhom tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra; u (iv) tingħata prova tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3) ta’ dik id-Direttiva b’rabta mal-kalkolu tas-sehem tal-elettriku rinnovabbli fit-trasport. L-iskemi volontarji jistgħu jintużaw ukoll biex jintwera li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażijiet tad-data tal-Unjoni jew dawk nazzjonali dwar għadd ta’ karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Barra minn hekk, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex jiġu ċċertifikati l-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa b’riskju baxx ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali jistgħu jservu dawn il-finijiet kollha jew xi wħud minnhom.

(4)

Skont l-Artikolu 30(9) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, meta operatur ekonomiku jagħti prova tal-konformità jew jipprovdi data dwar il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, miksuba f’konformità ma’ skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, sa fejn dan ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jirrikjedi li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri.

(5)

Fit-28 ta’ Awwissu 2020, l-iskema “KZR INiG” ressqet talba lill-Kummissjoni għal rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-talba wasslet għal valutazzjoni ta’ dik l-iskema mill-Kummissjoni, u ġew identifikati xi kwistjonijiet li ma ppermettewx li l-iskema titqies bħala kompatibbli mal-kriterji ta’ sostenibbiltà, kif stabbilit fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Fis-sottomissjoni mill-ġdid tagħha tal-25 ta’ Ġunju 2021, l-iskema indirizzat dawk il-kwistjonijiet b’mod korrett. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema: (i) kopriet b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa agrikola stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001; (ii) kien fiha data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001; u (iii) applikat metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Madankollu, il-Kummissjoni ma qisitx li l-iskema tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa tal-foresti, stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Għalhekk, l-iskema “KZR INiG” ġiet rikonoxxuta biss biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/603 (3).

(6)

L-iskema “KZR INiG” għamlet modifiki oħrajn biex tiżgura li l-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa tal-foresti, stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, ikunu koperti b’mod adegwat ukoll. Wara aktar emendi, il-kwistjonijiet kollha li kien għad fadal, li ġew identifikati qabel, ġew indirizzati b’mod adegwat f’sottomissjoni mill-ġdid tat-23 ta’ Settembru 2022.

(7)

L-iskema “KZR INiG” tkopri l-materja prima li ġejja: il-bijomassa agrikola, il-bijomassa tal-foresti u l-iskart u r-residwi. L-iskema tkopri wkoll it-tipi kollha ta’ karburanti. Għandha kopertura ġeografika globali u tinkludi l-katina kollha tal-kustodja (għall-bijometan sal-unità ta’ produzzjoni). Il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid l-iskema “KZR INiG” mis-sottomissjoni mill-ġdid tat-23 ta’ Settembru 2022 u sabet li: (i) tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001; (ii) fiha data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva; u (iii) tapplika metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dik id-Direttiva.

(8)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma tqisx l-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat f’konformità mal-Artikolu 29(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar l-għoti ta’ gwida biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) ta’ dik id-Direttiva (4). Għalhekk l-iskema “KZR INiG” se tiġi vvalutata mill-ġdid f’dan ir-rigward.

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (5) japplika biss mit-30 ta’ Diċembru 2023. L-iskema “KZR INiG” jenħtieġ li tiġi vvalutata mill-ġdid fid-dawl tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(10)

Fil-valutazzjoni tal-iskema “KZR INiG”, il-Kummissjoni sabet li din tilħaq l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(11)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, jixraq li att wieħed tal-Kummissjoni jistabbilixxi b’mod komprensiv il-kriterji kollha ta’ sostenibbiltà u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li l-iskema “KZR INiG” titqies li tkopri b’mod adegwat. Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/603 tiġi sostitwita.

(12)

L-iskema rikonoxxuta “KZR INiG” jenħtieġ li tkun disponibbli fit-taqsima dwar l-iskemi volontarji fuq Europa, is-sit web tal-Kummissjoni.

(13)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, tal-Bijolikwidi u tal-Karburanti tal-Bijomassa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja “KZR INiG” (“l-iskema”), imressqa lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent fit-23 ta’ Settembru 2022, turi l-elementi li ġejjin għall-karburanti awditjati skont l-iskema:

(a)

il-konformità tal-konsenji tal-bijokarburanti, tal-bijolikwidi u tal-karburanti tal-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(b)

il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-obbligu li jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażijiet tad-data tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

L-iskema fiha wkoll data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk tiżgura li l-informazzjoni rilevanti kollha mogħtija mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu upstream fil-katina tal-kustodja titgħadda lill-operaturi ekonomiċi downstream fil-katina tal-kustodja.

Kwalunkwe bidla fil-kontenut tal-iskema volontarja “KZR INiG”, kif sottomessa fit-23 ta’ Settembru 2022 lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, li tista’ taffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati biex tiddetermina jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-16 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha titħassar, jekk:

(a)

ikun intwera biċ-ċar li l-iskema volontarja “KZR INiG” ma tkunx implimentat elementi kkunsidrati bħala importanti għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun seħħ ksur gravi u strutturali ta’ dawk l-elementi;

(b)

l-iskema volontarja “KZR INiG” tonqos milli tissottometti rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(c)

l-iskema volontarja “KZR INiG” ma timplimentax standards ta’ awditjar indipendenti u rekwiżiti oħra stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(8) jew l-Artikolu 30(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew titjib ta’ elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala importanti għal rikonoxximent kontinwu.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/603 titħassar b’effett mis-16 ta’ Diċembru 2022.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ materja prima b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta’ produzzjoni f’art b’ħażna kbira ta’ karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/603 tat-8 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “KZR INiG” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 185).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-għoti ta’ gwida biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 rċieva opinjoni pożittiva mill-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, tal-Bijolikwidi u tal-Fjuwils tal-Bijomassa fl-14 ta’ Settembru 2022 iżda għadu ma ġiex adottat uffiċjalment.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1).


Top