This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1282
Commission Implementing Decision (EU) 2019/1282 of 29 July 2019 repealing Implementing Decision 2014/246/EU on the recognition of the legal and supervisory framework of Argentina as equivalent to the requirements of Regulation (EC) No 1060/2009 of the European Parliament and of the Council on credit rating agencies (Text with EEA relevance.)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1282 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/246/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1282 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/246/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2019/5806
ĠU L 201, 30.7.2019, pp. 37–39
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Repeal | 32014D0246 | 19/08/2019 |
|
30.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 201/37 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1282
tad-29 ta' Lulju 2019
li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/246/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u jiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. |
|
(2) |
Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/246/UE (2), filwaqt li tosserva dawn it-tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati u tqis il-qafas superviżorju legali Arġentin għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien. |
|
(3) |
Il-qafas legali u superviżorju Arġentin għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għas-CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu. |
|
(4) |
F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018. |
|
(5) |
F'dan l-isfond, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza. |
|
(6) |
Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA kkonkludiet li l-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jinkludix dispożizzjonijiet suffiċjenti, li jistgħu jilħqu l-objettivi tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013. |
|
(7) |
Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti tal-gradazzjoni. Minkejja li l-prospetti tal-gradazzjoni huma karatteristika tas-suq għall-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni bħal din. Peress li l-prospetti ta' gradazzjoni mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni mill-“Commission Nacional de Valores” (CNV) tas-CRAs, is-CNV ma tistax titlob kwalunkwe informazzjoni relatata mal-prospetti tal-gradazzjoni. |
|
(8) |
Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin jeħtieġ li CRA tistabbilixxi proċeduri organizzattivi u amministrattivi adegwati u effettivi biex tipprevjeni, tidentifika, telimina, tikkoreġi u tiddivulga kull kunflitt ta' interess. Madankollu, il-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jesiġix b'mod espliċitu li s-CRAs jagħtu rendikont tal-kunflitti ta' interess relatati mal-azzjonisti. Konsegwentement, ma hemm l-ebda rekwiżit li CRA tiġi pprojbita milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità li jkollha aktar minn 10 % tal-ishma tagħha jew milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza lil entità, li jkollha aktar minn 5 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja. |
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar il-passi li s-CRAs għandhom jieħdu biex jipproteġu informazzjoni kunfidenzjali fil-pussess tagħhom li għandha x'taqsam mal-emittenti. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali. |
|
(10) |
Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin ma jobbligax lil CRAs biex jagħtu lill-entità gradata opportunità li tipprovdi għal kontroll fattwali ta' gradazzjoni ta' kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha. Klassifikazzjoni għandha tiġi ppubblikata hekk kif tiġi approvata mill-kumitat tal-gradazzjoni fid-dawl tal-protezzjoni tal-investitur u biex jiġi żgurat li s-suq jiġi infurmat mingħajr dewmien fir-rigward ta' kwalunkwe bidla fil-gradazzjoni tal-kreditu. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Hemm xi differenzi notevoli bejn il-qafas legali u superviżorju Arġentin u l-qafas tal-Unjoni. Minkejja li l-qafas legali u superviżorju Arġentin fih ir-rekwiżiti li l-gradazzjonijiet tal-kreditu jinħarġu biss skont il-metodoloġiji ppubblikati u li l-metodoloġiji huma riveduti fuq bażi perjodika, ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu għas-CRAs biex jikkonsultaw dwar bidliet fil-metodoloġiji tagħhom jew biex jikkoreġu l-iżbalji fihom. Anqas ma hemm rekwiżit biex jiġu infurmati l-entitajiet iggradati kollha ta' żbalji fil-metodoloġija ta' gradazzjoni. |
|
(12) |
Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju Arġentin fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li s-CRAs jipprovdu gwida suffiċjenti biex l-utenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jkunu jistgħu jifhmuhom. Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu għas-CRAs li jinkludu biss informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-kreditu tal-entità fi gradazzjoni tal-kreditu. Anqas ma hemm rekwiżit biex is-CRA tenfasizza fil-gradazzjoni tal-kreditu li l-gradazzjoni hija l-opinjoni tal-aġenzija u wieħed għandu jiddependi fuqha sa ċertu punt biss. |
|
(13) |
Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi lis-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Ir-reġim legali u superviżorju Arġentin jeħtieġ biss li s-CRAs jipprovdu informazzjoni lir-regolatur dwar it-tariffi imposti għas-servizzi ta' gradazzjoni tagħhom għal kull klijent, li jiddistingwi l-entità u/jew l-istrument u s-sigurtà. Is-CRAs għandhom jiddivulgaw fuq is-siti web tagħhom it-tariffi minimi u massimi għas-servizzi ta' gradazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li l-klijenti jiġu ttrattati b'mod ġust, iżda ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kost u nondiskriminatorji. |
|
(14) |
Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina għas-CRAs ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament. |
|
(15) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/246/UE titħassar. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/246/UE titħassar.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/246/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 68).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).