Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0621

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/621 tal-15 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 biex jikklassifika s-sustanza imidacloprid fir-rigward tal-limitu massimu ta’ residwi tagħha (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/2480

    ĠU L 131, 16.4.2021, p. 120–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/621/oj

    16.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 131/120


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/621

    tal-15 ta’ April 2021

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 biex jikklassifika s-sustanza imidacloprid fir-rigward tal-limitu massimu ta’ residwi tagħha

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li tfasslet fid-9 ta’ Settembru 2020 mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009 jirrikjedi li l-limitu massimu ta’ residwi (“MRL”) għas-sustanzi farmakoloġikament attivi maħsuba għall-użu fl-Unjoni fi prodotti mediċinali veterinarji għall-annimali li jipproduċu l-ikel jew fi prodotti bijoċidali użati fit-trobbija tal-annimali jiġi stabbilit f’Regolament.

    (2)

    It-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (2) tistabbilixxi s-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-MRLs fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali.

    (3)

    Is-sustanza imidacloprid ma ddaħħlitx f’dik it-tabella.

    (4)

    Tressqet applikazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-“Aġenzija”) għall-istabbiliment ta’ MRL għall-imidacloprid f’Salmonidae.

    (5)

    Abbażi tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, l-Aġenzija rrakkomandat li jiġi stabbilit MRL għall-imidacloprid għas-Salmonidae, li jkun applikabbli għall-muskoli u għall-ġilda fi proporzjonijiet naturali.

    (6)

    Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, l-Aġenzija għandha tqis li tuża l-MRLs stabbiliti għal sustanza farmakoloġikament attiva li tinsab f’oġġett tal-ikel partikolari għal oġġett tal-ikel ieħor li jkun ġej mill-istess speċi, jew tuża l-MRLs stabbiliti għal sustanza farmakoloġikament attiva fi speċi waħda jew iktar għal speċijiet oħrajn.

    (7)

    L-Aġenzija qieset li l-estrapolazzjoni tal-MRL għall-imidacloprid minn Salmonidae għall-ħut kollu bil-pinen hija xierqa.

    (8)

    Fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija, huwa xieraq li jiġi stabbilit l-MRL rakkomandat għall-ħut bil-pinen.

    (9)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 37/2010 jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 qed jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ April 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta' Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta' residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1).


    ANNESS

    Fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, is-sustanza li ġejja qed tiddaħħal fl-ordni alfabetika:

    Sustanza farmakoloġikament attiva

    Residwu markatur

    Speċi tal-annimali

    MRL

    Tessuti kkonċernati

    Dispożizzjonijiet oħra (skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009)

    Klassifikazzjoni Terapewtika

    “Imidacloprid

    Imidacloprid

    Ħut bil-pinen

    600 μg/kg

    Muskolu u ġilda fi proporzjonijet naturali

    L-EBDA ANNOTAZZJONI

    Aġenti li jaġixxu kontra l-parassiti/Aġenti li jaġixxu kontra l-ektoparassiti”


    Top