This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D2042
Commission Decision (EU) 2016/2042 of 1 September 2016 on the aid scheme SA.38418 — 2014/C (ex 2014/N) which Germany is planning to implement for the funding of film production and distribution (notified under document C(2016) 5551) (Text with EEA relevance )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2042 tal-1 ta' Settembru 2016 dwar l-iskema ta' għajnuna SA.38418 — 2014/C (ex 2014/N) li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta għall-finanzjament tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films (notifikata bid-dokument C(2016) 5551) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2042 tal-1 ta' Settembru 2016 dwar l-iskema ta' għajnuna SA.38418 — 2014/C (ex 2014/N) li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta għall-finanzjament tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films (notifikata bid-dokument C(2016) 5551) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )
C/2016/5551
ĠU L 314, 22.11.2016, p. 63–71
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
22.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/63 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2042
tal-1 ta' Settembru 2016
dwar l-iskema ta' għajnuna SA.38418 — 2014/C (ex 2014/N) li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta għall-finanzjament tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films
(notifikata bid-dokument C(2016) 5551)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari s- subparagrafu 1 tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. IL-PROĊEDURA
(1) |
Permezz ta' ittra datata l-4 ta' Marzu 2014, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bil-modifika tal-iskema ta' għajnuna dwar l-appoġġ tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-films (Filmförderungsgesetz (“FFG”)). Hija pprovdiet lill-Kummissjoni b'aktar informazzjoni permezz tal-ittri datati s-17 ta' April 2014 u s-16 ta' Lulju 2014. |
(2) |
Permezz ta' ittra datata s-17 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja li ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-miżura. |
(3) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
(4) |
Il-Ġermanja bagħtet osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz tal-ittra datata l-11 ta' Diċembru 2014. |
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar dan mill-partijiet interessati. Hija bagħtet dawn il-kummenti lill-Ġermanja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tal-Ġermanja waslu permezz ta' ittra datata l-5 ta' Marzu 2015. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA
2.1. Titolu, skema
(6) |
Il-bażi ġuridika tal-iskema hija l-att dwar il-miżuri għall-promozzjoni taċ-Ċinema Ġermaniż fis-seba' verżjoni tiegħu (FFG in der Fassung des Siebten Änderungsgesetzes), li jispjega l-kundizzjonijiet għall-appoġġ awdjoviżiv mogħti mill-bord federali Ġermaniż għall-promozzjoni tal-films (Filmförderungsanstalt (“FFA”)). Hija ġiet approvata mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2016 permezz tad-deċiżjoni fil-każ SA.36753 tat-3 ta' Diċembru 2013. L-emenda proposta notifikata ta' dik l-iskema tikkonċerna l-finanzjament tas-servizzi tal-fornituri tal-video fuq talba mingħajr stabbiliment jew aġenzija fil-Ġermanja u t-taxxa fuqhom. |
(7) |
L-iskema federali eżistenti għall-finanzjament, tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-wiri tal-films hija ffinanzjata minn taxxa speċjali (“Sonderabgabe”) imposta fuq l-impriżi fl-industrija taċ-ċinema u tal-video u fis-settur tax-xandir. L-operaturi taċ-ċinema, il-fornituri ta' video u l-fornituri ta' video fuq talba jridu jħallsu taxxa obbligatorja lill-FFA fuq il-bażi tad-dħul li jagħmlu mill-użu ta' films. L-operaturi taċ-ċinema qed iħallsu taxxa fuq il-bażi tad-dħul mill-box office għal kull skrin. Il-fornituri ta' video u l-fornituri ta' video fuq talba qed iħallsu taxxa fuq il-bażi tal-fatturat annwali nett tagħhom, dment li dan ikun jaqbeż il-EUR 50 000 (3). |
(8) |
L-emenda għall-iskema sseħħ fl-isfond ta' żviluppi teknoloġiċi rapidi, b'mod partikolari fid-distribuzzjoni tal-films. Il-wiri ta' films fi djar privati qed isir dejjem aktar permezz ta' aċċess online minflok bil-kiri ta' portaturi fiżiċi. Is-sede prinċipali tal-fornitur tas-servizzi rilevanti — f'dan il-każ it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' films għall-wiri privat — qed isir anqas rilevanti biex jirnexxi l-iżvilupp ta' mudell kummerċjali. Minn post partikolari, fornitur jista' jipprovdi servizzi f'territorju ieħor mingħajr spejjeż sinifikanti ta' trasport jew spejjeż tal-preżenza fiżika. Ma hemm bżonn ta' ebda uffiċċju jew fergħa ta' uffiċċju rreġistrati sabiex jipprovdi servizzi fuq talba lill-konsumaturi fi Stat Membru fejn jingħata s-servizz. Il-miżura li l-Ġermanja biħsiebha timplimenta bl-emenda proposta tal-iskema federali tagħha tikkonċerna l-finanzjament tad-distribuzzjoni ta' films abbażi ta' video fuq talba. Sa issa, il-fornituri ta' servizzi ta' video fuq talba b'uffiċċju jew fergħa ta' uffiċċju rreġistrati fil-Ġermanja biss kienu intitolati li jakkwistaw sostenn. Fil-futur, il-fornituri ta' video fuq talba mingħajr stabbiliment jew aġenzija fil-Ġermanja ser ikunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod għall-offerti tagħhom bl-Internet bil-lingwa Ġermaniża indirizzati lill-klijenti fil-Ġermanja. |
(9) |
Barra minn hekk, it-taqsima 66a(2) tal-FFG hija emendata f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' finanzjament għall-iskema sabiex titqies din il-bidla u jkun żgurat li, bħala kumpens għall-intitolament tagħhom għall-għajnuna, id-distributuri ta' video fuq talba li jinsabu barra l-Ġermanja jkunu soġġetti għal taxxa. It-taxxa se tkun ibbażata fuq il-fatturat li jagħmlu bi prodotti possibilment megħjunin, jiġifieri b'offerti permezz sit elettroniku bil-lingwa Ġermaniża għall-klijenti fil-Ġermanja, u biss safejn dan il-fatturat ma jkunx soġġett għal taxxa paragunabbli għal appoġġ ċinematografiku fil-post fejn ikun stabbilit il-fornitur. |
(10) |
L-ewwel nett il-Ġermanja tiġġustifika din l-inklużjoni tad-distributuri ta' video fuq talba li jinsabu barra l-Ġermanja minħabba rata qawwija kumplessiva ta' tkabbir tas-sehem tal-video fuq talba fid-distribuzzjoni u fil-konsum tal-films, u t-tieni nett minħabba l-fenomenu riċenti li d-distributuri l-kbar ta' video fuq talba, li huma attivi f'livell internazzjonali, qed jagħżlu stabbiliment wieħed fl-Unjoni mnejn jistgħu jaqdu ħafna mill-Istati Membri jew kollha kemm huma. L-objettiv tal-estensjoni huwa li tibqa' konformi mas-sistema eżistenti u l-filosofija tal-FFG, jiġifieri li l-konsum tal-films fil-Ġermanja — bi kwalunkwe mezz portatur — jiżgura dħul f'fond tal-gvern, li jappoġġa lil diversi objettivi kulturali inklużi l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films. |
(11) |
Rigward l-użu tal-fondi ġġenerati mit-taxxa fuq il-fornituri ta' video domestiċi u barranin, 30 % ser ikunu allokati għall-appoġġ tad-distribuzzjoni tal-films b'video jew b'video fuq talba, u l-bqija, flimkien mal-kontribuzzjonijiet mis-swali taċ-ċinema u x-xandara, ser jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-films permezz ta' kanali oħrajn. Dawn it-30 % allokati ser ikunu l-uniku sors ta' finanzjament għall-għajnuna għad-distribuzzjoni tal-videos. |
(12) |
Il-miżura notifikata hija ppjanata li tibda tapplika minn meta tapprovaha l-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2016. L-ammont annwali stmat ta' fondi disponibbli mir-rikavati tat-taxxa fuq il-provvista tal-video huwa ta' EUR 13-il miljun. |
2.2. Il-preżenza ta' għajnuna
(13) |
Kif ġie konkluż fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-miżura deskritta tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 107(1), l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lil ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. Il-miżura deskritta tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati sabiex tikkwalifika bħala għajnuna. L-appoġġ għad-distribuzzjoni tal-films jingħata minn riżorsi tal-Istat, jagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriżi, il-vantaġġ huwa selettiv, u kapaċi joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern. |
(14) |
Rigward ir-riżorsi tal-Istat, l-appoġġ previst mill-FFG jingħata minn fondi ffinanzjati mid-dħul minn diversi tariffi parafiskali imposti minn dak l-att. L-FFA, istituzzjoni inkorporata skont il-liġi pubblika, terġa' tqassam ir-rikavati minn dawn it-taxxi għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni tal-films. Għaldaqstant, dawn il-miżuri jinvolvu għajnuna mill-Istat u huma imputabbli lill-Istat. |
(15) |
Il-benefiċjarji tal-iskema — produtturi ta' films, kittieba ta' skripts, distributuri ta' films, operaturi tas-swali taċ-ċinema — iwettqu attivitajiet ekonomiċi u, għalhekk, jikkwalifikaw bħala impriżi. L-appoġġ mill-Istat jikkostitwixxi vantaġġ li ma kienux jirċievu f'kundizzjonijiet normali tas-suq. L-iskema hija selettiva wkoll peress li l-uniċi benefiċjarji tagħha huma impriżi involuti fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni u fil-wiri ta' films. |
(16) |
Is-suq għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni tal-films huwa internazzjonali. Il-benefiċjarji jikkompetu f'livell internazzjonali mal-produtturi u mad-distributuri fi Stati Membri oħrajn. Għaldaqstant, il-miżura li għandha l-għan tappoġġja l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-films taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
2.3. Ir-raġunijiet għall-bidu tal-proċedura
2.3.1. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna emendata għad-distribuzzjoni ta' video fuq talba mal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat
(17) |
Il-miżura proposta — il-finanzjament tas-servizzi tal-fornituri ta' video fuq talba mingħajr stabbiliment jew aġenzija fil-Ġermanja u t-taxxa fuqhom — tikkostitwixxi emenda tal-iskema li l-Kummissjoni kienet approvat sal-31 ta' Diċembru 2016. Il-kriterji tal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat ma nbidlux mill-aħħar approvazzjoni tal-iskema u l-bidla proposta tikkonċerna biss l-għajnuna għad-distribuzzjoni ta' films permezz tal-video u t-taxxa fuq distributuri barranin ta' video fuq talba. |
(18) |
Rigward l-għajnuna għad-distribuzzjoni tal-films minn fornituri ta' video fuq talba per se, il-Kummissjoni diġà sabitha kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat (4). L-estensjoni tal-firxa ta' benefiċjarji possibbli għal kumpaniji stabbiliti xi mkien ieħor ma taffettwax b'mod negattiv il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont dak l-Artikolu. |
2.3.2. Il-ksur possibbli ta' dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni
(19) |
Fl-analiżi tal-għajnuna mill-Istat il-Kummissjoni trid tinkludi l-konformità tal-finanzjament tal-miżura ta' għajnuna mar-regoli tal-liġi tal-Unjoni apparti r-regoli tal-kompetizzjoni jekk il-finanzjament jagħmel parti integrali minn miżura ta' għajnuna. Dan huwa l-każ jekk it-taxxa tkun ipotekata għall-finanzjament tal-għajnuna fis-sens li d-dħul mit-taxxa jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jkollha impatt dirett fuq l-ammont tal-għajnuna (5). Jekk f'dan il-każ it-taxxa tidher li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara li l-għajnuna, li t-taxxa tifforma parti minnha, hija kompatibbli mas-suq intern (6). |
(20) |
L-iskema notifikata tistabbilixxi li 30 % tad-dħul mit-taxxa fuq il-fornituri ta' video jintużaw sabiex jiffinanzjaw l-appoġġ tad-distribuzzjoni tal-films b'video. Barra minn hekk, ma hemm ebda sors ieħor ta' finanzjament għal din it-tip ta' għajnuna. Dan jistabbilixxi rabta bejn il-finanzjament tad-distribuzzjoni ta' video u d-dħul mit-taxxa fuq din l-attività li minnha d-dħul mit-taxxi huwa l-uniku sors ta' finanzjament tagħha u għandha impatt dirett fuq l-ammont disponibbli għal din l-għajnuna. Għaldaqstant, it-taxxa hija ipotekata u hija neċessarja sabiex jiġi vverifikat li hija konformi ma' regoli oħrajn tal-liġi tal-Unjoni apparti r-regoli tal-kompetizzjoni. |
(21) |
Kif xieraq, irid jiġi vvaluat jekk l-estensjoni tat-taxxa għall-fornituri ta' video fuq talba li jinsabu barra l-Ġermanja hijiex kompatibbli mal-Artikolu 110 tat-Trattat, li skontu l-ebda Stat Membru ma għandu jimponi taxxa fuq il-prodotti ta' Stati Membri oħrajn li ma jimponix fuq prodotti domestiċi simili. Barra minn hekk, irid jiġi vvalutat jekk it-taxxa tistax tikser ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fuq il-fornituri ta' video fuq talba stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, kif stabbiliti mid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
2.3.2.1. L-Artikolu 110 tat-Trattat
(22) |
Taxxa tkun inkompatibbli mal-Artikolu 110 u, għaldaqstant, ipprojbita sakemm tkun tiddiskrimina kontra prodotti importati, jiġifieri sakemm l-appoġġ iffinanzjat minnha jkun itaffi b'mod sinifikanti l-piż imġarrab mill-prodott domestiku ntaxxat meta mqabbel mal-prodott importat (8). |
(23) |
Għaldaqstant, imposti parafiskali, bħal dawk imposti mill-iskema deskritta, jistgħu jmorru kontra l-Artikolu 110 tat-Trattat meta l-iskema tkun tibbenefika biss lil fornituri ta' servizzi nazzjonali jew tkun ta' benefiċċju akbar milli għall-kompetituri fi Stati Membri oħrajn. F'dan il-każ, sabiex ikunu kompatibbli mat-Trattat, is-servizzi importati ma jistgħux ikunu soġġetti għat-taxxa. Madankollu, jekk is-servizzi importati tal-fornituri ta' servizzi fi Stati Membri oħrajn, li huma soġġetti għat-taxxa, jistgħu jibbenefikaw mill-iskema bl-istess mod bħall-fornituri tas-servizzi domestiċi, dan ma jmurx kontra l-Artikolu 110 tat-Trattat. |
(24) |
Anki jekk, bħal f'dan il-każ, skema tipprovdi fir-regoli tagħha li l-fornituri barranin jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-għajnuna b'mod mhux diskriminatorju, dan mhuwiex biżżejjed minnu nnifsu. Irid jiġi eskluż ukoll li l-kundizzjonijiet jiffavorixxu b'mod strutturali lill-operaturi domestiċi fil-prattika. |
(25) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-Ġermanja u lill-partijiet interessati jagħtu kummenti u jipprovdu fatti rilevanti dwar il-konformità tal-iskema mal-Artikolu 110 tat-Trattat. |
2.3.2.2. Id-Direttiva 2010/13/UE
(26) |
Il-miżura notifikata timponi taxxa fuq il-fornituri ta' video fuq talba stabbiliti fi Stati Membri oħrajn fuq il-bażi tal-fatturat li jagħmlu bis-servizzi ta' video fuq talba fis-suq Ġermaniż. Din tqajjem il-kwistjoni ta' jekk id-Direttiva 2010/13/UE tapplikax għat-taxxa. |
(27) |
Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/13/UE, l-Istati Membri jridu jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jippromwovu, meta prattikabbli u b'mezzi xierqa, il-produzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għalihom. L-Artikolu 13 isemmi bħala eżempji tat-tali promozzjoni kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-produzzjoni u għall-akkwiżizzjoni tad-drittijiet tax-xogħlijiet Ewropej, kif ukoll sehem mix-xogħlijiet Ewropej fil-katalogi tal-fornituri ta' servizzi fuq talba u l-iżgurar tal-prominenza tagħhom f'dawn il-katalogi. Skont il-Premessa 19 tagħha, id-Direttiva 2010/13/UE ma taffettwax ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet tagħhom “fir-rigward tal-organizzazzjoni — inklużi s-sistemi ta' liċenzjar, awtorizzazzjoni amministrattiva jew tassazzjoni, l-iffinanzjar u l-kontenut ta' programmi.” |
(28) |
Huwa osservat li fi żmien id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2010/13, servizzi fuq talba li fihom il-fornitur ta' servizz ma jkollu ebda stabbiliment fl-Istat Membru fejn jiġu riċevuti s-servizzi kienu għadhom fenomenu ta' importanza minuri. Madankollu, sal-lum is-sehem mis-suq tagħhom żdied b'mod sinifikanti. Fl-2014, is-suq tal-video fuq talba (VoD) fl-UE kien jiswa EUR 2,501 biljun, u dan jirrappreżenta żieda ta' 272 % mill-2010 'l hawn. Fil-Ġermanja, is-suq tal-VoD kien jiswa EUR 315,2 miljun fl-2014, li jirrappreżenta żieda ta' 172 % mill-2010 'l hawn (9). |
(29) |
Li kieku l-FFG kellha titqies bħala miżura li timplimenta l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/13/UE, l-eżerċizzju tal-Ġermanja ta' ġurisdizzjoni fuq il-fornituri ta' video fuq talba stabbiliti fi Stati Membri oħrajn ikollu jiġi vvalutat fl-isfond tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti f'dik id-Direttiva. Skont l-Artikolu 2(1), (2)(a) u (3) tad-Direttiva 2010/13/UE, kull Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni li jirregola s-servizzi tal-media awdjoviżiva trażmessi mill-fornituri ta' servizzi tal-media li huma stabbiliti f'dak l-Istat Membru, skont ir-regoli speċifiċi stipulati hemm. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, “L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m'għandhomx jirrestrinġu fit-territorju tagħhom re-trasmissjonijiet ta' servizzi tal-media awdjoviżiva minn Stati Membri oħrajn għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva.” |
(30) |
B'hekk, meta tkun tapplika d-Direttiva 2010/13/UE, huwa f'idejn l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz tal-media li jiżgura l-konformità mar-regoli applikabbli għas-servizzi tal-media awdjoviżiva taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Għal servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba, ir-raġunijiet possibbli għad-deroga minn dan il-prinċipju huma ddikjarati b'mod eżawrijenti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2010/13/UE. |
(31) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni esprimiet dubji fid-deċiżjoni tal-ftuħ rigward il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-emenda notifikata tal-miżura ta' għajnuna mill-Istat eżistenti, l-FFG. Dawn id-dubji rreferew b'mod partikolari għall-kompatibbiltà mad-Direttiva 2010/13/UE tal-għajnuna għad-distribuzzjoni tal-films li hija ffinanzjata minn fond li jinkludi imposti fuq il-fornituri ta' video fuq talba li jinsabu barra l-Ġermanja. |
3. KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI
(32) |
Daħlu kummenti mingħand 10 partijiet interessati. Dawn waslu mingħand ix-xandara pubbliċi Ġermaniżi ARD u ZDF, l-assoċjazzjoni tax-xandara kummerċjali Ġermaniżi (VPRT), il-Media Diġitali Ewropea (EDiMA), il-Verband Deutscher Kabelnetzbetreiber (ANGA), il-fond pubbliku għall-films Mitteldeutsche Medienförderung (MDM), is-Spitzenorganisation der Deutschen Filmwirtschaft (SPIO), li tirrappreżenta lill-membri fl-oqsma tal-produzzjoni, tat-teknika u tad-distribuzzjoni tal-films, l-operaturi tas-swali taċ-ċinema (AG Kino u HDF Kino), u l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-films Ġermaniżi (Produzentenallianz). Kontributur minnhom talab sabiex l-identità tiegħu tinżamm kunfidenzjali. |
3.1. Dwar ksur possibbli tal-Artikolu 110 tat-Trattat
(33) |
Minn naħa, il-kontributur li l-identità tiegħu nżammet kunfidenzjali (“Kumpanija X”), huwa mħasseb li nkiser l-Artikolu 110 tat-Trattat. Anki jekk l-iskema tipprovdi fir-regoli tagħha li l-fornituri barranin jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-għajnuna b'mod mhux diskriminatorju, fil-prattika l-kundizzjonijiet ikunu jiffavorixxu b'mod strutturali lill-operaturi domestiċi. |
(34) |
Ikun hemm diskriminazzjoni għaliex, tal-inqas bħalissa, il-membri tal-bord li jiddeċiedi fuq is-sovvenzjonijiet kollha huma Ġermaniżi. L-allokazzjonitas-sovvenzjonijiet tkun diskrezzjonali u, għaldaqstant, il-fondi aktarx li jkunu allokati lil kumpaniji Ġermaniżi. Barra minn hekk, il-Kumpanija X tallega li l-fornituri mhux domestiċi joffru sehem ogħla ta' kontenut mhux domestiku, anki jekk ikun indirizzat lil udjenza Ġermaniża. B'hekk, ikollhom anqas films eliġibbli għall-għajnuna għad-distribuzzjoni, għaliex joffru anqas films Ġermaniżi. Barra minn hekk, il-fornituri barranin ta' VoD ikunu kkonfrontati b'ostakolu lingwistiku għaliex ir-regoli rilevanti huma disponibbli biss bil-Ġermaniż u l-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati bil-Ġermaniż. |
(35) |
Il-Kumpanija X tikkritika l-ammont baxx tal-għajnuna għal kull film għall-għajnuna għad-distribuzzjoni, u s-sehem kumplessivament baxx tad-distribuzzjoni tal-VoD f'dik it-tip ta' għajnuna meta mqabbla mal-bejgħ ta' video fuq DVD jew BluRay. Hija tikkritika ukoll il-fatt li t-taxxa hija imposta fuq il-fatturat mill-films kollha, indipendentement minn jekk ikunux adatti, bħala films Ġermaniżi jew Ewropej, għall-finanzjament tad-distribuzzjoni jew le. Finalment, il-fornituri domestiċi ta' VoD ikunu anqas affettwati mit-taxxa għaliex uħud minnhom ikunu operaturi tal-VoD u tat-TV jew tal-cable integrati vertikalment li jistgħu jibbenefikaw ukoll minn għajnuna għall-produzzjoni mingħand il-Fond Federali għall-Films alimentata minn fornituri ta' VoD. |
(36) |
Min-naħa l-oħra, ANGA, li tirrappreżenta wkoll lill-fornituri ta' VoD fil-Ġermanja, issib diskriminazzjoni fuq fornituri domestiċi għaliex huma soġġetti għal taxxa fuq l-offerta domestika tagħhom, filwaqt li l-kompetituri li mhumiex domestiċi li jikkompetu magħhom b'offerti mfasslin għall-istess suq mhumiex soġġetti għall-intaxxar fuq il-fatturat rilevanti sempliċiment għaliex jagħżlu li jistabbilixxu sede prinċipali barra l-pajjiż. SPIO, VPRT, Produzentenallianz u MDM jissuġġerixxu wkoll li t-taxxa ttemm id-diskriminazzjoni ta' fornituri domestiċi. Skont SPIO, il-parti l-kbira tal-fatturat minn VoD fil-Ġermanja hija ffurmata minn13-il impriża, li 6 minnhom huma stabbiliti barra l-pajjiż. Dawn iċ-ċifri għadhom ma jinkludux id-dħul riċenti fis-suq ta' fornitur ta' VoD prominenti mill-Istati Uniti li huwa stabbilit fin-Netherlands. Għal SPIO, l-element deċiżiv għall-intaxxar ma għandux ikun il-post fejn jinzerta li jkun stabbilit il-fornitur. Fl-era diġitali, fornitur ma għandux bżonn aktar minn sede prinċipali waħda fis-suq intern. Kwistjoni aktar rilevanti għall-intaxxar għandha tkun jekk il-fornitur jiksibx liċenzji tal-film għas-suq Ġermaniż biex jagħmel kummerċ hemmhekk mal-konsumaturi finali. SPIO tindika wkoll id-dejta miġbura minnha li turi li l-fornituri barranin ta' VoD għandhom fl-offerta tagħhom enfasi simili fuq il-produzzjonijiet Ġermaniżi bħall-fornituri domestiċi. |
3.2. Dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2010/13/UE
(37) |
Rigward id-Direttiva 2010/13/UE, il-Kumpanija X u EDiMA huma tal-fehma li l-miżura notifikata tikkostitwixxi miżura li tippromwovi l-aċċess għax-xogħlijiet Ewropej skont l-Artikolu 13(1) ta' dik id-Direttiva, bi ksur tal-prinċipju dwar il-pajjiż tal-oriġini. |
(38) |
Il-partijiet interessati l-oħrajn appoġġaw il-proposta Ġermaniża u kienu tal-fehma li t-taxxa ma tkunx tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 13(1) b'rabta mal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2010/13/UE. |
4. IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA
(39) |
Il-Ġermanja tosserva li, b'mod ġenerali, ikun fl-interess tal-Istati Membri kollha li ma titħalliex li ssir distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-deċiżjonijiet dwar il-post ta' stabbiliment fis-settur tal-films minħabba l-fatt li l-kumpaniji jagħżlu fejn jistabbilixxu s-sede prinċipali tagħhom l-aktar għal raġunijiet marbutin mat-taxxa. L-esklużjoni ta' fornituri ta' VoD stabbiliti barra l-Ġermanja mmirati lejn klijentela Ġermaniża jkollha effett negattiv fuq il-finanzjament tax-xogħlijiet Ewropej. |
4.1. Dwar ksur possibbli tal-Artikolu 110 tat-Trattat
(40) |
Il-Ġermanja tikkonferma l-konvinzjoni tagħha li t-taxxa proposta fuq fornituri barranin ta' VoD, fil-prattika, ma tiffavorixxix lil operaturi domestiċi fuq dawk barranin. Is-suġġeriment tal-Kumpanija X li l-finanzjament ikun immirat lejn kumpaniji Ġermaniżi minħabba li l-bord li jalloka s-sovvenzjonijiet huwa kompost minn Ġermaniżi mhuwiex sostenibbli, skont il-Ġermanja. Il-kriterji għall-finanzjament mhumiex l-istabbiliment tal-applikant iżda l-kwalità kulturali u kreattiva tax-xogħlijiet awdjoviżivi eliġibbli għall-appoġġ tad-distribuzzjoni. Il-Ġermanja tagħraf b'mod espliċitu u tilqa' li l-fornituri barranin ta' VoD joffru għadd sinifikanti ta' films Ġermaniżi eliġibbli. |
(41) |
Lanqas ma huwa validu l-argument li l-fornituri mhux domestiċi joffru sehem ogħla ta' kontenut mhux domestiku u, għalhekk, ikollhom anqas films eliġibbli għall-għajnuna għad-distribuzzjoni, għad li t-taxxa hija imposta fuq il-fatturat mill-films kollha. L-ewwel nett, dan ma jfissirx diskriminazzjoni bejn fornituri domestiċi u barranin. Anki fornituri domestiċi b'offerta ta' films primarjament mhux eliġibbli jkunu jaffaċċjaw din is-sitwazzjoni. It-tieni, dan ma jkunx jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta għaliex il-fornituri barranin fil-fatt joffru films li mhumiex anqas eliġibbli mill-kompetituri domestiċi tagħhom, iżda saħansitra aktar minnhom, kif turi d-dejta tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew iċċitata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-film Ewropew fl-era diġitali (10). |
(42) |
Il-Ġermanja tiċħad ukoll l-argument li l-fornituri barranin ta' VoD ikunu ffaċċati b'ostakolu lingwistiku. It-taxxa hija indirizzata biss għal dawk il-fornituri li attivament iqiegħdu l-offerta tagħhom fis-suq bil-Ġermaniż fis-suq Ġermaniż; xorta waħda jridu jkunu midħla tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, il-fond javża lill-applikanti bl-Ingliż ukoll, jekk ikun hemm bżonn. |
(43) |
Rigward l-allegat ammont baxx ta' għajnuna għal kull film u s-sehem b'mod ġenerali baxx ta' distribuzzjoni ta' VoD f'dik it-tip ta' għajnuna, il-Ġermanja hija tal-fehma li l-kundizzjonijiet tal-għajnuna għad-distribuzzjoni ma jkunux differenti għad-diversi forom ta' appoġġ tekniku. Ngħidu aħna, fl-ebda każ ma jkun possibbli li l-ispejjeż għall-ħolqien tal-infrastruttura teknika ġenerali għall-istampar jew l-applowdjar ta' films fuq id-diversi media ta' appoġġ ikunu eliġibbli għall-għajnuna. L-għajnuna hija orjentata lejn xogħol eliġibbli partikulari. |
(44) |
Finalment, rigward l-argument li l-fornituri domestiċi ta' VoD ikunu anqas affettwati mit-taxxa għaliex uħud minnhom ikunu operaturi ta' VoD u tat-TV jew tal-cable vertikalment integrati, il-Ġermanja tisħaq li, l-ewwel nett, uħud mill-fornituri biss huma integrati. It-tieni, dan l-argument ma jqisx il-fatt li l-fergħat tax-xandir ta' dawn il-kumpaniji jridu jikkontribwixxu għall-fond tal-films ukoll. |
4.2. Dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2010/13/UE
(45) |
Il-Ġermanja tiddikjara li t-taxxa ppjanata ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE. Għaldaqstant ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 13(1) b'rabta mal-Artikoli 2 u 3 ta' dik id-Direttiva. It-taxxa ma tistax titqies li hija miżura regolatorja b'effett fuq is-servizz tal-media, il-programmazzjoni u d-diffużjoni tiegħu. Il-finanzjament tal-films mhuwiex armonizzat fil-livell tal-Unjoni. L-intaxxar fil-post tal-konsum jew fid-destinazzjoni tas-servizz tal-media jsegwi wkoll il-loġika applikata għall-intaxxar tal-VAT fuq is-servizzi fl-Unjoni, kif applikabbli mill-1 ta' Jannar 2015. |
(46) |
Fid-dawl tal-fatt li s-sehem mis-suq tal-fornituri barranin ta' VoD qed jikber b'pass mgħaġġel, il-fornituri Ġermaniżi jkunu fi żvantaġġ kompetittiv jekk ikomplu jiġu ntaxxati filwaqt li l-kompetituri barranin fis-suq nazzjonali ma jkunux soġġetti għall-istess taxxa. Pereżempju, iTunes, li mhijiex stabbilita fil-Ġermanja, illum diġà tkun il-fornitur primarju ta' VoD ta' films Ġermaniżi. |
5. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA
5.1. Il-preżenza ta' għajnuna
(47) |
Kif ġie spjegat fil-premessi 13 sa 16 ta' din id-deċiżjoni, il-miżura deskritta tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-appoġġ għad-distribuzzjoni tal-films jingħata minn riżorsi tal-Istat, jagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriżi, il-vantaġġ huwa selettiv, u kapaċi joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern. |
5.2. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna emendata għad-distribuzzjoni ta' video fuq talba mal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat
(48) |
Il-miżura maħsuba — il-finanzjament tas-servizzi tal-fornituri ta' video fuq talba li ma għandhomx stabbiliment jew aġenzija fil-Ġermanja u t-taxxa fuqhom — tikkostitwixxi emenda tal-iskema li l-Kummissjoni kienet approvat sal-31 ta' Diċembru 2016. Il-kriterji ta' valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat ma nbidlux mill-aħħar approvazzjoni 'l hawn. |
(49) |
Rigward l-għajnuna għad-distribuzzjoni tal-films minn fornituri ta' video fuq talba per se, il-Kummissjoni diġà sabitha kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat (11). Għaldaqstant, fid-deċiżjoni tal-ftuħ diġà kkonkludiet li, minnha nfisha, l-estensjoni tal-firxa ta' benefiċjarji possibbli għal kumpaniji stabbiliti xi mkien ieħor ma taffettwax b'mod negattiv il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont dan l-Artikolu. |
5.3. Il-ksur possibbli ta' dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni
5.3.1. Il-kompatibbiltà mal-Artikolu 110 tat-Trattat
(50) |
It-taxxa l-ġdida ma tiksirx l-Artikolu 110 tat-Trattat. Fil-prattika anki l-fornituri barranin ta' video fuq talba jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjament. Kif spjegat il-Ġermanja, l-iskema tipprovdi għal mezzi effettivi sabiex il-fornituri barranin ta' VoD ikunu jistgħu japplikaw għall-għajnuna għad-distribuzzjoni bl-istess mod bħall-kompetituri tagħhom Ġermaniżi. |
(51) |
L-impriżi barranin jistgħu jsiru jafu b'din il-possibbiltà ta' finanzjament bl-istess mod bħall-impriżi li jinsabu fil-Ġermanja. Xorta waħda se jiġu informati b'mod individwali bil-fatt li jridu jikkontribwixxu għal fond li jagħti għajnuna għad-distribuzzjoni tal-films. Barra minn hekk, l-għajnuna tingħata biss wara li ssir applikazzjoni, u l-applikazzjonijiet tagħhom se jiġu ttrattati eżattament bħal dawk ta' kumpaniji Ġermaniżi. Il-bord tal-għażla huwa marbut li jivvaluta l-applikazzjoni b'mod esklussiv fuq il-bażi tal-kwalità kulturali tal-films li għalihom tintalab l-għajnuna. Għaldaqstant, is-sede prinċipali tad-distributur mhijiex fost il-kriterji li l-bord tal-għażla jista' japplika meta jieħu deċiżjoni. |
(52) |
Il-fornituri barranin ta' films bil-lingwa Ġermaniża jibbenefikaw b'mod indirett ukoll bl-istess mod bħall-kompetituri tagħhom Ġermaniżi mill-appoġġ għall-produzzjoni tal-films fil-Ġermanja. Dan l-appoġġ jiżgura provvista kostanti ta' films iffinanzjati mill-Ġermanja li l-fornituri barranin jistgħu jinkludu fl-offerta tagħhom. Dan huwa evidenzjat mill-fatt li l-katalogi tagħhom fihom sehem ta' films Ġermaniżi li jkun paragunabbli mal-katalogi tal-fornituri domestiċi. |
(53) |
Il-Kumpanija X argumentat li l-fornituri domestiċi ta' VoD ikunu anqas affettwati mit-taxxa għaliex uħud minnhom huma operaturi ta' VoD u tat-TV jew tal-cable integrati vertikalment li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-produzzjoni wkoll. Dan l-argument ma jqisx li d-differenzazzjoni bejn l-impriżi integrati u mhux intergrati xejn ma għandha x'taqsam mas-sede prinċipali. Ikun hemm ukoll effetti differenti fost il-fornituri Ġermaniżi ta' TV u ta' VoD. Barra minn hekk, l-argument jinjora l-fatt li l-fornituri ta' VoD qed jipproduċu films eliġibbli għall-għajnuna wkoll. |
5.3.2. Il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2010/13/UE
(54) |
Tqum il-kwistjoni dwar jekk it-taxxa kkonċernata, li fit-tifsila tagħha hija imposta fuq servizzi mmirati lejn udjenza fil-Ġermanja, taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13. It-taxxa inkwistjoni tikkontribwixxi għal fond pubbliku, l-FFA, li jintuża għall-promozzjoni ta' diversi objettivi kulturali fis-settur awdjoviżiv. Mill-fondi ġġenerati mit-taxx, 30 % se jiġu allokati għall-appoġġ għad-distribuzzjoni tal-films b'video jew b'video fuq talba. Il-bqija, flimkien mal-kontribuzzjonijiet mis-swali taċ-ċinema u mix-xandara, se jikkontribwixxu b'mod aktar ġenerali għall-appoġġ għall-produzzjoni jew għad-distribuzzjoni tal-films permezz ta' kanali oħrajn. |
(55) |
L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/13/UE huwa maħsub sabiex ikopri miżuri li huma marbutin mal-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej minn servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba u jipprovdi li l-Istat Membru b'ġurisdizzjoni fuq il-fornitur tat-tali servizzi jiżgura dik il-promozzjoni. Dan jista' jsir pereżempju b'kontribuzzjoni finanzjarja li ssir mit-tali servizzi għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej. |
(56) |
Il-fatt li t-taxxa kkunsidrata sservi sabiex tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' korp pubbliku li, bħala kompitu wieħed fost l-oħrajn, għandu l-obbligu li jappoġġa l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, iqajjem dubji dwar jekk din tistax taqa' taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/13/UE. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/13/UE ma jispeċifikax jekk il-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej tridx isseħħ mingħajr l-intervent tal-partijiet apparati l-fornitur ta' servizzi fuq talba nnifsu. |
(57) |
Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta' taxxa bħal dik inkwistjoni għas-servizzi mmirati minn Stat Membru wieħed għas-suq fi Stat Membru ieħor tista' tqajjem il-kwistjoni ta' jekk it-tali taxxa tixħitx f'dubju l-prinċipju li l-Istat Membru fejn huwa stabbilit fornitur tas-servizz tal-media għandux ġurisdizzjoni fuq il-fornitur, kif stipulat fl-Artikolu 2(2)a tad-Direttiva 2010/13/UE. |
(58) |
Ġiet proposta emenda għad-Direttiva 2010/13/UE sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva taħseb kif xieraq għall-iżviluppi tas-suq rigward is-servizzi tal-media awdjoviżiva, kemm lineari kif ukoll mhux lineari. Il-proposta għat-tali emenda ġiet adottata mill-Kummissjoni fil-25 ta' Mejju 2016 (12). Hija tiċċara li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jitolbu lill-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba skont il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod finanzjarju għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej. L-emenda proposta tal-Artikolu 13 tiċċara b'mod partikolari li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jitolbu lill-fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba, immirati lejn udjenzi fit-territorji tagħhom, iżda stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, biex jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji bħal dawn. F'dan il-każ, l-emenda proposta tipprevedi li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu bbażati biss fuq id-dħul li jsir fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz. Jekk l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur jimponi kontribuzzjoni finanzjarja, għandu jqiskull kontribuzzjoni finanzjarja imposta mill-Istati Membri fejn jingħata s-servizz. |
(59) |
Il-Kummissjoni tqis it-test propost tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/13/UE bħala kjarifika ta' dak li diġà jista' jkun possibbli skont id-Direttiva li bħalissa hemm fis-seħħ. Dan l-artikolu, anki meta jkun applikat għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, ma jistax jitqies li jattribwixxi kompetenza esklussiva lill-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur għall-intaxxar tal-fornituri tas-servizzi tal-media fuq talba sabiex jikkontribwixxi għall-produzzjoni u għall-akkwiżizzjoni tad-drittijiet ta' xogħlijiet Ewropej jew għas-sehem u/jew għall-prominenza tax-xogħlijiet Ewropej fil-katalogu ta' programmi offruti mis-servizz tal-media awdjoviżiva fuq talba. Tabilħaqq, it-test tiegħu mhuwiex kategorizzat u mhuwiex riżervat. Barra minn hekk, l-intaxxar ta' fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba huwa biss eżempju ta' miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni. |
(60) |
Interpretazzjoni li skont din il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini, kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2010/13/UE, japplika għal taxxa bħal dik inkwistjoni, twassal għal sitwazzjonijiet li fihom il-fornituri attivi fl-istess suq mhumiex soġġetti għall-istess obbligi. Fil-fatt, interpretazzjoni li tkun teħtieġ li Stat Membru jeżenta lill-fornituri ta' VoD li jimmiraw b'mod speċifiku lejn l-udjenza tiegħu iżda li jkunu stabbiliti fi Stat Membru ieħor minn kontribuzzjoni għall-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej tkun tiddiskrimina kontra fornituri stabbiliti fl-eks Stat Membru li huma soġġetti għal taxxa, filwaqt li qed jikkompetu fl-istess suq. |
(61) |
Barra minn hekk, kemm tikber l-importanza tas-sehem mis-suq tal-fornitur transfruntier ta' videos fuq talba u, għaldaqstant, is-sinifikat ta' dan għall-kontribuzzjoni għall-fondi tal-films, kien għadu mhuwiex evidenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2010/13/UE, kif deskritt fil-premessa 28. Il-Kummissjoni tindika b'mod partikolari li l-miżura notifikata mill-Ġermanja tillimita b'mod espliċitu d-dħul soġġett għat-taxxa għad-dħul li jsir fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz, u biss safejn dan ma jkunx diġà soġġett għal kontribuzzjoni fl-Istat Membru ta' stabbiliment. |
(62) |
Konsegwentement, il-validità tal-applikazzjoni tat-taxxa għal ċerti fornituri ta' VoD li jipprovdu s-servizzi tagħhom minn postijiet barra l-Ġermanja mhijiex mixħuta f'dubju mid-Direttiva 2010/13/UE b'mod partikolari. |
6. KONKLUŻJONI
(63) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emenda għall-iskema ta' għajnuna FFG li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta għall-finanzjament tad-distribuzzjoni tal-films minn fornituri ta' VoD hija kompatibbli mal-Artikoli 107(3)(d) u 110 tat-Trattat u li din ma tmurx kontra d-Direttiva 2010/13/UE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżura li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta bil-Filmförderungsgesetz in der Fassung des Siebten Änderungsgesetzes hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-implimentazzjoni tal-miżura hija awtorizzata skont dan.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Settembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 437, 5.12.2014, p. 57.
(2) Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna
(3) It-taxxa għall-industrija tal-video tammonta għal 1,8 % fil-każ ta' fatturat li jasal sa EUR 30 miljun; għal 2,0 %għal fatturat ta' bejn EUR 30 miljun u EUR 60 miljun; għal 2,3 % fil-każ ta' fatturat li jaqbeż is-EUR 60 miljun.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2013 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.36753 — Il-Ġermanja, Filmförderungsgesetz, b'riferiment għall-paragrafi 80–95 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2008 fil-każ N 477/2008 — il-Ġermanja, L-Iskema għall-Appoġġ tal-Films Ġermaniżi,.
(5) Is-Sentenza f'Regie Networks, C-333/07, EU:C:2008:764, paragrafu 99; is-Sentenza tal-11 ta' Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, T-533/10, Ġabra, Appell pendenti, EU:T:2014:629, paragrafu 51, u s-Sentenza f'Telefónica de España et Telefónica Móviles España vs Il-Kummissjoni, T-151/11, Ġabra, Appell pendenti EU:T:2014:631, paragrafu 101.
(6) Is-sentenzi f'DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, in-nota 5 f'qiegħ il-paġna aktar 'il fuq, EU:T:2014:629, paragrafu 50, u f'Telefónica de España et Telefónica Móviles España vs Il-Kummissjoni, in-nota 5 f'qiegħ il-paġna aktar 'il fuq, EU:T:2014:631, paragrafu 100.
(7) Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/116/KE fil-Każ C-34/1997, Netherlands — imposti parafiskali għall-promozzjoni ta' pjanti ornamentali, ĠU L 34, 9.2.2000, p. 20, paragrafu 63.
(9) L-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew — Trends in Video-on-Demand revenues, p. 3-4, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/study-data-and-information-costs-and-benefits-audiovisual-media-service-directive-avmsd.
(10) (COM(2014) 272 final, paġni 4 u 5) “Fir-rigward tal-preżenza ta' films Ewropej, l-informazzjoni disponibbli turi li attur globali (preżenti f'26 pajjiż tal-UE) jipproponi, fi ħwienet nazzjonali ewlenin tal-UE, aktar blockbusters tal-UE u aktar rebbieħa tal-Premjazzjoni tal-Films Ewropej mill-fornituri nazzjonali tas-servizzi tal-VoD”.
(11) Ara n-nota 4 ta' qiegħ il-paġna.
(12) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu, COM/2016/0287 finali, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52016PC0287&from=MT