EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021L2261

Direttiva (UE) 2021/2261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti bl-informazzjoni ewlenija mill-kumpaniji maniġerjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/72/2021/REV/1

ĠU L 455, 20.12.2021, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2021/2261/oj

20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 455/15


DIRETTIVA (UE) 2021/2261 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Diċembru 2021

li temenda d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti bl-informazzjoni ewlenija mill-kumpaniji maniġerjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jirrikjedi li l-kumpaniji ta’ investiment u l-kumpaniji tal-maniġment jfasslu dokument qasir li jiġbor fih tagħrif ewlieni dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) offruti lill-investituri (“tagħrif ewlieni għall-investituri”), sabiex dawk l-investituri jkunu jistgħu jifhmu b’mod raġonevoli n-natura u r-riskji tal-UCITS li tkun qed tiġi offruta lilhom u, konsegwentement, sabiex jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment fuq bażi infurmata.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jirrikjedi li l-manifatturi ta’ prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), qabel ma jagħmlu PRIIP disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, ifasslu u jippubblikaw dokument bl-informazzjoni ewlenija (“KID”) għal dak il-prodott sabiex dawn l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunu jistgħu jifhmu u jqabblu l-karatteristiċi u r-riskji ewlenin tal-PRIIP.

(3)

L-UCITS jikkwalifikaw ukoll bħala PRIIPs, li għalihom huwa meħtieġ “KID” skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014. L-Artikolu 32(1) ta’ dak ir-Regolament, madankollu, jeżenta kumpaniji tal-maniġment kif definiti fl-Artikolu 2(1), punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE, kumpaniji ta’ investiment kif imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ dik id-Direttiva u persuni li jagħtu pariri dwar unitajiet ta’ UCITS, kif imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Direttiva, jew li jbigħuhom, mill-obbligi stabbiliti f’dak ir-Regolament, u għaldaqstant mir-rekwiżit li jipproduċu “KID”, sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“l-arranġament tranżitorju”).

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 (5) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-preżentazzjoni, il-kontenut u l-format standard tal-KID, il-metodoloġija għall-preżentazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji u għall-kalkolu tal-kostijiet, il-kundizzjonijiet u l-frekwenza minima għar-rieżami tal-informazzjoni li tinsab fil-KID, u l-kundizzjonijiet dwar kif il-KID għandu jingħata lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.

(5)

Fis-7 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni adottat Regolament Delegat li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/653 dwar il-metodoloġija sottostanti u l-preżentazzjoni tax-xenarji tal-prestazzjoni, il-preżentazzjoni tal-kostijiet u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-indikaturi sommarji tal-kostijiet, il-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-passat u l-preżentazzjoni tal-kostijiet minn PRIIPs li joffru firxa ta’ opzjonijiet għall-investiment u jallinjaw l-arranġament tranżizzjonali għall-manifatturi tal-PRIIP li joffru unitajiet ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 bħala opzjonijiet ta’ investiment sottostanti bl-arranġament tranżitorju estiż stabbilit f’dak l-Artikolu. Id-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament Delegat hija 1 ta’ Lulju 2022, iżda huwa importanti li tirrifletti l-ħtieġa li l-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji ta’ investiment, u l-persuni li jagħtu pariri dwar unitajiet ta’ UCITS u mhux UCITS jew ibigħuhom, jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għat-tmiem l-arranġament tranżitorju u b’hekk għall-obbligu li jiġi prodott KID.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-ħtieġa għal biżżejjed żmien għat-tħejjija għall-obbligu li jiġi prodott KID tiġi ssodisfata, ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2021/2259 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) biex l-arranġament tranżitorju jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(7)

It-“tagħrif ewlieni għall-investituri” u l-KID essenzjalment ikopru l-istess rekwiżiti ta’ informazzjoni. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li l-investituri fil-livell tal-konsumatur fil-PRIIPs interessati li jakkwistaw unitajiet ta’ UCITS ma jirċievux, mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem, iż-żewġ dokumenti għall-istess prodott finanzjarju. Għalhekk jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-KID għandu jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għat-tagħrif ewlieni għall-investituri. Barra minn hekk, għall-investituri għajr l-investituri fil-livell tal-konsumatur, il-kumpaniji ta’ investiment u l-kumpaniji tal-maniġment jenħtieġ li jkomplu jfasslu “tagħrif ewlieni għall-investituri“ skont id-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma jiddeċidux li jfasslu KID kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014. F’tali każijiet jenħtieġ li l-kumpaniji ta’ investiment u l-kumpaniji tal-maniġment ma jkunux meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu t-“tagħrif ewlieni għall-investituri”, u l-KID biss jenħtieġ li jingħata lil dawk l-investituri.

(8)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/65/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fid-Direttiva 2009/65/KE, jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 82a

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta kumpanija ta’ investiment jew, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-maniġment tfassal, tipprovdi, tirrevedi u tittraduċi dokument bl-informazzjoni ewlenija li jikkonforma mar-rekwiżiti għad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), l-awtoritajiet kompetenti jqisu li d-dokument bl-informazzjoni ewlenija jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli għat-tagħrif ewlieni għall-investituri kif stabbilit fl-Artikoli 78 sa 82 u l-Artikolu 94 ta’ din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ma jirrikjedux li kumpanija ta’ investiment jew, għal kwalunkwe wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja, kumpanija tal-maniġment biex tfassal tagħrif ewlieni għall-investituri f’konformità mal-Artikoli 78 sa 82 u l-Artikolu 94 ta’ din id-Direttiva meta tfassal, tipprovdi, tirrevedi u tittraduċi dokument bl-informazzjoni ewlenija li jikkonforma mar-rekwiżiti għad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014.

Artikolu 2

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2023.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  Opinjoni tal-20 ta’ Ottubru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2021.

(3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/2259 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 fir-rigward tal-estensjoni tal-arranġament tranżitorju għall-kumpaniji maniġerjali, il-kumpaniji tal-investiment u l-persuni dwar l-għoti ta’ pariri jew il-bejgħ ta’ unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u mhux UCITS (Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top