EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1892

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta' Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1892/oj

Related international agreement

28.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1892

tal-10 ta' Ottubru 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Novembru 2013, il-Kunsill ta l-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati f'isem l-Unjoni għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

(2)

Il-Ftehim Internazzjonali l-ġdid dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żejt tal-Mejda (“il-Ftehim”) ġie adottat fid-9 ta' Ottubru 2015 mir-rappreżentanti ta' 24 Stati Membri tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u ta' żewġ organizzazzjonijiet intergovernattivi, fil-qafas tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozjar ta' Ftehim Suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

(3)

Il-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żejt tal-Mejda (1), li kellu jiskadi fl-31 ta' Diċembru 2014, ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2015 u skont l-Artikolu 47(3) tiegħu ser jibqa' fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim il-ġdid, sakemm it-tul ta' żmien ta' tali estensjoni ma jaqbiżx 12-il xahar. Il-Ftehim ser jinfetaħ għall-iffirmar fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fi New York, sal-31 ta' Diċembru 2016 inkluża.

(4)

L-Artikolu 31(1) tal-Ftehim jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tiegħu sal-1 ta' Jannar 2017. Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 31 jipprevedu applikazzjoni tal-Ftehim fuq bażi provviżorja, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet tal-pargrafu 1 tal-imsemmi Artikolu ma jiġux sodisfatti.

(5)

Skont l-Artikolu 31(2) tal-Ftehim u sabiex tiġi evitata interruzzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żejt tal-Mejda, jinħtieġ li tiġi prevista l-applikazzjoni tal-Ftehim fuq bażi provviżorja mill-Unjoni jekk il-proċedura meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu mill-Unjoni ma tkunx tlestiet qabel l-1 ta' Jannar 2017.

(6)

Jinħtieġ ukoll li tiġi prevista l-applikazzjoni tal-Ftehim fuq bażi provviżorja mill-Unjoni, skont l-Artikolu 31(3), jekk il-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tiegħu definittiv jew provviżorju skont l-Artikolu 31(1) u (2) ma jkunux ġew sodisfatti sal-31 ta' Diċembru 2016.

(7)

Għaldaqstant, jinħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, u li l-applikazzjoni provviżorja tiegħu tiġi notifikata skont il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 31(2) u (3) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żejt tal-Mejda tal-2015 huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat biex jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

L-Unjoni għandha tapplika l-Ftehim fuq bażi provviżorja mill-1 ta' Jannar 2017 jekk il-proċedura għall-konklużjoni tiegħu mill-Unjoni ma tkunx tlestiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(2) u (3) tal-Ftehim ikunu ġew sodisfatti

L-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, għandha tiġi notifikata, skont l-Artikolu 31(2) u (3) tal-Ftehim, mill-persuna jew persuni awtorizzati biex jiffirmaw il-Ftehim taħt l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

G. MATEČNÁ


(1)  ĠU L 302, 19.11.2005, p. 47.


Top