EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2089

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2089 tal-21 ta’ Settembru 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti li jippreżentaw riskju baxx, oġġetti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u annimali domestiċi eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u li jemenda dak ir-Regolament Delegat u r-Regolament Delegat (UE) 2019/2074 fir-rigward tar-referenzi għal ċerta leġiżlazzjoni mħassra (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/6723

ĠU L 427, 30.11.2021, p. 149–159 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2089/oj

30.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 427/149


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2089

tal-21 ta’ Settembru 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti li jippreżentaw riskju baxx, oġġetti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri u annimali domestiċi eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u li jemenda dak ir-Regolament Delegat u r-Regolament Delegat (UE) 2019/2074 fir-rigward tar-referenzi għal ċerta leġiżlazzjoni mħassra

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48 (b), (c), (d), (e), (f) u (h), l-Artikolu 53(1) (d)(ii) u l-Artikolu 77(1) (h) u (k) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2122 (2) jistabbilixxi r-regoli dwar il-każijiet fejn ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti jkunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jsir dan, u l-każijiet fejn ċerti kompiti speċifiċi tal-kontroll ikunu jistgħu jitwettqu fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri mill-awtoritajiet doganali jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra, u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jagħmlu dan, sakemm dawk il-kompiti ma jaqgħux diġà taħt ir-responsabbiltà ta’ dawk l-awtoritajiet.

(3)

Il-kampjuni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti għall-analiżi tal-prodott u għall-ittestjar tal-kwalità, inkluż l-analiżi organolettika, li jintużaw għall-ittestjar u għall-analiżi minn operatur fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jippreżentaw riskju baxx għas-saħħa pubblika, minħabba li ma jidħlux fil-katina alimentari. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni tkun tista’ tagħti awtorizzazzjoni biex dawk il-kampjuni jkunu eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri.

(4)

Sabiex jiġu evitati riskji għas-saħħa tal-annimali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni jenħtieġ li toħroġ l-awtorizzazzjoni għall-kampjuni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti f’konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew skontu, jew mill-Istati Membri. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni jenħtieġ li tispeċifika fl-awtorizzazzjoni l-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika għad-dħul fl-Unjoni u għall-użu tal-kampjuni.

(5)

Sabiex jiġi evitat it-tqegħid fis-suq ta’ kampjuni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti għall-analiżi tal-prodott u għall-ittestjar tal-kwalità, jenħtieġ li fl-awtorizzazzjoni l-awtorità kompetenti tispeċifika l-obbligi tal-operaturi li jżommu rekords tal-użu tal-kampjuni għall-analiżi tal-prodott u għall-ittestjar tal-kwalità, u li jarmu l-kampjuni wara l-użu f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(6)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin ta’ din l-eżenzjoni, l-awtorità kompetenti li tawtorizza d-dħul ta’ kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi u ta’ kampjuni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti għall-analiżi tal-prodott u għall-ittestjar tal-kwalità jenħtieġ li, fl-awtorizzazzjoni maħruġa lill-operaturi, tispeċifika l-ammont massimu tal-kampjuni.

(7)

Jenħtieġ li tiġi ċċarata l-kwantità ta’ ċerti oġġetti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri, li huma maħsuba għall-konsum jew għall-użu personali u li huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-listi rilevanti tal-pajjiżi terzi fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) minn fejn jistgħu jinġarru annimali domestiċi lejn Stat Membru, jenħtieġ li tiġi kkoreġuta l-eżenzjoni għall-annimali domestiċi li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, mhux elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (6).

(9)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (UE) 2017/625, kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Għaldaqstant, il-posters fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 u l-fuljett fl-Anness III tiegħu dwar l-introduzzjoni ta’ prodotti li jkunu parti mill-bagalji personali tal-passiġġieri, jenħtieġ li jiġu emendati biex jinkludu referenzi għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (7) titħassar permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/632 (8). Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, ir-referenzi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE fl-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 (9).

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 jiġi emendat kif xieraq.

(12)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 (10) jitħassar permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/632. Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, ir-referenzi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2007, u għad-Deċiżjoni 2007/275/KE fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2074 (11) jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’referenzi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/632.

(13)

Jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2074 jiġi emendat kif xieraq.

(14)

Fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2074 jenħtieġ li jiġu kkoreġuti r-referenzi għall-istess atti legali mħassra bħal fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2122. Ir-regoli f’dawk ir-Regolamenti Delegati huma marbuta b’mod sostantiv u huma maħsuba biex jiġu applikati flimkien. Fl-interessi tas-sempliċità u tat-trasparenza, kif ukoll sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom u tiġi evitata multiplikazzjoni tar-regoli, dawn jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att wieħed aktar milli f’għadd ta’ atti separati b’ħafna kontroreferenzi u r-riskju ta’ duplikazzjoni. Bħala konklużjoni, l-emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2074 jenħtieġ li tiġi inkluża f’dan ir-Regolament flimkien mal-emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2122,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

id-dħul tagħhom fl-Unjoni jkun awtorizzat minn qabel għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (*1) ta’ destinazzjoni;

(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;"

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Kampjuni ta’ riċerka u dijanjostiċi, u kampjuni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti għall-analiżi tal-prodott u għall-ittestjar tal-kwalità, inkluż l-analiżi organolettika’;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi 3, 4 u 5 li ġejjin:

“3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’ teżenta kampjuni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti għall-analiżi tal-prodott u għall-ittestjar tal-kwalità, inkluż l-analiżi organolettika, mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri dment li:

(a)

l-awtorità kompetenti tkun ħarġet lill-operatur responsabbli għall-analiżi jew għall-ittestjar tal-kampjuni qabel id-dħul tagħhom fl-Unjoni awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni f’konformità mal-paragrafu 4 u dik l-awtorizzazzjoni tiġi rreġistrata f’dokument uffiċjali maħruġ minn dik l-awtorità;

(b)

il-kampjuni jkunu akkumpanjati mid-dokument uffiċjali msemmi fil-punt (a) jew minn kopja tiegħu, iċ-ċertifikat jew id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 4(b), jew fejn applikabbli, kwalunkwe dokument meħtieġ skont ir-regoli nazzjonali msemmija fil-paragrafu 4(c), sakemm il-kampjuni jaslu għand l-operatur responsabbli għall-analiżi jew għall-ittestjar tal-kampjuni.

Fejn il-kampjuni msemmija fl-ewwel subparagrafu jidħlu fl-Unjoni permezz ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, l-operatur għandu jippreżenta tali kampjuni f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

4.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandha tispeċifika fl-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kampjuni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti għall-analiżi tal-prodott u għall-ittestjar tal-kwalità, inkluż l-analiżi organolettika, dan li ġej:

(a)

il-kampjuni joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni ta’ pajjiżi terzi elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (*2);

(b)

il-kampjuni huma akkumpanjati miċ-ċertifikat jew mid-dikjarazzjoni rilevanti mfassla f’konformità mal-mudelli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (*3);

I

li, skont il-komodità, il-kampjuni jikkonformaw ma’ dan li ġej:

(i)

ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (*4); jew

(ii)

ir-regoli nazzjonali f’konformità mal-Artikoli 230(2), 234(3) u 238(4) tar-Regolament (UE) 2016/429, fejn applikabbli;

(d)

ir-rekwiżiti tas-saħħa pubblika:

għad-dħul fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, li jistgħu jinkludu rekwiżiti ta’ tikkettar u imballaġġ għall-kampjuni; u

għall-analiżi jew għall-ittestjar tal-kampjuni mill-operatur;

(e)

l-operatur responsabbli għall-analiżi jew għall-ittestjar tal-kampjuni, inkluż referenza għall-indirizz tal-bini tal-operatur li għalih huma destinati l-kampjuni;

(f)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali fil-bini tal-operatur li għalih huma destinati l-kampjuni; u

(g)

l-obbligi tal-operatur responsabbli għall-analiżi jew għall-ittestjar li ma jħallatx il-kampjuni mal-ikel maħsub biex jitqiegħed fis-suq, li jżomm rekords dwar l-użu tal-kampjuni u li jarmi l-kampjuni wara l-analiżi tal-prodott jew l-ittestjar tal-kwalità f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

5.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandha tispeċifika fl-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) u fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) l-ammont massimu ta’ kampjuni eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri.

(*2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, ċertifikazzjoni uffiċjali dwar dawn iċ-ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1)."

(*4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379)."

(*5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).”;"

(3)

fl-Artikolu 7, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-oġġetti elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I dment li l-kwantità f’kull kategorija ma taqbiżx il-limitu tal-piż ta’ 2 kg;”;

(4)

fl-Artikolu 11, il-punt (a)(ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) jew fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, u li jkunu qed jinġarru minn territorju jew pajjiż terz għajr dawk elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013, dment li jsirulhom il-verifiki dokumentarji u identitarji skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, u, fejn rilevanti, isirulhom il-verifiki standard għal għarrieda skont l-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament; jew”;

(5)

l-Annessi II u III huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2074 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tawtorizza d-dħul fl-Unjoni tal-kunsinni ta’ prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz sakemm dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2:

(a)

prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/632 (*6);

(b)

prodotti komposti elenkati fil-Kapitoli 15 sa 22 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/632 li huma soġġetti għal verifiki veterinarji fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri tal-wasla fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(*6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/632 tat-13 ta’ April 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-listi ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati minnhom, prodotti komposti, u ħuxlief u tiben soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 24).”;"

(2)   fl-Artikolu 3(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

iċ-ċertifikat uffiċjali oriġinali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (*7) minn fejn joriġinaw l-oġġetti u jkunu ntbagħtu lejn pajjiż terz (“l-Istat Membru ta’ oriġini”), jew l-ekwivalent elettroniku tiegħu sottomess fl-IMSOC, jew kopja awtentikata tiegħu;

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2122 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri, kontrolli speċifiċi fuq il-bagalji personali tal-passiġġieri u fuq kunsinni żgħar ta’ oġġetti mibgħuta lil persuni fiżiċi li mhumiex maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 45).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar il-mudell tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni għall-moviment mhux kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta’ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar listi ta’ prodotti komposti li jridu jkunu soġġetti għall-kontrolli fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/632 tat-13 ta’ April 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-listi ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati minnhom, prodotti komposti, u ħuxlief u tiben soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 24).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 tas-16 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE [C(2021)899] (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 17).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 tat-18 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-listi ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti dderivati u ħuxlief u tiben soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE (ĠU L 312, 3.12.2019, p. 1).

(11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2074 tat-23 ta’ Settembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz (ĠU L 316, 6.12.2019, p. 6).


ANNESS

L-Annessi II u III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2122 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS II

Posters imsemmija fl-Artikolu 8(1)

Il-posters jinsabu hawn:

https://ec.europa.eu/food/animals/animalproducts/personal_imports_en

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

;

(2)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“Minħabba r-riskju li jiddaħħal mard fl-Unjoni Ewropea (UE) (*1), hemm proċeduri stretti għall-introduzzjoni ta’ ċerti prodotti tal-annimali fl-UE. Dawn il-proċeduri ma japplikawx għall-movimenti ta’ prodotti tal-annimali bejn l-Istati Membri tal-UE, jew għall-prodotti tal-annimali li jiġu fi kwantitajiet żgħar għall-konsum personali minn Andorra, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino u l-Iżvizzera.”;

(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-referenzi għall-Unjoni Ewropea f’dan l-Anness jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;"

(b)

it-tielet u r-raba’ paragrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

“L-oġġetti li ġejjin jistgħu jiġu introdotti fl-UE sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet u l-limiti tal-piż indikati fil-punti 1 sa 5 hawn taħt.”;

(c)

fil-punt 3, “Ikel għall-annimali domestiċi meħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa”, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“Fl-UE tista’ ddaħħal jew tibgħat biss kunsinni personali ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati mas-saħħa tal-annimal domestiku li qed jakkumpanja l-passiġġier dment li:”;

(d)

il-punt 7, “Il-prodotti eżentati”, huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“Il-prodotti li ġejjin huma eżentati mir-regoli stabbiliti fil-punti 1 sa 6 dment li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 (**):

dolċerija (li jinkludi l-ħelu), ċikkulata u preparati tal-ikel oħra li jkun fihom il-kawkaw;

għaġin, taljarini u kuskus;

ħobż, kejkijiet, gallettini, waffles u wejfers, ħobż imbaskat, ħobż mixwi u prodotti simili mixwijin;

żebbuġ mimli bil-ħut;

estratti, essenzi u konċentrati, tal-kafè, tat-te jew tal-matè, u preparati abbażi ta’ dawn il-prodotti jew abbażi tal-kafè, tat-te jew tal-matè;

ċikwejra nkaljata u sostituti oħrajn tal-kafè nkaljati, u estratti, essenzi u konċentrati tagħhom;

stokkijiet u ħwawar tas-sopop ippakkjati għall-konsumatur finali;

suppliment tal-ikel ippakkjati għall-konsumatur finali, li jkun fihom prodotti tal-annimali pproċessati (fosthom il-glukożammina, il-kondrojtina jew il-kitosan);

likuri u kordjali;

(**)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 tas-16 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 17).”."


(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-referenzi għall-Unjoni Ewropea f’dan l-Anness jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;

(**)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/630 tas-16 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ oġġetti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (ĠU L 132, 19.4.2021, p. 17).”.”


Top