Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2172

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2172 tal-24 ta' Novembru 2015 li jemenda d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti ta' applikazzjoni għall-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 307, 25.11.2015, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2172/oj

    25.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 307/9


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2172

    tal-24 ta' Novembru 2015

    li jemenda d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti ta' applikazzjoni għall-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 94/800/KE (2) il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Ftehim”) (3). Il-Ftehim għandu jkun applikat għal kwalunkwe kuntratt ta' akkwist b'valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (“il-limiti”) stipulati fil-Ftehim u espressi bħala drittijiet speċjali ta' prelevament.

    (2)

    Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/23/UE huwa li l-entitajiet kontraenti u l-awtoritajiet kontraenti li japplikaw dik id-Direttiva jitħallew jikkonformaw fl-istess waqt mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. Biex jinkiseb dan, il-limiti stabbiliti għall-kuntratti pubbliċi f'dik id-Direttiva, li huma koperti wkoll mill-Ftehim, għandhom jiġu allinjati sabiex jiġi żgurat li jikkorrispondu mal-ekwivalenti f'euro, aġġustat 'l isfel għall-eqreb elf, tal-limiti stipulati fil-Ftehim.

    (3)

    Għal raġunijiet ta' koerenza, huwa xieraq li jiġu allinjati wkoll il-limiti fid-Direttiva 2014/23/UE, li mhijiex koperta mill-Ftehim. Għaldaqstant, id-Direttiva 2014/23/UE għandha tiġi emendata skont dan.

    (4)

    Minħabba li l-kalkolu tal-limiti riveduti jeħtieġ isir abbażi ta' valur medju tal-euro għal ċertu perjodu li jkun jiġi fi tmiemu fil-31 ta' Awwissu, u minħabba li l-limiti riveduti jridu jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-bidu ta' Novembru, meta jiġi adottat dan ir-Regolament għandha tiġi applikata l-proċedura ta' urġenza,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-ammont “EUR 5 186 000” jinbidel b'“EUR 5 225 000”,

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f'isem il-Komunitа Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).

    (3)  Il-Ftehim huwa ftehim multilaterali fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Dan il-Ftehim għandu l-għan li s-swieq tal-akkwist pubbliku jinfetħu b'mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu.


    Top