Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0734

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/734 tal-5 ta’ Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

    C/2021/3191

    ĠU L 158, 6.5.2021, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/734/oj

    6.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 158/13


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/734

    tal-5 ta’ Mejju 2021

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2021/111 (2) li jagħmel l-esportazzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 kif ukoll tas-sustanzi attivi, inklużi banek ta’ ċelloli prinċipali u ċelloli operatorji, użati għall-manifattura ta’ dawn il-vaċċini, soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479. Fi tmiem il-perjodu ta’ sitt ġimgħat wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-miżuri, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 (3) li jagħmel l-esportazzjoni tal-istess prodotti soġġetta għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2021, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/479.

    (2)

    Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 (4) li jintroduċi, bħala fattur addizzjonali li jrid jitqies fil-kunsiderazzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, il-ħtieġa li jittieħed kont dwar jekk din l-awtorizzazzjoni tkunx ta’ theddida fuq is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti koperti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442 fl-Unjoni. Bl-istess Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-eżenzjoni ta’ ċerti pajjiżi destinatarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/442 ġiet sospiża fuq bażi temporanja wkoll.

    (3)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 ġie adottat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479 u japplika għal mhux aktar minn sitt ġimgħat.

    (4)

    Minkejja aċċellerazzjoni tal-vaċċinazzjoni madwar l-Unjoni, il-pandemija għadha gravi u għadhom jippersistu l-kundizzjonijiet deskritti fil-premessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521.

    (5)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-arranġamenti speċifiċi li ġew introdotti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 jibqgħu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2021.

    (6)

    L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja (l-Istati taż-ŻEE-EFTA) jipparteċipaw fis-suq intern tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-parti l-kbira tal-esportazzjonijiet tal-Istati taż-ŻEE-EFTA jikkonsistu f’tilqim akkwistat minn Stat Membru skont Ftehim ta’ Xiri bil-Quddiem konkluż mill-Unjoni u li jerġa’ jinbiegħ lil dawk il-pajjiżi. Abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/521 ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-esportazzjonijiet qed jgħaddu mill-Istati taż-ŻEE-EFTA lejn pajjiżi oħra mhux eżentati mill-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 1(9) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/442. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li tissokta s-sospensjoni tal-eżenzjoni minn dak il-mekkaniżmu fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn l-Istati ŻEE-EFTA.

    (7)

    Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan u l-emenda tapplika minnufih.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/479,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/521 huwa emendat kif ġej:

    1.

    Fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Madankollu, is-sospensjoni ma għandhiex tapplika għall-pajjiżi u t-territorji li ġejjin:

    Andorra,

    il-Gżejjer Faeroe,

    l-Iżlanda

    il-Liechtenstein

    in-Norveġja

    San Marino,

    il-Belt tal-Vatikan,

    il-pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej elenkati fl-Anness II għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Büsingen,

    Helgoland,

    Livigno,

    Ceuta u Melilla.”

    2.

    Fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2021.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/111 tad-29 ta’ Jannar 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 31 I, 30.1.2021, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/442 tal-11 ta’ Marzu 2021 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 85, 12.3.2021, p. 190).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/521 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-mekkaniżmu li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 52).


    Top